KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2015(1)
Kawża C-333/14
The Scotch Whisky Association et
vs
The Lord Advocate
The Advocate General for Scotland
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Session (qorti suprema ċivili, l-Iskozja, ir-Renju Unit)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tas-saħħa – Proporzjonalità”
1. Sabiex inaqqas il-konsum tal-alkoħol, il-Parlament Skoċċiż adotta, fl-24 ta’ Mejju 2012, l-Att 2012 dwar l-Alkoħol (Ipprezzar minimu) (l-Iskozja) [Alcohol (Minimum Pricing) (Scotland) Act 2012] (2) li jipprojbixxi l-bejgħ tal-alkoħol bi prezz inqas minn prezz minimu kkalkolat abbażi tal-kontenut tal-alkoħol. Wara li ġiet adottata din il-liġi, il-ministri Skoċċiżi (Scottish Ministers) fasslu d-Digriet 2013 dwar l-alkoħol (Ipprezzar minimu għal kull unità) (l-Iskozja) [Alcohol (Minimum Price per Unit) (Scotland) Order 2013] (3), li jistabbilixxi l-prezz minimu għal kull unità ta’ alkoħol (4) (“minimum price per unit”) (5), għal GBP 0.50.
2. Fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, tliet assoċjazzjonijiet ta’ produtturi ta’ xorb alkoħoliku, jiġifieri, The Scotch Whisky Association, il-Conféderation européenne des producteurs de spiriteux u l-Comité européen des entreprises vins (CEEV) (6), u min-naħa l-oħra, il-Lord Advocate u l-Advocate General for Scotland, il-Court of Session ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiża li tingħata risposta dwar jekk l-implementazzjoni ta’ prezz minimu huwiex kompatibbli, minn naħa, mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (7) u, min-naħa l-oħra, mal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.
3. F’dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina, fl-ewwel lok, il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mar-regolament “OKS uniku”. F’dan ir-rigward ser insostni li dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut ta’ nbejjed skont il-kwantità ta’ alkoħol fil-prodott mibjugħ, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata bl-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, u b’mod partikolari dak tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.
4. Fit-tieni lok, ser nipproċedi b’analiżi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.
5. Wara li jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi ostakolu fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, peress li hija ta’ natura li ċċaħħad lil ċerti produtturi jew importaturi ta’ xorb alkoħoliku mill-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta minn prezzijiet ta’ produzzjoni iktar baxxi, ser insostni li, sabiex jiġi evalwat jekk miżura tissodisfax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija l-qorti nazzjonali li għandha:
– tivverifika jekk il-provi li l-Istat Membru għandu jipproduċi jippermettux raġonevolment li jiġi evalwat li l-metodi magħżula huma adatti għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq u li, b’din l-għażla, l-Istat Membru ma eċċediex il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, u
– tieħu inkunsiderazzjoni l-portata tad-detriment ta’ din il-miżura għall-moviment liberu tal-merkanzija meta mqabbla ma’ miżuri alternattivi li jippermettu li jintlaħaq l-istess għan u waqt l-ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni.
6. Barra minn hekk, ser insostni li, meta, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali tkun adita b’rikors għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għadha ma daħlitx fis-seħħ u għadha, parzjalment, fl-istadju ta’ sempliċi abbozz, hija għandha, sabiex tevalwa l-proporzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-għan li għandu jintlaħaq, teżamina mhux biss l-informazzjoni li kellhom l-awtoritajiet nazzjonali u li huma eżaminaw waqt it-tfassil tal-imsemmija leġiżlazzjoni, iżda wkoll l-informazzjoni fattwali kollha disponibbli fid-data li fiha taqta’ l-kawża. Ser insostni li ma hemmx restrizzjonijiet partikolari għas-setgħa tal-qorti nazzjonali li teżamina dawn il-provi, minbarra dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontradittorju u, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tad-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi fil-qrati.
7. Finalment, ser nispjega li Stat Membru, għall-insegwiment tal-għan tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, li jagħmel parti minn dak tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jista’ biss jadotta leġiżlazzjoni li timponi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tax-xorb alkoħoliku, li tillimita l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, minflok tassazzjoni ogħla ta’ dawn il-prodotti, biss bil-kundizzjoni li juri li l-miżura magħżula għandha vantaġġi supplimentari jew inqas inkonvenjenzi meta mqabbla mal-miżura alternattiva. Ser insostni wkoll li l-fatt li miżura alternattiva ta’ taxxa miżjuda tista’ tipprovdi vantaġġi supplimentari billi tikkontribwixxi għall-għan ġenerali tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol ma jiġġustifikax li din il-miżura tiġi eskluża favur miżura ta’ MPU.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. It-Trattat FUE
8. Skont l-Artikolu 39(1)(c) u (e) TFUE, l-għan tal-politika agrikola komuni (iktar ’il quddiem il-“PAK”) huwa li jiġu stabbilizzati s-swieq u żgurati prezzijiet raġonevoli tal-kunsinni lill-konsumatur.
9. L-Artikolu 40 TFUE jipprevedi li, sabiex jinkisbu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 39 TFUE, għandha tiġi stabbilita organizzazzjoni komuni għal swieq agrikoli (8) li tista’ tinkludi, inter alia, “kontrolli tal-prezzijiet”.
10. L-Artikolu 43(3) TFUE jipprevedi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta, inter alia, “il-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet”.
2. L-OKS
11. Ir-regolament “OKS uniku” jistabbilixxi OKS li tkopri, b’mod partikolari, l-inbejjed.
12. Skont l-Artikolu 167 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli għall-kummerċjalizzazzjoni biex itejbu u jistabbilizzaw l-operazzjoni tas-suq komuni f’inbejjed”:
“Biex titjieb u tiġi stabbilizzata l-operazzjoni tas-suq komuni f’inbejjed, inkluż l-għeneb, il-most u l-inbejjed li minnhom jidderivaw, l-Istati Membri produtturi jistgħu jistabbilixxu regoli għall-kummerċjalizzazzjoni biex jirregolaw il-provvista, partikolarment permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda minn organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti skont l-Artikoli 157 u 158.
Dawn ir-regoli għandhom ikunu proporzjonati għall-objettiv segwit u ma għandhomx:
a) ikunu relatati ma’ ebda transazzjoni wara l-ewwel kummerċjalizzazzjoni tal-prodott kollu konċernat;
b) jippermettu li jsir iffissar tal-prezzijiet, inkluż fejn prezzijiet ikunu ffissati bħala gwida jew rakkomandazzjoni.”
B – Id-dritt tar-Renju Unit
13. Skont l-Artikolu 1(2) tal-Liġi tal-2012, l-alkoħol ma jistax jinbiegħ bi prezz inqas minn prezz minimu kkalkolat skont il-formula “Prezz minimu = MPU x S x V x 100” (9).
14. Il-Liġi tal-2012 tagħti lis-setgħa regolamentari l-inkarigu li tiddetermina l-ammont tal-MPU kif ukoll id-data li fih jidħol fis-seħħ.
15. Il-ministri Skoċċiżi fasslu abbozz ta’ Digriet tal-2013 li kien jistabbilixxi l-ammont tal-MPU għal GBP 0.50, għall-approvazzjoni tal-Parlament Skoċċiż.
II – Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari
16. Wara l-adozzjoni tal-Liġi tal-2012, The Scotch Whisky Association et ippreżentaw rikors ġudizzjarju (“judicial review”) kontra din il-liġi u l-abbozz tad-Digriet tal-2013.
17. Peress li din it-talba ġiet miċħuda fl-ewwel istanza mill-Court of Session, Outer House, The Scotch Whisky Association et appellaw.
18. Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2015, il-Court of Session, Extra Division, Inner House, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) Skont interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, b’mod partikolari tar-Regolament Nru 1308/2013, huwa leġittimu għal Stat Membru li jippromulga miżura nazzjonali li tipprevedi prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut ta’ inbid skont il-kwantità ta’ alkoħol li jinsab fil-prodott mibjugħ, liema sistema ta’ prezzijiet b’hekk tinjora l-prinċipju tad-determinazzjoni libera tal-prezzijiet mill-forzi tas-suq li jikkaratterizza s-suq tal-inbid?
2) Fil-każ fejn tiġi invokata ġustifikazzjoni abbażi tal-Artikolu 36 TFUE, meta:
– Stat Membru jkun ikkonkluda li, fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, huwa opportun li jiżdied il-prezz tal-konsum ta’ prodott, f’dan il-każ ix-xorb alkoħoliku, għall-konsumaturi jew għal parti minnhom, u
– dan ikun prodott li fuqu l-Istat Membru huwa liberu li jiffissa dazji tas-sisa jew taxxi oħra (inklużi taxxi jew dazji bbażati fuq il-livell jew il-volum ta’ alkoħol, jew fuq il-valur tal-prodott, jew kombinazzjoni ta’ tali miżuri fiskali),
id-dritt tal-Unjoni jippermetti, u jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet, li Stat Membru ma jadottax tali miżuri fiskali li jinvolvu ż-żieda fil-prezz imħallas mill-konsumaturi u li jagħżel miżuri leġiżlattivi li jiffissaw prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut li joħolqu distorsjoni tal-kummerċ ġewwa l-Unjoni u tal-kompetizzjoni?
3) Meta qorti ta’ Stat Membru tintalab tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk miżura leġiżlattiva nazzjonali, li tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fuq il-kummerċ inkompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE, tistax madankollu tiġi ġġustifikata mill-Artikolu 36 TFUE għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, din tkun limitata biss għall-evalwazzjoni tal-informazzjoni, tal-provi jew ta’ dokumenti oħra li kellu l-leġiżlatur għad-dispożizzjoni tiegħu u li dan eżamina meta adotta l-miżura msemmija? F’każ ta’ risposta negattiva, liema restrizzjonijiet oħra jistgħu jitpoġġew fuq is-setgħa ta’ stħarriġ tal-qorti li teżamina d-dokumenti jew il-provi kollha disponibbli ppreżentati mill-partijiet fil-mument meta din tintalab tagħti deċiżjoni?
4) Meta, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni u ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti ta’ Stat Membru tintalab tagħti deċiżjoni fuq affermazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali li miżura li tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE hija ġġustifikata bħala deroga ammessa mill-Artikolu 36 TFUE fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, sa fejn għandha jew tista’ l-qorti, abbażi tal-provi ppreżentati quddiemha, tifforma opinjoni oġġettiva fuq l-effettività tal-miżura msemmija biex tilħaq l-għanijiet iddikjarati, fuq il-possibbiltà li jiġu implementati miżuri oħra li l-effetti tagħhom li jkunu mill-inqas ekwivalenti jkunu joħolqu inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-Unjoni u, b’mod ġenerali, fuq il-proporzjonalità tal-miżura msemmija?
5) Waqt l-eżami (fil-kuntest ta’ kwistjoni dwar jekk miżura tkunx iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem b’applikazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE) tal-eżistenza ta’ miżura oħra possibbli, li ma toħloqx distorsjoni jew li mill-inqas ma toħloqx daqstant distorsjoni tal-kummerċ fl-Unjoni u tal-kompetizzjoni, huwa motiv leġittimu biex tiġi eskluża din il-miżura l-oħra l-fatt li l-effetti tagħha jistgħu ma jkunux perfettament ekwivalenti għal dawk tal-miżura kkontestata abbażi tal-Artikolu 34 TFUE iżda li din tista’ twassal għal vantaġġi supplimentari u tissodisfa għan iktar wiesa’ u ġenerali?
6) Biex tevalwa jekk miżura nazzjonali, ammessa jew ikkonstatata bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE u li għaliha titressaq ġustifikazzjoni abbażi tal-Artikolu 36 TFUE, u b’mod partikolari għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tagħha, sa fejn tista’ l-qorti li titressaq il-kawża quddiemha tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tagħha tan-natura u tal-firxa li fiha l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva kuntrarja għall-Artikolu 34 [TFUE]?”
III – L-analiżi tiegħi
A – Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
19. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija partikolari għaliex tressqet fil-kuntest ta’ kawża prinċipali intiża sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ liġi nazzjonali li għadha ma daħlitx fis-seħħ u ta’ digriet ta’ implementazzjoni li għadu sempliċi abbozz.
20. Din il-partikolarità ma hijiex tali li tikkonfuta l-ammissibbiltà ta’ din it-talba, li tissodisfa bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-kawża, li biha hija adita l-qorti tar-rinviju, liema kawża ma hijiex ipotetika.
21. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat l-ammissibbiltà ta’ domandi preliminari magħmula fil-kuntest ta’ proċeduri kawtelatorji ppreżentati sabiex tingħata dikjarazzjoni u li, filwaqt li ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju li jipprevedi d-dritt tar-Renju Unit, hija aċċettat il-possibbiltà għall-individwi li jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali l-invalidità ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, anki meta dan l-att ma kienx diġà effettivament is-suġġett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati skont id-dritt nazzjonali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li l-qorti nazzjonali tkun adita b’tilwima ġenwina li fiha, b’mod inċidentali, tqum il-kwistjoni tal-validità ta’ tali att (10).
22. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, fil-kawża ineżami, li The Scotch Whisky Association et ppreżentaw, quddiem il-Court of Session, rikors ġudizzjarju intiż sabiex jikkontesta l-kompatibbiltà, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, ta’ miżura adottata mil-leġiżlatur Skoċċiż, li d-dħul fis-seħħ tagħha hija suġġetta għall-adozzjoni mill-ministri Skoċċiżi ta’ digriet ta’ implementazzjoni, u, min-naħa l-oħra, ta’ abbozz ta’ dan id-digriet.
23. Għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, li ma hijiex ipotetika, il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk issolvi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali prevista hijiex kompatibbli jew le ma’ dan id-dritt.
24. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Session.
B – Fuq id-domandi preliminari
1. Il-kompatibbiltà tal-MPU mar-regolament “OKS uniku”
25. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tar-regolament “OKS uniku” għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut ta’ inbid skont il-kwantità ta’ alkoħol fil-prodott mibjugħ.
26. Insostenn ta’ din id-domanda, il-Court of Session tiddikjara li, prima facie, miżura nazzjonali li tistabbilixxi prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut hija inkompatibbli mar-regolament “OKS uniku”, meta, bħal fil-każ preżenti tal-OKS fis-settur tal-inbid, is-suq huwa organizzat abbażi tal-iffissar liberu tal-prezzijiet. Madankollu, hija tesprimi dubji dwar dan is-suġġett billi tistaqsi, b’mod partikolari, dwar l-effett tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li inkluda l-PAK fil-qasam tal-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
27. Qabelxejn, nosserva, li l-fatt li issa l-PAK, skont l-Artikolu 4(2)(d) TFUE, taqa’ taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, ma jidhirlix li neċessarjament għandu effett fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula. Għalkemm dan l-iżvilupp ma huwiex mingħajr konsegwenzi (11), madankollu l-kompetenza mogħtija lill-Istati Membri, kif jispeċifika l-Artikolu 2(2) TFUE, tista’ tiġi eżerċitata biss “sal-punt fejn” l-Unjoni ma eżerċitatx il-kompetenza tagħha jew iddeċidiet li ma tibqax teżerċitaha (12). Għaldaqstant, kompetenza kondiviża min-natura tagħha tista’ issir kompetenza esklużiva bl-eżerċizzju meta l-Unjoni tadotta miżuri fil-qasam ikkonċernat u, għalhekk, tipprekludi lill-Istati Membri mis-setgħa leġiżlattiva tagħhom minħabba l-effett tal-prelazzjoni relatata mal-“okkupazzjoni tat-territorju” tal-miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni.
28. Għadu jrid jiġi stabbilit jekk l-Unjoni eżerċitatx il-kompetenza tagħha u, għalhekk, ipprekludietx lill-Istati Membri mis-setgħa leġiżlattiva tagħhom.
29. Fil-qasam tal-PAK, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, b’mod ġenerali, li t-testi li kienu jirregolaw, fis-snin 80, l-OKS tal-inbid kienu jikkostitwixxu “sistema kompleta”, “b’mod partikolari fir-rigward ta’ prezz ta’ intervent, kummerċ ma’ pajjiżi terzi, regoli ta’ produzzjoni u ta’ ċertu prattiċi enoloġiċi u fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ismijiet tal-inbid u ta’ ittikkettjar” (13). Minn dan hija ddeduċiet li, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni speċjali fis-sens kuntrarju, l-Istati Membri ma kellhomx iktar kompetenza f’dan il-qasam (14).
30. Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-regoli relatati mal-iffissar tal-prezzijiet mill-OKS, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-premessa li dawn l-organizzazzjonijiet huma bbażati fuq il-prinċipju tas-suq ħieles, li għalih il-produtturi kollha għandhom aċċess liberu f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva u li l-funzjonament tiegħu huwa rregolat biss mill-istrumenti previsti mill-imsemmija organizzazzjonijiet, iddeċidiet ripetutament li, fl-oqsma koperti mill-OKS, speċjalment meta OKS ikunu bbażati fuq sistema komuni ta’ prezzijiet, l-Istati Membri ma jistgħux jintervjenu iktar permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, meħuda unilateralment, li jaffettwaw il-mekkaniżmu tal-iffissar tal-prezzijiet irregolati mill-OKS (15). Skont din l-istess ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet ta’ regolament agrikolu Komunitarju li jinkorpora sistema ta’ prezzijiet applikabbli fl-istadji tal-produzzjoni u tal-kummerċ bl-ingrossa jħallu lill-Istati Membri liberi li jieħdu miżuri adatti fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet fl-istadji ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ konsum, bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati (16).
31. Madankollu, l-OKS żviluppaw b’mod drastiku matul l-aħħar għoxrin sena. Minkejja li inizjalment kienet ibbażata fuq loġika sabiex jiġi żgurat id-dħul tal-bdiewa affettwati minn sistema ta’ prezz u ta’ interventi (17), l-OKS tal-inbid kienet suġġetta għal diversi emendi li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, waslu progressivament għall-abbandun tas-sistemi ta’ intervent klassiċi favur liberalizzazzjoni tas-suq tal-inbid bl-iffissar tal-prezzijiet li jirriżulta mill-konfrontazzjoni ħielsa bejn il-provvista u d-domanda.
32. Għalhekk, fir-rigward tal-karatteristiċi preżenti tal-OKS fis-settur tal-inbid, li sar sempliċi komponent tar-regolament “OKS uniku”, għandu jiġi rrilevat li din ma għadhiex ibbażata fuq sistema komuni ta’ prezzijiet li l-funzjonament tagħha jista’ jinbidel bl-intervent ta’ miżuri meħuda b’mod unilaterali mill-Istati Membri.
33. Filwaqt li veru li r-regolament “OKS uniku” jinkludi, fl-Artikolu 167(1)(b) tiegħu, dispożizzjoni dwar l-iffissar tal-prezzijiet, li fid-dawl tagħha l-Istati Membri ma għandhomx jawtorizzaw l-iffissar tal-prezz, inkluż meta l-prezzijiet jiġu stabbiliti bħala gwida jew rakkomandazzjoni; għandu jiġi kkonstatat li, kif isostnu korrettament il-Lord Advocate, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern tal-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni, li tirriproduċi l-Artikolu 67(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 (18), għandha portata limitata peress li hija intiża biss sabiex tispeċifika l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 167(1) tar-regolament “OKS uniku” sabiex jiddefinixxu regoli tal-kummerċ li jirregolaw il-provvista. Skont l-għan tal-kompetizzjoni ħielsa, din l-awtorizzazzjoni ma għandhiex tinftiehem bħala li tawtorizza l-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali li għandhom, b’mod partikolari, l-għan li jippermettu jew jiffavorixxu l-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet li permezz tagħhom organizzazzjonijiet interprofessjonali jistabbilixxu l-prezz tal-inbid. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 44 tar-Regolament Nru 479/2008 li tipprevedi li, għalkemm, sabiex jitjieb il-funzjonament tas-suq għall-inbid, l-Istati Membri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jimplementaw deċiżjonijiet meħuda mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali, madankollu, il-prattiki li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni għandhom jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
34. Jiena għalhekk nasal għall-konklużjoni li fir-regolament “OKS uniku”, ma għadhiex teżisti sistema ta’ iffissar ta’ prezzijiet li l-eżistenza tagħha jkollha l-effett li leġiżlazzjoni li timponi prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut tax-xorb alkoħoliku, fosthom l-inbid, tkun, min-natura tagħha stess, tikkontradixxi din is-sistema u tikkawżalha detriment b’mod dirett.
35. Filwaqt li għandha tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ kunflitt dirett bejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-OKS tal-inbid, għadu jrid jiġi stabbilit jekk din il-miżura tiksirx fil-prinċipju l-Artikolu 4(3) TUE, minħabba l-fatt li hija tikkomprometti l-għanijiet u l-funzjonament ta’ din l-organizzazzjoni. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta jkun hemm regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq f’settur partikolari, l-Istati Membri huma obbligati li jonqsu milli jadottaw kwalunkwe miżura li tista’ tidderoga minnu jew tippreġudikah (19).
36. Il-Kummissjoni ssostni li miżuri adottati mill-Istati Membri fir-rigward ta’ bejgħ bl-imnut, bħal sistema ta’ prezzijiet minimi, jistgħu jikkompromettu l-OKS b’żewġ modi differenti, billi jipprekludu lill-operaturi milli jgawdu b’mod sħiħ il-vantaġġi kompetittivi inkoraġġiti minn OKS li tintervjeni inqas jew billi jinfluwenzaw “il-programmi kollha ta’ sostenn lill-bdiewa mirquma ferm” (20) li jiddependu, parzjalment, minn fatturi li jiddependu fuq id-domanda ta’ prodotti tad-dwieli mill-konsumatur finali, li hija direttament influwenzata mill-prezz tal-bejgħ bl-imnut. Skont il-Kummissjoni, jekk is-sistema ta’ MPU kienet ivvalidata, imbagħad adottata f’diversi Stati Membri, il-preżunzjoni leġiżlattiva li fuqha huwa bbażat ir-regolament “OKS uniku”, ibbażata fuq struttura ekwilibrata tal-provvista u d-domanda u fuq l-iffissar liberu tal-prezzijiet bl-operat tas-suq, tkun ineffettiva.
37. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li jitfakkar li mill-Artikolu 39 TFUE jirriżulta li huma rrikonoxxuti kemm is-supremazija tal-politika agrikola fuq l-għanijiet tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni kif ukoll is-setgħa tal-Kunsill li jiddeċiedi sa fejn ir-regoli ta’ kompetizzjoni għandhom japplikaw fis-settur agrikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li l-OKS ta’ prodotti agrikoli “ma jikkostitwixxux spazji fejn ma hemmx kompetizzjoni ” (21) u li “ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-prodotti agrikoli tifforma parti mill-għanijiet tal-PAK” (22). Għalhekk, fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ iffissar tal-prezzijiet, il-libertà tal-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ tirrifletti, fis-setturi koperti minn OKS, il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva.
38. Ma jidhirlix li huwa kontestabbli li l-iffissar minn Stat Membru wieħed jew iktar ta’ prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodott jista’ jikkomprometti l-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta mill-prezzijiet ta’ produzzjoni iktar baxxi u jwassal b’hekk għal distorsjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-produtturi li jinsabu fi Stati Membri differenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ikkonstatat u ħadet inkunsiderazzjoni ripetutament l-effett antikompetittiv li jirriżulta minn leġiżlazzjoni li tistabbilixxi prezz minimu (23).
39. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern tal-Irlanda, jiena għalhekk naħseb li l-qorti tar-rinviju kienet korretta meta kkunsidrat li miżura nazzjonali li tikkomprometti l-prinċipju tal-libertà tal-iffissar tal-prezzijiet permezz tal-provvista u tad-domanda hija, fil-prinċipju, inkompatibbli mar-regolament “OKS uniku” li, peress li ma għadux jinkludi mekkaniżmu ta’ iffissar tal-prezzijiet, huwa bbażat fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva bejn il-produtturi tal-istess prodott.
40. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, diversi drabi, li t-twaqqif ta’ OKS ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw regoli nazzjonali li għandhom għan ta’ interess nazzjonali għajr dawk koperti mill-OKS, anki jekk dawn ir-regoli jista’ jkollhom effett fuq il-funzjonament tas-suq komuni fis-settur ikkonċernat (24). Għaldaqstant, l-insegwiment ta’ għan leġittimu bħal dak tal-protezzjoni tas-saħħa pubbliku huwa tali li jiġġustifika l-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, anki meta tkun ġiet stabbilita OKS.
41. Minkejja li, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, diversi drabi, li l-insegwiment tal-għanijiet tal-PAK “ma tistax tinjora” rekwiżiti ta’ interess ġenerali bħall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-ħajja tal-annimali (25) u li l-protezzjoni tas-saħħa “tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-[PAK]” (26), imsemmija fl-Artikolu 38(1) TFUE, b’mod partikolari meta l-produzzjoni agrikola hija direttament dipendenti fuq id-domanda tal-konsumaturi li huma dejjem iktar konxji sabiex jipproteġu s-saħħa tagħhom (27) u, min-naħa l-oħra, minkejja li r-regolament “OKS uniku” jinkludi diversi dispożizzjonijiet li jikkunsidraw il-preokkupazzjonijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali (28), xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-regolament ma huwiex speċifikament intiż sabiex jintlaħaq fil-livell tal-Unjoni l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa, b’mod ġenerali, u dak tal-ġlieda kontra l-konsum perikoluż jew eċċessiv ta’ xorb alkoħoliku, b’mod partikolari.
42. Għalhekk, minkejja li tikkostitwixxi għan reali tal-PAK, il-protezzjoni tas-saħħa xorta tibqa’ waħda aċċessorja, b’tali mod li dan l-għan jista’ jiġi invokat mill-Istati Membri sabiex jiġġustifikaw leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha effett fuq il-funzjonament tal-organizzazzjoni komuni fis-settur ikkonċernat.
43. Tant huwa hekk li l-Artikolu 168(5) TFUE jeskludi kull armonizzazzjoni ta’ liġijiet u ta’ regolamenti tal-Istati Membri li huma intiżi sabiex jipproteġu u jtejbu s-saħħa tal-bniedem u dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju ma għandhomx jintużaw bħala bażi ġuridika sabiex tiġi evitata din l-esklużjoni espressa (29).
44. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nikkunsidra li l-eżistenza ta’ OKS li tkopri s-settur tal-inbid ma tipprekludix lill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom milli jadottaw miżuri sabiex jipproteġu s-saħħa u, b’mod partikolari, jiġġieldu kontra l-abbuż tal-alkoħol. Madankollu, meta l-miżura nazzjonali tikkomprometti l-prinċipju tal-libertà tal-iffissar tal-prezzijiet ta’ bejgħ li jikkostitwixxi komponent tar-regolament “OKS uniku”, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li hija tissodisfa b’mod effettiv l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.
45. Kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, jiena naħseb li l-eżami tal-proporzjonalità tal-miżura għandu jsir fil-kuntest tal-analiżi li għandha ssir b’riferiment għall-Artikolu 36 TFUE.
46. Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-regolament “OKS uniku” għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi prezz minimu ta’ bejgħ tal-inbid bl-imnut skont il-kwantità ta’ alkoħol fil-prodott mibjugħ, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata minn għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, u b’mod partikolari dak tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
2. Il-kompatibbiltà tal-MPU mal-Artikolu 34 TFUE
a) L-osservazzjonijiet preliminari
47. Għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju bbażat ruħha fuq il-premessa li l-miżura kkontestata għandha tiġi kklassifikata bħala “miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni” ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE. Il-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu fuq din il-klassifikazzjoni ma jidhirlix li teħles lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-obbligu li tivverifika jekk din il-premessa hijiex żbaljata jew le, peress li risposta negattiva għal din id-domanda tista’ teskludi l-obbligu li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 36 TFUE.
48. Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jiġi evalwat jekk il-MPU jikkostitwixxix miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni.
b) L-eżistenza ta’ miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni
49. Il-kwistjoni li tqum mill-eżami tal-leġiżlazzjoni kkontestata fir-rigward tal-Artikolu 34 TFUE tirrikjedi li jiġu pparagunati l-iżviluppi tal-ġurisprudenza ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi mal-ġurisprudenza speċifika għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prezzijiet.
50. Ma għandix il-ħsieb li nidħol f’ħafna dettall fuq l-iżviluppi magħrufa sew tal-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi.
51. Ser nillimita ruħi sabiex infakkar b’mod skematiku li, fis-sentenza tagħha Dassonville (30), il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, bħala “kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju” (31).
52. Sussegwentement, fis-sentenza tagħha Keck u Mithouard (32), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra ma hijiex ta’ natura li tikkostitwixxi tali ostakolu, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, u sakemm jaffettwaw bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dik tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (33).
53. Sussegwentement, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs L-Italja (34) hija sostniet li għandhom jitqiesu bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi l-miżuri adottati minn Stat Membru li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li jittrattaw b’mod inqas favorevoli l-merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra, kif ukoll regoli dwar il-kundizzjonijiet li din il-merkanzija għandha tissodisfa, anki jekk dawn ir regoli japplikaw mingħajr diskriminazzjoni għall-prodotti kollha. Skont l-istess sentenza, taqa’ wkoll taħt dan il-kunċett “kull miżura li tostakola l-aċċess għas-suq ta’ Stat Membru għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra” (35).
54. It-tieni linja ġurisprudenzjali li fir-rigward tagħha għandha tiġi evalwata n-natura tal-leġiżlazzjoni kkontestata hija dik dwar l-interpretazzjoni partikolari tar-regolamenti relatati mal-iffissar tal-prezzijiet, b’mod partikolari dawk li jimponu prezz minimu. Skont din il-ġurisprudenza, li rriżultat mis-sentenza van Tiggele (36), ir-regolamenti nazzjonali li jimponu prezz minimu jikkostitwixxu miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, prekluża mill-Artikolu 34 TFUE, sa fejn, filwaqt li japplikaw mingħajr distinzjoni għall-prodotti nazzjonali u għall-prodotti importati, huma jistgħu joħolqu żvantaġġ għall-bejgħ ta’ dawn tal-aħħar billi jipprekludu li l-prezz ta’ produzzjoni iktar baxx tagħhom jiġi rifless fil-prezz ta’ bejgħ lill-konsumatur (37).
55. Il-paragun ta’ dawn iż-żewġ linji ġurisprudenzjali jqajjem żewġ settijiet ta’ domandi li jikkonċernaw, minn naħa, l-għan tal-miżuri ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet u, min-naħa l-oħra, il-kriterji tal-ostakolu. Minn naħa, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkwalifikata bħala sempliċi “modalità ta’ bejgħ”, fis-sens tas-sentenza Keck u Mithouard (38)? Min-naħa l-oħra, il-kriterju dwar l-eżistenza ta’ ostakolu li jipprekludi l-possibbiltà ta’ vantaġġ kompetittiv li jirriżulta mill-prezz ta’ produzzjoni iktar baxx tal-prodotti importati meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali jikkorrispondi mal-kriterju tad-diskriminazzjoni jew tal-aċċess għas-suq?
56. F’dan ir-rigward, il-parti l-kbira tal-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet, filwaqt li jirreferu prinċiparjament għas-sentenza van Tiggele (39), jiddefendu l-interpretazzjoni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala ostakolu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, prekluż mill-Artikolu 34 TFUE. Madankollu, il-Gvern tal-Irlanda sostna, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi sempliċi “modalità ta’ bejgħ”, fis-sens tas-sentenza Keck u Mithouard (40), b’tali mod li ma taqax taħt l-Artikolu 34 TFUE. Il-Gvern Finlandiż jikkunsidra li hemm dubju dwar dan is-suġġett. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ġurisprudenza tas-sentenza van Tiggele (41) tibqa’ valida peress li l-prezzijiet minimi joħolqu diskriminazzjoni kontra l-importazzjonijiet billi jipprekludu jew jostakolaw l-aċċess tagħhom għas-suq.
57. Ma nħossx li huwa neċessarju li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi eżaminata fid-dawl tad-distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ regolamenti, jiġifieri dawk li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw il-prodotti u dawk li jillimitaw jew jipprojbixxu ċertu modalitajiet ta’ bejgħ.
58. Fil-fatt, kull miżura li tostakola l-aċċess għas-suq ta’ Stat Membru għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra taqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ miżura ekwivalenti. Skont il-formula tal-ġurisprudenza li tintuża abitwalment (42), l-Artikolu 34 TFUE jirrifletti l-obbligu ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ rikonoxximent reċiproku tal-prodotti legalment immanifatturati u mibjugħa fi Stati Membri oħra kif ukoll il-prinċipju li jiġi żgurat aċċess liberu tal-prodotti tal-Unjoni għas-swieq nazzjonali. Minn dan il-prinċipju, jiena niddeduċi li modalità ta’ bejgħ tista’ tikkostitwixxi ostakolu mhux biss meta hija diskriminatorja, fid-dritt u fil-fatt, iżda wkoll meta tostakola l-aċċess għas-suq tal-Istat Membru kkonċernat. Minn dan jirriżulta li, jekk jiġi kkonstatat ostakolu għall-aċċess tas-suq, ma huwiex neċessarju li jsir eżami komparattiv bejn is-sitwazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dik tal-prodotti importati sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ differenza ta’ trattament bejn it-tnejn.
59. Fl-opinjoni tiegħi, in-newtralizzazzjoni tal-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn importazzjoni, li jikkostitwixxi l-kriterju distintiv fir-rigward tar-regolamentazzjoni fil-qasam tal-prezzijiet, tikkaratterizza fiha nnifisha l-effett tal-ostakolu għall-aċċess għas-suq. Fil-fatt, il-projbizzjoni tal-bejgħ bl-imnut bi prezz inqas mill-prezz minimu tipprekludi lill-operaturi ta’ Stati Membri oħra mill-possibbiltà li jbiegħu l-prodotti tagħhom bi prezz ta’ bejgħ li jirrifletti l-prezz ta’ produzzjoni tagħhom iktar baxx u tostakola l-aċċess tagħhom għas-suq ikkonċernat.
60. Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma huwiex ikkontestat li tapplika mingħajr distinzjoni għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, għandha għalhekk tkun ikkunsidrata bħala miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE inkwantu tista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-aċċess għas-suq, sempliċement peress li tista’ tipprojbixxi li l-prezz ta’ produzzjoni iktar baxx ta’ prodotti importati jista’ jiġi rifless fil-prezz ta’ bejgħ lill-konsumatur.
61. Huwa sempliċement għal finijiet ta’ kompletezza li ser neżamina n-natura tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tad-distinzjoni li tirriżulta mis-sentenza Keck u Mithouard (43).
62. Fis-sentenza tagħha Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft (44), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezzijiet tal-kotba li tipprojbixxi b’mod partikolari lill-importatur milli jistabbilixxi prezz inqas mill-prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku stabbilit jew irrakkomandat mill-pubblikatur għall-Istat fejn issir il-pubblikazzjoni “ma tikkonċernax il-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti, iżda tikkonċerna biss il-modalitajiet li bihom dawn jistgħu jinbigħu”, din għandha titqies li tikkonċerna l-modalitajiet ta’ bejgħ fis-sens tas-sentenza Keck u Mithouard (45)(46).
63. Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Insostenn ta’ dan l-argument, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza Keck u Mithouard (47), fiha nnifisha, kienet tirrigwarda projbizzjoni ta’ bejgħ bit-telf, filwaqt li s-sentenza Belgapom (48), bħal din il-ġurisprudenza, kkwalifikat bħala “modalità ta’ bejgħ” leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-bejgħ li jrendi qligħ baxx ħafna. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodott bi prezz inqas mill-prezz kkalkolat skont il-kontenut tal-alkoħol jidhirli li għandha l-istess effett limitattiv għal-libertà ta’ ffissar tal-prezzijiet, billi timponi lill-bejjiegħ marġni ta’ qligħ minimu. Bħal dawn ir-regolamenti jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft (49), hija tista’ għalhekk tiġi kklassifikata fil-kategorija ta’ modalitajiet ta’ bejgħ.
64. Madankollu, il-klassifikazzjoni ta’ “modalità ta’ bejgħ” ma tfissirx li l-miżura inkwistjoni ma tistax tikkostitwixxi ostakolu fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE. Filwaqt li huwa paċifiku li tapplika għall-operaturi kollha kkonċernati, skont it-terminoloġija użata mis-sentenza Keck u Mithouard (50), huwa neċessarju li jintwera li din taffettwa “bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u ta’ dawk ġejjin minn Stati Membri oħra” (51). Fejn hemm diskriminazzjoni, il-miżura għalhekk ma taqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE.
65. Għaldaqstant, id-domanda li tqum hija dwar jekk il-kriterju użat fis-sentenza van Tiggele (52), fir-rigward tal-eżistenza ta’ newtralizzazzjoni tal-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn importazzjoni, li ċertament tikkaratterizza l-effett ta’ ostakolu għall-aċċess għas-suq, jistax jistabbilixxi wkoll l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. Il-portata ta’ dan il-kriterju qajmet dubji dottrinali li juru d-diffikultà li jiġi kkunsidrat mill-perspettiva tad-diskriminazzjoni (53). Filwaqt li jidhirli li huwa iktar koerenti u loġiku li jitqies li l-għan tal-imsemmi kriterju huwa li jiġi identifikat direttament l-effett ta’ ostakolu għall-aċċess għas-suq, irrispettivament minn kull kunsiderazzjoni dwar effett inugwali tal-prodotti importati meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali, nikkunsidra, madankollu, li dan jippermetti wkoll li tintwera l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. Il-formulazzjoni tas-sentenza van Tiggele (54) tippermetti, fil-fatt, interpretazzjoni mill-perspettiva tad-diskriminazzjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li “ostakolu għall-importazzjoni jista’ jirriżulta b’mod partikolari bl-iffissar, minn awtorità nazzjonali, ta’ prezz jew ta’ marġni ta’ qligħ f’livell li l-prodotti importati jkunu żvantaġġati meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali identiċi [...] għaliex il-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn prezz ta’ produzzjoni iktar baxx jiġi newtralizzat” (55). Għaldaqstant, ir-raġunament jidher li huwa bbażat fuq il-paragunabbiltà bejn żewġ prodotti identiċi, wieħed nazzjonali, u l-ieħor importat li jibbenefika minn vantaġġ kompetittiv newtralizzat permezz tal-miżura inkwistjoni.
66. Id-deċiżjoni fiha elementi ta’ analiżi komparattiva li, fi kwalunkwe każ, turi n-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-konstatazzjonijiet tal-Court of Session (l-Iskozja) jirriżulta li, skont l-istatistika fuq il-perċentwali ta’ xorb alkoħoliku mibjugħ barra minn stabbilimenti tal-ikel bi prezz irħas mill-MPU, kien hemm perċentwali ikbar ta’ inbid importat mill-Istati Membri milli inbid mir-Renju Unit li nbiegħ bi prezz irħas mill-MPU. Barra minn hekk, għalkemm tinnota li ma għandhiex statistika li tikkonċerna x-xorb l-ieħor alkoħoliku, il-qorti tar-rinviju tikkonstata, madankollu, li ma huwa bl-ebda mod ikkontestat li l-volumi sinjifikattivi ta’ birer u spirti li joriġinaw mill-Istati Membri minbarra r-Renju Unit huma mibjugħa bi prezz unitarju irħas minn GBP 0.50.
67. Billi tipprekludi lill-operaturi ta’ Stati Membri oħra li jbiegħu prodotti importati li sa issa kienu jinbiegħu bi prezz irħas mill-MPU mill-possibbiltà li jbiegħu dawn il-prodotti bi prezz ta’ bejgħ li jirrifletti l-prezz ta’ produzzjoni tagħhom iktar baxx, il-projbizzjoni tal-bejgħ bl-imnut bi prezz irħas minn prezz minimu jagħti żvantaġġ lill-imsemmija prodotti meta mqabbla ma’ prodotti nazzjonali identiċi.
68. Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma huwiex ikkontestat li tapplika mingħajr distinzjoni għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, għandha għalhekk titqies li hija miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE inkwantu tista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-aċċess għas-suq, minħabba s-sempliċi fatt li tipprojbixxi li l-prezz ta’ produzzjoni iktar baxx tal-prodotti importati jista’ jiġi rifless fil-prezz ta’ bejgħ lill-konsumatur.
69. Finalment, irrispettivament mill-perspettiva li minnha tiġi analizzata, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax ma taqax fil-klassifikazzjoni ġuridika ta’ “miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni” ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE.
70. Għandu issa jiġi vverifikat jekk dan l-ostakolu huwiex oġġettivament iġġustifikat.
c) Fuq il-ġustifikazzjoni għall-ostakolu tal-moviment liberu tal-merkanzija
71. Skont ġurisprudenza stabbilita, ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija jista’ jiġi ġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl-Artikolu 36 TFUE jew minħabba rekwiżiti imperattivi. Fi kwalunkwe każ, ir-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom, madankollu, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom.
72. F’dan ir-rigward, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi vverifikat mhux biss jekk l-miżuri li hija timplementa humiex adatti sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq, iżda wkoll li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (56).
73. Minkejja li t-termini ġeneralment użati mill-Qorti tal-Ġustizzja jidhru li ħafna drabi ma jwasslux għal distinzjoni ħlief ta’ żewġ stadji differenti ta’ stħarriġ ta’ proporzjonalità, il-proċess intelletwali implementat sabiex jiġi stabbilit jekk miżura nazzjonali hijiex proporzjonali huwa ġeneralment kompost minn tliet stadji suċċessivi.
74. L-ewwel stadju, li jikkorrispondi għat-test ta’ effettività jew ta’ konvenjenza, jikkonsisti fil-verifika dwar jekk l-att adottat huwiex adatt sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq.
75. It-tieni stadju, relatat mat-test ta’ neċessità, li kultant jissejjaħ ukoll “test tal-ostakolu minimu”, jimplika li għandu jsir paragun bejn il-miżura nazzjonali kkontestata u s-soluzzjonijiet alternattivi li jippermettu li jintlaħaq l-istess għan bħal dak segwit minn din iżda li jkunu jimponu inqas restrizzjonijiet għall-kummerċ.
76. It-tielet stadju, li jikkorrispondi għat-test ta’ proporzjonalità stricto sensu, jippresupponi l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti. B’mod iktar preċiż, dan jikkonsisti fil-paragun tal-portata tal-interferenza li l-miżura nazzjonali tikkawża lil-libertà inkwistjoni mal-kontribuzzjoni li din il-miżura tista’ tagħti għall-protezzjoni tal-għan li għandu jintlaħaq.
77. Qabel ma l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tiġi suġġetta għal dan it-test triplu sabiex b’hekk tingħata risposta għat-tieni u għall-ħames domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandhom isiru numru ta’ punti preliminari dwar il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità sabiex jingħataw risposti għat-tielet, għar-raba’ u għall-ħames domanda.
i) Il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità
78. Ir-raba’ u s-sitt domandi, li jirrigwardaw, b’mod ġenerali, l-irwol tal-qorti nazzjonali fl-eżerċizzju tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità, ser ikunu eżaminati qabel it-tielet domanda, li tirrigwarda iktar speċifikament il-provi li fuqhom il-qorti nazzjonali tista’ tibbaża ruħha.
– Fuq ir-raba’ domanda
79. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-Court of Session (l-Iskozja) tistaqsi sa fejn il-qorti nazzjonali, li għandha tevalwa jekk leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex iġġustifikata minn għan previst fl-Artikolu 36 TFUE, għandha tifforma opinjoni oġġettiva dwar il-konvenjenza tal-miżura li jintlaħqu l-għanijiet evokati, dwar il-possibbiltà li dawn l-għanijiet jintlaħqu permezz ta’ miżuri oħra inqas restrittivi u, b’mod ġenerali, dwar il-proporzjonalità tal-miżura.
80. Insostenn ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tosserva li, filwaqt li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jikkontestawx li Stat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi l-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa li huwa jixtieq ikollu, huma ma jaqblux mal-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali tistax tipproċedi għall-evalwazzjoni tagħha jew jekk għandhiex tħalli lill-awtorità leġiżlattiva jew regolatorja ikkonċernata diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa, minn naħa tagħha, jekk hijiex possibbli miżura oħra minn tal-inqas daqstant effettiva iżda inqas invażiva u jekk il-miżura identifikata tissodisfax b’mod ġenerali l-kriterju tal-proporzjonalità. Hija tosserva wkoll li l-qrati tal-appell tar-Renju Unit waslu għal interpretazzjonijiet differenti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’uħud jimplementaw kriterju li juri n-nuqqas ta’ natura manifestament inadatta tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li oħrajn sempliċement jistabbilixxu jekk, oġġettivament, jeżistux elementi li jiġġustifikaw il-miżura fir-rigward tal-għan imfittex.
81. Fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja, li tkun qed tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, u l-qrati nazzjonali, l-evalwazzjoni finali tal-proporzjonalità tirriżulta mill-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża quddiemha u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha, fl-aħħar mill-aħħar, tiddeċiedi jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex adatta sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju b’informazzjoni sabiex tiggwidaha fl-interpretazzjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex twettaq l-evalwazzjoni tagħha.
82. Jidhirli li hemm żewġ raġunijiet li jiġġustifikaw li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-proporzjonalità tal-miżura jkun ristrett sa ċertu estent.
83. Fl-ewwel lok, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu fuq il-livell tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika li huma jixtiequ jipprovdu u l-mod kif għandu jinkiseb dan il-livell (57). Peress li tali livell jista’ jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni neċessarjament ifisser li jkun hemm ċertu taffija tal-istħarriġ, li jirrifletti l-preokkupazzjoni tal-qorti nazzjonali li ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-awtoritajiet nazzjonali.
84. It-tieni nett, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-evalwazzjonijiet li għandhom isiru u l-marġni ta’ inċertezza li jeżisti fir-rigward tal-effetti tal-miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
85. It-tielet nett, il-Lord Advocate indika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub, li l-Liġi tal-2012 teżiġi li l-ministri Skoċċiżi għandhom jevalwaw l-effett tal-iffissar ta’ MPU u jissottomettu rapport fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipal, li fi kwalunkwe każ ma huwiex ser ikollha iktar effett wara sitt snin sakemm il-Parlament Skoċċiż ma jiddeċidix li għandha tibqa’ tapplika. Jidhirli li n-natura pjuttost esperimentali jew temporali ta’ dawn ir-regoli hija fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali, peress li jidher li tistabbilixxi minn quddiem li r-regoli ser jiġu riveduti fil-każ li r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħha jkunu nbidlu.
86. Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri ma għandux ikollu bħala effett li jippermetti lill-Istati Membri li jrendu mingħajr skop tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija. Sa fejn l-Artikolu 36 TFUE jinkludi eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, huma l-awtoritajiet nazzjonali, anki meta għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, li għandhom juru li l-miżura tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Filwaqt li l-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lill-Istati Membri jista’ jkun ftit jew wisq wiesa’, skont l-interessi leġittimi kkonċernati, b’tali mod li jkun diffiċli li jsiru ġeneralizzazzjonijiet fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ mill-qorti nazzjonali, ma jidhirlix li huwa possibbli li tiġi sempliċement stabbilita n-natura manifestament sproporzjonata tal-miżura, aspett li, fl-aħħar mill-aħħar, iwassal għall-inverżjoni tal-oneru tal-prova.
87. Barra minn hekk, irrispettivament mill-portata ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li r-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru bħala ġustifikazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn provi adatti jew analiżi tal-konvenjenza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat kif ukoll minn provi preċiżi li jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu (58).
88. Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda tkun li, sabiex jiġi evalwat jekk miżura tissodisfax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-provi li l-Istat Membru għandu jippreżenta jippermettux li jitqies raġonevolment li l-metodi magħżula huma adatti sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq u li, b’din l-għażla, l-Istat Membru ma eċċediex il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu.
– Fuq is-sitt domanda
89. Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-portata li permezz tagħha l-miżura nazzjonali tippreġudika l-moviment liberu tal-merkanzija għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tagħha.
90. Il-qorti tar-rinviju tiġġustifika d-domanda tagħha billi tesponi l-pożizzjoni tal-Lord Advocate, li jikkunsidra li, peress li miżura tkun ġiet irrikonoxxuta bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni għall-kummerċ, kull evalwazzjoni dwar in-natura u l-effetti tad-distorsjoni ta’ kompetizzjoni għandha tkun eskluża mill-eżaminazzjoni ta’ proporzjonalità.
91. Filwaqt li ma hijiex parti mit-test ta’ konvenjenza, li jippresupponi li, indipendentement mill-effett restrittiv, possibbilment il-miżura ser tikkontribwixxi effettivament sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq, il-grad li sal-estent tiegħu l-miżura nazzjonali tikkomprometti l-moviment liberu tal-merkanzija għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fiż-żewġ stadji sussegwenti tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità.
92. L-ibbilanċjar li jimplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità jassumi evalwazzjoni tan-natura ftit jew wisq restrittiva tal-miżura magħżula meta jsir il-paragun tiegħu mal-miżuri alternattivi li setgħu jiġu implementati. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix miżura oħra li tippermetti li jintlaħaq l-istess riżultat filwaqt li jiġi kkawżat l-inqas preġudizzju għall-moviment liberu tal-merkanzija.
93. Madankollu, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ ostakolu waqt l-eżami tal-proporzjonalità stricto sensu tal-miżura nazzjonali, li jippreżumi bbilanċjar tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi ta’ din il-miżura filwaqt li jiġi evalwat, b’mod partikolari, jekk il-portata tar-restrizzjoni għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni hijiex proporzjonata mal-importanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu u mal-profitti mistennija.
94. Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għas-sitt domanda tkun li l-grad li sal-estent tiegħu l-miżura nazzjonali tikkomprometti l-moviment liberu tal-merkanzija għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi mqabbla mal-miżuri alternattivi li jippermettu li jintlaħaq l-istess għan u meta jintlaħaq l-ibbilanċjar tal-interessi kollha preżenti.
– Fuq it-tielet domanda
95. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali għandhiex tiġi evalwata esklużivament fuq il-fatti li jkollhom l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat fid-data tal-adozzjoni ta’ din il-miżura u jekk jeżistux restrizzjonijiet oħra għas-setgħa tal-qorti nazzjonali.
96. Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-mument li fih il-legalità tal-miżura kkontestata għandha tiġi evalwata u, għalhekk, fuq il-provi li l-qorti nazzjonali tista’ teżamina fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità. Hija tosserva li din id-domanda hija deċiżiva f’dan il-każ, peress li għandha għad-dispożizzjoni tagħha studji ġodda li la setgħu jiġu eżaminati mil-leġiżlatur nazzjonali u lanqas, fir-rigward ta’ numru minnhom, mill-qorti tal-ewwel istanza.
97. Kuntrarjament għall-Lord Advocate, li jsostni li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa l-legalità tal-miżura waqt l-adozzjoni tagħha, li minnha jiddeduċi li ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni provi li ma ġewx eżaminati mil-leġiżlatur nazzjonali, jien nikkunsidra, bħal The Scotch Whisky Association et, il-Gvern tal-Irlanda u l-Gvern tan-Norveġja kif ukoll bħall-Kummissjoni u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), li l-qorti nazzjonali, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali inkwistjoni, għandha tikkunsidra l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta tiddeċiedi, kemm jekk tkun informazzjoni eżistenti fil-mument li fih il-miżura ġiet adottata, iżda li l-awtorità leġiżlattiva jew regolatorja ma kellhiex għarfien tagħha jew ma għamlitx użu minnha, kif ukoll informazzjoni li mmaterjalizzat wara l-adozzjoni tal-miżura.
98. Argument favur it-teorija tal-Lord Advocate jidher li jista’, b’analoġija, jinsilet mill-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha, bħala regola, tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data li fiha ġie adottat l-att (59). Skont l-istess ġurisprudenza, din il-legalità “ma tistax tiddependi minn evalwazzjonijiet retrospettivi li jikkonċernaw il-livell ta’ effikaċità [tagħha]” (60) u, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jintalab jevalwa l-effetti futuri ta’ leġiżlazzjoni li ser tiġi adottata, filwaqt li dawn l-effetti ma jistgħux jiġu previsti b’eżattezza, l-evalwazzjoni tiegħu tista’ tkun ikkritikata biss jekk tkun tidher manifestament żbaljata fid-dawl tal-provi li huwa kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (61).
99. Madankollu, żewġ argumenti konverġenti jwassluni sabiex insostni s-soluzzjoni opposta.
100. L-ewwel argument jikkonċerna l-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.
101. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fis-sentenza tagħha Seymour-Smith u Perez (62), ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu rrispettati “f’kwalunkwe mument rilevanti, kemm jekk dan ikun dak tal-adozzjoni ta’ miżura, tal-implementazzjoni tagħha jew tal-applikazzjoni tagħha fil-każ inkwistjoni” (63).
102. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE ma għandux ikun statiku iżda dinamiku peress li jimplika, bħal fil-każ fil-kawża prinċipali, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni li tista’ tiżviluppa fiż-żmien skont diversi parametri soċjali, bħall-abitudnijiet ta’ konsum ta’ alkoħol jew id-dħul tax-xerrejja, jew l-istat ta’ għarfien xjentifiku relatat mal-fenomenu studjat.
103. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel parti mill-kuntest ta’ politika ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, din il-leġiżlazzjoni għandha terġa’ tiġi riveduta jekk ikun jidher li r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħha nbidlu sussegwentement, b’mod partikolari, bl-iżvilupp tal-informazzjoni disponibbli li tirriżulta mir-riċerka xjentifika (64).
104. Din il-ġurisprudenza hija riflessa fil-ġurisprudenza relatata mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Filwaqt li huwa ammess li, meta jkun hemm inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, filwaqt li japplikaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, jistgħu jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr il-bżonn li jistennew li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jintwerew b’mod sħiħ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, a contrario, li meta provi ġodda jibdlu l-perċezzjoni ta’ riskju jew juru li dan ir-riskju jista’ jiġi llimitat permezz ta’ miżuri inqas ristrettivi minn dawk eżistenti, huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Kummissjoni, li għandha s-setgħa ta’ inizjattiva, li għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tiġi emendata fid-dawl tal-informazzjoni l-ġdida (65).
105. Huwa minnu li l-fatt li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jadattaw jew jaġġornaw il-leġiżlazzjoni skont l-iżvilupp ta’ informazzjoni xjentifika ma jfissirx neċessarjament li dispożizzjoni li ma tibqax adatta għandha tiġi ddikjarata illegali u, għalhekk, annullata b’effett retroattiv.
106. Madankollu, għandu jiġi rrilevat, u dan huwa t-tieni argument, li r-rikors ġudizzjarju ppreżentat minn The Scotch Whisky Association et għandu, kif diġà enfasizzajt, il-partikolarità li ġie ppreżentat kontra liġi li għadha ma daħlitx fis-seħħ u kontra digriet li għadu fl-istadju ta’ abbozz.
107. F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, huwa loġiku li l-mument rilevanti għall-evalwazzjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni għandu jkun il-mument li fih tiddeċiedi l-qorti nazzjonali. Ma jagħmilx wisq sens li tintuża d-data tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni, peress li d-digriet, li fuq kollox huwa parti integrali mil-leġiżlazzjoni li fir-rigward tagħha qiegħda tiġi kkontestata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni, għadu ma ġiex adottat. Lanqas huwa possibbli li tintuża d-data tal-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni fil-każ inkwistjoni peress li l-leġiżlazzjoni għadha ma ġietx applikata.
108. Minn dan nikkonkludi li l-qorti nazzjonali għandha teżamina d-dokumenti kollha rilevanti li jeżistu fil-mument li fih tiddeċiedi. Barra minn hekk, ma jeżistux restrizzjonijiet partikolari għas-setgħa tal-qorti nazzjonali sabiex teżamina dawn id-dokumenti minbarra dawk li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ kontradittorju u, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tad-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi fil-qrati.
109. Konsegwentement, jiena nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, peress, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali hija adita minn rikors ġudizzjarju kontra leġiżlazzjoni nazzjonali li għadha ma daħlitx fis-seħħ u għadha, parzjalment, fi stadju ta’ abbozz, hija għandha, sabiex tevalwa l-proporzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-għan li għandu jintlaħaq, teżamina mhux biss il-provi li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali u li huma eżaminaw waqt it-tfassil ta’ din il-leġiżlazzjoni, iżda wkoll il-fatti kollha li jeżistu fid-data li fiha hija tiddeċiedi. Ma jeżistux restrizzjonijiet partikolari għas-setgħa tal-qorti nazzjonali li teżamina dawn id-dokumenti, minbarra dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontradittorju u, mingħajr ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tad-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi fil-qrati.
110. Ser nindirizza issa l-implementazzjoni effettiva tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità.
ii) L-implementazzjoni tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità
111. Peress li huma relatati, it-tieni u l-ħames domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu eżaminati flimkien.
112. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk u, fl-affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet jista’ Stat Membru, għall-insegwiment tal-għan tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, li jaqa’ taħt dak tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jadotta leġiżlazzjoni li timponi prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku, li toħloq distorsjoni tal-kummerċ fl-Unjoni u tal-kompetizzjoni, minflok żieda fit-tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti.
113. Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk miżura li tippermetti li jintlaħaq l-istess għan bħall-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali filwaqt li hija inqas restrittiva għall-moviment liberu tal-merkanzija tistax ma tiġi eskluża minħabba l-fatt li tista’ tagħti vantaġġi addizzjonali u tissodisfa għan iktar wiesa’ u ġenerali.
114. Nikkonstata li dawn id-domandi jirrigwardaw esklużivament it-tieni test tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità, li jikkonsisti f’evalwazzjoni dwar jekk il-miżura nazzjonali tistax tiġi ssostitwita b’miżura alternattiva daqstant effettiva, iżda li ma tippreġudikax daqshekk il-moviment liberu tal-merkanzija. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali qiegħda tistaqsi b’mod iktar speċifiku dwar l-għan preċiż tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fuq l-konvenjenza tagħha li jintlaħaq l-għan mixtieq. Sabiex tingħata risposta utli, jidhirli li huwa meħtieġ li tingħata kjarifika tal-imsemmija domandi.
– L-identifikazzjoni tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali
115. Għandu jiġi identifikat l-għan li għandu jintlaħaq mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex proporzjonali ma’ dan il-għan.
116. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-miżuri kkontestati ġew ippreżentati fin-noti ta’ spjega li akkumpanjaw l-abbozz ippreżentat fil-Parlament Skoċċiż bħala li għandhom l-għan li jimplementaw strateġiji u interventi kemm ġenerali kif ukoll immirati lejn il-popolazzjoni b’mod ġenerali u lejn persuni b’konsum “dannuż”, b’mod partikolari, irġiel li jikkonsmaw iktar minn 50 unità ta’ alkoħol u nisa li jikkonsmaw iktar minn 35 unità ta’ alkoħol fil-ġimgħa. Madankollu, hija żżid li studju iktar reċenti ppreżentat lill-Parlament Skoċċiż, intitolat “Business and Regulatory Impact Assessment” (studju ta’ impatt tal-leġiżlazzjoni fuq l-impriżi), isemmi, fost l-għanijiet ta’ dawn il-miżuri, il-ġlieda kontra l-konsum “perikoluż”, u dan huwa ddefinit bħala iktar minn 21 unità ta’ alkoħol fil-ġimgħa għall-irġiel u iktar minn 14 il-unità ta’ alkoħol fil-ġimgħa għan-nisa. Dan l-istudju jikkonkludi li l-iffissar ta’ prezz minimu jippermetti li jintlaħaq l-għan li jitnaqqas il-konsum ta’ xorb alkoħoliku li huwa irħis meta mqabbel mal-kontenut tal-alkoħol, peress li persuni li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż ikunu iktar affettwati minn persuni li jixorbu b’mod moderat, f’termini ta’ ammonti li jikkonsmaw, ammonti li jonfqu u l-benefiċċji li jinkisbu mit-tnaqqis tad-dannu fuq saħħithom. Madankollu, il-Court of Session tosserva li, meta l-miżuri ġew innotifikati lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 98/34/KE (66), dawn ġew ippreżentati bħala li huma intiżi għall-konsumaturi li l-konsum tax-xorb tagħhom huwa “dannuż” jew “perikoluż”.
117. L-ambigwità li toħroġ minn dan l-iżvilupp fil-preżentazzjoni tal-għanijiet tal-miżura mill-awtoritajiet nazzjonali ma hijiex iċċarata bl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Skoċċiż peress li, filwaqt li josservaw li miżura li tistabbilixxi prezz minimu għal kull unità hija introdotta sabiex jintlaħaq l-għan doppju li tiġi indirizzata l-parti tal-popolazzjoni li s-saħħa tagħha hija suġġetta għall-ikbar riskju u li jkun hemm effett pożittiv fuq is-saħħa tal-popolazzjoni kollha, jirrikonoxxu li l-ġustifikazzjoni ta’ tali miżura hija bbażata biss fuq l-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet.
118. Din l-ambigwità persistenti tagħti l-impressjoni żbaljata li l-għan tat-tnaqqis tal-konsum tal-alkoħol, b’mod ġenerali, huwa deliberatament eskluż b’mod li l-miżura kkontestata tkun tista’ iktar faċilment tgħaddi mit-test ta’ neċessità, meta tiġi mqabbla ma’ miżura fiskali li twassal għal żieda ġenerali tal-prezzijiet tax-xorb alkoħoliku.
119. Infakkar li fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali, li għandha ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża quddiemha u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li għandha tidentifika l-għan li għandu jintlaħaq minn din il-leġiżlazzjoni (67).
120. F’dan il-każ, hija għandha tevalwa jekk il-miżura għandhiex għan doppju, ġenerali u speċifiku, jew għandhiex biss għan esklużivament speċifiku, filwaqt li, barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li dawn l-għanijiet, mhux talli ma humiex kontradittorji, iżda jistgħu jkunu perfettament kumplimentari. Sabiex tingħata risposta effettiva lill-qorti tar-rinviju li tippermettilha tagħti deċiżjoni fil-kawża prinċipali, ser neżamina dawn iż-żewġ premessi fl-argumenti li ġejjin.
– Il-konvenjenza tal-miżura sabiex jintlaħaq l-għan imfittex
121. Ir-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom qabel xejn jissodisfaw it-test ta’ konvenjenza, billi jkunu adatti sabiex jiżguraw it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq.
122. F’dan il-kuntest, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adatta sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan invokat biss jekk tissodisfa effettivament ir-rekwiżit li dan jintlaħaq b’mod “koerenti u sistematiku” (68).
123. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li huwa l-Istat Membru li jkollu l-intenzjoni jinvoka għan li jista’ jiġġustifika ostakolu, li għandu jipprovdi l-provi kollha li jistgħu jippermettu lill-qorti mitluba tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni li tiżgura ruħha li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tissodisfa b’mod xieraq ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità (69).
124. Il-Lord Advocate jsostni li l-MPU għandu effett dirett biss fuq il-prodotti mibjugħa bl-imnut bi prezz irħas mill-MPU u li peress li dan l-effett huwa progressiv, l-irħas prodotti għal kull unità ta’ alkoħol ikunu suġġetti għall-ikbar żidiet.
125. Il-Gvern Pollakk iqis li ma hemmx provi oġġettivi u xjentifikament ipprovati li jikkonfermaw li l-persuni li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż fil-parti l-kbira tagħhom jikkonsmaw xorb alkoħoliku irħis meta mqabbel mal-kontenut ta’ alkoħol tagħhom. Skont dan il-Gvern, il-leġiżlazzjoni Skoċċiża ser taffettwa biss lill-persuni bi dħul baxx u ma hija ser ikollha ebda effett fuq il-konsum tal-alkoħol minn persuni bi dħul għoli, minkejja li ġeneralment il-konsum tagħhom huwa ta’ sikwit iktar perikoluż jew dannuż minn dak ta’ persuni bi dħul baxx. Minn dan, l-imsemmi Gvern jiddeduċi li l-għan tal-awtoritajiet Skoċċiżi ma huwiex ser jintlaħaq effettivament.
126. Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv li għandhom l-Istati Membri f’dan ir-rigward, l-MPU ma huwiex miżura manifestament irraġonevoli fil-kuntest ta’ kampanja intiża li tnaqqas il-konsum tal-alkoħol, b’mod ġenerali, jew il-konsum perikoluż, jew anki dannuż, minn persuni, b’mod partikolari.
127. Fid-dawl, minn naħa, tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri mhux biss fl-għażla tal-partikolari fil-qasam tal-politika tas-saħħa pubblika, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu dan l-għan, u min-naħa l-oħra, tal-kontroversji xjentifiċi, imsemmija mill-qorti tar-rinviju (70), dwar il-livell ta’ flessibbiltà bejn il-prezz u t-tassazzjoni tad-domanda u, għalhekk, dwar l-inċertezzi tal-effettività tal-politika pubblika bbażata fuq il-kontroll tal-prezzijiet jew fuq it-tassazzjoni ogħla tax-xorb alkoħoliku sabiex jitnaqqas il-konsum tiegħu, ma jidhirlix huwa irraġonevoli li dawn jikkunsidraw li miżura li tistabbilixxi prezz minimu għal kull unità ta’ alkoħol tista’ tkun adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija preċedentement.
128. Għall-kuntrarju, in-natura koerenti u sistematika ta’ din il-leġiżlazzjoni jidhirli li hija iktar dibattibbli.
129. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont ir-riżultati ta’ studji li saru fuq id-dħul u fuq il-patrimonju tal-persuni li l-konsum tagħhom huwa dannuż jew perikoluż, jidher li dan it-tip ta’ konsum, l-istess bħall-konsum tax-xorb alkoħoliku b’mod ġenerali, jiżdied skont id-dħul peress li, b’mod partikolari, filwaqt li fil-parti tal-popolazzjoni li tinsab fil-kwintil li jikkorrispondi mad-dħul l-iktar baxx, 4.8 % tal-persuni li jixorbu huma kklassifikati bħala persuni li l-konsum tagħhom huwa dannuż u 10.9 % bħala persuni li l-konsum tagħhom huwa perikoluż, dawn iċ-ċifri jiżdiedu għal 7.7 % u 25.7 % rispettivament għall-parti tal-popolazzjoni li tinsab fil-kwintil li jikkorrispondi għad-dħul l-iktar għoli.
130. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni bbażata fuq ix-xiri ta’ xorb alkoħoliku li sar fl-Ingilterra u f’Wales bi prezz inqas minn GBP 0.45 u mhux bil-prezz ta’ GBP 0.50, finalment adottat mil-leġiżlazzjoni kkontestata, il-kwantità ta’ xorb alkoħoliku l-iktar irħis mixtri kull ġimgħa jonqos hekk kif jiżdied id-dħul tal-konsumaturi li l-konsum tagħhom huwa dannuż jew perikoluż.
131. Il-qorti tar-rinviju żżid li, skont ir-riżultati ta’ dan l-istess studju, il-konsum annwali tal-alkoħol jista’ jitnaqqas b’300 unitajiet ta’ alkoħol fis-sena għall-kategorija ta’ konsumaturi li l-konsum tagħhom huwa dannuż li jinsabu fil-kwintil li jikkorrispondi għall-ogħla dħul. Dan it-tnaqqis huwa ta’ 42 unità ta’ alkoħol għall-kategorija tal-konsumaturi li l-konsum tagħhom huwa perikoluż li jinsabu fil-kwintil li jikkorrispondi għad-dħul l-iktar baxx, filwaqt li, stranament, il-konsum jiżdied b’5 unitajiet għall-konsumaturi li jinsabu fil-kwintil li jikkorrispondi għall-ogħla dħul.
132. B’hekk, skont l-informazzjoni analizzata mill-qorti tar-rinviju, minkejja li l-iffissar ta’ prezz minimu jista’ jnaqqas il-konsum ta’ alkoħol tal-persuni li jixorbu li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż, madankollu, l-effett ikun iktar sinjifikattiv fil-grupp tal-persuni li jixorbu li għandhom dħul baxx milli minn persuni li jixorbu li għandhom l-ogħla dħul.
133. Bħala tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Lord Advocate spjega li studju kumplimentari li sar fuq il-konsum tax-xorb alkoħoliku fl-Iskozja bi prezz inqas minn GBP 0.50 juri li l-konsum tax-xorb alkoħoliku mixtri bi prezz għal kull unità ta’ alkoħol inqas minn GBP 0.50 kien wisq iktar sinjifikattiv għall-persuni li jixorbu li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż u li jgħixu fil-faqar milli għall-persuni li jixorbu u għandhom dan it-tip ta’ konsum, iżda li ma jgħixux fil-faqar (71).
134. Barra minn hekk, filwaqt li rrefera għal diversi studji li saru fl-Iskozja kif ukoll fir-Renju Unit u internazzjonalment, huwa sostna li jeżistu provi li żgħażagħ li jixorbu, persuni li jixorbu okkażjonalment u persuni li jixorbu li l-konsum tagħhom huwa dannuż għandhom tendenza li jagħżlu x-xorb l-inqas għoli. Huwa enfasizza wkoll parallellament li, fir-Renju Unit, l-alkoħol sar jinbiegħ bi prezz irħas milli kien fl-1980 u li l-konsum tal-birra, tal-inbid u ta’ spirti kien żdied mill-1994 b’45 % fl-istabbilimenti li ma humiex tal-ikel filwaqt li, fis-settur tal-stabbilimenti tal-ikel, il-bejgħ kien naqas bi kważi 40 %. Skont dan il-Gvern, l-ispjegazzjoni hija dovuta għall-fatt li l-persuni li jixorbu ħafna, li ifittxu l-ikbar kwantità ta’ dan ix-xorb irħas meta mqabbel mal-kontenut ta’ alkoħol tagħhom, bidlu l-imġieba tagħhom sabiex jikkonsmaw kemm jista’ jkun possibbli bil-flus li huma jkollhom. L-iffissar ta’ MPU jippreżenta għalhekk il-vantaġġ li jipprekludi lil persuni li jixorbu ħafna milli jfittxu alternattivi inqas għolja sabiex iżommu l-livelli attwali ta’ konsum tagħhom.
135. Jiena finalment ninsab konvint mill-ispjegazzjonijiet fid-dettall mogħtija mill-Lord Advocate bħala tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja u waqt is-seduta u nikkunsidra li tiġġustifika li l-miżura tissodisfa l-għan tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol b’mod koerenti u sistematiku billi jsostni, b’mod partikolari, li hija tagħmel parti minn strateġija iktar ġenerali intiża li tikkumbatti d-dannu kkawżat mill-alkoħol, li tinkludi miżuri oħra bħall-projbizzjoni tal-offerti promozzjonali speċifiċi u li l-mira fuq ix-xorb alkoħoliku irħis tista’ tkun iġġustifikata bil-fatt li persuni li jixorbu li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż, fosthom, b’mod partikolari, iż-żgħażagħ, li l-protezzjoni tagħhom bħala prijorità hija leġittima, li jikkonsmaw fil-parti l-kbira tagħhom din il-kategorija ta’ xorb.
– In-neċessità tal-miżura
136. Il-mistoqsija li tqum hija dwar jekk l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika tal-awtoritajiet Skoċċiżi jistax jintlaħaq, b’mod inqas restrittiv u daqstant effettiv bħal miżura fiskali. Fi kliem ieħor, tassazzjoni ogħla fuq ix-xorb alkoħoliku tippermetti li jintlaħaq l-istess għan bħal leġiżlazzjoni li timponi prezz minimu, u fl-istess waqt tkun inqas restrittiva għall-kummerċ? Sabiex jingħataw risposti għad-domandi kollha magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi stabbilit, barra minn hekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk din l-alternattiva inqas restrittiva tistax tiġi skartata minħabba li tista’ tagħti vantaġġi supplimentari u tissodisfa għan iktar wiesa’ u ġenerali.
137. Sostnut minn The Scotch Whisky Association et, kif ukoll mill-Gvernijiet tal-Bulgarija, tal-Polonja u tal-Portugall, l-argument li ż-żieda tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tal-alkoħol tkun miżura iktar adatta jista’ apparentement jiġi kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prezzijiet minimi tal-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk immanifatturati peress li, f’diversi sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika seta’ jintlaħaq b’mod xieraq permezz ta’ tassazzjoni ogħla fuq dawn il-prodotti filwaqt li jiġi ppreżervat il-prinċipju tal-iffissar liberu tal-prezzijiet.
138. Madankollu, il-Lord Advocate u l-EFTA, insostenn tal-argument oppost, isostnu li l-ġurisprudenza relatata mat-tabakk ma għandhiex tiġi trasposta għax-xorb alkoħoliku, inkwantu hija bbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet partikolari li jinsabu fid-Direttiva 95/59/KE (72) u peress li, minkejja li l-għan li jitnaqqas il-konsum tat-tabakk huwa għan universali, intiż għall-popolazzjoni kollha, l-għan tal-iffissar ta’ MUP huwa differenti, peress li ma huwiex intiż għat-tnaqqis tal-konsum globali, iżda sabiex jintlaħaq l-għan immirat ta’ tnaqqis tal-alkoħol ta’ persuni li jixorbu li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż.
139. Fir-rigward tal-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni, huma jikkunsidraw li l-għażla bejn l-iffissar ta’ prezz minimu u t-tassazzjoni ogħla taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jiddeċiedu l-livell li fih huma għandhom l-intenzjoni jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq.
140. Filwaqt li tirreferi għall-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-prodotti tat-tabakk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jintlaħaq permezz tal-adozzjoni ta’ miżura fiskali li jkollha effett inqas restrittiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, toħloq inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni u barra minn hekk, ikollha l-vantaġġ li twassal għal żieda ġenerali tal-prezz tax-xorb alkoħoliku, li tista’ twassal għal tnaqqis tal-konsum u tal-ispejjeż soċjali relatati miegħu.
141. Huwa biss fil-każ fejn l-Istat Membru jkollu għażla bejn miżuri differenti adatti sabiex jilħqu l-istess għan li għandu l-obbligu jirrikorri għall-miżura li għandha l-inqas ostakoli għal-libertà tal-kummerċ fi ħdan l-Unjoni.
142. Qabel ma neżamina jekk miżura fiskali hijiex adatta sabiex tilħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u jekk għandhiex effetti inqas ristrettivi fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, għandu jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix lil Stat Membru jirrikorri għal tali miżura.
143. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-Direttivi 92/83/KEE (73) u 92/84/KEE (74) sempliċement jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li japplikaw dazju tas-sisa minimu. Konsegwentement, dawn għandhom marġni ta’ diskrezzjoni suffiċjenti sabiex iwettqu żieda ġenerali tad-dazji tas-sisa sabiex, b’mod partikolari, jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi tas-saħħa pubblika, sakemm is-sistema ta’ tassazzjoni li huma jimplementaw għal dawn il-finijiet tista’ titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE, li jippresupponi li hija organizzata b’tali mod li teskludi, fi kwalunkwe każ, li l-prodotti importati jiġu ntaxxati iktar mill-prodotti nazzjonali u, għalhekk, li fi kwalunkwe każ ma għandhiex effetti diskriminatorji.
144. Jonqos li jiġi stabbilit jekk tassazzjoni ogħla tax-xorb alkoħoliku tikkostitwixxix miżura inqas restrittiva.
145. Fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-leġiżlazzjoni fiskali tikkostitwixxi strument importanti u effettiv għall-kontroll tal-konsum ta’ dawn il-prodotti u, għaldaqstant, għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u li l-għan li jiġi żgurat li livell għoli tal-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti jista’ jintlaħaq b’mod xieraq b’tassazzjoni ogħla ta’ dawn il-prodotti, peress li żidiet fid-dazji tas-sisa għandhom eventwalment jirriżultaw f’żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut, mingħajr detriment għal-libertà tal-iffissar tal-prezzijiet (75).
146. Din il-ġurisprudenza hija trasponibbli għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-prezz tax-xorb alkoħoliku?
147. Iż-żewġ argumenti msemmija mil-Lord Advocate u l-EFTA, sabiex jopponu din it-traspożizzjoni, ibbażati, minn naħa, fuq dispożizzjonijiet partikolari li jinsabu fid-Direttiva 95/59 u, min-naħa l-oħra, fuq in-natura speċifika tal-għan ta’ tnaqqis tal-konsum ta’ alkoħol tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża biss għal persuni li jixorbu li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż, ma jikkonvinċunix.
148. Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (76), li kienet tirrigwarda rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-miżuri nazzjonali kienu kuntrarji għad-Direttiva 95/59, madankollu eżaminat jekk setgħux ikunu ġġustifikati skont l-Artikolu 36 TFUE u kkonkludiet li l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika jista’ effettivament jintlaħaq permezz ta’ tassazzjoni ogħla fuq il-prodotti tat-tabakk immanifatturat, li jkun jippreżerva l-prinċipju tal-iffissar liberu tal-prezzijiet. Għaldaqstant, anki f’settur li ma huwiex irregolat b’dispożizzjoni ta’ dritt sekondarju li tipprevedi espressament il-prinċipju tal-iffissar liberu tal-prezzijiet, tassazzjoni ogħla li tillimita bl-inqas mod il-kummerċ filwaqt li tippermetti t-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq għandha tkun ippreferuta minn miżura li tistabbilixxi prezz minimu, li tikkostitwixxi ostakolu ikbar.
149. Fit-tieni lok, jekk jitqies li l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi verament limitat għall-ġlieda kontra l-konsum perikoluż u dannuż ta’ xorb alkoħoliku, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, jiena nikkunsidra li huma l-persuni responsabbli mir-redazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni li għandhom juru li tassazzjoni ogħla ma tistax tilħaq l-istess għan speċifiku. Madankollu, huma ma jipproduċu ebda prova serja li turi, kif isostnu huma, li t-tassazzjoni ogħla jkollha impatt “sproporzjonat” meta mqabbel mal-għan intiż. Għandu jiġi kkonstatat li huma jsostnu, prinċipalment, li tali miżura jkollha effett “inutli” fuq il-persuni li jixorbu b’mod moderat li ma għandhomx l-istess livell ta’ riskju. Bħall-qorti tar-rinviju, ma narax kif dan l-effett kollaterali ta’ żieda ġeneralizzata tas-taxxi tista’ titqies li hija negattiva fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-konsum perikoluż jew dannuż tal-alkoħol, minkejja li, wara kollox, l-istudji xjentifiċi jidhru li qed juru li l-konsum perikoluż jew dannuż, minn naħa, u l-kwantità tal-irħas xorb alkoħoliku mixtri fil-ġimgħa, min-naħa l-oħra, jonqos gradwalment maż-żieda fid-dħul tal-konsumaturi li l-konsum tagħhom huwa perikoluż jew dannuż.
150. Fil-każ li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollha l-għan speċifiku tal-konsum perikoluż jew dannuż tal-alkoħol u għan ġenerali tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, il-fatt li l-miżura alternattiva ta’ żieda fit-tassazzjoni tista’ tagħti vantaġġi supplimentari billi tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan l-għan ġenerali jikkostitwixxi fattur determinanti li jiġġustifika din il-miżura pjuttost mill-miżura ta’ MPU.
151. Filwaqt li hija fl-aħħar mill-aħħar il-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika l-għanijiet preċiżi tal-miżura inkwistjoni, teżamina l-merti u l-iżvantaġġi ta’ miżura ta’ żieda fit-tassazzjoni u tikkonstata jekk din l-alternattiva tippreżentax bilanċ aħjar bejn l-ispiża/vantaġġi milli l-iffissar ta’ prezz minimu, għandi s-sensazzjoni li huwa diffiċli li, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġu ġġustifikati r-regoli inkwistjoni, li għalija jidhru li huma inqas konsistenti u effettivi minn miżura ta’ żieda tat-tassazzjoni u li tista’ saħansitra tiġi pperċepita bħala diskriminatorja.
152. Konsegwentement, nipproponi li r-risposti għat-tieni u għall-ħames domandi jkunu li Stat Membru ma jistax, għall-insegwiment tal-għan ta’ ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, li jaqa’ fil-kuntest tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jadotta leġiżlazzjoni li timponi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tax-xorb alkoħoliku, li tillimita l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, minflok tassazzjoni ogħla ta’ dawn il-prodotti, ħlief bil-kundizzjoni li juri li l-miżura magħżula tagħti vantaġġi supplimentari jew żvantaġġi inqas meta mqabbla mal-miżura alternattiva. Il-fatt li l-miżura alternattiva li timplika tassazzjoni ogħla tista’ tagħti vantaġġi supplimentari billi tikkontribwixxi għall-għan ġenerali tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol ma jiġġustifikax li din il-miżura tiġi eskluża favur miżura MPU.
IV – Konklużjoni
153. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi magħmula mill-Court of Session (l-Iskozja):
1) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tal-inbid skont il-kwantità ta’ alkoħol fil-prodott mibjugħ, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata bl-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, u b’mod partikolari l-għan tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.
2) Sabiex jiġi evalwat jekk miżura tissodisfax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija l-qorti nazzjonali li għandha:
– tivverifika jekk il-provi li għandhom jiġu prodotti mill-Istat Membru jippermettux raġonevolment li jiġi konkluż li l-metodi magħżula huma adatti għall-għan li għandu jintlaħaq u li, b’din l-għażla, l-Istat Membru ma eċċediex il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, u
– tieħu inkunsiderazzjoni l-estent li bih din il-miżura tostakola l-moviment liberu tal-merkanzija meta mqabbla mal-miżuri alternattivi li jippermettu li jintlaħaq l-istess għan u waqt l-ibbilanċjar tal-interessi kollha involuti.
3) Meta, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali hija adita b’rikors għall-istħarriġ ta’ legalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għadha ma daħlitx fis-seħħ u għadha, parzjalment, fi stat ta’ abbozz, hija għandha, sabiex tevalwa l-proporzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-għan li għandu jintlaħaq, teżamina mhux biss il-provi li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali u li huma eżaminaw waqt it-tfassil ta’ din il-leġiżlazzjoni, iżda wkoll l-informazzjoni kollha fattwali disponibbli fid-data li fiha hija tieħu deċiżjoni. Ma jeżistux restrizzjonijiet partikolari fuq is-setgħa tal-qorti nazzjonali li teżamina dawn id-dokumenti, minbarra dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontradittorju u, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, mid-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi fil-qrati.
4) L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru, għall-insegwiment tal-għan ta’ ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol, li jagħmel parti mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jadotta leġiżlazzjoni li timponi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tax-xorb alkoħoliku minflok tassazzjoni ogħla ta’ dawn il-prodotti, li tillimita inqas il-kummerċ fl-Unjoni, sakemm dan l-Istat ma jistabbilixxix li l-miżura magħżula għandha tagħti vantaġġi supplimentari jew żvantaġġi inqas meta mqabbla mal-miżura alternattiva. Il-fatt li l-miżura alternattiva li timplika tassazzjoni ogħla tista’ tagħti vantaġġi supplimentari billi tikkontribwixxi għall-għan ġenerali tal-ġlieda kontra l-abbuż tal-alkoħol ma jiġġustifikax li din il-miżura tiġi eskluża favur miżura ta’ ffissar ta’ prezz minimu.