Language of document : ECLI:EU:T:2015:734

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

30 ta’ Settembru 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva BASmALI — Trade mark preċedenti mhux irreġistrata jew sinjal preċedenti BASMATI — Raġuni relattiva għal rifjut — Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T-136/14,

Tilda Riceland Private Ltd, stabbilita f’Gurgaon (l-Indja), irrappreżentata minn S. Malynicz, barrister, N. Urwin u D. Sills, solicitors,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Geroulakos u P. Bullock, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Siam Grains Co. Ltd, stabbilita f’Bangkok (it-Tajlandja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat‑18 ta’ Diċembru 2013 (Każ R 1086/2012‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Tilda Riceland Private Ltd u Siam Grains Co. Ltd,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Frar 2014,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Lulju 2014,

wara s-seduta tal‑21 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑4 ta’ Novembru 2003, Siam Grains Co. Ltd ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqa’ fil-klassi 30 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti: “Ross tal-ħabba twila”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 37/2004, tat‑13 ta’ Settembru 2004.

5        Fl‑10 ta’ Diċembru 2004, United Riceland Private Ltd, li saret Tilda Riceland Private Ltd, ir-rikorrenti, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodott imsemmi fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark preċedenti mhux irreġistrata jew fuq is-sinjal preċedenti BASMATI, użat fl-eżerċizzju tal-kummerċ b’rabta mar-ross.

7        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009). Ir-rikorrenti kienet sostniet, b’mod partikolari, li hija setgħet, abbażi tad-dritt applikabbli fir-Renju Unit, tipprekludi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni permezz ta’ azzjoni għal abbuż ta’ denominazzjoni (action for passing off).

8        Fit‑28 ta’ Jannar 2008, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha. Hija qieset, b’mod partikolari, li r-rikorrenti ma kinitx issottomettiet dokumenti li jispjegaw il-mod kif ir-ross li hija kienet tesporta lejn ir-Renju Unit kien ikkummerċjalizzat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kellhiex provi biex turi li kienet kisbet il-“goodwill” meħtieġ sabiex tikseb rimedju taħt id-dritt dwar l-abbuż applikabbli fir-Renju Unit.

9        Fl‑20 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Marzu 2009, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Huwa essenzjalment qies li, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-parti li topponi kellha turi li hija kienet il-proprjetarja tad-dritt li fuqu l-oppożizzjoni hija bbażata. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma wrietx li hija kienet il-proprjetarja tad-dritt invokat. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell qies li l-kelma “basmati” ma kinitx trade mark jew sinjal li huwa kopert mid-drittijiet ta’ proprjetà, iżda sempliċement l-indikazzjoni komuni għal varjetà ta’ ross. Il-kelma “basmati” hija ġenerika. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell enfasizza li l-proprjetà protetta mill-azzjoni għal abbuż ta’ denominazzjoni ma tirreferix għas-sinjal inkwistjoni, iżda għall-“goodwill”. Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li r-rikorrenti ma wrietx li hija kienet il-proprjetarja tal-kelma “basmati” u li, għalhekk, il-oppożizzjoni ma tissodisfax il-kundizzjoni — stabbilita bir-Regolament Nru 40/94 — ta’ eżistenza ta’ dritt ta’ proprjetà.

11      Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2012, Tilda Riceland Private vs UASI – Siam Grains (BASmALI) (T‑304/09, Ġabra, EU:T:2012:13), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tad‑19 ta’ Marzu 2009. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ċaħad l-oppożizzjoni għar-raġuni li r-rikorrenti ma kinitx uriet li hija kienet il-proprjetarja tas-sinjal inkwistjoni, mingħajr ma analizzat preċiżament jekk ir-rikorrenti kinitx kisbet drittijiet fuq l-imsemmi sinjal skont id-dritt tar-Renju Unit (punt 29 tas-sentenza).

12      Wara s-sentenza BASmALI, punt 11 hawn fuq, (EU:T:2012:13), il-kawża ġiet irrinvijata quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Huwa qies, essenzjalment, li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova dwar l-użu tal-isem “basmati” bħala sinjal distintiv fl-eżerċizzju tal-kummerċ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ma eżaminax jekk ir-rikorrenti kisbitx drittijiet fuq dan is-sinjal konformement mad-dritt tar-Renju Unit.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

15      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

16      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

17      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li s-sinjal BASMATI huwa distintiv sa fejn jirreferi għal tip speċifiku ta’ ross li jgawdi minn ċerta fama minħabba l-kwalità tiegħu, ir-riħa tiegħu u proprjetajiet oħra. Ir-rikorrenti pproduċiet provi f’dan ir-rigward quddiem l-UASI. Il-Bord tal-Appell jidher li żied kriterju addizzjonali li skontu l-proprjetà fuq is-sinjal għandha tkun esklużiva. F’dan il-kuntest, is-sinjal BASMATI ma huwiex sinjal differenti mis-sinjali CHAMPAGNE jew SWISS CHOCOLATE u jista’ jibbenefika minn daqstant protezzjoni taħt l-azzjoni għal abbuż ta’ denominazzjoni. Fid-dawl tal-elementi tal-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li s-sinjal BASMATI jissodisfa l-kriterji kollha għal protezzjoni skont id-dritt tar-Renju Unit. It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li, bħala produttur barrani u esportatur tal-prodott inkwistjoni, hija l-proprjetarja ta’ “goodwill” fuq is-sinjal BASMATI (flimkien ma’ operaturi oħra), anki jekk kumpannija oħra effettivament tikkummerċjalizza l-prodott fir-Renju Unit. Il-Bord tal-Appell injora l-provi prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva. It-tielet nett, il-fatt li diversi operaturi jużaw it-trade marks distintivi tagħhom stess assoċjati mas-sinjal BASMATI ma jaffettwax il-karattru distintiv tas-sinjal.

18      L-UASI jammetti li l-approċċ segwit mill-Bord tal-Appell, għalkemm konsistenti mal-kunċett ta’ karattru distintiv applikabbli taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, huwa diffiċilment kompatibbli mal-ispeċifiċitajiet tal-forma msejħa “estensiva” tal-azzjoni għall-abbuż ta’ denominazzjoni adottata mill-qrati tar-Renju Unit. Madankollu, l-elementi inklużi fil-fajl mir-rikorrenti ma jurux li r-ross basmati huwa pperċepit mill-pubbliku tar-Renju Unit bħala li jgawdi minn “reputazzjoni manifesta” minħabba l-kwalitajiet speċjali tiegħu, kriterju li jirriżulta mill-ġurisprudenza tar-Renju Unit. L-UASI jammetti li l-Bord tal-Appell ma għamel ebda riferiment espliċitu f’dan ir-rigward. Madankollu, mill-eżami tal-Bord tal-Appell jirriżulta li, kieku kellu jindirizza l-kwistjoni espliċitament, huwa kien jikkonkludi li l-provi fil-fajl ma kinux jippermettu li s-sinjal BASMATI jiġi assoċjat ma’ “reputazzjoni manifesta”. Fl-aħħar nett, għall-kompletezza, l-UASI jsostni li r-rikorrenti ma wrietx li hija kienet il-proprjetarja ta’ “goodwill”, u lanqas li hija sofriet dannu f’dan ir-rigward. Minn dan, l-UASI jikkonkludi li, kieku wieħed kellu jassumi li l-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell ma hijiex tajba fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kunċett tradizzjonali ta’ karattru distintiv bħala element li jidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti japplika wkoll f’każ ta’ azzjoni imsejjħa “estensiva” għall-abbuż ta’ denominazzjoni, il-provi inklużi fil-fajl ma humiex biżżejjed sabiex juru li l-pubbliku tar-Renju Unit jipperċepixxi s-sinjal BASMATI bħala li jgawdi minn “reputazzjoni manifesta”.

19      Għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal użat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali jista’ jressaq oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, meta u sa fejn, skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja jew id-dritt applikabbli tal-Istat Membru li hija applikabbli għal dan is-sinjal, minn naħa, drittijiet fuq dan is-sinjal ikunu nkisbu qabel id-data tat-tressiq tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew, jekk ikun il-każ, qabel id-data tal-prijorità invokata insostenn tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, u, min-naħa l-oħra, dan is-sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

20      Barra minn hekk, u sa fejn ir-rikorrenti tinvoka insostenn tal-oppożizzjoni tagħha l-azzjoni għal abbuż ta’ denominazzjoni stabbilita bid-dritt tar-Renju Unit, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Istat Membru applikabbli, f’dan il-każ, huwa t-Trade Marks Act, 1994 (Liġi tar-Renju Unit dwar it-trade marks), li fih l-Artikolu 5(4) tagħha jipprovdi, b’mod partikolari:

“Trade mark ma tistax tiġi rreġistrata jekk, jew sa fejn, l-użu tagħha fir-Renju Unit jista’ jiġi pprojbit:

(a)    minħabba kwalunkwe regola tad-dritt [b’mod partikolari taħt id-dritt li jirrigwarda l-abbuż tad-denominazzjoni (law of passing off)] li tipproteġi trade mark mhux irreġistrata jew kull sinjal ieħor użat fil-kummerċ […]”

21      Minn dan it-test, hekk kif interpretat mill-qrati nazzjonali, jirriżulta li l-parti li tressaq l-oppożizzjoni għandha tistabbilixxi, konformement mas-sistema legali tal-azzjoni għal abbuż ta’ denominazzjoni previst mid-dritt tar-Renju Unit, li tliet kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti, jiġifieri, l-ewwel nett, il-“goodwill” miksub (jiġifieri l-forza ta’ attrazzjoni tal-klijentela) mit-trade mark mhux irreġistrata jew is-sinjal inkwistjoni, it-tieni nett, il-preżentazzjoni qarrieqa min-naħa tal-proprjetarju tal-iktar trade mark reċenti u, it-tielet nett, id-dannu kkawżat lill-“goodwill” (ara s-sentenza BASmALI, punt 11 iktar ’il fuq, EU:T:2012:13, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Barra minn hekk, mid-deċiżjonijiet tal-qrati tar-Renju Unit jirriżulta li jista’ jkun li sinjal li jservi sabiex jindika beni jew servizzi jikseb reputazzjoni fis-suq, fis-sens tad-dritt applikabbli għall-azzjoni għal abbuż ta’ denominazzjoni, minkejja li dan huwa użat minn bosta operaturi fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħhom (Chocosuisse Union des fabricants suisses de chocolat & Ors v Cadbury Ltd. [1999] EWCA Civ 856). Din il-forma msejħa “estensiva” tal-azzjoni għal abbuż ta’ denominazzjoni, rikonoxxuta mill-qrati tar-Renju Unit, tippermetti wkoll lil diversi operaturi jgawdu minn drittijiet fuq sinjal li jkun kiseb reputazzjoni fis-suq (sentenza BASmALI, punt 11 iktar ’il fuq, EU:T:2012:13, punt 28).

23      Il-Bord tal-Appell irrileva li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-isem “basmati” fl-eżerċizzju tal-kummerċ u għall-portata tal-imsemmi sinjal kellhom jiġu interpretati fid-dawl tal-istandards uniformi tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit tal-użu fil-kummerċ, trade mark mhux irreġistrata jew sinjal kellha tintuża bħala karatteristika distintiva fis-sens li kellha sservi sabiex tidentifika attività ekonomika eżerċitata mill-proprjetarju tagħha. F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-provi inklużi fil-fajl ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti użat l-isem “basmati” bħala sinjal distintiv fl-eżerċizzju tal-kummerċ u li, għalhekk, wieħed mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kienx issodisfatt.

24      Għalkemm id-deċiżjoni kkontestata hija redatta b’mod ċar, minn din tal-aħħar jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-karattru distintiv eventwali tas-sinjal BASMATI għandu jippermetti lir-rikorrenti tiddistingwi l-prodott tagħha minn dak ta’ impriżi oħra, inklużi dawk li jikkummerċjalizzaw ukoll ir-ross basmati. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Bord tal-Appell jindika b’mod ċar li l-fatt li r-ross basmati huwa kkummerċjalizzat fi swieq differenti “jeskludi l-possibbiltà” li l-kelma “basmati” bħala tali tista’ tiġi pperċepita bħala element “li jiddistingwi r-ross ta’ impriża minn dak ta’ impriżi oħra”. Barra minn hekk, fil-punti 25 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li r-ross basmati esportat mir-rikorrenti lejn ir-Renju Unit ma kienx ikkummerċjalizzat mir-rikorrenti, iżda minn kumpannija oħra. Barra minn hekk, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell enfasizza li l-isem ta’ prodott agrikolu, li l-importazzjoni tiegħu hija suġġetta għal ċertu regolamentazzjoni skont il-politika agrikola komuni tal-Unjoni, kien jinftiehem bħala li jindika karatteristiċi tal-prodott “u mhux [...] l-oriġini kummerċjali tiegħu”. Il-Bord tal-Appell għamel ukoll riferiment għall-“oriġini kummerċjali” tal-prodott inkwistjoni fil-punti 29 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-“trade mark użata” sabiex “tidentifika” r-ross prodott mir-rikorrenti hija TILDA u mhux il-kelma “basmati”. Sabiex jistabbilixxi l-kunsiderazzjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell irrileva li l-provi prodotti juru li l-kelma “basmati” tintuża flimkien ma’ trade marks jew ismijiet ta’ kumpanniji.

25      Fi kliem ieħor, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni kien ir-riżultat tal-funzjoni tiegħu li jidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti. L-UASI kkonferma din l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata waqt is-seduta.

26      Issa, l-approċċ segwit mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata huwa, f’dan ir-rigward, kuntrarju għall-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

27      Huwa ċertament minnu, hekk kif irrileva l-Bord tal-Appell, li, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, is-sinjal inkwistjoni għandu jintuża bħala karatteristika distintiva fis-sens li għandu jservi sabiex tiġi identifikata attività ekonomika eżerċitata mill-proprjetarju tiegħu (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, Anheuser‑Busch vs Budějovický Budvar, C‑96/09 P, Ġabra, EU:C:2011:189, punt 149).

28      Madankollu, dan ma jfissirx li l-funzjoni tal-użu ta’ sinjal fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jimmira esklużivament sabiex jidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. Billi kkonkluda b’dan il-mod, il-Bord tal-Appell stabbilixxa kundizzjoni li ma hijiex prevista mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, hekk kif issostni, essenzjalment, ir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

29      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 jkopri t-trade marks mhux irreġistrati u kull “sinjal ieħor” użati fil-kummerċ. F’dan il-kuntest, u fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, il-funzjoni tal-użu tas-sinjal inkwistjoni jista’ jirriżulta, skont in-natura tal-imsemmi sinjal, mhux biss fl-identifikazzjoni mill-pubbliku rilevanti tal-oriġini kummerċjali tal-prodott ikkonċernat, iżda wkoll, b’mod partikolari, fl-identifikazzjoni tal-oriġini ġeografiku tiegħu u tal-kwalitajiet partikolari u intrinsiċi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Anheuser‑Busch vs Budějovický Budvar, punt 27 iktar ’il fuq, EU:C:2011:189, punt 147) jew tal-karatteristiċi li jsaħħu r-reputazzjoni tagħha, hekk kif barra minn hekk ġie kkonstatat mill-UASI fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu. Is-sinjal inkwistjoni, skont in-natura tiegħu, jista’ għalhekk jiġi deskritt bħala karatteristika distintiva meta jintuża sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra, iżda wkoll, b’mod partikolari, meta jintuża sabiex jidentifika ċerti prodotti jew servizzi minn prodotti u servizzi simili. L-approċċ adottat mill-Bord tal-Appell għalhekk jispiċċa jeskludi mill-benefiċċju tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 s-sinjali li huma użati minn diversi operaturi jew li huma użati flimkien ma’ trade marks, anki jekk din id-dispożizzjoni ma tipprovdix għal din l-esklużjoni. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li ma humiex irreġistrati fl-Unjoni u li jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009. Dan huwa l-każ, ukoll, tas-sinjali li, għalkemm ma humiex suġġetti għal reġistrazzjoni, jistgħu jiġu protetti taħt l-azzjoni għal abbuż ta’ denominazzjoni. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell stess irrileva li l-azzjoni għal abbuż ta’ denominazzjoni tirrigwarda sinjali li jippermettu li wieħed jiddistingwi kategorija ta’ prodotti minn “prodotti oħra simili” (punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jitfakkar, ukoll, li l-forma msejħa “estensiva” tal-azzjoni għal abbuż ta’ denominazzjoni, rikonoxxuta mill-qrati tar-Renju Unit, tippermetti lil diversi operaturi jkollhom drittijiet fuq sinjal li jkun kiseb reputazzjoni fis-suq.

30      F’dan il-kuntest, ċerti sinjali, għalkemm użati minn diversi operaturi flimkien ma’ trade marks, jistgħu jkunu elementi distintivi peress li jistgħu jidentifikaw l-attività ekonomika mwettqa mid-detentur tagħhom. Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Bord tal-Appell indika, filwaqt li ċċita l-Oxford English Dictionary, li r-ross basmati huwa “varjetà superjuri ta’ ross Indjan, karatterizz[at] mill-bjuda tiegħu u r-riħa tiegħu ladarba [jkun] msajjar”.

31      Għandu jingħad ukoll li, għalkemm il-prodotti tar-rikorrenti kienu ġew ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark TILDA, kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fajl tal-UASI juri li l-kelma “basmati” tidher ukoll b’mod ċar ħafna fuq l-imballaġġ tal-imsemmija prodotti. Huwa paċifiku, f’dan ir-rigward, kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti biegħet lil kumpannija oħra “ross basmati Indjan”. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, huwa irrilevanti, għar-raġunijiet indikati preċedentement, li l-prodotti tar-rikorrenti esportati lejn ir-Renju Unit ġew ikkummerċjalizzati fit-territorju ta’ dik il-kumpannija l-oħra u mhux mir-rikorrenti nnifisha, ġaladarba l-użu tas-sinjal inkwistjoni ma għandux neċessarjament il-funzjoni li jidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, ma hemm xejn li jindika li, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, il-parti li tressaq l-oppożizzjoni għandha turi li hija stess ikkummerċjalizzat il-prodotti tagħha fit-territorju kkonċernat.

32      Għaldaqstant, il-provi prodotti mill-Bord tal-Appell insostenn taċ-ċaħda tal-oppożizzjoni ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li s-sinjal inkwistjoni ma ntużax bħala element distintiv li jservi sabiex jidentifika attività ekonomika eżerċitata mir-rikorrenti.

33      L-argumenti l-oħra tal-UASI ma humiex tali li jinvalidaw din il-konklużjoni. B’mod partikolari, fir-rigward tal-affermazzjoni mressqa mill-UASI, fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub li l-provi prodotti waqt id-dibattiti fi kwalunkwe każ la jippermettu lill-Bord tal-Appell jikkonkludi li s-sinjal BASMATI kiseb “reputazzjoni manifesta” fit-territorju kkonċernat, u lanqas li r-rikorrenti hija l-proprjetarja ta’ “goodwill” jew li hija tbati dannu f’dan ir-rigward, huwa paċifiku li dawn il-kwistjonijiet ma ġewx ikkunsidrati mill-Bord tal-Appell. Issa, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali wettqet eżami tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-UASI (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra, EU:C:2011:452, punt 52). Jekk hija tikkonkludi li tali deċiżjoni, ikkontestata permezz ta’ rikors ippreżentat quddiemha, hija vvizzjata b’illegalità, hija għandha tannullaha. Hija ma tistax, madankollu, tiċħad ir-rikors billi tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik tal-awtorità kompetenti tal-UASI, li huwa l-awtur tal-att ikkontestat [sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2009, Kaul vs UASI – Bayer (ARCOL), T‑402/07, Ġabra, EU:T:2009:85, punt 49, u tad‑9 ta’ Settembru 2010, Axis vs UASI – Etra Investigación y Desarrollo (ETRAX), T‑70/08, Ġabra, EU:T:2010:375, punt 29]. Minn dan isegwi li l-argumenti żviluppati mill-UASI fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ma jistgħux iwasslu għaċ-ċaħda tar-rikors.

34      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-motiv uniku tar-rikorrenti għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

35      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

36      Peress li l-UASI tilef, billi d-deċiżjoni kkontestata hija annullata, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll l-ispejjeż inkorsi mir-rikorrenti, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq intern (Trade marks u Disinni) tat‑18 ta’ Diċembru 2013 (Każ R 1086/2012‑4) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll l-ispejjeż esposti minn Tilda Riceland Private Ltd.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Settembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.