Language of document : ECLI:EU:C:2009:456

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2009 (*)

Werrej

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt Ġermaniż

Is‑sistema kollettiva ta’ DSD, il‑kuntratt għall‑użu tal‑logo u l‑kuntratt ta’ servizzi

Id‑Direttiva 89/104/KEE

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

Id‑deċiżjoni inkwistjoni

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza u s‑sentenza appellata

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fuq l‑appell

Fuq l‑ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill‑motivi kontradittorji tas‑sentenza appellata

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fuq it‑tieni aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo u fuq provi oħra fil‑proċess

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fuq it‑tielet aggravju, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti, fuq żnaturament tal‑fatti u fuq żbalji ta’ liġi fir‑rigward tad‑drittijiet esklużivi marbuta mal‑logo DGP

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fuq ir‑raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tad‑dritt tat‑trade marks komunitarji

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fuq il‑ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 82 KE

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fuq is‑sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 17 u tal‑prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fuq is‑seba’ aggravju, ibbażat fuq difett proċedurali

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fuq it‑tmien aggravju, ibbażat fuq ksur tad‑dritt fundamentali għal smigħ fi żmien raġonevoli

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fuq l‑ispejjeż

“Appell – Kompetizzjoni –Artikolu 82 KE – Sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ imballaġġi użati fil‑Ġermanja – Logo ‘Der Grüne Punkt’ – Dritt dovut skont il kuntratt għall‑użu tal‑logo – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Dritt esklużiv ta’ proprjetarju ta’ trade mark – Tul eċċessiv tal‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza – Terminu raġonevoli – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikoli 58 u 61 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja”

Fil‑Kawża C 385/07 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l‑Artikolu 56 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, ippreżentat fit‑8 ta’ Awwissu 2007,

Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH, stabbilita f’Koln (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn W. Deselaers, E. Wagner u B. Meyring, Rechtsanwälte,

rikorrenti,

il‑partijiet l‑oħra fil‑kawża li huma:

Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Mölls u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan‑notifika fil‑Lussemburgu,

konvenuta fl‑ewwel istanza,

sostnuta minn:

Interseroh Dienstleistungs GmbH, stabbilita f’Kolonja, irrappreżentata minn W. Pauly, A. Oexle u J. Kempkes, Rechtsanwälte,

intervenjenti fl‑appell,

Vfw GmbH, stabbilita f’Kolonja, irrappreżentata minn H. Wissel, Rechtsanwalt,

Landbell AG für Rückhol‑Systeme, stabbilita f’Mayence (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn A. Rinne u M. Westrup, Rechtsanwälte,

BellandVision GmbH, stabbilita f’Pegnitz (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn A. Rinne u M. Westrup, Rechtsanwälte,

intervenjenti fl‑ewwel istanza,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, M. Ilešič (Relatur), J.‑C. Bonichot u T. von Danwitz, Presidenti ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, A. Arabadjiev, C. Toader u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2008,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑31 ta’ Marzu 2009,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        Permezz tal‑appell tagħha, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “DSD”) titlob l‑annullament tas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑Komunitajiet Ewropej tal‑24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑151/01, Ġabra p. II‑1607, iktar ’il quddiem is‑“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir‑rikors għall‑annullament tad‑Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2001/463/KE, tal‑20 ta’ April 2001, dwar proċedura skont l‑Artikolu 82 tat‑Trattat KE (Każ COMP D3/34493 – DSD) (ĠU L 166, p.1, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni inkwistjoni”).

 Il‑kuntest ġuridiku

 Id‑dritt Ġermaniż

2        Fit‑12 ta’ Ġunju 1991, ġie adottat id‑digriet dwar il‑prevenzjoni tal‑produzzjoni ta’ skart mill‑imballaġġ (Verordnung über die Vermeidung von Verpackungsabfällen, BGB1. 1991 I, p. 1234), li l‑verżjoni riveduta tiegħu – applikabbli fil‑kawża preżenti – daħlet fis‑seħħ fit‑28 ta’ Awwissu 1998 (iktar ’il quddiem id‑“digriet dwar l‑imballaġġ”). Dan id‑digriet għandu l‑għan li jnaqqas l‑effetti tal‑iskart tal‑imballaġġ fuq l‑ambjent u għal dan l‑iskop, huwa jobbliga lill‑manifatturi u lid‑distributuri li jerġgħu jieħdu u jirkupraw l‑imballaġġi ta’ bejgħ użati, apparti s‑sistema pubblika ta’ rimi tal‑iskart.

3        B’mod partikolari, il‑manifatturi u d‑distributuri għandhom jerġgħu jiġbru mingħajr ħlas l‑imballaġġi użati, koperti mid‑digriet dwar l‑imballaġġ, fil‑punt tal‑bejgħ jew fil‑viċinanza immedjata tiegħu, u għandhom jissuġġettawhom għal irkupru (iktar ’il quddiem is‑“sistema individwali”). Il‑konsumatur għandu jiġi avżat b’din il‑possibbiltà permezz ta’ tabelli li jistgħu jintgħarfu b’mod ċar.

4        Madankollu, l‑imsemmi digriet jipprovdi li mhumiex suġġetti, għal obbligu ta’ ġbir lura u ta’ rkupru individwali, il‑manifatturi u d‑distributuri li jipparteċipaw f’sistema li tiżgura ġbir regolari, fiż‑żona sħiħa tas‑suq tad‑distributur, tal‑imballaġġi ta’ bejgħ użati mingħand il‑konsumatur finali jew fil‑viċinanzi tar‑residenza tiegħu sabiex jiġu ssuġġettati għal irkupru (iktar ’il quddiem, is‑“sistema kollettiva”). Il‑manifatturi u d‑distributuri li jipparteċipaw f’sistema kollettiva huma eżentati mill‑obbligi tagħhom ta’ ġbir u ta’ rkupru għall‑imballaġġi kollha koperti minn din is‑sistema u għandhom jindikaw il‑parteċipazzjoni tagħhom f’sistema kollettiva “permezz ta’ tikkettar jew kull mezz xieraq ieħor”. Għaldaqstant, huma jistgħu jsemmu din il‑parteċipazzjoni fuq l‑imballaġġi jew jużaw miżuri oħra bħal, pereżempju, informazzjoni lill‑klijentela fil‑post tal‑bejgħ jew avviż miżjud fuq l‑imballaġġ.

5        Is‑sistemi kollettivi għandhom ikunu approvati mill‑awtoritajiet kompetenti tal‑Länder inkwistjoni. Sabiex jiġu approvati, dawn is‑sistemi għandhom, b’mod partikolari, ikollhom rata ta’ kopertura li testendi għat‑territorju ta’ mill‑inqas Land wieħed, iwettqu ġbir regolari fil‑viċinanzi tar‑residenza tal‑konsumaturi u jibbażaw ruħhom fuq ftehim bil‑miktub mal‑assoċjazzjonijiet lokali inkarigati mill‑amministrazzjoni tal‑iskart. Kull impriża li tissodisfa dawn il‑kundizzjonijiet f’Land tista’ torganizza hemmhekk sistema kollettiva.

6        B’effett mill‑1 ta’ Jannar 2000, is‑sistemi kollettivi kif ukoll il‑manifatturi u d‑distributuri li għażlu sistema individwali huma suġġetti għall‑istess rati ta’ rkupru. Dawn ir‑rati, li jidhru fl‑Anness I tad‑digriet dwar l‑imballaġġ, ivarjaw skont il‑materjal li huwa magħmul minnu l‑imballaġġ. L‑osservanza tal‑obbligi ta’ ġbir lura u ta’ rkupru huwa ggarantit, fil‑każ tas‑sistema individwali, permezz ta’ ċertifikati maħruġa minn esperti indipendenti u, fil‑każ tas‑sistema kollettiva, billi tiġi pprovduta informazzjoni li tista’ tiġi vverifikata fuq il‑kwantitajiet ta’ imballaġġi miġbura u rkuprati.

 Is‑sistema kollettiva ta’ DSD, il‑kuntratt għall‑użu tal‑logo u l‑kuntratt ta’ servizzi

7        DSD hija kumpannija li tiġġestixxi, b’effett mill‑1991, sistema kollettiva fit‑territorju Ġermaniż kollu (iktar ’il quddiem is‑“sistema DSD”). Għal dan il‑għan, DSD ġiet approvata, fl‑1993, mill‑awtoritajiet kompetenti tal‑Länder kollha. Is‑sistema tagħha hija kklassifikata bħala “doppja” sa fejn il‑ġbir lura u l‑irkupru tal‑imballaġġi jsir minn impriża privata, indipendentement mis‑sistema ta’ ġestjoni tal‑iskart tal‑assoċjazzjonijiet lokali.

8        Ir‑relazzjonijiet bejn DSD u l‑manifatturi u d‑distributuri msieħba fis‑sistema tagħha huma rregolati permezz ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett l‑użu tal‑logo “Der Grüne Punkt” (iktar ’il quddiem il‑“kuntratt għall‑użu tal‑logo”). Bl‑iffirmar ta’ dan il‑kuntratt, l‑impriża msieħba tkun awtorizzata, bi ħlas, twaħħal il‑logo “Der Grüne Punkt” (iktar ’il quddiem il‑“logo DGP”) fuq l‑imballaġġi inklużi fis‑sistema DSD.

9        DSD irreġistrat l‑imsemmi logo, irrappreżentat kif ġej, bħala trade mark fl‑1991, mal‑Uffiċċju Ġermaniż tal‑privattivi u tat‑trade marks:

Image not found

10      Għall‑użu tal‑logo DGP barra mit‑territorju tal‑Ġermanja, b’mod partikolari, fi Stati Membri oħra tal‑Komunità Ewropea, DSD ikkonċediet id‑drittijiet ta’ użu tagħha, taħt liċenzja ġenerali, lil Packaging Recovery Organisation Europe SPRL (ProEurope), li s‑sede tagħha tinsab fi Brussell.

11      Fil‑Ġermanja, DSD tiżgura, bis‑saħħa tal‑Artikolu 2 tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo, fir‑rigward tal‑impriżi li jaderixxu mas‑sistema tagħha, il‑ġbir, l‑għażla u l‑irkupru tal‑imballaġġi użati li jiddeċiedu li jipproċessaw bis‑sistema DSD, u b’hekk ineħħuhom mill‑obbligu tagħhom ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ dawn l‑imballaġġi. Għal dan il‑għan, l‑Artikolu 3(1) tal‑imsemmi kuntratt jipprovdi li l‑impriżi msieħba huma marbuta li jsemmu t‑tipi ta’ imballaġġ li jixtiequ jipproċessaw permezz tas‑sistema DSD u li jwaħħlu l‑logo DGP fuq kull imballaġġ ta’ dawn it‑tipi u ddestinati għall‑konsum intern fil‑Ġermanja.

12      Skont il‑kundizzjonijiet tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo fis‑seħħ fid‑data ta’ meta seħħew il‑fatti tal‑kawża prinċipali, l‑utent tal‑logo jħallas lil DSD dritt għall‑imballaġġi kollha li għandhom fuqhom il‑logo DGP li jiddistribwixxi fit‑territorju Ġermaniż b’applikazzjoni ta’ dan il‑kuntratt. Skont l‑Artikolu 4(1) tal‑imsemmi kuntratt, l‑eċċezzjonijiet għal din ir‑regola għandhom ikunu suġġetti għal ftehim separat bil‑miktub. L‑Artikolu 5(1) tal‑istess kuntratt jipprovdi wkoll li l‑imballaġġi kollha li għandhom fuqhom il‑logo DGP u ddistribwiti mill‑utent tal‑logo fit‑territorju Ġermaniż ikunu fatturati.

13      L‑ammont tad‑dritt huwa kkalkolat minn żewġ tipi ta’ elementi, jiġifieri, minn naħa waħda, il‑piż tal‑imballaġġ u t‑tip ta’ materjal użat u, min‑naħa l‑oħra, il‑volum jew is‑superfiċji tal‑imballaġġ. Skont l‑Artikolu 4(2) u (3) tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo, id‑drittijiet ma jinkludux żieda skont il‑benefiċċji u huma ddestinati esklużivament biex ikopru l‑ispejjeż tal‑ġbir, tal‑għażla u tal‑irkupru, kif ukoll l‑ispejjeż amministrativi li huma marbuta magħhom.

14      Fil‑kuntest tas‑sistema DSD, l‑imballaġġi li għandhom fuqhom il‑logo DGP jistgħu jinġabru kemm f’reċipjenti speċjali u ddifferenzjati skont jekk ikunux magħmula mill‑metall, mill‑plastik u minn materjali kompożiti, kif ukoll f’kontenituri mqiegħda fil‑viċinanzi tad‑djar (b’mod partikolari għall‑karti u għall‑ħġieġ), filwaqt li l‑iskart residwu għandu jintrema fir‑reċipjenti tas‑sistema pubblika tar‑rimi tal‑iskart.

15      Madankollu, DSD la tiġbor u lanqas tirkupra hija stess l‑imballaġġi użati, iżda tagħti b’subappalt dan is‑servizz lil impriżi lokali tal‑ġbir. Ir‑relazzjonijiet bejn DSD u dawn l‑impriżi huma rregolati minn kuntratt standard, emendat diversi drabi, li għandu bħala għan l‑istabbiliment u t‑tħaddim ta’ sistema intiża għall‑ġbir u l‑għażla tal‑imballaġġi (iktar ’il quddiem il‑“kuntratt ta’ servizzi”). Bis‑saħħa ta’ dan il‑kuntratt, iffirmat bejn DSD u 537 impriża lokali, kull waħda minn dawn l‑impriżi tiddisponi mis‑setgħa esklużiva li teżerċita, f’żona determinata, il‑ġbir ta’ imballaġġi f’isem DSD. Wara li jintagħżlu, dawn l‑imballaġġi jiġu ttrasportati lejn ċentru ta’ riċiklaġġ sabiex jiġu rkuprati.

16      Il‑kuntratt ta’ servizzi huwa s‑suġġett tad‑Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2001/837/KE, tas‑17 ta’ Settembru 2001, fi proċedura bil‑miftuħ skont l‑Artikolu 81 tat‑Trattat KE u l‑Artikolu 53 tal‑Ftehim taż‑ŻEE (Każijiet COMP/34493 – DSD, COMP/37366 – Hofmann + DSD, COMP/37299 – Edelhoff + DSD, COMP/37291 – Rethmann + DSD, COMP/37288 – ARGE u ħames impriżi oħra + DSD, COMP/37287 – AWG u ħames impriżi oħra + DSD, COMP/37526 – Feldhaus + DSD, COMP/37254 – Nehlsen + DSD, COMP/37252 – Schönmakers + DSD, COMP/37250 – Altvater + DSD, COMP/37246 – DASS + DSD, COMP/37245 – Scheele + DSD, COMP/37244 – SAK + DSD, COMP/37243 – Fischer + DSD, COMP/37242 – Trienekens + DSD, COMP/37267 – Interseroh + DSD) (ĠU L 319, p. 1). Permezz ta’ sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑289/01, Ġabra p. II‑1691), li ma kinitx suġġett ta’ appell quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, ir‑rikors ta’ DSD intiż għall‑annullament tad‑Deċiżjoni 2001/837 ġie miċħud.

 Id‑Direttiva 89/104/KEE

17      L‑Ewwel Direttiva tal‑Kunsill 89/104/KEE, tal‑21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l‑liġijiet tal‑Istati Membri dwar it‑trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) tipprovdi, fl‑Artikolu 5(1) tagħha:

“It‑trade mark reġistrata għandha tagħti l‑proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il‑proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il‑kunsens tiegħu milli jużaw matul il‑kummerċ:

a)       kwalunkwe sinjal li hu identiku mat‑trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li [għalihom] t‑trade mark hi reġistrata;

b)       kwalunkwe sinjal li, minħabba l‑identità ma’, jew li jixbaħ it‑trade mark u l‑identità jew xebħ tal‑merkanzija jew is‑servizzi koperti mit‑trade mark u s‑sinjal, teżisti l‑possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal‑pubbliku, li tinkludi l‑possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is‑sinjal u t‑trade mark.”

18      L‑Artikolu 8 tal‑istess direttiva jipprovdi:

“1.      Trade mark tista’ tkun liċenzjata għal ftit jew għall‑merkanzija jew is‑servizzi kollha li għalihom hi reġistrata u għal kollu jew parti mill‑Istat Membru konċernat. Liċenzja tista’ tkun esklużiva jew mhux esklużiva.

2.      Il‑proprjetarju ta’ trade mark jista’ jinvoka d‑drittijiet mogħtija minn dik it‑trade mark kontra liċenzjat li jikser kwalunkwe disposizzjoni fil‑kuntratt tal‑liċenzja tiegħu dwar it‑tul tagħha, il‑formola koperta mir‑reġistrazzjoni li fuqha tista’ tintuża t‑trade mark, l‑iskop tal‑merkanzija jew servizzi li għalihom il‑liċenzja hi maħruġa, it‑territorju fejn it‑trade mark tista’ titwaħħal, jew il‑kwalità tal‑merkanzija manifatturati jew tas‑servizzi provduti minn min ingħata l‑liċenzja.”

19      Id‑Direttiva 89/104 ġiet abrogata bid‑Direttiva 2008/95/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l‑liġijiet tal‑Istati Membri dwar it‑trade marks (ĠU L 299, p. 25), li daħlet fis‑seħħ fit‑28 ta’ Novembru 2008. Madankollu, fid‑dawl ta’ meta seħħew il‑fatti, il‑kawża preżenti tibqa’ rregolata bid‑Direttiva 89/104.

 Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

20      Fit‑2 ta’ Settembru 1992, DSD innotifikat lill‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej il‑kuntratt għall‑użu tal‑logo u l‑kuntratt ta’ servizzi, sabiex tikseb ċertifikazzjoni negattiva jew, fin‑nuqqas ta’ dan, deċiżjoni ta’ eżenzjoni.

21      Wara l‑pubblikazzjoni fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej, fis‑27 ta’ Marzu 1997 (ĠU 1997, C 100, p. 4), fejn ħabbret l‑intenzjoni tagħha li tiddikjara ruħha favorevoli għall‑ftehim innotifikati, il‑Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand terzi persuni interessati, b’mod partikolari, f’aspetti differenti tal‑implementazzjoni tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo. B’mod partikolari, dawn it‑terzi persuni interessati ddenunzjaw distorsjoni tal‑kompetizzjoni allegata li kienet tirriżulta mill‑ħlas ta’ dritt doppju fil‑każ ta’ parteċipazzjoni fis‑sistema DSD u f’dik ta’ fornitur ta’ servizzi ieħor.

22      Fil‑15 ta’ Ottubru 1998, DSD ippreżentat lill‑Kummissjoni numru ta’ impenji intiżi sabiex jiġi evitat li l‑manifatturi u d‑distributuri ta’ imballaġġi li jaderixxu mas‑sistema DSD ma jkollhomx iħallsu dritt doppju fil‑każ fejn dawn jipparteċipaw f’sistema kollettiva oħra li topera fuq livell reġjonali. B’mod partikolari, DSD ipprevediet is‑sitwazzjoni li fiha sistemi kollettivi, limitati għal Länd waħda jew iktar, jiġu stabbiliti b’mod parallel mas‑sistema DSD. F’dan il‑każ, imballaġġi tal‑istess tip u tal‑istess distributur jew manifattur ikunu jistgħu jinġabru, f’dawn il‑Länder, minn waħda mis‑sistemi kollettivi l‑ġodda u, fil‑Länder l‑oħrajn, mis‑sistema DSD, u l‑impenn ta’ DSD f’dan ir‑rigward kien is‑segwenti:

“Jekk sistemi oħra minbarra s‑[sistema DSD], li joperaw fuq skala reġjonali, jiġu stabbiliti u jiġu uffiċjalment approvati mill‑ogħla awtoritajiet tal‑Land skont id‑digriet dwar l‑imballaġġi, [DSD] hija disposta li tapplika l‑kuntratt għall‑użu tal‑logo b’tali mod li dawk li jaderixxu jkollhom il‑possibbiltà li jipparteċipaw f’wieħed minn dawn is‑sistemi fir‑rigward ta’ parti mill‑imballaġġi tagħhom. Għaldaqstant, [DSD] ma tirċievi l‑ebda dritt bis‑saħħa tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo għall‑imballaġġi miġbura minn dawn is‑sistemi, bil‑kundizzjoni li dan it‑tieni tip ta’ ġbir ikollu jiġi vverifikat permezz ta’ provi. It‑tieni kundizzjoni imposta għall‑eżenzjoni tad‑drittijiet dovuti fuq l‑imballaġġi li għandhom fuqhom il‑logo [DGP] hija li ma jkun hemm ebda ksur kontra l‑protezzjoni tat‑trade mark [DGP].”

23      Fit‑3 ta’ Novembru 1999, il‑Kummissjoni qieset li n‑numru ta’ impenji ppreżentati minn DSD fil‑15 ta’ Ottubru 1998 ma kellhomx jiġu limitati biss għas‑sistemi kollettivi, iżda kellhom jinkludu fihom ukoll is‑sistemi individwali użati għall‑ipproċessar ta’ parti mill‑imballaġġi.

24      Fil‑15 ta’ Novembru 1999, xi manifatturi ta’ imballaġġi ppreżentaw ilment lill‑Kummissjoni. Huma sostnew li l‑kuntratt għall‑użu tal‑logo kien jostakola l‑istabbiliment ta’ sistema individwali tal‑ġbir tal‑imballaġġi. Dawn qiesu li l‑użu tal‑logo, mingħajr il‑provvista effettiva ta’ servizz ta’ pproċessar ta’ skart minn DSD, jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti minn DSD.

25      B’ ittra tat‑13 ta’ Marzu 2000, DSD ippreżentat lill‑Kummissjoni żewġ impenji addizzjonali. Wieħed minnhom kien jirrigwarda l‑każ fejn il‑manifatturi u d‑distributuri ta’ imballaġġi jagħżlu sistema individwali fir‑rigward ta’ parti mill‑imballaġġi tagħhom u jaderixxu mas‑sistema DSD għall‑bqija. F’dan il‑każ, DSD obbligat ruħha li ma tirċievi l‑ebda dritt bis‑saħħa tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo għal dik il‑parti tal‑imballaġġi miġbura mis‑sistema individwali, bil‑kundizzjoni li jingħatawlha l‑provi għal dan it‑tieni tip ta’ ġbir.

26      Fit‑3 ta’ Awwissu 2000, il‑Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet lil DSD, u din tal‑aħħar irrispondiet għaliha b’ ittra tad‑9 ta’ Ottubru 2000.

27      Fl‑20 ta’ April 2001, il‑Kummissjoni adottat id‑deċiżjoni inkwistjoni.

 Id‑deċiżjoni inkwistjoni

28      Id‑deċiżjoni inkwistjoni tirrileva, fil‑punt 20 tal‑motivi tagħha, li mill‑osservazzjonijiet tal‑awtoritajiet Ġermaniżi jirriżulta li huwa possibbli li tiġi mħallta sistema individwali ma’ sistema kollettiva billi jkun hemm parteċipazzjoni f’sistema kollettiva biss għall‑irkupru għal parti mill‑imballaġġi kkummerċjalizzati (iktar ’il quddiem is‑“sistemi mħallta”). L‑imsemmija deċiżjoni tenfasizza wkoll, fil‑punt 23 tal‑motivi tagħha, li minn risposta tal‑awtoritajiet Ġermaniżi jirriżulta li d‑digriet dwar l‑imballaġġi ma jimplikax li huwa possibbli biss l‑użu ta’ sistema unika. Il‑leġiżlatur qatt ma kellu l‑intenzjoni li jippermetti biss l‑istabbiliment ta’ sistema kollettiva waħda fil‑pajjiż kollu jew f’kull Land.

29      Fil‑punt 95 tal‑motivi tagħha, id‑deċiżjoni inkwistjoni tieħu bħala punt ta’ tluq il‑fatt, li mhuwiex ikkontestat minn DSD, li din tal‑aħħar għandha pożizzjoni dominanti, li tikkonsisti, fil‑mument tal‑adozzjoni tal‑imsemmija deċiżjoni, fil‑fatt li hija kienet l‑unika impriża li toffri sistema kollettiva fit‑territorju Ġermaniż kollu u s‑sistema DSD tiġbor madwar 70 % tal‑imballaġġi tal‑bejgħ fil‑Ġermanja kif ukoll madwar 82 % tal‑imballaġġi tal‑bejgħ miġbura mingħand konsumaturi finali fil‑Ġermanja.

30      Skont il‑punti 100 sa 102 tal‑motivi tad‑deċiżjoni inkwistjoni, l‑abbuż ta’ pożizzjoni dominanti huwa bbażat fuq il‑fatt li d‑drittijiet irċevuti minn DSD mingħand manifatturi u distributuri ta’ imballaġġi li jaderixxu mas‑sistema DSD ma jiddipendux fuq l‑użu effettiv ta’ din is‑sistema, iżda huma kkalkolati abbażi tan‑numru ta’ imballaġġi li għandhom fuqhom il‑logo DGP li dawn il‑manifatturi jew distributuri jikkummerċjalizzaw fil‑Ġermanja. Għandu jingħad ukoll li, il‑manifatturi u d‑distributuri li jaderixxu mas‑sistema DSD għandhom ipoġġu l‑logo DGP fuq kull imballaġġ innotifikat lil DSD u intiż għall‑konsum fil‑Ġermanja. Mill‑inkjesta mwettqa mill‑Kummissjoni, jirriżulta li l‑metodu ta’ kalkolu tad‑drittijiet imħallsa lil DSD jostakola x‑xewqa ta’ ċerti manifatturi ta’ imballaġġi, klijenti tas‑sistema DSD, li jkunu jistgħu jużaw is‑sistema individwali tagħhom stess jew sistema kollettiva oħra sabiex jieħdu ħsieb parti mill‑imballaġġi li jikkummerċjalizzaw.

31      Skont il‑punti 103 sa 107 tal‑motivi tad‑deċiżjoni inkwistjoni, is‑soluzzjoni proposta minn DSD, jiġifieri rinunzja għat‑twaħħil tal‑logo DGP fuq l‑imballaġġi li ma jaqgħux taħt is‑sistema DSD iżda jaqgħu taħt sistema oħra, tfalli fil‑konfront tar‑realtajiet ekonomiċi. Tali soluzzjoni tkun tirrikjedi twaħħil selettiv tal‑imballaġġi (bil‑logo DGP jew mingħajr), li jkun ifisser żieda sinjifikattiva. Barra minn hekk, tali soluzzjoni tkun tirrikjedi li manifatturi u distributuri ta’ imballaġġi li jużaw sistemi mħallta jiżguraw li l‑imballaġġi li għandhom fuqhom il‑logo DGP jipu ddepożitati fil‑postijiet fejn is‑sistema DSD tiġbor dawn l‑imballaġġi u li dawk li fuqhom ma jidhirx dan il‑logo jiġu ddepożitati fil‑postijiet fejn is‑sistemi l‑oħra jiżguraw il‑ġbir, li tkun impossibbli fil‑prattika. Fl‑aħħar nett, fid‑dawl tal‑fatt li ta’ spiss, huwa biss wara li jinxtara l‑prodott imballat jew, eventwalment, wara li jintuża, li l‑konsumatur finali jiddeċiedi jekk jiddepożitax l‑imballaġġ f’sistema kollettiva fil‑viċinanzi ta’ fejn jirrisjedi jew jekk jiħdux lura fil‑punt tal‑bejgħ sabiex ipoġġieh f’sistema individwali, huwa impossibbli li l‑parti tal‑imballaġġi li għandhom fuqhom il‑logo DGP tiġi assenjata lil tip jew ieħor ta’ ġbir.

32      Fil‑punti 111 sa 115 tal‑motivi tad‑deċiżjoni inkwistjoni, il‑Kummissjoni tqis li l‑effetti tal‑abbuż ta’ pożizzjoni dominanti huma doppji. Minn naħa, bl‑issuġġettar tad‑drittijiet b’mod esklużiv għall‑użu tal‑logo, DSD tesponi lill‑impriżi li ma jużawx is‑servizz tal‑assunzjoni tal‑obbligu tar‑rimi tal‑imballaġġi, jew li jużawha biss għal parti mill‑imballaġġi, għal prezzijiet u għal kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni mhux ekwi. Minħabba d‑differenza eċċessiva bejn l‑ispejjeż tal‑provvista tas‑servizz u l‑prezz tiegħu, dan huwa każ ta’ użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti skont l‑Artikolu 82(2)(a) KE. Minn naħa l‑oħra, minħabba s‑sistema ta’ drittijiet stabbilita mill‑kuntratt għall‑użu tal‑logo, mhuwiex ekonomikament vijabbli, għall‑impriżi milquta, li jaderixxu ma’ sistema individwali jew kollettiva kompetitriċi, għaliex dawn l‑impriżi jkollhom kemm iħallsu d‑drittijiet lil‑DSD, minbarra l‑ħlas dovut lill‑kompetitur, kif ukoll jintroduċu linji ta’ imballaġġi u ċirkwiti ta’ distribuzzjoni distinti. Għaldaqstant, is‑sistema tad‑drittijiet tirrendi iktar diffiċli d‑dħul fis‑suq tal‑kompetituri tas‑sistema DSD.

33      Fil‑punti 143 sa 153 tad‑deċiżjoni inkwistjoni, il‑Kummissjoni tirrileva li l‑konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mhijiex invalidata min‑neċessità li jiġi ppreżervat il‑karattru distint tal‑logo DGP. Rigward dan il‑punt, id‑deċiżjoni inkwistjoni tipprovdi li l‑funzjoni essenzjali ta’ dan il‑logo hija sodisfatta jekk turi lill‑konsumatur li dan għandu l‑possibbiltà li jipproċessa l‑imballaġġ bis‑servizz ta’ DSD.

34      Fil‑punti 155 sa 160 tal‑motivi tal‑imsemmija deċiżjoni, il‑Kummissjoni tirrileva li l‑kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat b’mod apprezzabbli mill‑użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fil‑metodi tad‑drittijiet kuntrattwali kkontestati, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi adegwati għall‑ġbir lura u għall‑irkupru tal‑imballaġġi fil‑Ġermanja u fis‑suq komuni.

35      B’konklużjoni għall‑evalwazzjoni dwar il‑kawża mill‑Kummissjoni, skont l‑Artikolu 82 KE, l‑Artikolu 1 tad‑deċiżjoni inkwistjoni jipprovdi kif ġej:

“L‑imġiba ta’ [DSD] li tikkonsisti fir‑rekwiżit, skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 4(1) u l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 5(1) tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo tal‑ħlas tad‑drittijiet għall‑imballaġġi tal‑bejgħ kollha kkummerċjalizzati fil‑Ġermanja bil‑logo [DGP] mhijiex kompatibbli mas‑suq komuni meta l‑impriżi suġġetti bis‑saħħa tad‑digriet fuq l‑imballaġġi:

a)      ma jirrikorrux għas‑servizz tal‑assunzjoni tal‑obbligu tar‑rimi tal‑iskart stabbilit fl‑Artikolu 2 tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo ħlief għal parti mill‑imballaġġi jew li ma jirrikorrux għalih, iżda jpoġġu fis‑suq fil‑Ġermanja imballaġġ standardizzat, li huwa kkummerċjalizzat ukoll fi Stati Membri oħra taż‑Żona Ekonomika Ewropea u li għalihom dawn jaderixxu ma’ sistema ta’ ġbir li tuża l‑logo [DGP], u

b)       jipprovaw li, fir‑rigward tal‑kwantità tal‑imballaġġi, totali jew parzjali, li għalihom dawn ma jirrikorrux għas‑servizz tal‑assunzjoni tal‑obbligu tar‑rimi tal‑iskart, dawn jissodisfaw l‑obbligi tal‑ġbir imposti fuqhom mid‑Digriet Leġiżlattiv fuq l‑imballaġġi permezz ta’ sistemi kollettivi kompetituri jew ta’ sistemi individwali.”

36      Wara li kkonstatat l‑eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, il‑Kummissjoni ddeterminat, fil‑punti 161 sa 167 tal‑motivi tad‑deċiżjoni inkwistjoni tagħha u fl‑Artikoli 2 sa 7 ta’ din tal‑aħħar, skont l‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament tal‑Kunsill Nru 17, tas‑6 ta’ Frar 1962, l‑ewwel regolament li jimplementa l‑Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), il‑mod li bih DSD għandha ttemm il‑ksur ikkonstatat.

37      Il‑miżura prinċipali tobbliga lil DSD li ma tirċevix drittijiet fuq il‑kwantitajiet ta’ imballaġġi kkummerċjalizzati fil‑Ġermanja bil‑logo DGP li fir‑rigward tagħhom ma sarx użu tas‑servizz tal‑assunzjoni tal‑obbligu ta’ pproċessar tal‑iskart u li għalihom l‑obbligi imposti fid‑digriet fuq l‑imballaġġi huma sodisfatti b’mod ieħor. Din il‑miżura, stabbilita fl‑Artikolu 3 tad‑deċiżjoni inkwistjoni, hija s‑segwenti:

“DSD hija marbuta li tintrabat mal‑firmatarji kollha tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo sabiex ma tirċevix ħlas fuq il‑kwantitajiet ta’ imballaġġi ta’ bejgħ bil‑logo [DGP] ikkummerċjalizzati fil‑Ġermanja, li għalihom ma sarx l‑użu tas‑servizz tal‑assunzjoni tal‑obbligu tar‑rimi tal‑iskart skont l‑Artikolu 2 tal‑imsemmi kuntratt għall‑użu tal‑logo u li għalihom l‑obbligi imposti mid‑digriet fuq l‑imballaġġi huma sodisfatti b’mod ieħor.

Ir‑rabta msemmija fl‑ewwel paragrafu tissostitwixxi dispożizzjoni derogatorja stabbilita fit‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 4(1) tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo.”

38      Barra minn hekk, fl‑Artikolu 5 tad‑deċiżjoni inkwistjoni, il‑Kummissjoni ssemmi r‑regoli tal‑prova mitluba f’dawn il‑każijiet kif isegwi:

“1. Jekk parti minn, jew l‑imballaġġi kollha, huma miġbura minn sistema kollettiva kompetitriċi, il‑konferma tal‑amministratur tas‑sistema li tiddikjara li l‑kwantità korrispondenti hija meħuda minn din is‑sistema kollettiva kompetitriċi tikkostitwixxi prova suffiċjenti sabiex l‑obbligi imposti mid‑digriet fuq l‑imballaġġi msemmija fl‑Artikoli 3 u 4 jiġu sodisfatti b’mod ieħor.

2.       Jekk parti minn, jew l‑imballaġġi kollha, huma miġbura minn sistema individwali, il‑preżentazzjoni ulterjuri ta’ dikjarazzjoni ta’ espert indipendenti li turi li l‑obbligi tal‑ġbir u tal‑irkupru ġew sodisfatti tkun biżżejjed. Id‑dikjarazzjoni tista’ tiġi stabbilita kemm individwalment għal kull manifattur jew distributur, kif ukoll għall‑impriżi kollha li jipparteċipaw f’sistema individwali.

[...]

4.       Fir‑rigward tal‑elementi ta’ prova li għandhom jiġu ppreżentati lil DSD, ikun biżżejjed, indipendentement mill‑verżjoni korrispondenti tad‑digriet fuq l‑imballaġġi, li d‑dikjarazzjoni tikkonferma lill‑kontraenti li l‑obbligi tal‑ġbir u tal‑irkupru ġew sodisfatti għal volum determinat ta’ imballaġġi.

[...]”

39      L‑Artikolu 4 tad‑deċiżjoni inkwistjoni jipprovdi:

“1. DSD mhijiex awtorizzata li tirċievi drittijiet għall‑imballaġġi miġbura fi Stat Membru ieħor minn sistema ta’ ġbir u rkupru li tuża l‑logo [DGP] u li huma kkummerċjalizzati fit‑territorju fejn huwa applikabbli d‑digriet fuq l‑imballaġġi bil‑logo, bil‑kundizzjoni li jiġi ddikjarat li l‑obbligi imposti mid‑digriet fuq l‑imballaġġi jkunu sodisfatti b’mod ieħor milli l‑adeżjoni mas‑sistema mħaddma minn DSD [...].

[…]”

 Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza u s‑sentenza appellata

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza fil‑5 ta’ Lulju 2001, DSD ressqet rikors bis‑saħħa tal‑Artikolu 230(4) KE, bil‑għan li tannulla d‑deċiżjoni inkwistjoni.

41      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fl‑istess ġurnata, DSD ressqet ukoll, bis‑saħħa tal‑Artikolu 242 KE, talba għas‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni tal‑Artikolu 3 ta’ din id‑deċiżjoni, kif ukoll tal‑Artikoli 4, 5, 6 u 7 sa fejn dawn jirreferu għall‑Artikolu 3, sakemm il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tiddeċiedi fuq il‑mertu.

42      B’digriet tal‑15 ta’ Novembru 2001, Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑151/01 R, Ġabra p. II‑3295), il‑President tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza ċaħad it‑talba għas‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni.

43      Permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ Novembru 2001, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza awtorizzat l‑intervent tal‑impriżi Vfw AG (li saret Vfw GmbH, iktar ’il quddiem “Vfw”), Landbell AG für Rückhol‑Systeme (iktar ’il quddiem “Landbell”) u BellandVision GmbH (iktar ’il quddiem “BellandVision”) insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni. Dawn l‑impriżi, li huma kompetituri ta’ DSD, ippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom fis‑7 ta’ Frar 2002.

44      L‑aħħar osservazzjoni ġiet ippreżentata fis‑27 ta’ Mejju 2002. It‑tmiem tal‑proċedura bil‑miktub ġie nnotifikat lill‑partijiet fid‑9 ta’ Settembru 2002.

45      Matul Ġunju tal‑2006, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il‑proċedura orali. Fil‑kuntest tal‑miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura, stiednet lill‑partijiet jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet oralment waqt is‑seduta. Dawn id‑domandi kienu jirrigwardaw id‑diversi fażijiet tal‑proċess ta’ ġbir lura u ta’ rkupru tal‑imballaġġi u l‑kundizzjonijiet li fihom seta’ jkun hemm kompetizzjoni bejn is‑sistemi individwali u kollettivi. Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza stiednet ukoll lill‑Kummissjoni tressaq dokument ippreżentat mill‑awtoritajiet Ġermaniżi fil‑kuntest tal‑proċedura amministrativa. Il‑Kummissjoni ppreżentat dan id‑dokument fis‑26 ta’ Ġunju 2006.

46      Il‑partijiet instemgħu waqt it‑trattazzjonijiet tagħhom u waqt ir‑risposti għall‑mistoqsijiet li sarulhom mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza matul is‑seduti tal‑11 u t‑12 ta’ Lulju 2006.

47      Permezz tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ċaħdet ir‑rikors li ġie ppreżentat quddiemha u kkundannat lil DSD għall‑ispejjeż tagħha kif ukoll għall‑ispejjeż tal‑Kummissjoni, ta’ Landbell u ta’ BellandVision, inklużi dawk relatati għall‑proċeduri għal miżuri provviżorji. Hija kkundannat lill‑Vfw AG għall‑ispejjeż tagħha, inklużi dawk relatati mal‑proċeduri għal miżuri provviżorji.

48      DSD kienet invokat tliet motivi, ibbażati, l‑ewwel nett, fuq ksur tal‑Artikolu 82 KE, it‑tieni nett, fuq ksur tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 17 kif ukoll tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità u, it‑tielet nett, fuq ksur tal‑Artikolu 86(2) KE.

49      Permezz tal‑ewwel motiv tagħha, DSD issostni li d‑dispożizzjonijiet ikkontestati tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo huma neċessarji sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l‑għan tad‑digriet dwar l‑imballaġġi, li jitħarsu l‑funzjonijiet differenti tat‑trade mark Der Grüne Punkt (iktar ’il quddiem it‑“trade mark DGP”) u li tippermetti t‑tħaddim tajjeb tas‑sistema DSD.

50      Bħala risposta għad‑diversi argumenti żviluppati minn DSD fil‑kuntest ta’ dan il‑motiv, il‑Qorti tal‑Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet fil‑punti 139 u 154 tas‑sentenza appellata li kien possibbli għall‑manifattur jew għal distributur tal‑imballaġġi li jagħmlu użu minn diversi sistemi sabiex jikkonformaw mar‑rata ta’ rkupru:

“139      [...] il‑manifattur jew id‑distributur tal‑imballaġġi ma jitrasferixxix lil DSD numru determinat ta’ imballaġġi intiżi li jitwaħħal fuqhom il‑logo Der Grüne Punkt, iżda pjuttost kwantità ta’ materjal li dan il‑manifattur jew distributur jikkummerċjalizza fil‑Ġermanja u li tiegħu huwa għandu l‑intenzjoni li jafda lis‑sistema DSD bil‑ġbir u l‑irkupru. Għaldaqstant huwa possibbli għal manifattur jew għal distributur ta’ imballaġġi li jagħmel użu minn sistemi mħallta sabiex jikkonforma ruħu mar‑rati ta’ rkupru stabbiliti mid‑digriet.

[...]

154      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi mfakkar li fid‑digriet [dwar l‑imballaġġi] mhuwiex stabbilit li l‑logo [DGP] ma jistax jidher fuq l‑imballaġġi miġbura fil‑kuntest ta’ sistema kollettiva kompetitriċi jew ta’ sistema individwali kemm‑il darba dawn ikunu jirrispettaw, barra minn hekk, il‑kundizzjonijiet imposti [fl‑imsemmi] digriet sabiex tiġi identifikata s‑sistema użata flimkien mas‑sistema DSD. Dawn l‑indikazzjonijiet jistgħu jkunu kumulattiv u l‑istess imballaġġ għaldaqstant jista’ jaqa’ taħt diversi sistemi fl‑istess ħin. Huwa f’dan is‑sens li l‑Kummissjoni tinterpreta, ġustament, il‑kontenut tal‑obbligu ta’ trasparenza ddefinit mill‑awtoritajiet Ġermaniżi fl‑osservazzjonijiet tagħhom, li għandu jiġi ddefinit b’mod ċar, liema huma l‑imballaġġi suġġetti għall‑obbligu tal‑ġbir fil‑punti tal‑bejgħ jew fil‑viċinanzi immedjati tagħhom u liema huma dawk li mhumiex suġġetti għal dan l‑obbligu [...].”

51      IL‑Qorti tal‑Prim’istanza ddeċidiet ukoll, fil‑punt 156 tas‑sentenza appellata, li “l‑fatt li l‑logo [DGP] u l‑indikazzjoni ta’ “metodu xieraq” li jindika lil sistema kollettiva oħra [...], ikunu jidhru fuq l‑istess imballaġġ, fil‑każ ta’ użu konġunt ta żewġ sistemi kollettivi, u l‑fatt li fuq l‑istess imballaġġ jidhru l‑logo [DGP] u l‑indikazzjoni ta’ possibbiltà ta’ restituzzjoni fil‑ħanut, fil‑każ ta’ użu konġunt tas‑sistema DSD u ta’ sistema individwali, ma jiksirx il‑funzjoni essenzjali tat‑trade mark”.

52      Fil‑punt 163 ta‑ssentenza tagħha, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza sostniet ukoll li, “fir‑rigward tal‑argumenti dwar in‑neċessità li jiġi rrispettat it‑tħaddim tajjeb tas‑sistema DSD [...], [...] jirriżulta li dan mhuwiex imqiegħed f’dubju fil‑każ ta’ sistemi mħallta. F’kull każ, in‑neċessitajiet meħtieġa għat‑tħaddim tas‑sistema DSD ma jistgħux jiġġustifikaw l‑imġiba tar‑rikorrenti kkaratterizzata fis‑sentenzi BäKo tal‑Bundesgerichtshof u Hertzel tal‑Oberlandesgericht Düsseldorf, iċċitati mill‑Kummissjoni [...], id‑diversi lmenti ppreżentati lill‑Kummissjoni [...], u r‑raġunament ippreżentat inizjalment minn DSD fl‑appell tagħha [...], li jikkonsisti fl‑eżiġenzi tal‑ħlas tad‑drittijiet għall‑imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil‑Ġermanja bil‑logo [DGP], filwaqt li fl‑istess ħin tingħata prova li xi wħud minn dawn l‑imballaġġi nġabru u ġew rkuprati minn sistema kollettiva oħra jew minn sistema individwali.”

53      Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkonkludiet, fil‑punt 164 tas‑sentenza appellata, li “la l‑liġi tat‑trade marks u lanqas in‑neċessitajiet meħtieġa għat‑tħaddim tas‑sistema DSD ma jawtorizzaw lil [DSD] teżiġi mingħand l‑impriżi li jagħmlu użu mis‑sistema tagħha l‑ħlas tad‑drittijiet għall‑imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil‑Ġermanja bil‑logo [DGP], meta dawn l‑impriżi jipprovaw li huma ma jagħmlux użu mis‑sistema DSD għal parti minn dawn l‑imballaġġi jew l‑imballaġġi kollha.”

54      Permezz tat‑tieni motiv tagħha, DSD sostniet li sistema ta’ twaħħil selettiv tal‑imballaġġi skont is‑sistema użata hija iktar xierqa mill‑obbligu impost fid‑deċiżjoni inkwistjoni. L‑Artikoli 3 u 4 ta’ din id‑deċiżjoni huma sproporzjonati peress li jobbligaw lil DSD tagħti liċenzja lil terzi.

55      Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ċaħdet dan il‑motiv. Hija ddeċidiet, fil‑punt 173 tas‑sentenza appellata, li “l‑fatt li fit‑teorija jista’ jkun possibbli li l‑logo [DGP] jitwaħħal b’mod selettiv fuq l‑imballaġġi, ma jistax ikollu l‑konsegwenza li jwassal għall‑annullament tal‑miżuri [adottati fil‑kuntest tad‑deċiżjoni inkwistjoni] peress li għall‑manifatturi u d‑distributuri ta’ imballaġġi din is‑soluzzjoni tiswa iktar sabiex titħaddem mill‑miżuri stabbiliti fl‑Artikoli 3 sa 5 ta’ [din id‑deċiżjoni] [...]”.

56      Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza indikat ukoll, fil‑punt 181 tas‑sentenza appellata, li l‑obbligi inklużi fid‑deċiżjoni inkwistjoni ma kellhomx l‑għan “li jimponu liċenzja fuq DSD mingħajr restrizzjoni fiż‑żmien għall‑użu [tal‑logo DGP], iżda biss li jobbligaw lil DSD li ma tirċevix il‑ħlas ta’ drittijiet fuq l‑imballaġġi kollha li għandhom fuqhom l‑imsemmi logo meta jiġi pprovat li l‑imballaġġi kollha jew parti minnhom biss inġabru u ġew irkuprati permezz ta’ sistema oħra”.

57      Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ppreċiżat, fil‑punt 196 tas‑sentenza appellata, li d‑deċiżjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fis‑sens li ma teskludix il‑possibbiltà għal DSD li tirċievi l‑ħlas ta’ drittijiet adegwati għall‑użu biss tat‑trade mark fil‑każ meta jiġi pprovat li l‑imballaġġ li għandu fuqu l‑imsemmi logo ġie miġbur u rkuprat minn sistema oħra.

58      Insostenn ta’ din il‑konstatazzjoni, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza sostniet, fil‑punti 193 u 194 tas‑sentenza appellata, dan li ġej:

“193      Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tgħid li l‑obbligu impost fuq DSD fl‑Artikolu 3 tad‑deċiżjoni inkwistjoni, jippermetti lill‑manifatturi u d‑distributuri li jgħamlu użu mis‑sistema tagħha għal parti biss mill‑imballaġġi tagħhom li ma jħallsux id‑drittijiet lil DSD meta tingħata l‑prova li l‑imballaġġi li għandhom fuqhom il‑logo [DGP] ma jkunux ġew miġbura u rkuprati mis‑sistema DSD iżda minn sistema kompetitriċi.

194      Għaldaqstant, anki f’dan il‑każ, ma jistax jiġi eskluż li t‑trade mark [DGP] imwaħħla fuq l‑imballaġġ inkwistjoni jista’ jkollha valur ekonomiku bħala tali, peress li din tippermetti li jiġi indikat lill‑konsumatur li l‑imballaġġ in kwistjoni jista’ jingħata lis‑sistema DSD [...]. Possibbiltà bħal din offerta lill‑konsumatur għall‑imballaġġi kollha kkummerċjalizzati bil‑logo [DGP], kemm jekk ikunu jaqgħu taħt is‑sistema DSD jew le, wara l‑verifika tal‑kwantitajiet miġbura, hija kapaċi li jkollha prezz, li, anki jekk ma jistax jirrappreżenta l‑prezz effettiv tal‑prezz tal‑ġbir u tal‑irkupru kif seta jkun il‑każ fl‑applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet ikkontestati tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo, għandhom ikunu jistgħu jitħallsu lil DSD għas‑servizz ipprovdut f’dan il‑każ, jiġifieri l‑provvista tas‑sistema tagħha.”

59      Permezz tat‑tielet motiv tagħha, DSD sostniet li tali ksur tal‑Artikolu 82 KE kien eskluż, peress li hija kienet inkarigata minn servizz ta’ interess ta’ importanza ekonomika ġenerali skont l‑Artikolu 86(2) KE, jiġifieri l‑ġestjoni tal‑iskart għall‑finijiet ambjentali.

60      Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza indikat, fil‑punt 208 tas‑sentenza appellata li, anki jekk jitqies li r‑rikorrenti hija responsabbli minn tali servizz, xorta jibqa’ l‑fatt li r‑riskju li din il‑funzjoni terġa’ titqiegħed fid‑dubju minħabba d‑deċiżjoni inkwistjoni mhijiex ipprovata.

 Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

61      DSD ippreżentat l‑appell preżenti fit‑8 ta’ Awwissu 2007.

62      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑16 ta’ Novembru 2007, Intersoh Dienstleistungs GmbH (iktar ’il quddiem “Interseroh”), li tiġġestixxi, b’effett mill‑2006, sistema kollettiva fit‑territorju Ġermaniż kollu, talbet li tintervjeni insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Frar 2008, il‑President tal‑Qorti tal‑Ġustizzja awtorizza dan l‑intervent.

63      DSD titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jogħġobha:

–       tannulla s‑sentenza appellata;

–       tannulla d‑deċiżjoni inkwistjoni;

–       sussidjarjament, tirrinvija l‑kawża quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza;

–      fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż.

64      Il‑Kummissjoni, Vfw, Landbell, BellandVision u Interseroch jitolbu lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jogħġobha:

–      tiċħad l‑appell, u

–      tikkundanna lil DSD għall‑ispejjeż.

 Fuq l‑appell

 Fuq l‑ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill‑motivi kontradittorji tas‑sentenza appellata

 L‑argumenti tal‑partijiet

65      Skont DSD, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kisret l‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħha tas‑sentenza appellata billi għamlet konstatazzjonijiet kontradittorji fuq l‑allegat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.

66      Insostenn ta’ dan il‑motiv, DSD tistabbilixxi paragun bejn il‑mod kif l‑imsemmi abbuż ġie ppreżentat mill‑Kummissjoni fil‑punti 101, 102, 111 u 115 tal‑motivi tad‑deċiżjoni inkwistjoni, kif msemmija mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza fil‑punti 48, 50, 58, 60, 119, 163 u 164 tas‑sentenza appellata, u l‑motivi sostnuti fil‑punt 194 ta’ din tal‑aħħar.

67      Minn naħa, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza bbażat ruħha fuq il‑fatt li DSD teżiġi mingħand impriżi li jipprovaw li huma ma jużawx is‑sistema tagħha jew li jużawha biss għal parti mill‑imballaġġi ta’ bejgħ li għandhom il‑logo DGP sabiex iħallsu d‑drittijiet kollha dovuti skont il‑kuntratt għall‑użu tal‑logo.

68      Min‑naħa l‑oħra, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ssuġġeriet, fil‑punt 194 tas‑sentenza appellata li, għall‑imballaġġi li mhumiex suġġetti għas‑sistema DSD, DSD ma teżiġix neċessarjament il‑prezz tas‑servizz tal‑ġbir u tal‑irkupru. Għalhekk, il‑konstatazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza huma manifestament kontradittorji.

69      Il‑Kummissjoni tfakkar li l‑ħlas ta’ dritt huwa intiż li jkopri l‑ispejjeż tal‑ġbir, tal‑għażla u tal‑irkupru tal‑imballaġġi, kif ukoll l‑ispejjeż amministrativi u għalhekk mhux inkambju għall‑użu tat‑trade mark. Konsegwentement, id‑deċiżjoni inkwistjoni u s‑sentenza appellata ma jikkonċernawx ħlas ta’ dritt għall‑użu tat‑trade mark DGP.

70      Vfw, Landbell u BellandVision, kif ukoll il‑Kummissjoni, jikkontestaw l‑eżistenza tal‑kontradizzjoni invokata minn DSD. Il‑punt 194 tas‑sentenza appellata ma jinkludi ebda element dwar il‑konstatazzjonijiet magħmula mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza fir‑rigward tal‑abbuż tal‑pożizzjoni dominanti. Din tikkonċerna biss il‑kwistjoni dwar jekk is‑sempliċi twaħħil tal‑logo DGP fuq l‑imballaġġi jista’ jkollha prezz, anki meta DSD ma tipprovdi ebda servizz tal‑ġbir tal‑imballaġġi.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

71      Skont ġurisprudenza stabbilita, il‑kwistjoni dwar jekk il‑motivazzjoni ta’ sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil‑kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tal‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 25; tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 77, kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 90).

72      Fil‑kawża inkwistjoni, DSD tqis li teżisti kontradizzjoni bejn il‑konstatazzjoni magħmula fil‑punt 194 tas‑sentenza appellata u dawk li permezz tagħhom il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkonfermat l‑eżistenza tal‑abbuż ta’ pożizzjoni dominanti deskritta mill‑Kummissjoni.

73      Kif jirriżulta mill‑punti 193 u 194 tas‑sentenza appellata, dawn jirrigwardaw il‑fatt li, bħala konsegwenza tal‑obbligi imposti mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni inkwistjoni, DSD ma tistax tirċievi iktar id‑dritt stabbilit fil‑kuntratt għall‑użu tal‑logo għall‑imballaġġi li huma nnotifikati lilha, li għandhom il‑logo DGP u li fir‑rigward tagħhom huwa pprovat li ma ġewx miġbura u rkuprati mis‑sistema DSD.

74      Fil‑punt 194 tal‑imsemmija sentenza, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkonstatat li, minkejja dan il‑fatt, ma jistax jiġi eskluż li l‑manifatturi u d‑distributuri ta’ tali imballaġġi għandhom iħallsu somma lil DSD inkambju għas‑sempliċi twaħħil tal‑logo DGP fuq l‑imballaġġ, fid‑dawl tal‑fatt li dan it‑twaħħil jimplika li s‑sistema DSD titqiegħed għad‑dispożizzjoni tal‑konsumatur u għalhekk tirrappreżenta użu tat‑trade mark li jista’ jkollu prezz.

75      Kif ippreċiżat il‑Qorti tal‑Prim’Istanza stess fl‑istess punt, is‑somma li DSD tista’ eventwalment tirċievi inkambju għat‑twaħħil tat‑trade mark DGP huwa distint mid‑dritt li huwa dovut għall‑imballaġġi effettivament miġbura u rkuprati minn DSD skont il‑kuntratt għall‑użu tal‑logo.

76      Minn dak li ntqal jirriżulta l‑ewwel nett, li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza b’ebda mod ma kkonstatat, fil‑punt 194 tas‑sentenza appellata, li DSD tista’ tirċievi, inkambju għal fatt li s‑sistema tagħha tkun tista’ tintuża, somma ekwivalenti għall‑prezz tas‑servizz tal‑ġbir u tal‑irkupru.

77      Minn dan isegwi, it‑tieni nett, li l‑punt 194 tas‑sentenza appellata jikkonċerna l‑konsegwenzi tal‑miżuri sostnuti fid‑deċiżjoni inkwistjoni u mhux il‑konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Huwa għandu biss bħala għan li jikkonstata, kuntrarjament għal dak li ssostni DSD quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, li d‑deċiżjoni inkwistjoni ma għandhiex bħala konsegwenza li tagħmilha impossibbli lil DSD li tirċievi ħlas għas‑sempliċi twaħħil tat‑trade mark DGP fuq l‑imballaġġi.

78      Għaldaqstant, id‑dikjarazzjoni ta’ DSD li s‑sentenza appellata tinkludi motivi kontradittorji ma tistax tiġi kkunsidrata bħala fondata u konsegwentement, l‑ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it‑tieni aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo u fuq provi oħra fil‑proċess

 L‑argumenti tal‑partijiet

79      DSD tirrileva li l‑punt ċentrali tal‑kawża huwa l‑konstatazzjoni, sostnuta fil‑punt 111 tal‑motivi tad‑deċiżjoni inkwistjoni, li tipprovdi li “DSD timponi prezzijiet inġusti kull darba li l‑kwantità tal‑imballaġġi jkollhom il‑logo [DGP] hija ikbar minn dik tal‑imballaġġi li jittieħdu mis‑sistema kollettiva”. F’dan il‑kuntest, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkonstatat li, bis‑saħħa tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo, DSD tagħti liċenzja iżolata għall‑użu tal‑logo DGP, jiġifieri liċenzja għat‑twaħħil ta’ imballaġġi li għalihom ma tintużax is‑sistema DSD.

80      Din il‑konstatazzjoni tikkostitwixxi żnaturament tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo, peress li dan il‑kuntratt sempliċement jagħti d‑dritt li jintuża l‑logo DGP flimkien mall‑assunzjoni tal‑obbligi li jirriżultaw mid‑digriet dwar l‑imballaġġi.

81      Barra minn hekk, l‑imsemmija konstatazzjoni twassal għal żnaturament ta’ provi oħra fil‑proċess. F’dan ir‑rigward, DSD tenfasizza li l‑korrispondenza skambjata bejnha u bejn il‑Kummissjoni matul il‑proċedura amministrattiva turi li din ma tatx liċenzja li kellha l‑karatteristiċi deskritti mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza, iżda li kienet sempliċement irrifjutat li taċċetta l‑proposta tal‑Kummissjoni li l‑imballaġġi intiżi għal sistemi tal‑kompetituri jużaw il‑logo DGP.

82      Il‑konstatazzjoni li saret mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza, dwar “liċenzja separata” twassal għal żnaturament, barra minn hekk, tal‑provi fil‑proċess li fuqhom hija espressament ibbażat ruħha, b’mod partikolari fil‑punt 163 tas‑sentenza appellata, bħal ċerti sentenzi tal‑qrati Ġermanizi u l‑ilmenti ppreżentati quddiem il‑Kummissjoni.

83      Skont il‑Kummissjoni, Vfw, Landbell, BellandVision u Interseroh, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza sempliċement ma kkonstatatx l‑eżistenza ta’ “liċenzja separata”, li hija imputata fir‑rigward tagħha minn DSD.

84      Vfw, Landbell u BellandVision huma tal‑fehma, barra minn hekk, li dan l‑aggravju huwa inammissibbli, inkwantu DSD tista’ biss tibbaża l‑appell tagħha fuq ksur mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza ta’ dispożizzjonijiet legali u mhux fuq evalwazzjoni allegatament żbaljata tal‑fatti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

85      Kuntrarjament għal dak li huwa sostnut minn Vfw, Landbell u BellandVision, dan l‑aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo u fuq provi oħra fil‑proċess, huwa ammissibbli.

86      Fil‑fatt, lż‑iżball li fir‑rigward tiegħu DSD tikkritika lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza jikkonċerna ż‑żnaturament tal‑portata tal‑liċenzja mogħtija mill‑kuntratt għall‑użu tal‑logo.

87      Kif ġie espost fil‑punt 11 ta’ din is‑sentenza, il‑kuntratt għall‑użu tal‑logo għandu bħala għan li jippermetti lill‑partijiet kontraenti ta’ DSD li jinħelsu mill‑obbligu tagħhom ta’ ġbir lura u ta’ rkupru tal‑imballaġġi li huma jinnotifikaw lil DSD. F’dan ir‑rigward, il‑kuntratt jipprovdi li l‑impriżi kontraenti mas‑sistema DSD għandhom iwaħħlu l‑logo DGP fuq kull imballaġġ innotifikat lil DSD u intiż għall‑konsum domestiku fil‑Ġermanja.

88      Minn dawn l‑elementi jirriżulta li l‑liċenzja għall‑użu tal‑logo mogħti lill‑klijenti ta’ DSD jikkonċerna t‑twaħħil tal‑logo DGP fuq l‑imballaġġi kollha nnotifikati lil DSD u intiżi għall‑konsum fil‑Ġermanja.

89      Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill‑Artikolu 1 tad‑deċiżjoni inkwistjoni, l‑abbuż minn pożizzjoni dominanti kkonstatat mill‑Kummissjoni joriġina mill‑fatt li l‑kuntratt għall‑użu tal‑logo jeżiġi mill‑klijenti ta’ DSD il‑ħlas ta’ dritt għall‑imballaġġi kollha nnotifikati lil DSD, anki jekk huwa pprovat li numru minn dawn inġabru u ġew irkuprati permezz ta’ sistemi kollettivi kompetittivi jew minn sistemi individwali.

90      Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma wettqitx żnaturament tal‑provi fil‑proċess.

91      Għaldaqstant, fil‑punt 141 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ppreċiżat b’mod korrett li “huma biss id‑dispożizzjonijiet tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo dwar id‑drittijiet li huma kkwalifikati bħala abbużivi mid‑deċiżjoni inkwistjoni [u li l‑imsemmija] d‑deċiżjoni inkwistjoni ma tikkritikax il‑fatt li [l‑imsemmi] kuntratt [j]imponi fuq il‑manifattur jew id‑distributur li jixtieq juża s‑sistema DSD li jwaħħal il‑logo [DGP] fuq kull imballaġġ mogħti jew intiż għall‑konsum intern”.

92      Fir‑rigward konkretament tal‑portata tal‑liċenzja mogħtija mill‑kuntratt għall‑użu tal‑logo, DSD ma rnexxilhiex tidentifika s‑siltiet mis‑sentenza appellata li fihom il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeskriviet b’mod żbaljat il‑portata ta’ din il‑liċenzja. Fir‑rigward tas‑siltiet li jesponu l‑evalwazzjoni fattwali u ġuridika li għamlet il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, DSD, fil‑kuntest ta’ dan l‑aggravju, semplċement semmiet il‑punti 119, 163 u 164 tas‑sentenza appellata, li fihom il‑Qorti tal‑Prim’Istanza fakkret il‑kontenut tad‑deċiżjoni inkwistjoni u kkunsidrat li, minkejja l‑argumenti ta’ DSD dwar in‑neċessità li jiġi ppreżervat it‑tħaddim sew tas‑sistema tagħha, il‑Kummissjoni kienet ġustament ikkonstatat li l‑fatt li teżiġi dritt għall‑imballaġġi nnotifikati lil DSD u li kellhom il‑logo DGP kien abbużiv, minkejja li din il‑prova kienet turi li numru minn dawn l‑imballaġġi kienu nġabru u ġew irkuprati b’sistema kollettiva oħra jew b’sistema individwali.

93      Minn dak li ntqal jirriżulta li t‑tieni aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq it‑tielet aggravju, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti, fuq żnaturament tal‑fatti u fuq żbalji ta’ liġi fir‑rigward tad‑drittijiet esklużivi marbuta mal‑logo DGP

 L‑argumenti tal‑partijiet

94      Skont DSD, il‑konstatazzjoni magħmula fil‑punt 161 tas‑sentenza appellata, li tipprovdi li l‑logo DGP ma jibbenefikax mill‑esklużività allegata minn DSD, bil‑konsegwenza li ma tistax tillimita l‑għoti tal‑liċenzja għall‑imballaġġi pproċessati bis‑sistema tagħha, mhijiex motivata biżżejjed. L‑imsemmija konstatazzjoni hija essenzjalment ibbażata fuq il‑konklużjonijiet magħmula mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza, fil‑punti 130 et seq tas‑sentenza appellata, fit‑trattazzjonijiet u fir‑risposti mogħtija mill‑partijiet waqt is‑seduta, mingħajr ma jkun possibbli li jiġi ddeterminat l‑għan veru tad‑diskussjonijiet bejn il‑partijiet.

95      Sussegwentement, il‑konstatazzjoni, magħmula fil‑punt 139 tas‑sentenza appellata, li tipprovdi li “l‑manifattur jew id‑distributur tal‑imballaġġi ma jitrasferixxix lil DSD numru determinat ta’ imballaġġi intiżi li jitwaħħal fuqhom il‑logo [DGP], iżda pjuttost kwantità ta’ materjal li dan il‑manifattur jew distributur jikkummerċjalizza fil‑Ġermanja u li tiegħu huwa għandu l‑intenzjoni li jafda lis‑sistema DSD bil‑ġbir u l‑irkupru”, tmur manifestament kontra d‑dispożizzjonijiet tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo relatati mal‑ipproċessar tal‑imballaġġi, id‑dispożizzjonijiet tad‑digriet dwar l‑imballaġġi relatati mal‑osservanza tal‑obbligu li jiġi pproċessat l‑iskart, ir‑rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta minn dan id‑digriet u l‑eżiġenza, li tirriżulta mid‑dritt dwar it‑trade marks, li tipprovdi li imballaġġi taħt is‑sistema DSD għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati.

96      Bl‑istess mod, il‑punti 129 u 154 tas‑sentenza appellata, li jipprovdu li imballaġġ fdat lis‑sistema DSD jista’ jkun kopert fl‑istess waqt minn sistema oħra ta’ pproċessar, iwasslu għal żnaturament tal‑provi fil‑proċess, b’mod partikolari, id‑digriet dwar l‑imballaġġi.

97      Il‑punt 137 tal‑imsemmija sentenza, li jipprovdi li, distributur li jipparteċipa f’sistema kollettiva jista’ a posteriori jinkariga ruħu li jiġbor u jirkupra l‑iskart u viċi versa, iwettaq żnaturament tad‑digriet dwar l‑imballaġġi. Fil‑fatt, skont id‑digriet, il‑parteċipazzjoni fis‑sistema kollettiva timplika osservanza mal‑obbligi tal‑ipproċessar. Konsegwentement, fir‑rigward ta’ imballaġġ kopert mis‑sistema kollettiva, mhuwiex possibbli li tintuża a posteriori s‑sistema individwali.

98      Il‑konstatazzjonijiet magħmula mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza huma, barra minn hekk, inkompatibbli mad‑dritt tat‑trade marks. Is‑sitwazzjoni deskritta mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza, li fiha l‑imballaġġi mhux ipproċessati mis‑sistema DSD jistgħu jkollhom il‑logo DGP, iċċaħħad dan il‑logo mill‑karattru distintiv tiegħu. DSD tenfasizza li l‑imsemmi logo, bħala trade mark irreġistrata, jirreferi esklużivament għas‑sistema tiegħu u għalhekk għas‑servizzi tagħha.

99      Il‑Kummissjoni ssostni li fil‑motivi tas‑sentenza appellata, li ġew ikkritikati minn DSD, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza wettqet l‑eżami tal‑karattru distintiv tal‑logo DGP u tat‑tħaddim tas‑sistemi mħallta, jiġifieri l‑koinċidenza tas‑sistema DSD u ta’ sistema kollettiva jew sistema individwali oħra.

100    Fir‑rigward tal‑punt 154 tas‑sentenza appellata, il‑Kummissjoni tqis li fir‑rigward ta’ dan il‑punt, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza esponiet b’mod korrett id‑dikjarazzjoni tal‑Gvern Ġermaniż li l‑istess imballaġġ jista’ jkun suġġett għal diversi sistemi fl‑istess ħin. DSD tassumi b’mod żbaljat li d‑digriet dwar l‑imballaġġi jadotta approċċ ibbażat fuq imballaġġ individwali, li ma jirriflettix il‑kundizzjonijiet ekonomiċi li fihom joperaw is‑sistemi mħallta.

101    Fir‑rigward tal‑punt 137 tas‑sentenza appellata, il‑Kummissjoni ssostni li dan il‑punt jikkostitwixxi obiter dictum rigward l‑implementazzjoni ta’ mekkaniżmi korrettivi eventwali fil‑każ fejn ir‑rati ta’ rkupru ma jintlaħqux. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, il‑kritika ta’ DSD rigward l‑imsemmi punt tas‑sentenza mhuwiex fondat.

102    Fir‑rigward tal‑punt 161 tas‑sentenza appellata, il‑Kummissjoni ssostni li l‑logo DGP jindika biss sempliċi possibbiltà ta’ ġbir lura u ta’ rkupru minn DSD. Hija tfakkar li dan il‑logo huwa intiż li jinforma lill‑kummerċjanti u lill‑konsumatur finali, li l‑imballaġġ li fuqu huwa mwaħħal jista’ jiġi pproċessat permezz tas‑sistema DSD.

103    Skont Vfw, DSD issostni b’mod żbaljat li imballaġġ ma jistax ikun suġġett għal żewġ sistemi differenti.

104    Landbell u BellandVision isostnu li dan l‑aggravju, sa fejn ifittex li jiġġustifika l‑abbuż tal‑pożizzjoni dominanti mid‑digriet dwar l‑imballaġġi u mid‑dritt tat‑trade marks, huwa manifestament infondat. Kuntrarjament għal dak li ssostni DSD, sistemi mħallta huma ammissibbli, kif barra minn hekk, ġie sostnut mill‑Gvern Ġermaniż.

105    Skont Interseroh, DSD tinterpreta b’mod inkorrett id‑digriet dwar l‑imballaġġi meta hija ssostni li s‑servizz tal‑assunzjoni tal‑obbligu tal‑ipproċessar japplika għal imballaġġ speċifiku.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

106    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l‑argumenti ta’ DSD li jipprovdu li t‑twaħħil tal‑logo DGP fuq l‑imballaġġi mhux ipproċessati mis‑sistema tagħha jikkostitwixxi ksur tad‑drittijiet tat‑trade marks huma essenzjalment l‑istess bħal dawk li ġew invokati abbażi tar‑raba’ aggravju. Għalhekk, dawn ser jiġu eżaminati fil‑kuntest tal‑aħħar aggravju.

107    Għall‑kumplament, permezz ta’ dan l‑aggravju, DSD essenzjalment issostni li l‑konstatazzjonijiet magħmula mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza fil‑punti 139, 154 u 161 tas‑sentenza appellata huma insuffiċjentement motivati u jwasslu għal żnaturament ta’ ċerti provi fil‑proċess.

108    Fil‑punt 139 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeduċiet mill‑informazzjoni u mill‑kunsiderazzjonijiet esposti fil‑punti 129 sa 138 tal‑imsemmija sentenza li huwa possibbli li l‑manifatturi jagħmlu użu minn sistemi mħallta sabiex jikkonformaw ruħhom mal‑obbligi fir‑rigward tal‑ġbir lura u tal‑irkupru stabbiliti mid‑digriet dwar l‑imballaġġi.

109    Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill‑punti 129 u 154 tas‑sentenza appellata, din il‑konstatazzjoni tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza dwar is‑sistemi mħallta tirrigwarda l‑fatt, ikkontestat mir‑rikorrenti, li imballaġġ fdat lil DSD u li għandu l‑logo DGP jista’ jkun suġġett, fl‑istess ħin, għal sistema ta’ ġbir lura u ta’ rkupru differenti mis‑sistema DSD.

110    Mill‑motivi esposti fil‑punti 131 sa 138 tas‑sentenza appellata, jirriżulta b’mod ċar li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza bbażat ir‑raġunament tagħha fuq il‑fatt li l‑kwistjoni ta’ jekk imballaġġ ikollux jew le l‑logo DGP mhijiex determinanti. Skont din il‑qorti, huwa biss rilevanti l‑fatt ta’ jekk il‑kwantitajiet ta’ materjal għall‑irkupru mqiegħda fis‑suq mill‑manifattur jew mid‑distibutur humiex effettivament miġbura jew irkuprati u li r‑rati ta’ rkupru pprovduti fid‑digriet dwar l‑imballaġġi humiex sodisfatti.

111    F’dan il‑kuntest, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, fil‑punt 137 tas‑sentenza appellata, tat bħala eżempju l‑ġbir lura u l‑irkupru tal‑iskart tal‑plastik ta’ stabbiliment tal‑fast food.

112    Kif irrelevat ġustament il‑Kummissjoni, l‑imsemmi punt 137 jikkostitwixxi obiter dictum. Għall‑finijiet tal‑eżami li għandu jsir fl‑appell, hija l‑konstatazzjoni magħmula mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza fil‑punti 139, 154 u 161 tas‑sentenza appellata, li tipprovdi li ma teżistix rabta ta’ esklużività bejn l‑imballaġġi li għandhom il‑logo DGP u s‑servizzi ta’ ġbir lura u ta’ rkupru ta’ DSD, li hija rilevanti.

113    L‑ewwel nett, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza spjegat fid‑dettall ir‑raġunijiet li wassluha għal din il‑konklużjoni.

114    F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li l‑obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il‑Qorti tal‑Prim’Istanza li tipprovdi osservazzjonijiet li jsegwu, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir‑raġunamenti kollha mogħtija mill‑partijiet fil‑kawża, u l‑motivazzjoni tista’ b’hekk tkun impliċita bil‑kundizzjoni li tippermetti lill‑partijiet interessati jkunu jafu r‑raġunijiet għalfejn il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma laqgħetx l‑argumenti tagħhom u lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jkollha provi biżżejjed sabiex teżerċita l‑istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 372; tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il‑Kummissjoni, C‑167/06 P, punt 22, kif ukoll FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96).

115    Is‑sentenza appellata tagħti risposta fid‑dettall għall‑argument żviluppat minn DSD fir‑rigward tal‑allegata esklużività marbuta mal‑logo DGP u tippermetti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja teżerċita l‑istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza esponiet fid‑dettall, fil‑punti 131 sa 138 kif ukoll fil‑punti 150 sa 154 tas‑sentenza appellata, ir‑raġuni li għaliha tqis li d‑digriet dwar l‑imballaġġi u elementi oħra tal‑proċess jippermettu li ssir il‑konklużjoni li imballaġġ li għandu l‑logo DGP mhuwiex biss suġġett għas‑sistema DSD.

116    Għandu jiġi rrilevat, it‑tieni nett, li kuntrarjament għal dak li ssostni DSD, il‑konstatazzjonijiet magħmula mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza la jiżnaturaw id‑digriet dwar l‑imballaġġi u lanqas il‑kuntratt għall‑użu tal‑logo.

117    F’dan ir‑rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li DSD ma identifikatx dispożizzjonijiet jew siltiet mid‑digriet dwar l‑imballaġġi li minnhom jirriżulta li kull imballaġġ individwali jista’ jiġi pproċessat b’sistema waħda biss u li għalhekk, l‑imballaġġ li għandu l‑logo DGP għandu neċessarjament jiġi pproċessat bis‑sistema DSD. Lanqas ma stabbilixxiet li l‑kuntratt għall‑użu tal‑logo jinkludi informazzjoni f’dan ir‑rigward.

118    Fir‑rigward, fl‑aħħar nett, tar‑rekwiżit ta’ trasparenza, DSD ma ppreżentat ebda prova konkreta li l‑interpretazzjoni adottata mill‑Kummissjoni u mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza, esposta fil‑punt 154 tas‑sentenza appellata, li tipprovdi li huwa neċessarju li jiġi ddefinit b’mod ċar, kemm fl‑interess tal‑konsumatur u tal‑awtoritajiet, liema huma l‑imballaġġi suġġetti għall‑obbligu tal‑ġbir fil‑punti tal‑bejgħ jew fil‑viċinanzi immedjati tagħhom u liema huma dawk li mhumiex suġġetti għal dan l‑obbligu, twassal għal żnaturament tal‑provi fil‑proċess. Barra minn hekk, hija ma wrietx li t‑twaħħil tal‑logo DGP fuq l‑imballaġġi li huma pproċessati permezz ta’ sistema oħra għajr dik ta’ DSD, imur kontra l‑għan ta’ trasparenza. Fil‑fatt, it‑twaħħil tal‑imsemmi logo fuq l‑imballaġġ innotifikat lil DSD jindika b’mod ċar lil‑konsumaturi u lill‑awtoritajiet rilevanti, indipendentement mill‑kwistjoni dwar jekk l‑imsemmi imballaġġ ikunx effettivament ipproċessat b’din is‑sistema jew b’sistema oħra, li l‑imballaġġ inkwistjoni mhuwiex iktar suġġett għall‑obbligu tal‑ġbir fil‑punti tal‑bejgħ jew fil‑viċinanzi immedjati tagħhom, iżda li ġie nnotifikat lil DSD.

119    Minn dak li ntqal jirriżulta li t‑tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir‑raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tad‑dritt tat‑trade marks Komunitarji

 L‑argumenti tal‑partijiet

120    DSD issostni li l‑konstatazzjoni magħmula fil‑punt 161 tas‑sentenza appellata, li tipprovdi li l‑fatt li l‑logo DGP ma jistax jingħata l‑esklużività “jkoll[u] biss l‑effett li [j]impedixxi lill‑manifatturi u distributuri ta’ imballaġġi milli jużaw sistemi mħallta u milli tingħata l‑possibbiltà, għar‑rikorrenti, li titħallas għal servizz li għalih dawk interessati wrew li dan ma ġiex ipprovdut konkretament”, hija kontradittorja meta mqabbla mal‑Artikolu 5 tad‑Direttiva 89/104, li tagħti lill‑proprjetarju tat‑trade mark drittijiet esklużivi. L‑imsemmija konstatazzjoni għalhekk tikkostitwixxi ksur tad‑dritt tat‑trade marks komunitarji.

121    Skont il‑Kummissjoni, l‑esklużività deskritta fl‑Artikolu 5 tad‑Direttiva 89/104 mhijiex l‑istess bħall‑esklużività deskritta fil‑punt 161 tas‑sentenza appellata. F’din is‑silta mis‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza sempliċement irtirat il‑konsegwenzi mir‑raġunament li sar fil‑punti 156 u 157 ta’ din is‑sentenza, li jipprovdi li l‑logo ta’ DGP sempliċement jindika għażla ta’ pproċessar u l‑funzjoni tiegħu bħala indikatur tal‑oriġini mhijiex affettwata meta l‑imballaġġ li għandu dan il‑logo jkun ukoll suġġett għal għażliet ta’ pproċessar oħra.

122    Il‑Kummissjoni ssostni wkoll li d‑deċiżjoni inkwistjoni ma twassalx għal użu inġust tat‑trade mark, jiġifieri użu minn persuni li ma kellhiex ftehim magħhom DSD.

123    Vfw issostni li l‑logo mhuwiex trade mark fis‑sens klassiku. Hija ssostni li t‑trade mark tikkarratterizza prodotti u servizzi li huma identiċi jew simili għal dawk li fir‑rigward tagħhom ġiet irreġistrata t‑trade mark. Il‑logo DGP iservi biss sabiex jindika l‑parteċipazzjoni f’sistema kollettiva u mhux sabiex jidentifika prodotti jew servizzi identiċi jew simili.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

124    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l‑argument ta’ Vfw li jipprovdi li l‑logo DGP ma jistax tabilħaqq jitqies li huwa trade mark, ma jistax jiġi aċċettat. Fil‑fatt, huwa paċifiku li l‑imsemmi logo ġie rreġistrat bħala trade mark mill‑Uffiċċju Ġermaniż tal‑privattivi u tat‑trade marks għas‑servizzi tal‑ġbir, tas‑separazzjoni u tal‑irkupru tal‑iskart.

125    Fir‑rigward, sussegwentement, tal‑allegat ksur mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑Artikolu 5 tad‑Direttiva 89/104, għandu jitfakkar li, bis‑saħħa tal‑Artikolu 5(1)(a), trade mark irreġistrata tagħti lill‑proprjetarju tagħha dritt esklużiv, u tawtorizza lil dan il‑proprjetarju jipprojbixxi lil terzi, fin‑nuqqas tal‑kunsens tiegħu, milli jużaw, fil‑kummerċ, kwalunkwe sinjal li huwa identiku mat‑trade mark fir‑rigward tal‑prodotti u servizzi li huma identiċi ma’ dawk li għalihom hija rreġistrata t‑trade mark.

126    Għaldaqstant, billi sostniet li fil‑punt 161 tas‑sentenza appellata l‑Qorti tal‑Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat id‑dritt esklużiv li tuża l‑logo li hija l‑propretarja tagħha u billi bbażat ruħha fuq l‑Artikolu 5 tad‑Direttiva 89/104 f’dan il‑kuntest, DSD issostni li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza kellha tikkonstata li d‑deċiżjoni inkwistjoni kienet illegalment ipprekludietha milli tipprojbixxi lil terzi milli jużaw is‑sinjal identiku għal logo tagħha. DSD sostniet dan l‑argument waqt is‑seduta, billi enfasizzat li, minħabba l‑obbligi esposti fid‑deċiżjoni inkwistjoni u l‑approvazzjoni tagħhom mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza, il‑logo DGP huwa, fil‑prattika, disponibbli għal kulħadd.

127    Sabiex tirrispondi għal dan l‑argument, għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn l‑użu tal‑logo DGP mill‑partijiet kontraenti ta’ DSD u l‑użu eventwali tal‑istess logo minn terzi oħra.

128    Fir‑rigward tal‑użu tal‑logo DGP mill‑partijiet kontraenti oħra ta’ DSD, għandu jiġi rrilevat li mill‑formulazzjoni stess tal‑Artikolu 5 tad‑Direttiva 89/104 jirriżulta li din id‑dispożizzjoni ma tkoprix is‑sitwazzjoni fejn terz juża t‑trade mark bil‑kunsens tal‑proprjetarju tagħha. Din is‑sitwazzjoni tippreżenta ruħha, b’mod partikolari, meta l‑proprjetarju jawtorizza, skont il‑kundizzjonijiet tal‑kuntratt ta’ liċenzja, lill‑partijiet kontraenti li jużaw it‑trade mark tiegħu.

129    Isegwi li DSD ma tistax validament tibbaża ruħha fuq id‑dritt esklużiv mogħti lilha mill‑logo DGP fir‑rigward tal‑użu ta’ dak il‑logo minn manifatturi u distributuri li kkonkludew il‑kuntratt dwar l‑użu tal‑imsemmi logo magħha. Huwa minnu li l‑Artikolu 8(2) tad‑Direttiva 89/104 jipprovdi li l‑proprjetarju tat‑trade mark jista’ jinvoka d‑drittijiet mogħtija minn dik it‑trade mark kontra l‑persuna li ngħatat il‑liċenzja li tikser waħda mid‑dispożizzjonijiet tal‑kuntratt ta’ liċenzja msemmija f’dik id‑dispożizzjoni. Madankollu, kif sostna l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 192 tal‑konklużjonijiet tiegħu, DSD infisha ħolqot sistema li teżiġi li l‑logo jitwaħħal fuq kull imballaġġ, anki jekk uħud minnhom mhumiex meħudin lura mis‑sistema. Għaldaqstant, huwa paċifiku li l‑użu tal‑logo DGP fuq l‑imballaġġi kollha nnotifikati lil DSD huwa meħtieġ skont il‑kuntratt ta’ liċenzja u konsegwentement, huwa kompatibbli miegħu.

130    Sa fejn DSD issostni li l‑miżuri imposti mill‑Kummissjoni għandhom bħala effett li jirrendu l‑użu tal‑logo DGP mill‑persuni liċenzjati parzjalment mingħajr ħlas, għandu jitfakkar li d‑deċiżjoni inkwistjoni għandha bħala għan u effett uniku li tipprekludi lil DSD milli tirċievi ħlas għas‑servizzi ta’ ġbir u ta’ rkupru fejn huwa pprovat li dawn ma ġewx ipprovduti minn dik il‑kumpannija. Tali miżuri mhumiex inkompatibbli mar‑regoli stabbiliti mid‑Direttiva 89/104.

131    Barra minn hekk, kif ikkonstatat ġustament il‑Qorti tal‑Prim’Istanza fil‑punt 194 tas‑sentenza appellata, ma jistax jiġi eskluż li t‑twaħħil tal‑logo DGP fuq l‑imballaġġi, kemm jekk jaqa’ jew le taħt is‑sistema DSD, jista’ jkollu prezz li, anki jekk ma jirrappreżentax il‑prezz attwali tas‑servizz ta’ ġbir u ta’ rkupru, għandu jitħallas lil DSD inkambju għall‑użu tat‑trade mark biss.

132    Fir‑rigward tal‑użu eventwali tal‑logo DGP minn terzi għajr il‑partijiet kontraenti ta’ DSD, għandu jiġi kkonstatat li la d‑deċiżjoni inkwistjoni u lanqas is‑sentenza appellata ma jikkonstataw li tali użu huwa permess mid‑dritt tat‑trade marks. F’dan ir‑rigward, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ġustament ikkonstatat, fil‑punt 180 tas‑sentenza appellata, li l‑obbligi ddefiniti fid‑deċiżjoni inkwistjoni jirreferu biss għar‑relazzjonijiet bejn DSD u “il‑manifatturi jew distributuri ta’ imballaġġi li huma kemm kontraenti ta’ DSD fil‑kuntest tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo [...], jiġifieri proprjetarji ta’ liċenzja għall‑użu tat‑trade mark [DGP] fil‑kuntest ta’ sistema ta’ ġbir jew ta’ rkupru li tuża l‑logo korrispondenti għal din it‑trade mark [...]”

133    Għaldaqstant, l‑użu eventwali tal‑logo DGP minn terzi għajr il‑partijiet kontraenti ta’ DSD la jista’ jiġi imputat lill‑Kummissjoni u lanqas lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza. Barra minn hekk, ma hemm xejn li jipprekludi lil DSD milli tippreżenta rikors kontra tali terzi quddiem qrati nazzjonali kompetenti.

134    Mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r‑raba’ aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq il‑ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 82 KE

 L‑argumenti tal‑partijiet

135    Billi kkonstatat, b’mod li ma kienx suffiċjentement motivat u kuntrarjament għall‑atti tal‑proċess, li DSD adottat aġir abbużiv meta tat liċenzji għall‑użu tal‑logo DGP indipendentement mill‑użu tas‑sistema DSD u meta talbet il‑ħlas ta’ dritt dovut abbażi tal‑liċenzja anki meta min ikun ingħata l‑liċenzja jġib prova li huwa ma użax is‑sistema DSD, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kisret l‑Artikolu 82 KE.

136    Skont DSD, kieku l‑Qorti tal‑Prim’Istanza wettqet analiżi legali korretta, kienet tkun marbuta li tikkunsidra li DSD ma tagħtix liċenzja għall‑użu tal‑logo tagħha indipendentement mill‑użu tas‑sistema DSD, bil‑konsegwenza li d‑deċiżjoni inkwistjoni tkun interpretata fis‑sens li r‑rifjut tal‑liċenzja jikkostitwixxi abbuż. Għalhekk, l‑imsemmija deċiżjoni għandha l‑effett li tobbliga lil DSD tagħti liċenzja. Għaldaqstant, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l‑fatt li l‑kundizzjonijiet neċessarji għal tali obbligu ma kinux sodisfatti. Dan in‑nuqqas jikkostitwixxi żball ta’ liġi.

137    DSD issostni wkoll li s‑sentenza appellata għandha l‑konsegwenza li tirrendi possibbli parteċipazzjoni parzjali fis‑sistema DSD (inkluż, pereżempju, il‑limitu biss ta’ 0.1 % fuq l‑imballaġġi bil‑logo DGP) mingħajr ma DSD tkun tista’ tivverifika l‑kredibbiltà jew il‑leġittimità ta’ parteċipazzjoni minima. B’mod partikolari, DSD ma tkunx tista’ tivverifika jekk ir‑raġunijiet, li skont id‑deċiżjoni inkwistjoni jirrendu neċessarju t‑twaħħil tal‑logo DGP fuq il‑prodotti kollha filwaqt li parti biss mill‑prodotti jaqgħu taħt is‑sistema DSD, kienu sodisfatti. L‑eżempju ta’ parteċipazzjoni eventwalment minima u arbitrarja fis‑sistema DSD, filwaqt li l‑logo DGP jitwaħħal fuq l‑imballaġġi kollha, jagħmilha iktar ċara li d‑deċiżjoni inkwistjoni timponi obbligu li tingħata l‑liċenzja għall‑użu tal‑imsemmi logo.

138    Il‑Kummissjoni, Landbell u BellandVision ifakkru li d‑deċiżjoni inkwistjoni u s‑sentenza appellata mhumiex ibbażati fuq l‑ipoteżi ta’ liċenzja għall‑użu tal‑logo DGP indipendentement mill‑użu tas‑sistema DSD, iżda jirrigwardaw l‑ammont tad‑dritt relatat mas‑servizzi pprovduti. Bl‑istess mod, id‑deċiżjoni inkwistjoni u s‑sentenza ma jwasslux għal konsegwenza li DSD tkun obbligata tagħti liċenzja għall‑użu tal‑logo DGP lill‑manifatturi u lid‑distributuri jekk hija ma tixtieqx tagħmel dan.

139    Skont Vfw, dan l‑aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas‑suġġett tal‑kawża, peress li l‑Kummissjoni ma tixtieqx timponi fuq DSD l‑obbligu li tagħti tali liċenzja, iżda biss li tipprekludiha milli tuża l‑pożizzjoni dominanti tagħha sabiex teskludi l‑kompetizzjoni minn kompetituri oħrajn.

140    Interseroh tirrileva, min‑naħa tagħha, li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza f’ebda parti tas‑sentenza appellata ma tissuġġerixxi li DSD toffri liċenzja għall‑użu tal‑logo DGP indipendentement mill‑użu tas‑sistema DSD. Din is‑sentenza lanqas ma timponi fuq DSD l‑obbligu li tagħti tali liċenzja.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

141    Kif fakkret il‑Qorti tal‑Prim’Istanza fil‑punt 121 tas‑sentenza appellata, mill‑Artikolu 82(2)(a) KE jirriżulta li prattika abbużiva bħal din tista’ b’mod partikolari tikkonsisti fl‑impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet jew kundizzjonijiet inġusti ta’ kummerċ.

142    Fl‑istess punt tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza fakkret il‑ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li hemm aġir abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti meta impriża teżiġi, għal dawn is‑servizzi, prezzijiet mhux ekwi jew sproporzjonati meta mqabbla mal‑valur ekonomiku tas‑servizz ipprovdut (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑11 ta’ Novembru 1986, British Leyland vs Il‑Kummissjoni, 226/84, Ġabra p. 3263, punt 27, u tas‑17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C‑340/99, Ġabra p. I‑4109, punt 46).

143    Kif iddeċidiet il‑Qorti tal‑Prim’Istanza fil‑punt 164 tas‑sentenza appellata, wara l‑analiżi li għamlet fil‑punti 119 sa’ 163 ta’ din is‑sentenza, l‑imġiba ta’ DSD li hija kkritikat fl‑Artikolu 1 tad‑deċiżjoni inkwistjoni u li tikkonsisti fil‑ħlas ta’ dritt għall‑imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil‑Ġermanja mal‑logo DGP, anki meta l‑klijenti ta’ din il‑kumpannija juru li huma ma jużawx is‑sistema DGP għal parti minn dawn l‑imballaġġi jew għall‑imballaġġi kollha, tista’ tiġi analizzata bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti skont din id‑dispożizzjoni u l‑ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. Barra minn hekk, mill‑punti 107 sa 117 u 126 sa 133 tas‑sentenza preżenti jirriżulta li l‑konstatazzjonijiet magħmula mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza huma suffiċjentement motivati u mhumiex ivvizzjati minn żbalji ta’ fatt u ta’ liġi invokati minn DSD fir‑rigward tad‑drittijiet esklużivi marbuta mal‑logo DGP.

144    Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ġustament sostniet ukoll, fil‑punt 91 tas‑sentenza appellata li, fil‑preżenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, il‑Kummissjoni kellha s‑setgħa, skont l‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament 17, li tobbliga lil DSD ittemm il‑ksur ikkonstatat.

145    Kif osservat il‑Qorti tal‑Prim’Istanza fl‑istess punt tas‑sentenza appellata, l‑obbligu, impost fuq DSD permezz tal‑Artikolu 3 tad‑deċiżjoni inkwistjoni, kien li tinkariga ruħha fir‑rigward tal‑firmatarji tal‑kuntratt għall‑użu tal‑logo li ma titlobx il‑ħlas ta’ dritt għall‑imballaġġi ta’ bejgħ ikkummerċjalizzati fil‑Ġermanja mal‑logo DGP li fir‑rigward tagħhom ma hemmx riferiment għas‑servizz tal‑obbligu tal‑ipproċessar tal‑iskart ta’ DSD u li fir‑rigward tagħhom l‑obbligi imposti mid‑digriet dwar l‑imballaġġi huma sodisfatti b’mod ieħor, huwa xejn inqas mill‑korollarju tal‑konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u tal‑eżerċizzju, mill‑Kummissjoni, tal‑imsemmija setgħa li tobbliga lil DSD ittemm il‑ksur.

146    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni DSD, l‑obbligu impost mill‑Artikolu 3 tad‑deċiżjoni inkwistjoni b’ebda mod ma jirriżulta f’obbligu ta’ għoti tal‑liċenzja għall‑użu tal‑logo DGP. Fil‑fatt, l‑imsemmija deċiżjoni ma tinkludi ebda miżura li taffettwa l‑liberta’ tal‑għażla ta’ DSD fir‑rigward tal‑persuni li magħhom hija kkonkludiet kuntratt għall‑użu tal‑logo u li fir‑rigward tagħhom, konsegwentement, tat l‑imsemmija liċenzja. Id‑deċiżjoni inkwistjoni tobbliga biss lil DSD ma titlobx ħlas mill‑partijiet kontraenti tagħha għas‑servizzi ta’ ġbir u ta’ rkupru li hija ma pprovdietx.

147    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma kisritx l‑Artikolu 82 KE u, konsegwentement, il‑ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq is‑sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 17 u tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

 L‑argumenti tal‑partijiet

148    L‑ewwel nett, DSD issostni li d‑digriet dwar l‑imballaġġi u d‑dritt tat‑trade marks jipprekludu li din tiġi obbligata tagħti liċenzja għall‑użu tal‑logo DGP. Madankollu, il‑miżuri imposti mill‑Artikoli 3 et seq tad‑deċiżjoni inkwistjoni jammontaw għall‑obbligu impost fuqha. Billi naqset milli taċċetta dawn il‑miżuri bħala illegali, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kisret l‑Artikolu 3 tar‑Regolament 17, li jipprovdi li fejn il‑Kummissjoni ssostni li hemm ksur tal‑Artikolu 81 KE jew tal‑Artikolu 82 KE, hija tista’, permezz ta’ deċiżjoni, tobbliga lill‑impriżi interessati li jtemmu dan il‑ksur.

149    It‑tieni nett, DSD issostni li d‑digriet dwar l‑imballaġġi u d‑dritt tat‑trade marks jipprekludu li tiġi pprojbita milli teżiġi mingħand il‑klijenti tagħha li jwaħħlu, fuq l‑imballaġġi li jużaw, il‑logo DGP, iżda li ma jintremewx mis‑sistema DSD, nota ta’ spjegazzjoni li tippermetti li jiġi nnewtralizzat l‑effett distintiv ta’ dan il‑logo. Billi ċaħdet, fil‑punt 200 tas‑sentenza appellata, l‑argument tagħha li jipprovdi li l‑imballaġġi li jużaw il‑logo DGP u li jintremew mis‑sistema DSD għandhom ikunu jistgħu jiġu distinti minn dawk li jużaw l‑istess logo iżda li ma jintremewx minn dik is‑sistema, hija injorat il‑fatt li l‑Artikolu 3 tad‑deċiżjoni inkwistjoni jikkostitwixxi ksur tal‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 17 kif ukoll tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

150    Skont il‑Kummissjoni, Landbell u BellandVision, l‑ewwel argument ippreżentat fil‑kuntest ta’ dan l‑aggravju huwa bbażat fuq il‑konstatazzjoni żbaljata li skontha l‑Qorti tal‑Prim’Istanza bbażat ruħha fuq l‑ipoteżi ta’ liċenzja separata għall‑użu tal‑logo DGP.

151    Fir‑rigward tat‑tieni argument ta’ DSD, il‑Kummissjoni ssostni li la d‑digriet dwar l‑imballaġġi u lanqas id‑dritt tat‑trade marks ma jeħtieġu l‑identifikazzjoni tad‑diversi imballaġġi għall‑attribuzzjoni lis‑sistema DSD jew lil sistema oħra. Landbell u BellandVision huma wkoll ta’ din il‑fehma u jsostnu li nota ta’ spjegazzjoni li tipprovdi li l‑imballaġġ mhuwiex parti mis‑sistema DSD ma tkunx tista’ tirrimedja l‑aġir abbużiv ta’ DSD.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

152    Kif ġie kkonstatat fil‑punt 146 tas‑sentenza preżenti, id‑deċiżjoni inkwistjoni ma timponix obbligu fuq DSD għall‑għoti ta’ liċenzja għall‑użu tal‑logo DGP.

153    Għaldaqstant, l‑ewwel argument invokat insostenn tas‑sitt aggravju ma jistax jintlaqa’.

154    Fir‑rigward tal‑argument ta’ DSD li jgħid li l‑imballaġġi li għandhom il‑logo DGP u huma pproċessati skont is‑sistema DSD għandhom ikunu jistgħu jiġi distinti minn dawk li fuqhom hemm imwaħħal dan il‑logo iżda li mhumiex ipproċessati minn din is‑sistema, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkonstatat, fil‑punt 200 tas‑sentenza appellata li, fir‑rigward tal‑eżistenza ta’ sistemi mħallta, mhuwiex possibbli li ssir id‑distinzjoni mixtieqa minn DSD.

155    Din il‑konstatazzjoni mhijiex żbaljata. Kif ġie espost fil‑punt 129 tas‑sentenza preżenti, DSD timponi hija nfisha fuq il‑partijiet kontraenti tagħha t‑twaħħil tal‑logo DGP fuq l‑imballaġġi kollha li huma nnotifikati lilha. Kif irrileva l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 240 tal‑konklużjonijiet tiegħu, mhuwiex possibbli li jiġi determinat minn qabel l‑iżvolġiment fir‑rigward ta’ imballaġġ. Għaldaqstant, mhuwiex possibbli, fil‑mument li fih il‑prodott li għandu l‑imballaġġ huwa mballat u mibjugħ, li jiġu distinti prodotti li għandhom il‑logo DGP u li huma effettivament ipproċessati mis‑sistema DSD minn dawk li għandhom l‑istess logo u li huma pproċessati minn sistema oħra.

156    Konsegwentement, it‑tieni argument invokat insostenn tas‑sitt aggravju huwa wkoll infondat.

157    Għaldaqstant, l‑ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq is‑seba’ aggravju, ibbażat fuq difett proċedurali

 L‑argumenti tal‑partijiet

158    DSD tallega li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza ssostitwixxiet il‑motivazzjoni tagħha stess ma’ dik tal‑Kummissjoni u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni r‑regoli dwar il‑proċedura amministrattiva, b’mod partikolari d‑dritt għal smigħ.

159    Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza għamlet konstatazzjonijiet ġodda, ibbażati fuq id‑dikjarazzjonijiet magħmula mill‑partijiet waqt is‑seduta. DSD tirreferi għat‑tweġibiet li ngħataw għall‑mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza, li hija għamlet bilkemm tliet ġimgħat qabel is‑seduta, jew matul is‑seduta, mingħajr ma indikat il‑konsegwenzi li hija kienet ser tikkonkludi mit‑tweġibiet mogħtija jew kif dawn il‑mistoqsijiet kienu marbuta mal‑konstatazzjonijiet magħmula fid‑deċiżjoni inkwistjoni.

160    L‑imsemmija konstatazzjonijiet magħmula mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza huma wkoll ġodda peress li l‑għan tagħhom la jidher fid‑deċiżjoni kkkontestata u lanqas fis‑sottomissjonijiet ta’ DSD jew tal‑Kummissjoni.

161    DSD tirreferi, b’mod partikolari, għal żewġ konstatazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa waħda, dik li tinsab b’mod partikolari fil‑punti 139 u 154 tas‑sentenza appellata, li tistabbilixxi li l‑imballaġġi fdati lil DSD jistgħu jaqgħu simultanjament kemm taħt sistema kollettiva kif ukoll taħt sistema individwali u, min‑naħa l‑oħra, dik imsemmija fil‑punti 137 u 139 ta’ din is‑sentenza, li tistabbilixxi li d‑digriet dwar l‑imballaġġi jipprovdi għadd kbir ta’ mekkaniżmi ta’ korrezzjoni li jippermettu lill‑manifatturi u lid‑distributuri li jassumu l‑obbligi li jirriżultaw mill‑imsemmi digriet billi jattribwixxu a posteriori l‑imballaġġi lil sistema individwali jew kollettiva.

162    Skont il‑Kummissjoni, Vfw, Landbell u BellandVision, is‑sentenza appellata ma tinkludi xejn ġdid fid‑dawl ta’ dak li diġà ġie eżaminat fil‑kuntest tal‑proċedura amministrattiva u matul il‑proċedura bil‑miktub quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

163    Għandu jitfakkar li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza biss tista’ tiddeċiedi fir‑rigward tal‑bżonn eventwali li tiġi kkompletata l‑informazzjoni li jkollha għad‑dispożizzjoni tagħha dwar il‑kawżi quddiemha. Il‑kwistjoni ta’ jekk il‑provi li ġew ippreżentati quddiemha humiex suffiċjenti għandha tiġi eżaminata minnha biss u ma tistax tiġi mistħarrġa mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑kuntest ta’ appell, għajr fil‑każ ta’ żnaturament tal‑provi ppreżentati quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza jew meta l‑ineżattezza materjali tal‑konstatazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tirriżulta mill‑atti tal‑proċess (ara b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, C‑315/99 p, Ġabra p. I‑5281, punt 19, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2008, Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra p. I‑6619, punt 78).

164    Għalhekk, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata fir‑rigward tal‑fatt li, qabel u waqt is‑seduta, għamlet serje ta’ mistoqsijiet lill‑partijiet sabiex tikkompleta l‑informazzjoni li kellha għad‑dispożizzjoni tagħha u waslet għal ċerti konklużjonijiet mit‑tweġibiet mogħtija mill‑partijiet għal dawk il‑mistoqsijiet.

165    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza osservat is‑suġġett tal‑kawża kif jirriżulta mir‑rikors ippreżentat minn DSD u naqset milli żżid elementi ġodda ma’ dawk li hemm fid‑deċiżjoni inkwistjoni. Fir‑rigward, b’mod partikolari, tal‑possibbiltà li jitħalltu bosta sistemi ta’ ġbir u ta’ rkupru, mill‑punti 20 u 23 tal‑motivi ta’ din id‑deċiżjoni jirriżulta li l‑kwistjoni tas‑sistemi mħallta ġiet eżaminata mill‑Kummissjoni waqt l‑inkjesta li hija wettqet u li din il‑kwistjoni ma tikkostitwixxix, konsegwentement, element ġdid miżjud fil‑proċess mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza.

166    Isegwi li s‑seba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it‑tmien aggravju, ibbażat fuq ksur tad‑dritt fundamentali għal smigħ fi żmien raġonevoli

 L‑argumenti tal‑partijiet

167    DSD issostni li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza wettqet irregolarità proċedurali u ppreġudikat l‑interessi tagħha billi ma osservatx id‑dritt fundamentali għal smigħ fi żmien raġonevoli, kif rikonoxxut fl‑Artikolu 6 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad‑Drittijiet tal‑Bniedem u tal‑Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u mill‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nice fis‑7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1).

168    DSD tfakkar li l‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza bdew fil‑5 ta’ Lulju 2001 u ntemmu fl‑24 ta’ Mejju 2007. Anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑limiti inerenti għall‑proċeduri li nbdew quddiem il‑qrati Komunitarji, dan it‑terminu huwa eċċessivament twil. F’dan ir‑rigward, hija tirrileva li, bejn in‑notifika tat‑tmiem il‑proċedura bil‑miktub, fid‑9 ta’ Settembru 2002 u d‑deċiżjoni meħuda fid‑19 ta’ Ġunju 2006 li tinfetaħ il‑proċedura orali u li l‑partijiet jintalbu jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet matul is‑seduta, iktar minn 45 xahar għaddew mingħajr ma ttieħdet ebda miżura matul dan il‑perijodu.

169    DSD tirrileva wkoll li t‑terminu eċċessiv tal‑proċedura jikkostitwixxi ksur gravi tal‑interessi tagħha, ikkarratterizzat, fost l‑oħrajn, minn ksur tal‑mudell kuntrattwali u kummerċjali tagħha, kif ukoll minn ċaħda tal‑possibbiltà li jitħallas dritt xieraq għas‑sempliċi użu tal‑logo DGP.

170    Skont DSD, minn qari flimkien tal‑Artikoli 58 u 61 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li aggravju invokat insostenn ta’ appell, u li huwa bbażat fuq difett proċedurali quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza li ppreġudika l‑interessi tar‑rikorrenti jkun fondat, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza għandha tiġi annullata mill‑Qorti tal‑Gustizzja. Din ir‑regola hija ġġustifikata, kif irrikonoxxiet il‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal‑ġudizzju u sabiex jiġi ggarantit rimedju immedjat u effettiv kontra tali difett.

171    Filwaqt li terġa’ tinvoka l‑Artikoli 58 u 61 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, DSD tqis li tali difett proċedurali quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza jiġġustifika l‑annullament tas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza, indipendentement mill‑kwistjoni dwar jekk tali difett kellux effett fuq l‑eżitu tal‑kawża.

172    Il‑Kummissjoni, Landbell u BellandVision jirrilevaw li, fil‑kawża inkwistjoni, ma hemm xejn li jippermetti l‑konklużjoni li kien hemm relazzjoni bejn it‑tul tal‑proċeduri u l‑eżitu tagħhom. Barra minn hekk, l‑annullament tas‑sentenza appellata għandu l‑effett li jtawwal iżjed il‑proċeduri.

173    Fi kwalunkwe każ, it‑tul tal‑proċeduri kien ġustifikat mill‑kumplessità tal‑kawża, li għalih hija responsabbli DSD, sa fejn hija ddepożitat sottomissjonijiet voluminużi li kellhom numru ta’ annessi. Dan kien ukoll il‑każ fil‑Kawża T‑289/01, li tat lok għas‑sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza ttrattat b’mod paralleli mal‑Kawża T‑151/01, li fiha ġiet deċiża s‑sentenza appellata.

174    Fir‑rigward tad‑dikjarazzjonijiet ta’ DSD dwar il‑preġudizzju fil‑konfront tal‑interessi tagħha, il‑Kummissjoni tqis li dawn huma żbaljati. Fir‑rigward, b’mod partikolari, tal‑mudell kummerċjali ta’ DSD, il‑Kummissjoni tirrileva li kull dispożizzjoni adottata skont l‑Artikolu 82 KE li teħtieġ li abbuż jintemm neċessarjament teħtieġ li l‑politika kummerċjali tal‑impriża kkonċernata tinbidel.

175    Vfw issostni li DSD ma soffriet ebda żvantaġġ minħabba t‑tul tal‑proċeduri, sa fejn hija setgħet tkompli bl‑attivitajiet tagħha u l‑pożizzjoni tagħha fis‑suq ma kinitx iddgħajfet b’mod sinjifikanti. Barra min hekk, anki jekk jiġi aċċettat li l‑interessi tar‑rikorrenti kienu ġew aċċettati, l‑annullament tas‑sentenza appellata jkun sproporzjonat.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

176    Kif jirriżulta mill‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 58 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u tal‑ġurisprudenza, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija kompetenti sabiex tistħarreġ jekk id‑difetti proċedurali li jippreġudikaw l‑interessi tar‑rikorrenti twettqux mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza u għandha tiżgura li l‑prinċipji ġenerali tad‑dritt Komunitarju ġew osservati (sentenzi Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 19, u tal‑15 ta’ Gunju 2000, TEAM vs Il‑Kummissjoni, C‑13/99 P, Ġabra p. I‑4671, punt 36).

177    Fir‑rigward tad‑difett invokat fil‑kuntest tal‑aggravju preżenti, għandu jitfakkar li l‑Artikolu 6(1) tal‑Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad‑Drittijiet tal‑Bniedem u tal‑Libertajiet Fundamentali jipprovdi li fid‑deċiżjoni tad‑drittijiet ċivili u tal‑obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali mwaqqfa bil‑liġi.

178    Bħala prinċipju ġenerali tad‑dritt Komunitarju, dan id‑dritt huwa applikabbli fil‑kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal‑Kummissjoni (sentenzi Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 21, kif ukoll tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost et La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 45).

179    Barra minn hekk, dan id‑dritt ġie kkonfermat fl‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea. Kif iddeċidiet il‑Qorti tal‑Ġustizzja ripetutament, dan l‑artikolu jirrigwarda l‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37, u tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 335, kif ukoll tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni, C‑47/07 P, Ġabra p. I‑9761, punt 50).

180    Sa fejn il‑Kummissjoni u Vfw jikkontestaw l‑eżistenza ta’ rabta bejn it‑tul tal‑proċeduri u l‑interessi ta’ DSD u għalhekk iqajmu l‑kwistjoni dwar jekk l‑aggravju preżenti jikkonċernax tabilħaqq difett proċedurali li jippreġudika l‑interessi tar‑rikorrenti fis‑sens tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 58 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, għandu jiġi rrilevat li impriża li tippreżenta rikors sabiex tannulla deċiżjoni li tobbligaha tadatta l‑kuntratt standard li hija tkun parti kontraenti minnu flimkien mal‑klijenti tagħha, għandha, għal raġunijiet evidenti ta’ politika kummerċjali, interess ċar li tingħata deċiżjoni fi żmien raġonevoli fir‑rigward tal‑argumenti li permezz tagħhom hija ssostni li l‑imsemmija deċiżjoni hija illegali. Il‑fatt li, f’kawżi oħra, il‑Qorti tal‑Ġustizzja eżaminat il‑kwistjoni dwar it‑tul tal‑proċeduri fil‑kuntest ta’ rikors kontra d‑deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni li jimponu multa għal ksur tad‑dritt tal‑kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, u tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 154, kif ukoll Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 115), filwaqt li, fil‑każ inkwistjoni, ma ġietx imposta tali multa fuq DSD, mhuwiex rilevanti f’dan il‑kuntest.

181    Għandu jitfakkar ukoll li n‑natura raġonevoli tat‑tul hija evalwata skont iċ‑ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, bħal ma huma l‑kumplessità tal‑kawża u l‑aġir tal‑partijiet (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 116 u l‑ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id‑digriet tas‑26 ta’ Marzu 2009, Efkon vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑146/08 P, punt 54).

182    Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ppreċiżat f’dan ir‑rigward li l‑lista ta’ dawn il‑kriterji mhijiex eżawrjenti u li l‑evalwazzjoni tan‑natura raġonevoli tat‑tul ma teżiġix eżami sistematiku tal‑fatti tal‑kawża fid‑dawl ta’ kull waħda minnhom peress li t‑tul tal‑proċeduri jidher iġġustifikat fir‑rigward ta’ waħda minn dawn. B’hekk, il‑kumplessità tal‑kawża jew l‑aġir tar‑rikorrent li joħloq dewmien jistgħu jiġu stabbiliti sabiex jiġġustifikaw terminu li huwa prima facie twil (sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et, vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 188, kif ukoll Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

183    Fil‑kawża inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li t‑tul tal‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, li damu madwar 5 snin u 10 xhur, ma jista’ jiġi ġġustifikat b’ebda waħda miċ‑ċirkustanzi partikolari tal‑kawża.

184    Jidher, b’mod partikolari, li t‑terminu bejn in‑notifika, f’Settembru 2002, fi tmiem il‑proċedura bil‑miktub u l‑bidu, f’Ġunju 2006, tal‑proċedura orali dam 3 snin u 9 xhur. It‑tul ta’ dan il‑perijodu ma jistax jiġi spjegat permezz tal‑fatti tal‑kawża, kemm jekk bil‑kumplessità tal‑kawża, bl‑aġir tal‑partijiet jew b’elementi proċedurali.

185    Fir‑rigward, b’mod partikolari, tal‑kumplessità tal‑kawża, għandu jiġi kkonstatat li r‑rikorsi ppreżentati minn DSD kontra d‑deċiżjoni inkwistjoni u d‑Deċiżjoni 2001/837, filwaqt li rrikjedew eżami fid‑dettall tad‑digriet dwar l‑imballaġġi, tar‑rabtiet kuntrattwali ta’ DSD, u tad‑deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni u ta’ argumenti invokati minn DSD, ma kinux ta’ diffikultà jew ta’ skop li pprekludew lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza milli teżamina dawn il‑proċessi u milli tipprepara l‑proċedura orali f’terminu ta’ inqas minn 3 snin u 9 xhur.

186    Barra minn hekk, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil‑każ ta’ proċedimenti dwar ksur tar‑regoli tal‑kompetizzjoni, ir‑rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali li għandhom jibbażaw ruħhom fuqu l‑operaturi ekonomiċi, u l‑għan li jiġi żgurat li l‑kompetizzjoni mhijiex distorta fis‑suq intern huma ta’ importanza kunsiderevoli mhux biss għar‑rikorrent u għall‑kompetituri tiegħu, iżda wkoll għal terzi, minħabba n‑numru kbir ta’ persuni kkonċernati u l‑interessi finanzjarji inkwistjoni (sentenza Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30). Fil‑kawża inkwistjoni, fid‑dawl tal‑pożizzjoni dominanti ta’ DSD, tad‑daqs tas‑suq tas‑servizzi li kienu joperaw fih DSD u l‑kompetituri tagħha, tal‑effetti possibbli tal‑eżitu tal‑kawża fuq il‑prassi li għandha tiġi segwita u fuq id‑drittijiet li għandhom jitħallsu mill‑manifatturi u mid‑distributuri ta’ prodotti imballati u tal‑kwistjonijiet imqajma mill‑kawża dwar l‑użu mifrux tal‑logo DGP, it‑terminu li għadda bejn tmiem il‑proċedura bil‑miktub u l‑fażi sussegwenti kien eċċessiv.

187    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat mill‑Avukat Ġenerali fil‑punti 293 sa 299 tal‑konklużjonijiet tiegħu, l‑imsemmi terminu la ġie interrott mill‑adozzjoni mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura jew ta’ istruzzjoni u lanqas minn kwistjonijiet proċedurali mqajma mill‑partijiet.

188    Fir‑rigward tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jingħad li l‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kisru r‑rekwiżiti marbuta mal‑osservanza ta’ smigħ fi żmien raġonevoli.

189    Fir‑rigward tal‑konsegwenzi tan‑nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli tal‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, DSD tinvoka r‑regola, stabbilita fl‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 61 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, li tipprovdi li, fil‑każ ta’ appell li huwa fondat, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tannulla d‑deċiżjoni tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza. Peress li l‑aggravju preżenti huwa bbażat fuq ksur ta’ smigħ fi żmien raġonevoli u peress li dan jikkostitwixxi difett proċedurali li jippreġudika l‑interessi tar‑rikorrenti skont l‑Artikolu 58 ta’ dan l‑Istatut, il‑konstatazzjoni ta’ dan id‑difett għandu neċessarjament iwassal, fil‑fehma ta’ DSD, għall‑annullament tas‑sentenza appellata, indipendentement mill‑kwistjoni dwar jekk tali difett kellux effett fuq l‑eżitu tal‑kawża. Fin‑nuqqas ta’ tali annullament, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tkun qiegħda tikser l‑Artikolu 61 tal‑Istatut tagħha.

190    Permezz ta’ dan l‑argument, DSD tipproponi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkunsidra mill‑ġdid il‑ġurisprudenza tagħha, li tgħid li n‑nuqqas ta’ osservanza ta’ smigħ fi żmien raġonevoli jwassal għall‑annullament tas‑sentenza appellata biss meta jkun hemm indikazzjonijiet li t‑terminu eċċessiv tal‑proċeduri affettwa l‑eżitu tagħhom (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49). Fil‑kawża inkwistjoni, DSD ma stabbilixxietx li jeżistu tali indikazzjonijiet.

191    Huwa ċertament minnu li, kif tenfasizza DSD, in‑nuqqas ta’ osservanza ta’ smigħ fi żmien raġonevoli jikkostitwixxi difett proċedurali (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

192    Madankollu, xorta jibqa’ l‑fatt li l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 61 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja għandu jiġi interpretat u implementat b’mod utli.

193    Sa fejn ma hemm xejn li jindika li n‑nuqqas ta’ osservanza ta’ smigħ xieraq kellu effett fuq l‑eżitu tal‑kawża, l‑annullament tas‑sentenza appellata ma jirrimedjax il‑ksur tal‑prinċipju tal‑protezzjoni ġudizzjarja effettiva li twettaq mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza.

194    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat mill‑Avukat Ġenerali fil‑punti 305 u 306 tal‑konklużjonijiet tiegħu, fid‑dawl tan‑neċessità li jiġi osservat id‑dritt tal‑kompetizzjoni Komunitarju, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma tistax tippermetti lir‑rikorrenti li terġa’ tikkontesta l‑eżistenza ta’ ksur, biss fuq il‑bażi li kien hemm ksur tas‑smigħ fi żmien raġonevoli, fejn l‑aggravji kollha intiżi kontra l‑konstatazzjoni tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza dwar dan il‑ksur u l‑proċeduri amministrattiva marbuta miegħu ġew miċħuda bħala infondati.

195    Min‑naħa l‑oħra, kif irrileva l‑Avukat Ġenerali fil‑punti 307 et seq tal‑konklużjonijiet tiegħu, in‑nuqqas ta’ osservanza, mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza, ta’ smigħ fi żmien raġonevoli mwettaq mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma jistax jagħti lok għal talba għad‑danni abbażi ta’ rikors ippreżentat kontra l‑Komunità, skont l‑Artikolu 235 KE u t‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 288 KE.

196    Konsegwentement, l‑argument ta’ DSD li jipprovdi li l‑iskadenza ta’ żmien raġonevoli għandu, sabiex jiggarantixxi rimedju kontra difett proċedurali, iwassal għall‑annullament tas‑sentenza appellata, huwa infondat. Għaldaqstant, it‑tmien aggravju għandu jiġi miċħud.

197    Peress li l‑ebda aggravju mqajjem minn DSD ma ġie milqugħ, l‑appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l‑ispejjeż

198    Skont l‑Artikolu 69(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, applikabbli għall‑proċedura ta’ appell taħt l‑Artikolu 118, il‑parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l‑Kummissjoni, Intersoh, Vfw, Landbell u BellandVision talbu għall‑kundanna ta’ DSD u peress li din tal‑aħħar tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall‑ispejjeż ta’ din l‑istanza.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L‑appell huwa miċħud.

2)      Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH għandha tbati l‑ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal‑istanza preżenti sostnuti mill‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet, Intersoh Dienstleistungs GmbH, Vfw GmbH, Landbell AG für Rückhol‑Systeme u BellandVision GmbH.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: il‑Ġermaniż.