Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fit-18 ta’ Jannar 2022 – Prokurator Generalny

(Kawża C-43/22)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Prokurator Generalny

Partijiet oħra fil-proċedura: D. J., D[X]. J., Ł. J. u S. J., Wojewódzkie Pogotowie Ratunkowe w K.

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 5(1) sa (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea moqrija flimkien mal-Artikoli 47 u 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li skonthom il-Ministru għall-Ġustizzja ta’ Stat Membru jista’, fuq il-bażi ta’ kriterji li ma ġewx imħabbra pubblikament, minn naħa, jissekonda lil imħallef lil qorti ċivili ta’ istanza ogħla kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta’ kawżi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni għal perijodu determinat jew għal perijodu indeterminat, jew min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe mument, permezz ta’ deċiżjoni li ma tkunx motivata, jittermina dan is-sekondament tal-imħallef?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 5(1) sa (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea moqrija flimkien mal-Artikoli 47 u 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali adita b’appell minn deċiżjoni ta’ qorti li fil-kulleġġ ġudikanti tagħha hemm imħallef issekondat bil-mod kif deskritt fl-ewwel domanda, għandha obbligu ex officio li teżamina jekk din il-qorti hijiex qorti indipendenti u imparzjali anki fejn il-kawża inkwistjoni ma tkunx kawża li taqa’ fil-portata tad-dritt tal-Unjoni?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 5(1) sa (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea moqrija flimkien mal-Artikoli 47 u 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu obbligu fuq qorti ta’ Stat Membru biex tannulla deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret definittiva kull meta jiġi stabbilit li tali mħallef issekondat ikun ħa sehem fl-eżami tal-kawża u li bil-preżenza tiegħu l-qorti ma kinitx indipendenti u imparzjali u dan billi tagħmel użu minn rimedju legali intiż għall-annullament ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi, bħalma huwa appell straordinarju, jew inkella l-effetti ta’ tali ksur jagħmlu parti mill-portata tal-awtonomija proċedurali tal-Istat Membru?

____________