Language of document : ECLI:EU:T:1992:97

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

18 ta' Settembru 1992 (*)

"Kompetizzjoni – Obbligi tal-Kummissjoni meta jkollha lment quddiemha"

Fil-kawża T-24/90

Automec srl, kumpannija rreġistrata taħt il-liġi Taljana, bis-sede tagħha f'Lacenigo di Villorba (l-Italja), irrappreżentata minn Giuseppe Celona, Avukat fl-Avukatura ta' Milan, u Piero A.M. Ferrari, Avukat fl-Avukatura ta' Ruma, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-uffiċċju ta' Georges Margue, 20 Rue Philippe II,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn Enrico Traversa, mis-Servizzi ġuridiku tagħha, bħala Aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, fl-uffiċju ta' Roberto Hayder, mis-Servizz ġuridiku, Wagner Centre, Kirchberg,

konvenuta

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Frar 1990, li tiċhad it-talba magħmula mir-rikorrrenti skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta' Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU, Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż 1959-62, p.87), fir-rigward ta' l-aġir tal-Kumpanniji BMW AG u BMW Italia SpA,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

komposta minn J.L. Cruz Vilaça, President, H. Kirschner, B. Vesterdorf, R. García-Valdecasas u K. Lenaerts, Presidenti ta' Awla, D. Barrington, A. Saggio, C. Yeraris, R. Schintgen, M. Briët u M. Biancarelli, Imħallfin,

Reġistratur : H. Jung,

wara li rat il-proċedura miktuba u wara l-proċedura orali tat-22 ta' Ottubru 1991,

wara li l-Avukat Ġenerali ppreżenta l-konklużjonijiet tagħha fl-10 ta' Marzu 1992,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Ir-rikorrenti hija kumpannija privata b'responsabbiltà limitata rregolata mil-liġi Taljana bis-sede tagħha f'Lancenigo ta' Villorba fil-provinċja ta' Treviso. Fl-1960, hija daħlet f'kuntratt ta' distribuzzjoni maBMW Italia Spa (iktar 'il quddiem "BMW Italia") għall-bejgħ ta' karozzi BMW fil-belt u l-provinċja ta' Treviso.

2        B'ittra ta' l-20 ta' Mejju 1983, BMW Italia infurmat lir-rikorrenti bil-ħsieb tagħha li ma ġġeddidtx dan il-kuntratt, li kien ser jiskadi fil-31 ta' Diċembru 1984.

3        Ir-rikorrenti għalhekk ressqet rikors quddiem it-Tribunale di Milano (il-qorti Distrettwali ta' Milano), li fih talbet li BMW Italia għandha tkompli tonora r-rabta kuntrattwali. It-qorti ċaħdet din it-talba u r-rikorrenti appellat quddiem il-Corte d'Appello di Milano (il-qorti ta' l-appell). BMW Italia, minn naħa tagħha, talbet il-President tat-Tribunal ta' Treviso joħroġ mandat ta' sekwestru tal-ħażniet kollha ta' l-Automec li għandhom fuqhom il-trade mark BMW. It-talba ġiet miċħuda.

4        Waqt li l-każ kien għadu qed jinstema' quddiem il-qorti ta' l-appell ta' Milano, ir-rikorrenti ressqet talba lill-Kummissjoni, fil-25 ta' Jannar 1988, skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru. 17 tas-6 ta' Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż 1959-62, p.87, iktar 'il quddiem ir-"Regolament 17").

5        F'din it-talba, wara li ddeskriviet l-iżvolġiment u s-sustanza tar-rabtiet kuntrattwali tagħha ma' BMW Italia u spjegat il-qofol tal-proċedimenti bejnu u BMW Italia fil-qrati nazzjonali, ir-rikorrenti sostniet li l-aġir ta' BMW Italia u l-kumpannija prinċipali Ġermaniża BMW AG kisru l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE. Ir-rikorrenti saħqet li BMW Italia ma kelliex id-dritt li tiċħdilha l-bejgħ ta' vetturi BMW u "spare parts" jew li żżommha milli tuża t-trade marks ta' BMW, għar-raġuni li s-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW, li kienet ġiet approvata għar-Repubblika Federali Tal-Ġermanja bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 75/73/KEE tat-13 ta' Diċembru 1974 marbuta ma' proċedura skond l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (ĠU 1975 L29, p.1, iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni tat-13 ta' Diċembru 1974"), kienet sistema selettivaa ta' distribuzzjoni u li r-rikorrenti tissodisfa l-kriterji kwalitattivi meħtieġa. Fuq il-bażi tas-sentenza fil-Kawża 75/84 Metro v Kummissjoni [1986] RKE 3021, f'3091, ir-rikorrenti kienet tal-fehma li BMW Italia kienet marbuta li taħtru bħala distributur.

6        Ir-rikorrenti għalhekk kienet tal-fehma li BMW kienet fi dmir li:

-      taċċetta l-ordnijiet għal vetturi u "spare parts" mitluba mir-rikorrenti, bil-prezzijiet u l-kundizzjonijiet applikabbli għan-negozjanti tal-karozzi;

-      tawtorizza r-rikorrenti tuża t-trade marks ta' BMW sa fejn jeħtieġ għall-informazzjoni normali tal-pubbliku u skond il-prattika normali fil-kummerċ tal-vetturi.

7        Ir-rikorrenti għalhekk talbet il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni u tordna li BMW Italia u BMW AG iġibu fi tmiem il-ksur allegat u jħarsu l-miżuri preskritti hawn fuq kif ukoll xi miżuri oħra li l-Kummissjoni tista' tqis meħtieġa jew xierqa..

8        B'ittra ta' l-1 ta' Settembru 1988, ir-rikorrenti lmentat azzjoni reċenti meħuda milBMW fil-kofront tad-distributuri Taljani tagħha bil-ħsieb li żżommhom milli jbiegħu vetturi lil distributuri potenzjali taħt piena li jitilfu l-konċessjoni tagħhom. Ir-rikorrenti żiedet li kienet qed tiġi bbojkottjata milBMW u li kien sar impossibbli tixtri vetturi minn distributuri Taljani u distributuri ta' BMW barranin, minkejja li l-vetturi kienu disponibbli. Bħala konsegwenza, din ta' l-aħħar ma setatx tissodisfa bosta ordnijiet ta' klijenti li kienet irċeviet.

9        Fit-30 ta' Novembru 1988, il-Kummissjoni bagħtet ittra reġistrata lir-rikorrenti, iffirmata minn direttur fid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni ("DG IV"), li fiha infurmat lir-rikorrenti, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni qieset li ma kellha ebda setgħa li tilqa' t-talba tagħha fuq il-bażi ta' l-informazzjoni li waslitilha mir-rikorrenti. F'dan ir-rigward, l-ittra ppreċiżat li, minkejja ċirkustanzi bħal dawn jistgħu jitqisu mill-qrati nazzjonali f'kawża għad-danni minħabba telf li r-rikorrenti tqis li tkun ġarrbet, il-Kummissjoni ma setgħetx torbot fuqhom biex iġġiegħel lilBMW terġa tibgħat kunsinni lir-rikorrenti. It-tieni nett, fl-ittra nġibdet l-attenzjoni tar-rikorrenti għar-Regolament (KEE) Nru 123/85 tat-12 ta' Diċembru 1984 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim ta' distribuzzjoni u "service" ta' vetturi bil-mutur (ĠU 1985 L 15, p.16, iktar 'il quddiem "Regolament 123/85"), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1985. Il-Kummissjoni żiedet li "bosta produtturi Ewropej ta' vetturi bil-mutur jidhru li emendaw il-ftehim rispettivi tagħhom ta' distribuzzjoni biex iħarsu r-regolament. Ma kien hemm xejn fl-informazzjoni disponibbli li juri li BMW Italia ma ħaditx minn naħa tagħha l-passi meħtieġa biex tiżgura li n-netwerk tagħha stess ta' distribuzzjoni tosserva r-regoli tal-Komunità hawn fuq imsemmija dwar il-kompetizzjoni".

10      Fiż-17 ta' Frar, ir-rikorrenti ressqet rikors għall-annullament ta' din l-ittra (Kawża T-64/89).

11      Fis-26 ta' Lulju 1989, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti t-tieni ittra reġistrata, ffirmata din id-darba mid-Direttur-Ġenerali għall-Kompetizzjoni. Wara li spjegat li l-ittra tat-30 ta' Novembru ma kinitx stqarrija definittiva tal-pożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni għarrfet formalment lir-rikorrenti li ma kinitx bi ħsiebha twieġeb b'mod favorevoli għat-talba tal-25 ta' Jannar 1988. Ir-raġuni mgħotija mill-Kummissjoni kienet li skond l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE ma kellhiex is-setgħat meħtieġa biex issib li t-tmiem tal-ftehim ta' distribuzzjoni ma kellu ebda effett legali jew biex tordna li titkompla r-rabta kuntrattwali bejn il-partijiet fuq il-bażi ta' forma ta' ftehim standard bħalissa wżat minn BMW Italia fir-relazzjoni tagħha mad-distributuri tagħha. Il-Kummissjoni żiedet li, fil-każ li l-ftehim ta' distribuzzjoni użat minn BMW kien imur kontra l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, hi setgħet l-aktar issib biss li hemm ksur u li għalhekk il-ftehim kien null. Barra minn hekk, hi kkummentat li parti waħda minn ftehim ma kellha ebda jedd li żżomm il-parti l-oħra milli ttemm il-ftehim b'mod normali billi tagħti preavviż, kif fil-fatt kien sar f'dan il-każ. Peress li din l-informazzjoni ngħatat "skond u għall-għan ta'" l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru. 99/63/KEE tal-25 ta' Lulju 1963 dwar is-smiegħ li għalih hemm dispożizzjonijiet fl-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 (ĠU, Edizzjoni Speċjali Ingliża 1963-1964, p.47); iktar 'il quddiem ir-"Regolament 99/63"), il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti tibgħat l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn.

12      Ir-rikorrenti wieġbet għal din it-talba b'ittra ta' l-4 ta' Ottubru 1989, li fiha stqarret li fl-ilment tagħha kienet sempliċement saħqet id-dritt li tkun parti mis-sistema ta' distribuzzjoni selettivaa li hi sostniet kienet twaqqfet milBMW, u mhux l-issuktar tal-ftehim ta' qabel ta' distribuzzjoni. Hija ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li r-rappreżentanti tagħha kienu semmew li kien hemm kawża pendenti quddiem il-qrati nazzjonali li tirrigwarda kwistjonijiet marbuta mal-ftehim. Fir-rigward tal-jedd tagħha li jiehu sehem fis-sistema ta' distribuzzjoni, b'kuntrast, huma kienu wrew li dan id-dritt ma kienx jirriżulta mill-ftehim iżda minn-"numru bla qies ta' prinċipji li regolarment kienu ġew preskritti mill-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-distribuzzjoni selettivaa", peress li ir-rikorrenti kienet ippruvat matul perjodu ta' ħamsa u għoxrin sena tħares il-ħtiġijiet ta' BMW. Ir-rikorrenti kompliet stqarret li peress li, fl-ittra tagħha tat-30 ta' Novembru 1988, il-Kummissjoni kienet stqarret li ma kien hemm ebda xhieda li s-sistema selettivaa ta' distribuzzjoni ta' BMW ma kinitx kompatibbli mar-Regolament 123/85 dwar eżenzjonijiet ġenerali, il-Kummissjoni kienet tat lilBMW il-benefiċċju ta' suppożizzjoni mhux legali ta' innoċenza fid-dawl ta' l-evidenza ta' l-aġir ta' BMW li hija kienet ipprovdiet. Ir-rikorrenti stqarret ukoll li kienet mistgħaġba bl-istqarrija tal-Kummissjoni li ma kellha ebda setgħa li tordna li titkompla r-rabta kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u BMW meta hija ma kienet talbet bl-ebda mod li jsir dan. Ir-rikorrenti stqarret "id-dritt tagħha li ssirilha fornitura mill-ġdid tal-prodotti BMW, mhux fuq bażi ta' distributur esklużiv, iżda bħala distributur li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa biex jintġħażel bħala membru tan-netwerk ta' distributuri". Hija għalhekk oġġezzjonat li l-Kummissjoni tat lit-talba tagħha tifsira li ma kellhiex.

13      Fit-28 ta' Frar 1990, il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni bagħat ittra lir-rikorrenti f'isem il-Kummissjoni li kienet tgħid dan li ġej::

"Din l-ittra tirrigwarda t-talba li int ressaqt quddiem il-Kummissjoni fil-25 ta' Jannar 1988 skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru. 17 kontra BMW Italia, li tirreferi għal ksur allegat ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KEE minn din il-kumpannija."

Il-Kummissjoni eżaminat l-aspetti fattwali u legali esposti minnekk fl-ilment tiegħek u tagħtek l-opportunità tibgħat l-osservazzjonijiet tiegħek li jirrigwardaw l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ma tweġibx b'mod favorevoli għall-ilment imsemmi. Int ġejt mgħarraf b'din l-intenzjoni b'ittra preliminari tat-30 ta' Novembru 1988 u suċċessivament b' "Ittra taħt l-Artikolu 6" tas-26 ta' Lulju 1989.

Fit-tweġiba tiegħek ta' l-4 ta' Ottubru 1989 ma wrejt ebda fatti ġodda u ma ressaqt ebda argumenti jew referenzi legali ġodda in sostenn tat-talba tiegħek. Għalhekk il-Kummissjoni ma tara' ebda raġuni biex tibdel il-fehma tagħha li tiċħad it-talba għal għajnuna għar-raġunijiet li ġejjin.

1. L-ewwel nett, b'riferiment għall-ewwel talba magħmula fl-ilment tiegħek (paġna 7, para. 2, inċiżi 1 u 2: li BMW tintalab tipprovdi lill-Automec vetturi u "spare parts" u li tawtorizza lill-Automec tuża t-trade mark ta' BMW), il-Kummissjoni hi tal-fehma li, skond l-Artikolu 85(1), m'għandha ebda setgħa ta' inġunzjoni li tippermettilha li titlob lil xi produttur tal-karozzi li jipprovdi, fiċ-cirkustanzi ta' dan il-każ, il-prodotti tagħha stess, anki jekk jiġi ppruvat li s-sistema ta' distribuzzjoni tal-produttur imsemmi (BMW Italia) ma tħarisx l-Artikolu 85(1). Barra minn hekk, Automec ma pprovdiet ebda xhieda ta' l-eżistenza ta' xi pożizzjoni dominanti meħuda minn BMW Italia jew ta' xi abbuż minħabba f'hekk bi ksur ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat; huwa fuq il-bażi ta' dan l-Artikolu li l-Kummissjoni tista', jekk tqis li huwa xieraq, titlob lill-BMW Italia li tidħol f'rabtiet kummerċjali ma' Automec.

2. Fir-rigward tat-tieni talba ta' Automec (paġna 7, para. 3 ta' l-ilment: biex il-Kummissjoni ġġib fi tmiem il-ksur li Automec tallega kontra BMW Italia), il-Kummissjoni ssib li Automec diġa għaddiet il-pussess lill-qrati Taljani, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, tal-kawża bejnha u BMW Italia li titlob li jitwarrab il-kuntratt ta' distribuzzjoni li qabel kien jorbot liż-żewġ kumpanniji. M'hemm xejn, sa fejn tista' tara l-Kummissjoni, li jwaqqaf lill-Automec milli tressaq quddiem l-istess qorti nazzjonali l-kwistjoni tal-konformità tas-sistema eżistenti ta' distribuzzjoni ta' BMW Italia ma' l-Artikolu 85. Jidher li huwa aktar sempliċi tressaq din il-kwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali peress li l-qorti diġa mgħarrfa bir-rabtiet kuntrattwali mwaqqfa bejn BMW Italia u d-distributuri tagħha.

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tixtieq tfakkrek li l-qorti Taljana mhux biss għandha ġurisdizzjoni parallela mal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 85 għall-fatti tal-każ, iżda għandha wkoll setgħa li l-Kummissjoni m'għandiex, jiġifieri dik li tordna li BMW Italia tħallas id-danni lill-Automec jekk Automec tista' tipprova li ċ-ċaħda tal-produtturi li jbiegħu ġegħelet lill-Automec iġġarrab telf. L-Artikolu 6 tar-Regolament 99/63/KEE jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa ta' arbitrju fir-rigward ta' l-evalwazzjoni ta' "l-informazzjoni fil-pussess tagħha" wara eżami ta' xi lment. Din is-setgħa tippermettilha tapplika gradi differenti ta' prijorità hi hi tittratta l-eżami ta' ksur allegat imressaq għall-attenzjoni tagħha.

Għar-raġunijiet esposti fil-punt 2 ta' din l-ittra, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li m'hemmx biżżejjed interess tal-Komunita biex jiġġustifika li tidħol aktar fil-fond fl-eżami tal-fatt imfisser f'l-ilment preżenti."

3. Jien b'hekk qed ninfurmak li, għar-raġunijiet li jidhru fil-punti 1 u 2, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tagħtix tweġiba favorevoli għat-talba li inti ressaqt, fil-25 ta' Jannar 1988, skond l-Artikolu 3(2) tar-regolament 17/62 tal-Kunsill"

14      Fl-10 ta' Lulju 1990, il-qorti ċaħdet bħala inammissibbli talba minn Automec għall-annullament ta' l-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 1988 (deċiżjoni fil-kawża T-64/89 Automec v Il-Kummissjoni [1990] RKE II-367) fuq il-bażi li l-ittra mhijiex deċiżjoni dwar l-ilment tar-rikorrenti, iżda kienet parti minn skambju informali ta' opinjonijiet matul l-ewwel mit-tliet stadji suċċessivi fil-kors ta' proċedura rregolata mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament 17 u l-Artikolu 6 tar-Regolament. 99/63. Din id-deċiżjoni saret finali.

15      Ir-rikorrenti stqarret matul is-seduta fir-rigward ta' l-iżvolġiment ulterjuri tal-proċedimenti suċċessivi bejnu u BMW Italia fil-qrati Taljani, l-ewwel nett, li, wara ċ-ċaħda mit-Tribunale di Milano u l-Corte d'Appello di Milano tat-talba tagħha għal ordni li jimponi li BMW Italia tkompli bir-rabtiet kuntrattwali tagħha, kienet appellat dwar punt tal-liġi quddiem il-Corte Suprema di Cassazione (Qorti Għolja ta' Appell). It-tieni nett, l-azzjoni mressqa minn BMW Italia li tfittex li twaqqaf lir-rikorrenti milli tuża t-trade marks ta' BMW biex tirreklama importazzjonijiet paralleli kienet ġiet aċċettata mit-Tribunale di Milano wara ċ-ċaħda tagħha mill-Pretore (Maġistrat) u l-President tat-Tribunale di Treviso. Ir-rikorrenti kienet appellat kontra s-sentenza ta' dan ta' l-aħħar quddiem il-Corte d'Appello di Treviso.

 Il-Proċedura

16      Dawn huma ċ-ċirkustanzi li fihom ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors b'att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-3 ta' Mejju 1990.

17      Il-proċedura miktuba ħadet il-kors normali. Fuq proposta ta' l-Ewwel Awla, u wara li nstemgħu l-partijiet, il-Qorti bagħtet il-kawża lill-Qorti Plenarja. Inħatar Avukat Ġenerali mill-President tal-Qorti.

18      Malli semgħet ir-rapport ta' l-Imħallef-Relatur u l-opinjonijiet ta' l-Avukat Ġeneral, il-qorti ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr misuri istruttorji preliminari. Hija ddeċidiet ex officio, iżda, li tqis id-dokumenti li ġejjin, li kienu ġew ippreżentati mill-partijiet fil-Kawża T-64/89 ("Automec I"):

-      it-talba magħmula mir-rikorrenti lill-Kummissjoni fil-25 ta' Jannar 1988 skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament 17 (Anness 5 għat-talba fil-Kawża T-64/89);

-      l-ittra tar-rikorrenti ta' l-1 ta' Settembru 1988 lill-Kummissjoni (Anness 18 fit-talba fil-Kawża T-64/89);

-      l-ittra tar-rikorrenti ta' l-4 ta' Ottubru lill-Kummissjoni (anness fl-osservazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti dwar l-oġġjezzjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża T-64/89).

19      Il-partijiet instemgħu fit-trattazzjonijiet tagħhom u fir-risposti għall-mistoqsijiet magħmula lilhom mill-Qorti fis-seduta tat-22 ta' Ottubru 1991. Wara li l-Avukat Ġenerali ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu bil-miktub fl-10 ta' Marzu 1992, il-President għalaq il-proċedura orali f'dik id-data.

20      Fit-talba tagħha, ir-rikorrenti kienet talbet li l-Qorti jogħġobha:

-      tordna l-għaqda ta' dawn il-proċedimenti mal-Kawża T-64/89 li kienet qed tinstema';

-      tiddikjara t-talba ammissibbli, suġġetta għall-jedd tar-rikorrenti li jirriżerva d-dritt li jirtiraha wara li sentenza li tannulla d-deċiżjoni individwali allegata tat-30 ta' Novembru 1998 tkun saret finali;

-      tannulla d-deċiżjoni tad-Direttorat għall-Kompetizzjoni u, sa fejn huwa l-premessa ineluttabbli għal din id-deċiżjoni, ir-Regolament 123/85;

-      tiddikjara li l-Kummissjoni għandha, skond l-Artikolu 176 tat-Trattat, tieħu l-miżuri li jirriżultaw mis-sentenza li trid tingħata;

-      tordna lill-Kummissjoni tħallas kumpens għad-danni;

-      tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Fir-risposta tagħha, ippreżentata wara li ngħatat is-sentenza fil-Kawża T-64/89, hija talbet lil-Qorti jogħġoha:

-      tannulla d-deċiżjoni tat-28 ta' Frar 1990 tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, dan wara li tiddikjara li r-Regolament 123/85 mhuwiex applikabbli għas-sistemi ta' distribuzzjoni selettivaa; jew, sussidjarjament, jekk dan ir-regolament jitqies applikkabli kemm għas-sistemi ta' distribuzzjoni esklużiva kif ukoll għas-sistemi ta' distribuzzjoni selettivaa, tannulla dak ir-regolament għar-raġuni li jmur kontra l-bażi legali tagħha, ir-Regolament tal-Kunsill 19/65, u, f'kull każ, għar-raġuni li huwa vvizzjat b'inġustizja manifesta għaliex jippreskrivi regoli identiċi fir-rigward ta' sitwazzjonijiet totalment differenti;

-      tiddikjara li l-Kummissjoni għandha, skond l-Artikolu 176 tat-Trattat KEE, li tieħu l-miżuri li jirriżultaw mis-sentenza li trid tittieħed;

-      tordna lill-Kummissjoni li tħallas kumpens għad-danni;

-      tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni talbet lil-Qorti jogħġobha:

-      tiċħad it-talba li din il-kawża għandha tingħaqad mal-Kawża T-64/89, li f'dak iż-żmien kienet għadha pendenti;

-      tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Frar 1990 (SG(90)D/2816);

-      tiċħad it-talba magħmula kontra l-Kummissjoni għad-danni;

-      tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

  It-talba għal annullament

1. L-għan ta' l-ilment

L-Argumenti tal-partijiet

22      Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma tatx każ ta' l-għan tat-talba tagħha, billi għażlet il-fehma li din ta' l-aħħar kienet qegħda biss titlob il-Kummissjoni li tordna lilBMW li tawtorizza l-ordnijiet u tawtorizza lir-rikorrenti tuża t-trade marks tagħha, meta l-għan ta' l-investigazzjoni mitluba mir-rikorrenti kien li jkun magħruf jekk il-bojkott impost fuqha kienx ġej mis-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW jew jekk il-bojkott kienx jikkostitwixxi applikazzjoni diskriminatorja ta' din is-sistema.

23      Automec issostni li kienet talbet lill-Kummissjoni mhux biss li tikkonstata li BMW kienet kisret l-Artikolu 85(1) u biex toħroġ deċiżjoni biex tordna lilBMW li ġġib fi tmiem il-ksur, iżda li talbet ukoll lill-Kummissjoni li tirtira l-benefiċċju ta' eżenzjoni mgħoti lis-sistema ta' distribuzzjoni selettiva ta' BMW bid-Deċiżjoni hawn fuq imsemmija tat-13 ta' Diċembru 1974 u/jew il-benefiċċju ta' l-eżenzjoni li għalih hemm dispożizzjonijiet fir-Regolament 123/85.

24      Ir-rikorrenti tiġbed l-attenzjoni li l-Kummissjoni mhijiex marbuta minn xi talbiet speċifiċi li kwerelant ikun ifformula, iżda tista' hi stess tiddeċiedi l-elementi ta' l-ordni intiża biex jiġi mitmum il-ksur, sakemm l-ordni tkun xierqa għall-għanijiet li jinkiseb dan ir-riżultat u jiġi mħares il-prinċipju ta' proporżjonalità.

25      Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-għan ewlieni tat-talba ta' Automec kien li tikseb ordni li ġġegħel lilBMW li terġa tibgħat kunsinni u tawtorizza l-użu tat-trade marks tagħha, u li ċ-ċaħda ta' BMW li tibġħat kunsinni lill-Automec hija r-raġuni ewlenija għall-ilment tar-rikorrenti u għar-rikors tagħha quddiem il-Qorti. Skond il-Kummissjoni, din it-talba ssir ħaġa waħda mat-talba li titlob li Automec tiġi ammessa fis-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW.

26      Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-istqarrija tar-rikorrenti ta' xi talba biex il-Kummissjoni tirtira l-eżenzjoni mgħotija lis-sistema ta' distribuzzjoni selettivaa ta' BMW, kif previst fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 123/85, u li tieħu deċiżjoni li taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tagħha.

Il-kunsiderazjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

27      Il-Qorti tikkonstata li l-ilment tar-rikorrenti kien jirrigwarda, l-ewwel nett, talba biex jittieħdu żewġ miżuri speċifiċi fil-konfront ta' BMW, jiġifieri ordni li teżiġi minn għandha li taċċetta l-ordnijiet tar-rikorrenti u ordni li teżiġi minn għandha li tawtorizza lill-Automec li tuża xi uħud mit-trade marks tagħha. It-tieni nett, kien jirrigwarda talba aktar ġenerali li tiġi adottata deċiżjoni li teżiġi milBMW li ġġib fi tmiem il-ksur li dwaru hemm ilment u li jittieħdu miżuri kif il-Kummissjoni tħoss meħtieġa jew xierqa.

28      Fid-dawl ta' dawn it-talbiet, id-deċiżjoni kkontestata hija artikolata f'żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, il-Kummissjoni tiċħad it-talba, għar-raġuni li m'għandiex kompetenza tagħmel dan, li tordna lilBMW tibgħat il-prodotti tagħha lir-rikorrenti u li tawtorizzaha tuża t-trade mark ta' BMW. Fit-tieni, tiċħad it-talba li twettaq eżami aktar dettaljat tal-każ inkwantu l-ilment qiegħed iffitex li jikseb deċiżjoni li teżiġi milBMW li ġġib fi tmiem il-ksur allegat, fuq il-bażi li l-proċeduri huma pendenti bejn ir-rikorrenti u BMW fil-qrati Taljani, is-setgħa abbażi tal-grad ta' priorità li hija tagħti lilha nfisha fl-istħarriġ ta' lment, u n-nuqqas ta' interess tal-Komunità. Iż-żewġ partijiet tad-deċiżjoni kkontestata għalhekk jikkorrispondu għaż-żewġ aspetti ta' l-ilment tar-rikorrenti.

29      L-ittra mibgħuta lir-rikorrenti fis-26 ta' Lulju 1989 skond l-Artikolu 6 tar-Regolament 99/63 kienet tirrigwarda t-talba minn Automec li tfittex il-"kontinwazzjoni" tar-rabtiet kuntrattwali tagħha ma BMW. Fit-tweġiba tagħha ta' l-4 ta' Ottubru 1989, Automec ikkontestat din l-interpretazzjoni tat-talba tagħha u stqarret li kienet bi ħsiebha titlob id-dritt li tiġi inkluża fis-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW, li hi ddeskriviet bħala sistema ta' distribuzzjoni selettiva, indipendentement mir-rabta kuntrattwali ta' qabel. Il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni din l-ispjegazzjoni billi neħħiet mid-deċiżjoni kkontestata kull riferiment għal xi talba preżunta mir-rikorrenti għall-kontinwazzjoni tar-rabta kuntrattwali ta' qabel.

30      Barra minn hekk, xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jagħti x'tifhem li l-Kummissjoni qieset lilha nnifisa marbuta mit-talba għal ordnijiet speċifiċi, kif ifformulati mir-rikorrenti, u għalhekk injorat il-possibbiltà li tħaddan miżuri xierqa biex iġġib fi tmiem kull ksur, minnflok l-ordnijiet li għalihom saret it-talba. L-ewwel parti tad-deċiżjoni kkontestata twieġeb biss għat-talba ta' ordnijiet speċifiċi, kif ifformulati mir-rikorrenti, mingħajr ma tagħti deċiżjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tieħu miżuri oħra.

31      Għalhekk, fit-tieni parti tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għat-talba aktar ġenerali għat-tħaddin ta' deċiżjoni li teżiġi li BMW ittemm il-ksur allegat u tordna li jittieħdu l-miżuri kollha xierqa għal dan il-għan.

32      Fl-aħħar nett, il-Qorti tikkonstata li l-ilment tar-rikorrenti ma fittixx l-irtirar ta' l-eżenzjoni ġenerali prevista fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 123/85. Ċertament, fit-talba tagħha fil-Kawża T-64/89 (pp.15 u 17), ir-rikorrenti akkużat lill-Kummissjoni bi ksur ta' l-Artkolu 10(1) tar-Regolament 123/85, li jagħti setgħa lill-Kummissjoni li tirtira l-benefiċċju ta' l-applikazzjoni tar-regolament, sa fejn ir-regolament kien applikabbli. Iżda, dan ir-riferiment li kien sar f'dokument indirizzat lill-Qorti u mhux lill-Kummissjoni ma jistax ikollu l-effett li jwessa' l-għan ta' ilment ta' qabel. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti kellha l-opportunità, fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta' l-4 ta' Ottubru 1989 skond l-Artikolu 6 tar-Regolament 99/63, li tispeċifika l-argument ta' l-ilment tagħha. Iżda t-tweġiba għal dik l-ittra li ntbagħatet wara li ġie ppreżentat ir-rikors fil-Kawża T-64/89 ma tagħmel ebda riferiment għal xi rtirar possibbli ta' eżenzjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ma setax ġie interpretat mill-Kummissjoni bħala li qiegħed ifittex l-irtirar ta' l-eżenzjoni ġenerali li għaliha hemm dispożizzjonijiet fir-Regolament 123/85.

33      B'hekk jidher li l-Kummissjoni ma injoratx l-għan ta' l-ilment tar-rikorrenti.

2. L-Ewwel parti tad-deċizjoni kkontestata

L-Argumenti tal-partijiet

34      Ir-rikorrenti tressaq talba waħda, li fiha tallega ksur tad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tar-Regolament. 17, kontra l-ewwel parti tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni stqarret li ma kellha ebda setgħa li toħrog l-ordnijiet speċifiċi mitluba mir-rikorrenti.

35      Fit-talba tagħha, Automec tikkontesta d-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn is-setgħat tagħha skond dan l-Artikolu fil-każ ta' ksur ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KEE, minn naħa waħda, u ksur ta' l-Artikolu 86, minn naħa l-oħra. Ir-rikorrenti ssostni li fil-kliem ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament 17 m'hemmx xi distinzjoni bħal din u li għalhekk dan l-Artikolu jagħti lill-Kummissjoni fiż-żewġ każijiet is-setgħa "ta' deċiżjoni li teżiġi mill-impriżi … li jġibu fi tmiem dan il-ksur". Iżda, fil-każ preżenti, l-uniku mod kif iġġib fi tmiem il-ksur ta' l-Artikolu 85 jikkonsisti f'ċaħda li jiġu kkunsinnati prodotti u li tordna li jiġu mqassma.

36      Fit-tweġiba tagħha, ir-rikorrenti issostni l-ewwel nett li n-nuqqas ta' ftehim bejnha u BMW ma jipprekludix l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. L-aġir li minn dak li jidher huwa unilaterali jista' jaqa' fi ħdan l-Artikolu 85(1), b'mod partikolari fejn dan isir fil-kuntest ta' sistema ta' distribuzzjoni.

37      Ir-rikorrenti ssostni li BMW tħaddem sistema ta' distribuzzjoni selettiva. Jidher mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza fil-Kawża 210/81 Demo-Studio Schmidt v Kummissjoni [1983] RKE 3045) li negozjant li jitħalla barra mingħajr raġuni minn sistema ta' distribuzzjoni selettivaa jista' jitlob lill-Kummissjoni li tintervjeni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 3(2) (b) tar-Regolament Nr. 17 u, jekk il-Kummissjoni tirrifjuta n-negozjant jista' jirreferi din iċ-ċaħda lill-ġudikatura tal-Komunità. Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-fatturi kollha li jikkostitwixxu l-ksur imsemmi fid-deċiżjoni kkwotata hawn fuq huma preżenti hawnhekk.

38      Ir-rikorrenti tkompli ġġib l-argument li huwa illoġiku li tikkunsidra li l-Kummissjoni tista', jekk dan huwa hekk, tqis is-sistema sħiħa ta' distribuzzjoni illegali u twaqqaf lil BMW milli tħaddimħa fil-futur, meta ma tistax toġġezzjona għall-aġir adottat mill-produttur lejn bosta negozjanti. Kieku dan kien hekk, kien ikun faċli li tistipula "fuq il-karta" sistemi kuntrattwali li jkunu pożittivi ħafna bħala kompetizzjoni u wara ma tapplikahomx, fiċ-ċertezza li fil-prattika l-Kummissjoni m'għandha ebda setgħa li tintervjeni. Biex issostni dan l-argument ir-rikorrenti isserraħ fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżj Maqgħuda 25 u 26/84 Ford v Il-Kummissjoni [1985] RKE 2725, li minnha jidher li, hi u teżamina ftehim ta' distribuzzjoni bil-ħsieb ta' għotja possibbli ta' eżenzjoni, il-Kummissjoni tista' tieħu in kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha fit-tħaddim tal-ftehim, li jistgħu jinkludu ċaħda ta' distribuzzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni mhux biss tas-"sistemi fit-totalità tagħhom kollha", iżda wkoll tat-tħaddim tagħhom fil-prattika, jew ukoll in-nuqqas ta' tħaddim tagħhom.

39      Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-eżistenza possibbli ta' xi eżenzjoni ma teskludix dan l-eżami tal-metodi attwali li bihom sistema ta' distribuzzjoni hija mħaddma. Fil-waqt li taċċetta li l-Kummissjoni ma setgħetx tiżgura l-infurzar, b'mezzi koerċitivi, ta' xi deċiżjoni li tordna lil BMW biex terġa' tibda tibgħat kunsinni, ir-rikorrenti issostni li l-Kummissjoni madankollu għandha s-setgħat tad-deterrent, b'mod partikolari l-impożizzjoni ta' multi, li jiżguraw l-osservanza ta' deċiżjoni bħal din.

40      Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkontendi li, bħala riżultat ta' modi differenti kif wieħed jista' jħares lejn l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat, li skond il-fehma tagħha ħarġu aktar bis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-Kawża T-51/89 Tetra Pak v Il-Kummissjoni [1990] RKE II-309, is-setgħat tagħha skond l-Artikolu 3 tar-Regolament 17 huma differenti fil-għan tagħhom skond liema minn dawn iż-żewġ artikoli jinkiser. Hi tiġbed l-attenzjoni li l-Artikolu 86 jipprojbixxi lil xi impriża f'pożizzjoni dominanti milli tassumi aġir unilaterali li jxekkel il-kompetizzjoni u dan jista' jikkonsisti jew f'atti intenzjonali jew ommissjonijiet. Kien għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet , fis-sentenza fil-kawżi Maqgħuda 6 u 7/73 Commercial Solvents v Il-Kummissjoni [1974] RKE 223, li l-Artikolu 3 tar-Regolament 17 kellu jiġi applikat fir-rigward tal-ksur li ġie stabbilit u jista' jinkludi ordni li jitwettqu ċerti atti jew jiġu pprovduti ċerti vantaġġi li kienu ġew qabel miżmuma b'mod illeċitu, kif ukoll il-projbizzjoni tal-kontinwazzjoni ta' ċerti attivitajiet, drawwiet jew sitwazzjonijiet li jmorru kontra t-Trattat.

41      Minn naħa l-oħra, il-Kummissjoni hi tal-fehma li, fil-każ ta' xi ksur ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, kemm l-argument kif il-wisa' tas-setgħat ta' intervent tagħha huma differenti. Fir-rigward ta' l-argument, jiġifieri l-ksur li hi kieku tista' ġġib fi tmiem, tiġbed l-attenzjoni li l-Artikolu 85 jipprojbixxi ftehim bejn żewġ impriżi jew aktar li għandu l-għan jew l-effett ta' xkiel għall-kompetizzjoni. Skond il-Kummissjoni, l-uniku ftehim li għalih l-Artikolu 85 jista' japplika f'dan il-każ huwa dak bejn BMW Italia u d-distributuri tagħha għalissa, u s-setgħa ta' intervent tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ru 17 tista' tiġi eżerċitata biss fir-rigward ta' dan il-ftehim. Fil-fehma tal-Kummissjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Maqgħuda 228 u 229/82 Ford v Il-Kummissjoni ("Ford II") [1984] RKE 1129 tikkonferma li, fil-kuntest ta' sistema ta' distribuzzjoni, il-ftehim biss fi ħdan il-kuntratt ta' distribuzzjoni jista' jikkostitwixxi xi ksur ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat.

42      Fir-rigward tal-wisa' tas-setgħat tagħha fil-każ ta' ksur ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni ġġib l-argument, dejjem fuq il-bażi ta' Ford II, li l-unika deċiżjoni li tista' tiehu skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 17 hija waħda li ssib f'xi każ xieraq li s-sistema ta' distribuzzjoni fil-kwistjoni mhix kompatibbli ma' l-Artikolu 85(1) u li titlob lid-distributur li jġib fi tmiem l-applikazzjoni tal-ftehim ta' distribuzzjoni fit-totalità tagħha. Hi żżid, ukoll fuq il-bażi tas-sentenza f'Ford II, li madankollu mhijiex imċaħħda minn xi possibbiltà li twieġeb għal aġir ta' antikompetittività mħaddan fil-kuntest ta' xi sistema ta' distribuzzjoni, peress li tista', per eżempju, timponi multa jekk il-ftehim ta' distribuzzjoni jissokta jitħaddem.

43      Il-Kummissjoni tosserva li Automec mhijiex tfittex li telimina s-sistema ta' distribuzzjoni iżda, għall-kuntrarju, trid bid-dritt tieħu sehem fiha. Iżda, dan huwa jedd speċifiku, individwali li l-Kummissjoni m'għandha ebda setgħa li tinforza, ħlief fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' Artikolu 86 tat-Trattat.

44      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni żżid li s-sentenza Demo-Studio Schmidt, iċċitata hawn fuq, iċċitata mir-rikorrenti, kienet tirreferi għall-każ ta' ksur parallel ta' l-Artikoli 85 u 86, u li ż-żewġ preċedenti kkwotati mill-Qorti tal-Ġustizzja f'din is-sentenza, jiġifieri s-sentenza tagħha Commercial Solvents, iċċitata hawn fuq, u d-digriet tagħha fil-Kawża 792/79 R Camera Care v Il-Kummissjoni [1980] RKE 119, kienu marbuta ma' ksur ta' l-Artikolu 86 (Commercial Solvents) u każ li fih iż-żewg Artikoli 85 u 86 sar ksur tagħhom (Camera Care).

45      Il-Kummissjoni tikkontendi li l-projbizzjoni ta' kartelli u s-setgħat mgħotija lilha biex tiżgura t-tħaris ta' dan ma jistgħux jatugħha s-segħta li jnaqqsu mil-libertà ta' kuntratti tan-negozjanti billi tasal li ġġiegħel produttur li jaċċetta xi distributur partikolari fi ħdan is-sistema ta' distribuzzjoni tagħha. F'dan ir-rigward, tirreferi għall-Fehma ta' l-Avukat Ġenerali Rozès f'Demo-Studio Schmidt, iċċitata hawn fuq.

46      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ittenni li d-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tippreġudika sew il-kwistjoni jekk is-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW Italia hijiex selettiva jew kemm esklużiva u selettiva tat-tip ikkontemplat mir-Regolament 123/85, sew il-kwistjoni jekk is-sistema in kwistjoni hijiex kompatibbli jew le ma' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. Skond il-Kummissjoni, anki kieku kellha ssib li s-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW Italia kisret l-Artikolu 85(1), la l-Artikolu 85 tat-Trattat lanqas l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 17 ma' jistgħu jagħtuha s-setgħa li teżiġi minn BMW Italia li tidħol f'kuntratt ma Automec.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

47      Il-Qorti hi tal-fehma li jeħtieġ li tiddetermina jekk il-Kummissjoni hijiex tikser id-dritt Komunitarju, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tar-Regolament 17, billi hija ċaħdet it-talba għal ħruġ ta' ordnijiet speċifiċi msemmija hawn fuq, fuq il-bażi li ma kelliex setgħa li tieħu dawn il-miżuri fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

48      Wieħed għandu jżomm f'moħħu li Automec talbet lill-Kummissjoni tordna lil BMW Italia tilqa' l-ordnijiet li r-rikorrenti kienet bagħatilha u tawtorizza lil dan ta' l-aħħar juża trade marks ta' BMW. Ir-raġuni mgħotija għal dawn it-talbiet kienet li Automec kienet tal-fehma li ħarset il-kundizzjonijiet meħtieġa kollha biex tiġi inkluża fin-netwerk ta' distribuzzjoni ta' BMW. Bħala konsegwenza, hi talbet lill-Kummissjoni tħaddan żewġ ordnijiet speċifiċi fir-rigward ta BMW biex tiżgura tħaris tad-dritt preżunt tagħha li titħalla tidħol fin-netwerk ta' distribuzzjoni ta' BMW.

49      Peress li, fl-ewwel parti tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal ħruġ ta' dawn iż-żewġ ordnijiet speċifiċi, jeħtieġ li wieħed iqis jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 17, li jagħti setgħa lill-Kummissjoni li teżiġi mill-impriżi interessati li jġibu fi tmiem ksur ta' liġi tal-kompetizzjoni misjuba minnha, setax jikkostitwixxi, flimkien ma' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, il-bażi legali għal deċiżjoni li tilqa' talba bħal din.

50      L-Artikolu 85(1) jipprojbixxi ċertu ftehim jew drawwiet antikompettitivi. Fost il-konsegwenzi li xi ksur ta' din il-projbizzjoni jista' jkollu fil-liġi ċivili, għal waħda biss hemm dispożizzjonijiet fl-Artikolu 85(2), jiġifieri n-nullità tal-ftehim. Il-konsegwenzi l-oħra marbuta ma' xi ksur ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat, bħad-dmir li tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat lil xi parti terza jew xi dmir possibbli li tidħol f' xi kuntratt (għall-possibilitajiet miftuħa lill-qrati nazzjonali, ara l-proċedimenti nazzjonali li fir-rigward tagħhom ingħataw is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża 126/80 Salonia v Poidomani u Baglieri [1981] RKE 1563, f'1774, u l-Kawża 243/83 Binon v AMP [1985] RKE 2015, f'2035) għandhom jiġu ddeterminati skond il-liġi nazzjonali. Għalhekk, huma l-qrati nazzjonali li, fejn xieraq, jistgħu, bi qbil mar-regoli tal-liġi nazzjonali, jordnaw negozjant li jidħol f'kuntratt ma' ieħor.

51      Billi l-libertà ta' kuntratti għandha tibqa' r-regola, il-Kummissjoni ma tistax bħala prinċipju titqies li għandha, fost is-setgħat disponibbli li toħroġ ordnijiet għall-għan li ġġib fi tmiem ksur ta' l-Artikolu 85(1), is-setgħa li tordna lil xi parti li tidħol f'rabtiet kuntrattwali, peress li l-Kummissjoni in ġenerali għandha rimedji xierqa għad-dispożizzjoni tagħha bil-għan li teżiġi minn għand xi mpriża li ġġib fi tmiem xi ksur.

52      B'mod partikolari, ma jistax jitqies li hemm xi ġustifikazzjoni fuq restrizzjoni bħal din tal-libertà ta' kuntratt fejn bosta rimedji jeżistu biex iġibu xi ksur fi tmiem. Dan huwa minnu għal ksur ta' l-Artikolu 85(1) li jkun ġej mill-applikazzjoni tas-sistema ta' distribuzzjoni. Dan il-ksur jista' wkoll jiġi eliminat bl-abbandun jew emendament tas-sistema ta' distribuzzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni bla dubju għandha s-setgħa li ssib li jeżisti ksur u li tordna lill-partijiet interessati li jġibuh fi tmiem, iżda mhux dmir tal-Kummissjoni li timponi fuq il-partijiet l-għażla tagħha stess minn bosta toroq ta' azzjoni potenzjali li huma bi qbil mat-Trattat.

53      Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, wiehed irid jgħid li l-Kummissjoni ma kelliex is-setgħa li toħroġ ordnijiet speċifiċi li jeżiġu li BMW tibgħat kunsinni lir-rikorrenti u tħalliha juża t-trade marks ta' BMW. Dan ifisser li l-Kummissjoni ma kisritx id-dritt komunitarju meta ċaħdet li tilqa' t-talba għall-ħruġ ta' dawn l-ordnijiet fuq il-bażi li ma kellha ebda setgħa li tagħmel hekk.

54      Is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni li tista' tipproduċi effetti prattiċi ekwivalenti għal dawk ta' l-ordnijiet mfittxija mir-rikorrenti u l-għażla li kellha l-Kummissjoni li terġa tiddefinixxi l-applikazzjoni ta' Automec bħala talba għat-tħaddin ta' deċiżjoni bħal din ma tistax ġġib invalida din il-konklużjoni. Il-Kummissjoni ma' ġabitx ir-raġuni ta' nuqqas ta' setgħa biex tiġġustifika ċ-ċaħda ta' l-ilment kollu, iżda biex biss tiġġustifika ċ-ċaħda tagħha li tiehu l-miżuri speċifiċi mfittxija. Limitatament għal kemm l-argument ta' l-ilment imur lil hinn minn din it-talba speċifika, il-kwistjoni mhix ittrattata fl-ewwel parti tad-deċiżjoni iżda fit-tieni.

3. It-tieni parti tad-deċiżjoni kkontestata

55      Essenzjalment, ir-rikorrenti tqajjem erbgħa argumenti kontra t-tieni parti tad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel wieħed huwa li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 155 tat-Trattat, l-Artikolu 3 tar-Regolament 17 u l-Artikolu 6 tar-Regolament 99/63 meta ċaħdet li teżerċita s-setgħat tagħha. It-tieni argument, imqajjem fis-seduta, huwa marbut man-nuqqas li tosserva d-dmir li tipprovvdi stqarrija ta' raġunijiet, li huwa preskritt mill-Artikolu 190 tat-Trattat. It-tielet, li tressaq fit-tweġiba, huwa bbażat fuq l-inapplikabbiltà u illegalità tar-Regolament 123/85. Ir-raba' argument jallega użu ħażin tas-setgħat.

a)       L-ewwel argument li jallega ksur ta' l-Artikolu 155 tat-Trattat KEE, l-Artikolu 3 tar-Regolament 17 u l-Artikolu 6 tar-Regolament 99/63 u t-tieni argument marbut ma' l-istqarrija tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata

L-Argumenti tal-partijiet

56      Ir-rikorrenti tallega l-ewwel nett li l-Kummissjoni ċediet id-dritt ta' l-eżerċiżju tas-setgħat tagħha, favur il-qrati nazzjonali, fir-rigward tat-tħaddim ta' l-Artikolu 85, billi stqarret fl-istampa speċjalizzata li "minħabba l-Artikolu 85(2) ebda protezzjoni legali ma tista' tintalab mill-qrati nazzjonali" kontra klawżoli antikompetittivi fi ftehim ta' distribuzzjoni.

57      Automec iġġib l-argument li d-dritt Komunitarju fih dispożizzjonijiet għal proċedura f 'dak li għandu x'jaqsam mal-ksur, u li l-Kummissjoni ma tistax taħrab milli teżerċita s-setgħat rilevanti. F'dan ir-rigward, tagħmel riferiment għad-dmir li jagħfas fuq il-Kummissjoni skond it-Trattat u għas-setgħat speċifiċi u eskluzivi tagħha fir-rigward ta' ksur, eżenzjonijiet u distribuzzjoni selettiva fuq il-bażi ta', inter alia, ir-Regolament 123/85. Ir-rikorrenti jagħmel enfasi li hija tagħha d-deċiżjoni jekk jersaqx lejn il-qrati nazzjonali jew l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Komunità, u mhux f'idejn il-Kummissjoni li timponi l-għażla tagħha. HIja tkompli jgħid li l-argument tal-proċedimenti pendenti quddiem il-qrati Taljani huwa differenti minn dak ta' l-lment tagħha.

58      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tistrih f'dan il-każ fuq in-natura diskrezzjonali tas-setgħat tagħha. Is-setgħa li tiċħad ilment, mgħoti lill-Kummissjoni bl-Artikolu 6 tar-Regolament 99/63, tkopri biss ċaħda fuq bażi sostanzjali wara investigazzjoni li tkun ġġegħlet lill-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni neċessarja biex teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha. Dan iffiser li l-Kummissjoni hija marbuta li tagħti bidu għal proċedura ta' eżami għal kull ilment, kemm il-darba ma jkunx jidher ċar li huwa bla bażi. L-Artikolu 6, li skond il-Kummissjoni ma tistax "tilqa' t-talba", konsegwentement jirreferi għall-ordni li ġġib fi tmiem il-ksur u mhux li tagħti bidu għall-proċedura. Ir-rikorrenti sserrah fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Demo-Studio Schmidt, iċċitata hawn fuq, punt 19, biex issostni dan l-argument.

59      It-tielet nett, fit-tweġiba tagħha r-rikorrenti tiċħad li hemm nuqqas ta' interessi komunitarji fit-twettiq aktar dettaljat ta' eżami tal-fatti esposti fl-ilment. Hija tiġbed l-attenzjoni fuq ċirkulari mibgħuta minn BMW Italia fis-7 ta' Lulju 1988 lid-distributuri kollha tagħha, bil-għan li tiskoraġġixxi l-bejgħ lin-neġozjanti mhux awtorizzati u bejgħ "barra miz-zona" mwettaq bl-għajnuna ta' "intermedjarji jew konċessjonarji", tmur kontra r-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju għal dak li għandu x'jaqsam kemm mad-distribuzzjoni selettiva kif ukoll esklużiva u l-Artikolu 3 tar-Regolament 123/85. Il-Kummissjoni nnifisha stqarret darbtejn, u dan fil-Komunikat li jirrigwarda r-Regolament 123/85 (ĠU 1985 C 17, p.4, sezzjoni 1(3) u fis-Sittax ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (sezzjoni 30, p.37), li aġir bħal dan huwa ksur tar-regoli fundamentali.

60      Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni hi tal-fehma li, peress li l-Artikolu 85(1) huwa applikabbli direttament, il-Kummissjoni u l-qorti nazzjonali għandhom fil-fatt ġurisdizzjoni konflittwanti biex japplikawh, kif jidher mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża 127/73 BRT v SABAM [1974] RKE 51 u fil-Kawża 37/79 Marty v Lauder [1980] RKE 2481.

61      HIja żżid li fil-waqt li l-partijiet interessati għandhom id-dritt li jagħżlu bejn li jagħmlu talba lill-Komunità jew lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiksbu l-ħarsien tal-jeddiet tagħhom skond l-Artikolu 85 tat-Trattat, il-konsegwenzi legali potenzjali li wieħed japplika għal waħda jew l-oħra minn dawn l-awtoritajiet huma differenti. F'dan ir-rigward, barra minn dan, ir-rikorrenti ma tiċħadx li, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, il-qrati Taljani għandhom is-setgħa li jordnaw lil BMW Italia li tikkumpensa lill-Automec għal kull telf li seta' ġie kkawżat biċ-ċaħda ta' din ta' l-ewwel li tbiegħ lil din ta' l-aħħar.

62      Il-Kummissjoni tkompli tiġbed l-attenzjoni li r-rikorrenti bl-istess mod ma' tikkontestax li l-qrati Taljani huma f'pożizzjoni aħjar li jirsolvu kull kwistjoni dwar ksur allegat ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat minn BMW Italia inkwantu l-qrati ta' Milan jew Vicenza huma f'pożizzjoni aħjar mill-Kummissjoni biex jeżaminaw it-talbiet ta' Automec u biex japplikaw l-Artikolu 85(1) u, fejn xieraq, ir-Regolament 123/85 għas-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW Italia. Il-qrati nazzjonali huma meqjusa li għandhom ġurisdizzjoni li jiddeċiedu jekk xi ftehim partikolari jgawdix mill-eżenzjoni ġenerali jew le, kif iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-3 ta' Frar 1976, Roubaix (63/75, Ġabra p.111).

63      Il-Kummissjoni tistqarr li l-kwistjoni ta' jekk għandhiex jew le d-diskrezzjoni li tiċħad ilmenti mibgħuta lilha mingħajr ma twettaq investigazzjoni minn qabel hija kwistjoni importanti ta' prinċipju fir-rigward ta' l-eżerċizju tas-setgħat ta' sorveljanza tagħha. Din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Komunità ssejħet tieħu deċiżjoni li biha l-Kummissjoni ċaħdet ilment mingħajr ma daħlet iżjed fil-fond fl-allegazzjonijiet fattwali tal-kwerelant biex twieżinhom. Id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-eżistenza ta' setgħa tal-Kummissjoni li tassenja, fl-interess pubbliku tal-Komunità, gradi differenti ta' priorità fl-investigazzjoni ta' l-ilmenti.

64      Il-Kummissjoni ma tiċħadx li kwerelant huwa intitolat għal tweġiba, jiġifieri, miżura definitiva li biha l-istituzzjoni tiehu deċiżjoni dwar l-ilment tagħha. Iżda, l-Kummissjoni tistqar li, skond il-prinċipju stabbilit mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-18 ta' Ottubru 1979, GEMA vs Il-Kummissjoni, 125/78, Ġabra p.3173, 3179) mhux madankollu meħtieġ minnha li tadotta deċiżjoni finali dwar l-eżistenza jew nuqqas tal-ksur allegat. Peress li għalhekk għandha marġini wiesa' fir-rigward ta' adozzjoni ta' deċiżjoni fuq il-qofol ta' l-ilment, għandha a fortiori marġini ta' wisa' fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' miżuri ta' tħejjija għad-deċiżjoni finali, bħal dik li tiftah investigazzjoni. Il-Kummissjoni taċċetta, iżda, li għandha dmir li teżamina l-ilmenti b'mod mhux diskriminatorju, li hi ssostni li wettqet f'dan il-każ. F'dan ir-rigward, hija ssostni li biex tikkontrolla jekk is-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW Italia kinitx kompatibbli ma' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat u r-Regolament 123/85, kien jeħtieġ twettaq investigazzjoni estensiva ħafna, estremement kumplessa li kien ikollha titwettaq virtwalment mix-xejn, filwaqt li l-bosta qrati Taljani msejħa minn Automec u BMW Italia kienu infurmati dwar ir-rabtiet kuntrattwali ta' BMW Italia mad-distributuri tagħha, b'mod partikolari r-rabtiet kuntrattwali li kellha qabel ma' l-applikant. Skond il-Kummissjoni, dawn il-qrati jistgħu għalhekk iwettqu aħjar l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jaraw jekk is-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW Italia hijiex kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità.

65      Il-Kummissjoni tagħmel enfasi li dawn il-kunsiderazzjonijiet, flimkien mat-tħassib li tevita proċedimenti bla ħtieġa, wassluha għall-konklużjoni li l-ilment ta' Automec ma weriex grad suffiċjenti ta' interess pubbliku b'paragun ma' eluf ta' proċedimenti pendenti quddiemha biex jiġġustifika bidu ta' investigazzjoni addizzjonali ma' dawk diġa mwettqa mill-qrati Taljani li fihom tressqu proċedimenti fl-eżerċizju tagħhom ta' "libertà ta' għażla" miż-żewġ impriżi interessati.

66      Fir-rigward tal-prinċipju ġenerali li hi għandha d-diskrezzjoni li t-tagħtiha s-setgħa li tassenja l-prioritajiet b'dan il-mod, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li m'hemm ebda dispożizzjoni fid-dritt Komunitarju li teżiġi li jingħata bidu għal investigazzjoni kull darba li tirċievi lment. Fil-kontroreplika, hi tikkummenta li ir-rikorrenti ma tistgħax tibbaża ruħha fuq Demo-Studio Schmidt, iċċitata hawn fuq, biex issaħħah l-argument tagħha, peress li dik hija deċiżjoni iżolata u għalhekk ma tistax titqies li tikkostitwixxi prinċipju stabbilit fil-ġurisprudenza.

67      It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrileva li, skond il-verżjoni Taljana ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament 99/63, hi tista' tibqa' lura milli tiehu azzjoni ulterjuri fuq ilment fuq il-bażi ta' l-informazzjoni u x-xhieda "di cui dispone" [disponibbli lilha], u mhux fuq il-bażi ta' dak li tista' tikseb biss wara li twettaq investigazzjoni fit-tul, kumplessa u għalja; it-tielet nett, hija tistqarr li hi fid-dmir li tiżgura li jitqies l-interess pubbliku billi tipproċedi l-ewwel nett kontra aġir li, minħabba l-firxa tagħha, il-gravità u t-tul fiż-żmien, jikkostitwixxi tfixkil serju ħafna għall-kompetizzjoni mingħajr ostakli. Hi tisħaq li kieku kellha tagħti bidu għal investigazzjoni wara kull ilment, l-għażla ta' każijiet li fihom titwettaq investigazzjoni taqa' f'idejn l-impriżi kwerelanti iktar milli f'idejn il-Kummissjoni nnifisha u għalhekk tibda tiġi ddeterminata minn kriterji ta' interess privat aktar milli ta' interess pubbliku. 

68      Il-Kummissjoni tirreferi għall-istatistika dwar il-proċeduri ta' kompetizzjoni pendenti quddiemha biex turi li m'hemmx għalfejn li jitnizzlu kriterji biex tiddetermina l-priorità li trid tingħata fl-eżami tal-bosta każijiet, meta wieħed jikkunsidra n-numru limitat ta' impjegati tagħha. Hija tispjega li kien minħabba li n-numru ta' każijiet kien tant għoli li fformulat il-kriterji ta' priorità kif ġej fis-sbatax-il Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (sezzjoni 9, pp. 23 u 24):

"B'mod ġenerali fejn hemm każijiet li jinvolvu kwistjonijiet ta' tifsira politika wiesa l-Kummissjoni tagħtihom prijorità. Għall-każijiet miġjuba fuq inizjattiva tal-Kummissjoni stess u għall-ilmenti, titqies il-gravità tal-ksur allegat. Barra minn hekk fejn għandhom x'jaqsmu lmenti u notifikazzjonijiet l-urġenza li tinkiseb deċiżjoni malajr jeħtieġ li titqis. Eżempju ta' sitwazzjoni bħal din huwa fejn hemm proċedimenti legali nazzjonali pendenti. Il-każijiet mressqa skond il-proċedura ta' oppożizzjoni li għaliha hemm dispożizzjonijiet fir-regolamenti ta' l-eżenzjoni ġenerali għandhom dejjem jingħataw prijorità, minħabba l-iskadenza ta' sitt xhur. F'kull każ ieħor il-każijiet jitqiesu b'mod kronoloġiku".

69      Skond il-Kummissjoni, huwa ovvju li l-ilment ta' ir-rikorrenti ma jissodisfax ebda wieħed minn dawn il-kriterji prioritarji kemm fir-rigward tas-serjetà tal-ksur kif ukoll fil-ħtieġa ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni biex tippermetti lill-qorti nazzjonali li tgħaddi ġudizzju. Fir-rigward ta' dan il-kriterju ta' l-aħħar il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni, l-ewwel nett, li deċiżjoni minn naħa tagħha ma kinitx meħtieġa biex tippermetti lill-qrati Taljani li jgħaddu ġudizzju fil-proċedimenti li kienu ġa mressqa quddiemhom mill-partijiet. It-tieni, tfisser li dan il-kriterju jirreferi l-aktar għas-sitwazzjoni li fiha każ pendenti quddiem il-qorti nazzjonali jirrigwarda l-validità jew r-rendiment ta' xi kuntratt li ġie notifikat lill-Kummissjoni u li għalih intalab il-benefiċju ta' eżenzjoni skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, peress l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni hija esklużivament biċċa tal-Kummissjoni. Mhux il-każ hawn peress li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) għal ftehim ta' distribuzzjoni fis-settur tal-vetturi bil-mutur huwa regolat mir-Regolament 123/85. L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, iżda, hija kollha fil-ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani, li, fil-każ ta' inċertezza dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet, għandhom jirreferu l-biċċa lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE (deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża 314/85 Foto Frost v Hauptzollamt Luebeck-Ost [1987] RKE 4225).

70      Il-Kummissjoni tkompli ssostni li n-nuqqas ta' ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali li jirtiraw l-eżenzjoni m'għandiex effett fuq il-fehma tagħha peress li ir-rikorrenti ssotni, l-aktar, li l-eżenzjoni ġenerali li għaliha hemm dispożizzjonijiet fir-Regolament 123/85 mhix applikabbli għas-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW Italia u, fl-alternativa, li dan ir-regolament huwa invalidu.

Ilkunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

71      Il-Qorti tqis li l-kwistjoni mressqa minn din it-talba titlob x'inhuma fil-qofol d-dmirijiet tal-Kummissjoni meta tirċievi xi applikazzjoni skond l-Artikolu 3 tar-Regolament 17 minn persuna naturali jew legali.

72      Huwa xieraq li tinġibdet l-attenzjoni li r-Regolamenti Nru 17 u 99/63 jagħtu jeddijiet proċedurali lill-persuni li jressqu lment quddiem il-Kummissjoni, bħall-jedd li jiġu nfurmati dwar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni bi ħsiebha tiċħad l-ilment tagħhom u l-jedd li jressqu kummenti f'dan ir-rigward. Għalhekk il-leġislatura tal-Komunità mponiet ċerti dmirijiet speċifiċi fuq il-Kummissjoni. Iżda, kemm ir-Regolament 17 kif ukoll ir-Regolament 99/63 ma fihom ebda dispożizzjoni apposta marbuta ma' l-azzjoni li trid tittieħed fir-rigward tal-qofol ta' xi lment u xi dmirijiet minn naħa tal-Kummissjoni biex twettaq investigazzjonijiet.

73      Meta wieħed jiġi biex jiddetermina d-dmirijiet tal-Kummissjoni f'dan il-kuntest, l-ewwel punt li wieħed irid jinnota huwa li l-Kummissjoni hija responsabbli għat-twettiq u l-orjentament tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Komunità (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-234/89 Delimitis v Henninger Braeu AG [1991] RKE I-935, f I-991). Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 89(1) tat-Trattat ta lill-Kummissjoni d-dmir li tiżgura li l-prinċipji preskritti fl-Artikoli 85 u 86 jiġu applikati, u d-dispożizzjonijiet mħaddna skond l-Artikolu 87 qegħdu fuqha setgħat wiesgħa.

74      Il-wisa tad-dmirijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta' l-Artikolu 89(1) tat-Trattat, li, f'dan il-qasam, jikkostitwixxi t-twettieq speċifiku tad-dmir ġenerali ta' sorveljanza fdat lill-Kummissjoni bl-Artikolu 155 tat-Trattat. Iżda, kif iddekretat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' l-Artikolu 169 tat-Trattat fil-Kawża 247/87 Star Fruit v Kummissjoni [1989] RKE 291, f'301, dan id-dmir ma jfissirx li l-Kummissjoni hi marbuta li tibda proċedimenti li jfittxu jistabilixxu l-eżiztenza ta' xi ksur tad-dritt Komunitarju.

75      F'dan ir-rigward, il-Qorti tagħmel l-osservazzjoni li mid-deċiżjoni ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja (deċiżjoni f'GEMA, kkwotata hawn fuq, f'3189) jidher li d-drittijiet mgħotija lill-kwerelanti mir-Regolamenti Nru 17 u 99/63 ma jinkludux id-dritt li jiksbu deċiżjoni, fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat, fir-rigward ta' l-eżistenza jew le tal-ksur allegat. Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tintalab tagħti deċiżjoni f'dan ir-rigward sakemm l-argument ta' l-ilment ma jaqax fi ħdan il-qasam eskluziv tagħha, bħal fil-każ ta' l-irtirar ta' eżenzjoni mgħotija skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat.

76      Billi l-Kummissjoni mhix taħt l-ebda rabta li tiddeċidi dwar l-eżistenza jew le ta' xi ksur ma tistax tiġi mġiegħela twettaq investigazzjoni, għax investigazzjoni bħal din ma jista' jkollha ebda għan għajr dak li tfittex xhieda ta' l-eżistenza jew le ta' xi ksur, li mhux mitlub minnha li tistabbilixxi. F'dan ir-rigward, wieħed għandu jinnota li, għall-kuntrarju tad-dispożizzjoni li tinsab fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 89(1) fir-rigward ta' l-applikazzjonijiet minn Stati Membri, ir-Regolamenti Nru 17 u 99/63 ma jeħtieġux espressament li l-Kummissjoni tinvestiga l-ilmenti mressqa quddiemha.

77      F'dan ir-rigward, ta' min wieħed josserva li, fil-każ ta' awtorità fdata bid-dmir ta' servizz pubbliku, is-setgħa li tiehu l-miżuri organizzattivi kollha meħtieġa għat-twettieq ta' dan id-dmir, inkluża d-deċiżjoni dwar il-prioritajiet ġewwa l-limiti preskritti mil-liġi º fejn dawn il-prioritajiet ma ġewx determinati mil-leġislatura � hija ħaġa waħda ma' kull attivitـ ta' amministrazzjoni. Dan għandu jkun il-każ b'mod partikolari fejn xi awtorità ġiet fdata bid-dmir ta' sorveljanza u regolazzjoni daqshekk wiesgħa u ġenerali daqs dan li ngħata lill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni tapplika gradi differenti ta' priorità lill-każijiet mressqa quddiemha fil-qasam tal-kompetizzjoni huwa kompatibbli mad-dmirijiet imposti fuqha mid-dritt Komunitarju.

78      Din l-evalwazzjoni ma toħloqx konflitt mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f'Demo-Studio Schmidt, ikkwotati hawn fuq, fil-Kawża 298/83 CICCE v Kummissjoni [1985] RKE 1105 u fil-Kawżi Maqgħuda 142 u 156/84 BAT and Reynolds v Kummissjoni [1987] RKE 4487. Fis-sentenza Demo-Studio Schmidt, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħatha li l-Kummissjoni 'kienet fid-dmir li teżamina l-fatti mressqa' mill-kwerelant, mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni jekk il-Kummissjoni setgħatx tieqaf milli tinvestiga l-ilment għax, f'dak il-każ, il-Kummissjoni kienet eżaminat il-fatti esposti fl-ilment u ma laqatux għar-raġuni li ma kien hemm xejn li jagħti ħjiel ta' l-eżistenza ta' xi ksur. Bl-istess mod din il-kwistjoni ma qamitx fil-każijiet ta' wara ta' CICCE (ikkwotat hawn fuq) u BAT and Reynolds (ikkwotat hawn fuq).

79      Iżda, minkejja li l-Kummissjoni ma tistax tiġi mġegħela twettaq investigazzjoni, is-salvagwardji proċedurali li għalihom hemm dispożizzjonijiet fl-Artikolu 3 tar-Regolament 17 u l-Artikolu 6 tar-Regolament 99/63 jeħtieġu minnha madankollu li teżamina bir-reqqa d-dettalji fattwali u legali miġjuba għall-attenzjoni tagħha mill-kwerelant biex tiddeċiedi jekk jiżvelawx xi aġir tat-tip li jxekkel il-kompetizzoni fis-suq komuni u jeffetwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenzi Demo-Studio Schmidt, CICCE u BAT and Reynolds, iċċitati hawn fuq).

80      Fejn, bħal f'dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq l-inkartament dwar ilment mingħajr ma twettaq investigazzjoni, ir-reviżjoni ta' legalità li l-Qorti għandha twettaq tiffoka fuq jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ibbażata jew le fuq fatti materjalment mhux korretti jew hijiex ivizzjata minn żball fid-dritt, żball ċar ta' evalwazzjoni jew użu ħażin tas-setgħat.

81      Hija l-Qorti li għandha tivverifika, fid-dawl ta' dawn il-prinċipji, l-ewwel nett, jekk il-Kummissjoni wettqitx l-eżami ta' l-ilment li kien meħtieġ minnha billi tivvaluta, bir-reqqa kollha meħtieġa, id-dettalji fattwali u legali miġjuba milir-rikorrenti fl-ilment tagħha u, it-tieni, jekk il-Kummissjoni pprovditx stqarrija xierqa tar-raġunijiet li għalihom ingħalaq l-inkartament fuq l-ilment fuq il-bażi tas-setgħa tagħha li "tapplika gradi differenti ta' prijorità fl-eżami tal-ksur allegat mressaq quddiemha", minn naħa waħda, u fid-dawl ta' l-interess tal-Komunità fil-każ ta' kriterju ta' prijorità, minn naħa l-oħra.

82      F'dan ir-rigward il-Qorti tikkonstata l-ewwel nett li l-Kummissjoni wettqet eżami bir-reqqa ta' l-ilment, li matulu mhux biss qieset id-dettalji fattwali u legali miġjuba fl-ilment stess, iżda wettqet ukoll skambju informali ta' fehmiet u tagħrif mar-rikorrenti u l-avukati tagħha. Kien biss wara li infurmat ruħa mid-dettalji l-oħra mogħtija mir-rikorrenti f'dik l-okkażjoni u mill-osservazzjonijiet imressqa bħala tweġiba għall-ittra mibgħuta skond l-Artikolu 6 tar-Regolament 99/63 li l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment. Għalhekk, wara li kkunsidrat id-dettalji fattwali u legali esposti fl-ilment, il-Kummissjoni wettqet eżami xieraq tagħha u ma tistax tiġi mixlija b'nuqqas ta' diliġenza.

83      It-tieni nett, għal dak li għandu x'jaqsam ma' stqarrija ta' raġunijiet fid-deċiżjoni kkontestata li tagħlaq l-inkartament, il-Qorti tiġbed l-attenzjoni l-ewwel nett li l-Kummissjoni hija intitolata li tapplika gradi differenti ta' prijorità hi hija tqis l-ilmenti mressqa quddiemha.

84      Il-punt li jmiss li wieħed irid iqis huwa jekk huwiex leġittimu, kif uriet b'argumenti l-Kummissjoni, li tagħmel riferiment għall-interessi tal-Komunità fil-każ ta' kriterju ta' prijorità.

85      F'dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f'moħħu li, għall-kuntrarju tal-qrati ċivili, li d-dmir tagħhom huwa li jissalvagwardaw id-drittijiet individwali ta' persuni privati fir-relazzjonijiet tagħhom inter se, awtorità amministrattiva għandha taġixxi fl-interess pubbliku. Għalhekk, il-Kummissjoni hija intitolata tagħmel riferiment għall-interessi tal-Komunità biex tiddetermina l-grad ta' prijorità li jrid jiġi applikat lil bosta każijiet mressqa quddiemha. Dan ma jfissirx l-Kummissjoni qed twarrab xi proċess mill-qasam tar-reviżjoni ġudiżjarja, peress li, fid-dawl tal-kondiżżjoni meħtieġa li tipprovdi staqarrija tar-raġunijiet preskritta mill-Artikolu 190 tat-Trattat, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tagħmel riferiment għall-interessi tal-Komunità fl-astratt. Għandha tfiehem il-kunsiderazzjonijiet legali u fattwali li wassluha tikkonkludi li ma kienx hemm biżżejjed interessi tal-Komunità biex tiġġustifika investigazzjoni tal-każ. Huwa għalhekk li b'reviżjoni tal-legalità ta' dawn ir-raġunijiet li l-Qorti tista' tirrevedi l-azzjoni tal-Kummissjoni

86      Sabiex tagħmel stima ta' kemm hemm interessi tal-Komunità biex issir investigazzjoni aktar fit-tul ta' xi każ, il-Kummissjoni għandha tqis iċ-ċirkustanzi tal-każ, u b'mod partikolari d-dettalji legali u fattwali esposti fl-ilment mressaq lilha. Il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari twieżgħen it-tifsira tal-ksur allegat fir-rigward tat-tħaddim tas-suq komuni, il-probabbiltà li tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur u l-wisa ta' l-investigazzjoni meħtieġa biex taqdi, fl-aqwa kundizzjonijiet possibbli, id-dmir tagħha li tiżgura li l-Artikoli 85 u 86 huma mħarsa.

87      F'dan il-kuntest, jeħtieġ li wieħed iqis jekk il-Kummissjoni kelliex raġun f'dan il-każ li tikkonkludi li ma kienx hemm biżżejjed interessi tal-Komunità għal investigazzjoni aktar fit-tul tal-każ, fuq il-bażi li l-applikant, li kienet diġa ressaq proċedimenti quddiem l-qrati Taljani li jirrigwardaw it-terminazzjoni tal-ftehim ta' distribuzzjoni, seta' ukoll iressaq quddiem dawn il-qrati l-kwistjoni jekk is-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW Italia kinitx kompatibbli ma' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

88      F'dan ir-rigward, wieħed għandu jinnota li, hi u tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni mhux sempliċement stqarriet li bħala regola ġenerali ma kelliex tipproċedi fuq xi każ fuq il-bażi biss li l-qrati nazzjonali kellhom ġurisdizzjoni. Kwistjonijiet oħra marbuta bejn Automec u BMW Italia li jirrigwardaw is-sistema ta' distribuzzjoni ta' din ta' l-aħħar kienu diġa tressqu quddiem il-qrati nazzjonali u ir-rikorrenti ma ċaħadx li l-qrati Taljani kienu infurmati mir-rabtiet kuntrattwali bejn BMW Italia u d-distributuri tagħha. Fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ir-raġunijiet marbuta ma' l-ekonomija proċedurali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jxaqilbu favur li l-każ jiġi kkunsidrat mill-qrati li quddiemhom tressqu kwistjonijiet marbuta.

89      Iżda, sabiex tagħmel stima tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ta' l-għeluq tal- fajl, jeħtieġ li tiddetermina jekk, hi hija tirreferi l-impriża kwerelanti lill-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni naqsietx li tqis il-wisa tal-protezzjoni li l-qrati nazzjonali jistgħu jipprovdu fir-rigward tad-drittijiet tar-rikorrenti skond l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

90      F'dan ir-rigward, wieħed għandu jinnota li l-Artikolu 85(1) u l-Artikolu 86 jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn individwi u jagħtu jeddijiet lill-individwi interessati li l-qrati nazzjonali għandhom jissalvagwardaw (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'BRT, iċċitata hawn fuq). Is-setgħa li tapplika dawn id-dispożizzjonijiet hija mogħtija bil-liġi kemm fil-Kummissjoni kif fil-qrati nazzjonali (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Delimitis, iċċitata hawn fuq). L-għotja ta' kompetenza hija barra minn hekk ikwalifikata mid-dmir ta' ko-operazzjoni sinċiera bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali, li toħroġ mill-Artikolu 5 tat-Trattat KEE (ara s-sentenza Delimitis, iċċitata hawn fuq).

91      Għalhekk jeħtieġ li tikkunsidra jekk il-Kummissjoni kelliex id-dritt li sserraħ fuq din il-ko-operazzjoni biex tiżgura li l-kwistjoni ta' kompatibbiltà tas-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW Italia ma' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KEE ġiet valutata.

92      Għal dan il-għan, il-qrati Taljani jistgħu jeżaminaw, l-ewwel nett, jekk is-sistema tinvolvix restrizzjonijiet ta' kompetizzjoni fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 85(1). Fil-każ ta' dubju, jistgħu jitolbu deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk isibu li kien hemm restrizzjoni ta' kompetizzjoni kuntrarja għall-Artikolu 85(1), għandhom ikomplu jikkunsidraw jekk is-sistema tikwalifikax għal eżenzjoni ġenerali skond ir-Regolament 123/85. Din il-kwistjoni wkoll taqa' taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom (ara s-sentenza Delimitis, iċċitata hawn fuq). Jekk hemm xi dubju dwar il-validità jew l-interpretazzjoni tar-regolament, il-qorti nazzjonali tista' wkoll tagħmel riferiment għall-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 177 tat-Trattat. F'kull każ il-qorti nazzjonali qegħda f'pożizzjoni li tieħu deċiżjoni dwar il-konformità tas-sistema ta' distribuzzjoni ma' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

93      Minkejja li l-qrati nazzjonali m'għandomx id-dritt li jordnaw li xi ksur misjub minnhom jinġib fi tmiem u li jimponu multi fuq l-impriżi responsabbli, bħal ma tista' l-Kummissjoni, jibqa' madankollu dmir tal-qrati nazzjonali li japplikaw l-Artikolu 85(2) tat-Trattat fir-relazzjonijiet bejn l-individwi. huwa u jagħmel dispożizzjonijiet apposta għal din is-sanzjoni ċivili, it-Trattat joħodha bħala minn qabel li l-liġi nazzjonali tagħti lill-qrati nazzjonali s-setgħa li jissalvagwardaw id-drittijiet ta' l-impriżi li ġarbu metodi anti-kompetittivi.

94      F'dan il-każ, ir-rikorrenti ma pproduċiex ebda xhieda li minnha jista' wieħed jasal biex jgħid li l-liġi Taljan ma tipprovdix rimedji legali li jippermettu lill-qrati Taljani li jissalvagwardaw id-drittijiet ta' ir-rikorrenti b'mod sodisfaċenti.

95      Punt ieħor li wieħed irid jinnota huwa li l-eżistenza fil-każ preżenti ta' regolament ta' eżenzjoni º jekk wieħed jassumi li japplika � kienet fattur li l-Kummissjoni kellha l-jedd li tqis biex tagħmel stima ta' l-interess pubbliku tal-Komunità hi u twettaq investigazzjoni tas-sistema ta' distribuzzjoni ta' dan it-tip. Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, l-għan ewlieni ta' regolament fuq eżenzjoni ġenerali huwa li jdejjaq in-notifikazzjoni u l-eżami individwali tal-ftehim ta' distribuzzjoni użat fil-qasam ta' attività interessata. Barra minn hekk, l-eżistenza ta' dan ir-regolament tħaffef l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni mill-qrati nazzjonali.

96      Għalhekk, hi huwa tirreferi ir-rikorrenti għall-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni ma naqsitx li tqis il-wisa ta' protezzjoni li dawn il-qrati jistgħu jipprovdu lild-drittijiet ta' ir-rikorrenti skond l-Artikolu 85(1) u (2) tat-Trattat.

97      Dan kollu li jidher hawn fuq ifisser li l-eżami tal-Qorti tad-deċiżjoni kkontestata ma weriex xi żball fil-liġi jew fil-fatti jew xi żball ċar ta' evalwazzjoni. Għalhekk, it-talba li tallega ksur tad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari l-Artikolu 155 tat-Trattat, l-Artikolu 3 tar-Regolament 17 u l-Artikolu 6 tar-Regolament 99/63, hija bla bażi.

98      Barra minn hekk, mal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq imur bil-fors li l-istqarrija ta' raġunijiet fid-deċiżjoni kkontestata hija biżżejjed għax ir-rikorrenti setat kif xieraq tasserixxi d-drittijiet tagħha quddiem il-Qorti, u l-Qorti setgħet twettaq ir-reviżjoni tagħha ta' legalità.

b)      It-tielet talba li tallega li Regolament 123/85 huwa illegali

L-Argumenti tal-partijiet

99      Fit-talba tagħha, Automec tfittex l-annullament tar-Regolament 123/85 f'dak li jikkostitwixxi "premessa inevitabbli" għad-deċiżjoni kkontestata, iżda mingħajr ma tressaq argumenti b'appoġġ ta' din it-talba. Fit-tweġiba tagħha, ssostni li dan ir-regolament mhux applikabbli għal dan il-każ għaliex jirregola biss it-distribuzzjoni eslużiv u mhux it-distribuzzjoni selettiva. Iżżid li, kieku dan ma kienx hekk, ir-regolament kien ikun mhux validu għaliex kien ikun b'mod ċar illoġiku u inġust kieku kien jirregola żewġ sitwazzjonijiet ekonomiċi daqshekk il-bogħod minn xulxin, jiġifieri t-distribuzzjoni esklużiv u t-distribuzzjoni selettiva, bl-istess mod identiku.

100    Il-Kummissjoni tirrepeti għal darb'oħra li hi ma ddeterminatx jekk dan ir-regolament japplikax jew le għas-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW Italia, bir-riżultat li ir-rikorrenti jattribwilha b'mod żbaljat il-fehma li r-regolament huwa applikabbli f'dan il-każ u jista' jiġi applikat bl-istess mod għas-sistemi ta' distribuzzjoni esklużivi u selettiva. Il-Kummissjoni tagħmel enfasi li ma setgħetx tiddetermina n-natura tas-sistema ta' distribuzzjoni fil-kwistjoni sakemm ma tagħmilx eżami xieraq fil-fond tal-fatti esposti fit-talba, iżda ma kinitx tqis li kien hemm biżżejjed interessi tal-Komunità biex tagħmel dan.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

101    Peress li l-partijiet jaqblu li d-deċiżjoni kkontestata, li barra minn hekk ma fiha ebda riferiment għar-Regolament 123/85 jew għall-kompatibbiltà tas-sistema ta' distribuzzjoni ta' BMW Italia miegħu, ma tiddeterminax jekk ir-Regolament 123/85 huwiex applikabbli għal dan il-każ, it-talba msemmija hija inoperanti. Għandha għalhekk f'kull każ tiġi miċħuda.

c)      Ir-raba talba li tallega użu ħażin tas-setgħa

L-Argumenti tal-partijiet

102    B'din it-talba, Automec tallega fir-rikors tagħha li l-Kummissjoni użat ir-regoli tal-Komunità bil-għan li tħares impriża waħda flok il-kompetizzjoni in ġenerali. Fiir-risposta tagħha, hija żżid li ċ-ċaħda li tagħti bidu għal investigazzjoni lanqas fid-dawl taċ-ċirkulari hawn fuq imsemmija tas-7 ta' Lulju 1988 li fiha BMW ħeġġet lid-distributuri tagħha biex jiefqu jbiegħu vetturi lil negozjanti mhux awtorizzati u "intermedjarji jew konċessjonarji" tikkonferma l-ħsieb tal-Kummissjoni li tagħti trattament preferenzjali lil BMW billi "sserraħa wkoll mid-dwejjaq li jkollha tagħti spjegazzjoni". Barra minn dan, hi ssostni li l-ebda waħda mit-tliet ittri li rċieviet mill-Kummissjoni ma turi r-raġunijiet veri li wasslu lill-Kummissjoni biex ma tilqax l-ilment tagħha u x-xhieda li ppreżentat għall-kunsiderazzjoni.

103    Il-Kummissjoni tiċħad li naqqset milli taqdi dmirha li teżamina l-ilment b'mod assolutament imparzjali. Hi tqis li wettqet b'mod oġġettiv is-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward ta' l-eżami ta' l-ilmenti li tirċievi u tiġbed l-attenzjoni li ir-rikorrenti għandha mhux tallega biss iżda tipprova wkoll li f'dan il-każ il-Kummissjoni użat ħażin din is-setgħa u/jew kienet ippreġudikata fl-eżerċiżju tagħha, inkwantu hi fittxet li tilħaq għan ieħor li mhux dak li għalih ingħatatilha s-setgħa mil-leġislazzjoni tal-Komunità. Il-Kummissjoni ssostni li ma kellha ebda ħsieb li "teħles" minn qabel lil BMW Italia mill-akkuża ta' ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, anqas iktar li tagħtiha l-benefiċju ta' dak li jista' jissejjah preżunzjoni ta' innoċenza.

104    Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni żżid li l-istqarrija ta' Automec li ebda waħda mill-ittri suċċessivi ma wriet ir-raġunijiet veri għad-deċiżjoni tagħha mhix ħlief impunjazzjoni tar-raġunijiet tagħha, li hija ħaġa inaċċettabbli, u li r-"raġunijiet veri" li fuqhom hi bażata t-tieni parti tad-deċiżjoni kkontestata huma biss dawk esposti fl-ittra tat-28 ta' Frar 1990.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

105    Il-Qorti tosserva li allegazzjoni ta' użu ħażin tas-setgħa tista' titqies biss jekk ir-rikorrenti tressaq xhieda oġġettiva, rilevanti u konsistenti li tipprovdi biżżejjed appoġġ għal dak li jkun qed jallega (ara, per eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Lulju 1989, Caturla-Poch u De la Fuente vs Il-Parlament, 36/87, Ġabra p.2471, 2489, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Ġunju 1991, Valverde vs Il-Qorti tal-Ġustizzja T-156/89, Ġabra p. II-407, II-453).

106    Għalhekk, jeħtieġ li wieħed jeżamina jekk x-xhieda mressqa mir-rikorrenti tagħtix indikazzjoni li l-Kummissjoni użat is-setgħa li tiddeċidi mgħotija lilha mir-Regolament 17 għal xi għan ieħor minn dak li għalih ingħalha s-setgħa, jiġifieri li tissorvelja l-applikazzjoni tal-prinċipji preskritti mill-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat.

107    F'dan ir-rigward, wieħed għandu josserva li ir-rikorrenti ma ressqet ebda fatti konkreti li minnhom wieħed jista' jasal biex jgħid li r-raġunijiet mgħotija mill-Kummissjoni biex tiġġustifika l-għeluq ta' l-inkartament li jirrigwarda l-ilment kienu biss skużi u li l-għan veru kien li tevita li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni lil BMW. Il-fatt li l-Kummissjoni ma vvalutatx jekk l-aġir ta' BMW kienx bi tħaris ta' l-Artikolu 85 ma jfissirx li ġabet ruħa b'mod arbitrarju, partikolarment peress li ir-rikorrenti ma tiċħadx li din l-evalwazzjoni kien ikollha bżonn inkjesta fit-tul u kumplessa. Iċ-ċirkulari ta' BMW tas-7 ta' Lulju 1988, li ir-rikorrenti rreferiet ukoll għaliha, bl-ebda mod ma turi użu ħażin ta' setgħa minn naħa tal-Kummissjoni. Dik l-ittra sempliċement tesponi istruzzjonijiet minn BMW Italia lid-distributuri tagħha u b'ebda mod ma tindika li l-Kummissjoni fittxet li tipproteġi kumpanniji fil-grupp ta' BMW meta adottat id-deċiżjoni kkontestata. Għall-bqija, ir-rikorrenti tressaq argumenti li jfittxu li juru l-eżistenza ta' xi ksur ta' l-Artikolu 85 minn BMW. Dawn l-argumenti pero ma jammontawx għal xhieda li minnha wieħed jista' jasal biex jgħid li l-Kummissjoni kienet iggwidata minn kunsiderazzjonijiet illegali meta ddeċidiet li ma tikkontrollax jekk dawn l-allegazzjonijiet kienux fondati.

108    Għalhekk, għandu jiġi kkonstata li ma sarx użu ħażin mis-setgħa u din it-talba trid tiġi miċħuda.

109    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet hemm lok li jintqal li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda. Peress li t-talba għall-kumpens hija bbażata kollha kemm hi fuq l-istess talbiet li fuqhom serħet it-talba għal annullament, din ukoll għandha tiġi miċhuda fl-assenza ta' illegalità minn naħa tal-Kummissjoni, mingħajr ma hemm għalfejn jiġi ddeterminat jekk hijiex ammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

110    Skond l-Artikolu 87 (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, għanda tbati l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

taqta' u tiddeciedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjez.

Cruz Vilaça

Kirschner      Vesterdorf

García-Valdecasas

Lenaerts        Barrington

Saggio

Yeraris

Schintgen

Briët

 

      Biancarelli

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta' Settembru 1992.

Reġistratur

 

       il-President

H. Jung

 

      J. L. Cruz Vilaça                  


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.