Language of document : ECLI:EU:C:2018:796

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑3 ta’ Ottubru 2018(1)

Kawża C572/17

Riksåklagaren

vs

Imran Syed

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja))

“Domanda preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ distribuzzjoni – Ksur — Ħwejjeġ b’sinjali identiċi jew li jixxiebhu għal trade marks tal-Unjoni rreġistrati – Ħażna għal finijiet kummerċjali – Ħażna separata mill-ħanut tal-bejgħ”






1.        Il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja) għandha tiddeċiedi fuq appell ippreżentat kontra s-sentenza tat-tieni istanza li kkundannat lil kummerċant talli biegħ, fil-ħanut tiegħu, u talli żamm, fl-imħażen tiegħu, wieħed maġenb il-ħanut u ieħor f’subborg ta’ Stokkolma, ċertu numru ta’ prodotti tessili li, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tagħhom, kienu jinkludu immaġni u disinni tal-mużika rock protetti mid-drittijiet tal-awtur.

2.        Id-domanda li tagħmel il-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna l-limiti ta’ wieħed mid-drittijiet tal-awtur, dak li jawtorizza jew jipprojbixxi t-tqassim lill-pubbliku tax-xogħol jew kopji tiegħu, li huwa indirizzat fid-Direttiva 2001/29/KE (2). B’mod konkret, hija tixtieq tkun taf jekk l-imsemmi dritt, minbarra l-oġġetti mibjugħa, ikoprix ukoll il-merkanzija maħżuna u sa liema estent.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

3.        It-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), dwar id-drittijiet tal-awtur, adottat f’Ġinevra fl‑20 ta’ Diċembru 1996 (iktar ’il quddiem it-“TDA”), ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas‑16 ta’ Marzu 2000 (3).

4.        L-Artikolu 6 jipprovdi:

“1.      Awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv fuq l-awtorizzazzjoni li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x-xogħol oriġinali tagħhom jew kopji ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà.

2.      Dan it-Trattat ma għandux jaffetwa l-libertà tal-Partijiet Kontraenti li jiddeterminaw, jekk iridu, kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-eżawriment tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 wara l-ewwel bejgħ [ta’] jew trasferiment ieħor tal-proprjetà fix-xogħol oriġinali jew f’kopja tax-xogħol bl-awtorizzazzjoni ta’ l-awtur.”

B.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva 2001/29 (4)

5.        Skont it-termini tal-premessa 9 tagħha:

“Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. […]”

6.        Il-premessa 11 tipprovdi:

“Sistema rigoruż effettiv għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati hija waħda mill-metodi li tiżgura li l-kreattività u produzzjoni kulturali Ewropea jirċievu r-riżorsi meħtieġa u li jissalvagwardjaw l-indipendenza u d-dinjità ta’ oriġinaturi u artisti kreattivi.”

7.        Skont il-premessa 28 tagħha:

“Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità. Dan id-dritt m’għandux jiġi eżawrit rigward l-oriġinal jew il-kopji tiegħu mibjugħa mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu barra mill-Komunità. […]”

8.        L-Artikolu 4 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2.      Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”

C.      Id-dritt nazzjonali. Lag (1960:729) om upphovsrätt till litterära och konstnärliga verk (5)

9.        Skont l-Artikolu 2 tagħha, “miżura” li tikser id-drittijiet tal-awtur tista’ tikkonsisti, inter alia, fl-isfruttament tax-xogħol mingħajr il-kunsens tal-awtur, billi tagħmlu disponibbli għall-pubbliku, b’mod partikolari meta jiġu offruti għall-bejgħ, għall-kera jew b’self kopji tax-xogħol, jew meta dawn il-kopji jitqassmu b’xi mod ieħor lill-pubbliku (il-punt 4 tal-Artikolu 2(3) tal-imsemmija liġi).

10.      Skont l-Artikolu 53, kull min jadotta “miżuri” intenzjonalment jew b’negliġenza gravi b’rabta ma’ xogħol letterarju jew artistiku li jikser id-dritt tal-proprjetà intellettwali fuq dak ix-xogħol, imsemmi fil-kapitoli 1 u 2, jiġi kkundannat għal piena ta’ multa jew priġunerija sa sentejn.

II.    Il-fatti li taw lok għall-kawża, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A.      Il-fatti

11.      I.Syed kellu negozju fiż-żona ta’ Gamla Stan, Stokkolma, fejn kien ibigħ, inter alia, ħwejjeġ u aċċessorji b’disinni relatati mal-mużika rock. Dawn kienu kopji pirati li kisru d-drittijiet tat-trade mark u tal-proprjetà intellettwali tad-detenturi rispettivi ta’ dawk id-drittijiet. Il-merkanzija ma kinitx tinsab biss fil-ħanut, iżda wkoll f’maħżen kontigwu u maħżen ieħor allokat fid-distrett ta’ Bandhagen, subborg tan-Nofsinhar ta’ Stokkolma.

12.      Wara li ġie akkużat, f’azzjoni kriminali, li kiser kemm id-dritt tat-trade marks kif ukoll il-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali, I. Syed iddikjara quddiem it-tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, l-Isvezja) li l-ħanut kien regolarment fornut bi prodotti miż-żewġ imħażen.

13.      Skont ir-Riksåklagaren (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Svediż), il-ksur imwettaq kien doppju:

–      Minn naħa, l-akkużat kiser id-dritt tat-trade mark billi uża illegalment, fl-attività ekonomika tiegħu tal-bejgħ ta’ ħwejjeġ u aċċessorji, sinjali identiċi jew li jixxiebhu għal ċerti trade marks irreġistrati tal-Unjoni. Il-ksur seħħ meta importa l-prodotti lejn l-Isvezja, offrihom fil-ħanut tiegħu u ħażinhom għal skopijiet kummerċjali, kemm fil-ħanut kif ukoll f’maħżen kontigwu u fil-maħżen ta’ Bandhagen (6).

–      Min-naħa l-oħra, huwa kiser ukoll id-drittijiet tal-awtur, billi għamel disponibbli għall-pubbliku, b’mod illegali, ilbies u oġġetti b’immaġnijiet protetti mid-dritt tal-proprjetà intellettwali tad-detenturi tiegħu. Il-ksur kien jikkonsisti fl-offerta għall-bejgħ tal-prodotti jew permezz ta’ kwalunkwe forma oħra ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku fil-ħanut, fil-maħżen maġenbu u fil-maħżen ta’ Bandhagen. Sussidjarjament, huwa ġie akkużat bl-istess ksur kontra l-Liġi tal-Proprjetà Intellettwali fl-istadju ta’ tentattiv jew tħejjija.

14.      Il-Qorti tal-ewwel istanza kkundannat lil I. Syed bi ksur tad-dritt tat-trade mark fir-rigward tal-oġġetti kollha misjuba. Hija kkundannatu wkoll għal ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali fir-rigward tal-oġġetti fil-ħanut u dawk li, kienu identiċi għalihom, kienu jinsabu fl-imħażen (599 il-biċċa ħwejjeġ). Fis-sentenza tagħha hija imponiet piena li ċċaħħad il-libertà b’sospensjoni tal-eżekuzzjoni u 80 jum/multa.

15.      Din il-qorti indikat li l-offerta għall-bejgħ minn I. Syed ma kinitx limitata għall-oġġetti li kienu fil-ħanut, imma kienet estiża għall-prodotti identiċi elenkati fiż-żewġ imħażen. Madankollu, fir-rigward ta’ dawk li jinsabu biss fl-imħażen li ma humiex l-istess bħal dawk li jinsabu fil-ħanut, hija ħelset lil I. Syed, billi qieset li ma kienx qegħedhom għall-bejgħ u lanqas ma kien għamel tentattiv jew tħejjija ta’ ksur tal-Liġi tal-proprjetà intellettwali.

16.      Meta ġiet appellata s-sentenza, is-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, Bord tal-privattivi u tal-liġi kummerċjali, l-Isvezja) laqgħet parti mill-appell ta’ I. Syed, u ħelsitu mill-ksur tal-Liġi tal-proprjetà intellettwali għall-merkanzija maħżuna fiż-żewġ imħażen li kienu identiċi għal dawk mibjugħa fil-ħanut.

17.      Skont il-Qorti tal-Appell, għalkemm I. Syed kien ħażen oġġetti bil-għan li jbigħhom, ma kienx offrihom għall-bejgħ u lanqas ma ddistribwixxihom lill-pubbliku b’xi mod ieħor, u ċaħdet li l-pussess tal-merkanzija fl-imħażen kien jikkostitwixxi tentattiv jew tħejjija ta’ dak id-delitt. Għalhekk, hija qieset li I. Syed kien responsabbli biss għall-ksur tal-Liġi tal-Proprjetà Intellettwali fir-rigward tal-ħwejjeġ fil-ħanut. Bħala riżultat, hija kkundannatu għal piena li ċċaħħad il-libertà b’sospensjoni tal-eżekuzzjoni u naqqset il-multa għal 60 jum.

18.      L-Uffiċċju tal-Prosekutur, li ma kienx issodisfatt bis-sentenza tal-appell, ippreżenta appell quddiem il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema). Fl-opinjoni tiegħu, l-offerta ta’ prodotti għall-bejgħ f’ħanut għandha tinkludi wkoll il-possibbiltà li jinxtraw prodotti identiċi miżmuma fl-imħażen. Huwa għalhekk talab il-kundanna ta’ I. Syed bħala responsabbli għall-ksur tal-Liġi tal-Proprjetà Intellettwali għall-599 prodott ukoll li kienu jinsabu fl-imħażen u li kienu identiċi għal dawk esibiti fil-ħanut. Sussidjarjament, huwa talab li l-akkużat jiġi kkundannat għall-istess ksur fil-grad ta’ tentattiv, għalkemm ma akkużahx bi tħejjija ta’ delitt.

19.      I. Syed oppona l-appell billi sostna li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ksur tad-dritt ta’ distribuzzjoni permezz tal-offerta għall-bejgħ teħtieġ aġir attiv immirat lejn il-pubbliku ġenerali, bil-għan li kull oġġett konkret jiġi ttrasferit. Jekk wieħed jemmen li x-xiri u l-ħażna tal-merkanzija jistgħu jikkostitwixxu aġir ta’ dan it-tip, din tkun interpretazzjoni wiesgħa żżejjed tal-kunċett ta’ distribuzzjoni, li ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ legalità.

20.      Skont il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema), fil-proċedura leġiżlattiva tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 fid-dritt intern, il-Gvern indika li, sabiex kondotta taqa’ fl-ambitu tad-dritt ta’ distribuzzjoni rregolat fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, ma huwiex meħtieġ li tkun ġiet ikkunsmata. Huwa biżżejjed li l-kopja tkun ġiet offruta, pereżempju, permezz ta’ xi tip ta’ reklamar. Hija żżid li la l-Liġi tal-Proprjetà Intellettwali u lanqas id-Direttiva 2001/29 ma jipprojbixxu espressament il-ħażna ta’ xogħlijiet protetti bl-iskop li jinbiegħu (7).

21.      Mis-sentenza Dimensione Direct Sales u Labianca (8), skont il-qorti tar-rinviju, jirriżulta li jista’ jkun hemm ksur tad-dritt esklużiv tal-awtur, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, meta persuna tadotta miżuri jew twettaq azzjonijiet qabel il-konklużjoni tal-kuntratt tax-xiri, pereżempju, l-offerta għall-bejgħ ta’ merkanzija protetta. Madankollu, id-dubju li jitqajjem huwa jekk dawk li jżommu merkanzija protetta fil-maħżen tagħhom jistgħux jitqiesu bħala li joffruha għall-bejgħ meta jbigħu merkanzija identika f’ħanut tagħhom.

B.      Domandi preliminari

22.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) għamlet id-domandi għal deċiżjoni preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Meta merkanzija li fuqha jitwaħħal disinn protett hija illegalment offruta għall-bejgħ f’ħanut, jista’ jeżisti wkoll ksur tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tal-awtur previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 f’dak li jikkonċerna merkanzija li fuqha jidhru disinni identiċi, li tinżamm maħżuna mill-persuna li toffri l-merkanzija għall-bejgħ?

2)      Huwa rilevanti jekk il-merkanzija tinżammx maħżuna f’post li huwa konness mal-ħanut jew f’post ieħor?”

C.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Settembru 2017 u osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati biss mill-Uffiċċju tal-Prosekutur u mill-Kummissjoni. Ma ġiex meqjus neċessarju li tinżamm seduta.

III. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

24.      Għall-Uffiċċju tal-Prosekutur, li jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu espressa quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li jista’ jkollha interpretazzjoni stretta wisq tad-dritt ta’ distribuzzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE (9). Huwa jipprovdi li l-miżuri proċedurali u s-sanzjonijiet previsti f’dan it-test leġiżlattiv jippresupponi t-twettiq ta’ ksur jew it-twettiq imminenti tiegħu.

25.      L-Uffiċċju tal-Prosekutur jemmen li meta kummerċant jaħżen merkanzija b’disinni protetti mid-drittijiet tal-awtur fil-bini tiegħu, huwa jipprova jikseb vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali (10). L-offerta tal-merkanzija f’ħanut hija mmirata sabiex tħeġġeġ lill-konsumaturi jixtru wkoll il-prodotti identiċi maħżuna fil-maħżen. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra, fil-fehma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, ma tkunx rikonċiljabbli mal-postulati tas-sentenza Dimensione Direct Sales u ma tkunx tiggarantixxi livell għoli, effettiv u rigoruż ta’ protezzjoni (11).

26.      Għalhekk jissuġġerixxi li d-domandi preliminari magħmula jingħataw risposta fis-sens li l-merkanzija msemmijja f’din il-kawża tikser id-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tal-awtur, stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, u li l-fatt li jinsabu maħżuna f’post maġenb il-ħanut jew f’maħżen ieħor iktar ’il bogħod ma huwiex rilevanti.

27.      Il-Kummissjoni tipproponi li l-analiżi tibda mill-kwistjonijiet tas-sentenza Dimensione Direct Sales, b’mod partikolari, mill-postulati li jagħtu lid-detentur tad-dritt tal-awtur id-dritt li jipprojbixxi kull forma ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti li fuqhom ikun hemm ix-xogħol tiegħu, kif ukoll mill-kunċett ta’ distribuzzjoni bħala kunċett awtonomu fid-dritt tal-Unjoni (12). Kemm kuntratt ta’ xiri u l-kunsinna lill-klijent tal-oġġett miksub kif ukoll operazzjonijiet oħrajn qabel il-kuntratt (13), inklużi avvenimenti ta’ reklamar (14) jistgħu jiġu inklużi taħt dan il-kunċett.

28.      Minn dawn il-premessi jiġi dedott li l-merkanzija maħżuna f’postijiet li ma humiex il-ħanut tikser id-dritt ta’ distribuzzjoni tad-detentur tiegħu, jekk jintwera li din tiġi offruta għall-bejgħ jew hija rreklamata lill-konsumaturi. Madankollu, din il-konklużjoni ma tirrispondix realment id-domandi tal-qorti tar-rinviju, peress li d-domanda hija jekk il-merkanzija maħżuna tistax tiġi assimilata ma’ dik realment offruta fil-ħanut, irrispettivament minn jekk tiġix mibjugħa jew irreklamata.

29.      Il-Kummissjoni tiċħad li huwa possibbli li jsir dan it-tqabbil, peress li dan ikun ifisser li wieħed jibda minn pożizzjoni a priori fuq l-użu kummerċjali tal-merkanzija fl-imħażen minħabba s-sempliċi fatt li merkanzija oħra li tixxiebah ġiet mibjugħa lill-pubbliku. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-intenzjoni tal-parti kkonċernata fir-rigward tal-merkanzija tiġi vverifikata mil-perspettiva kummerċjali.

30.      F’dan ir-rigward, hija tipproponi sett ta’ kriterji li jippermettu li jiġi kkonfermat l-użu kummerċjali tal-prodotti: a) l-identiċità tal-merkanzija ma’ merkanzija oħra li hija protetta bid-drittijiet tal-awtur u li hija esibita sabiex tinbiegħ fil-ħanut; b) konnessjoni fiżika, finanzjarja jew amministrattiva bejn il-maħżen u l-ħanut; u ċ) il-provvista regolari fil-ħanut ta’ merkanzija li tkun ġejja mill-maħżen.

IV.    Analiżi

A.      Kumment preliminari

31.      Id-domandi preliminari tqajmu fil-kuntest ta’ proċedura kriminali kontra I. Syed, li jwassalni sabiex nagħmel kjarifika preliminari. Il-leġiżlatur Svediż għażel li, fl-Artikolu 53 tal-Liġi tal-proprjetà intellettwali, jikklassifika l-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali fuq xogħol artistiku jew letterarju, billi jirreferi għal dak previst f’dispożizzjonijiet oħrajn tal-istess liġi. Ma sarx riferiment espress, għall-inqas fil-kliem litterali tiegħu, għad-Direttiva 2001/29.

32.      Madankollu, f’dan il-qasam, il-leġiżlatur Ewropew ma użax il-possibbiltà li jiddefinixxi reati kriminali jew li jagħmel approssimazzjoni jew armonizzazzjoni tal-liġijiet kriminali tal-Istati Membri (Artikolu 83(1) u (2) TFUE). Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni bħal din, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi interpretazzjoni xierqa tad-Direttiva 2001/29 lill-qorti tar-rinviju, iżda ma jista’ jkollha ebda rwol fil-kwistjoni dwar l-aspetti kriminali tad-dritt ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri peress li, nerġa’ ngħid, ma hemmx regoli ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam.

33.      Id-Direttiva 2004/48 tinkludi biss “miżuri, il-proċeduri u r-rimedji ċivili u amministrattivi” (l-Artikolu 16) immirati sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għalkemm tafferma li “sanzjonijiet kriminali jikkostitwixxu wkoll, f’każijiet xierqa, il-mezzi biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali” (15), dawn ma humiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(3)(c) “[d]in id-Direttiva ma għandix taffettwa […] id-dispożizzjonijiet kollha ta’ l-Istati Membri relatati ma’ proċeduri kriminali jew penalitajiet fir-rigward tal-kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”.

34.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, I. Syed esprima l-biża’ tiegħu li, minħabba r-riferiment tad-dritt kriminali għad-dritt ċivili sabiex jiġi stabbilit it-tip ta’ reat, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “distribuzzjoni” b’mod wisq wiesa’ u tinkludi fih il-merkanzija maħżuna iżda li għadha ma ġietx mibjugħa, bi ksur tal-prinċipju ta’ determinazzjoni stretta li jirregola d-deskrizzjoni tar-reati.

35.      Ma naħsibx li dak l-argument huwa ammissibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 irrispettivament mill-konsegwenzi li, mill-perspettiva tad-dritt kriminali Svediż, jistgħu jiġu dedotti mill-qorti tar-rinviju (16). Din l-interpretazzjoni hija limitata għall-investigazzjoni tal-perimetru tal-protezzjoni tad-dritt tal-awtur sabiex tkun ipprojbita jew permessa d-distribuzzjoni tal-kreazzjonijiet tiegħu. Jekk, skont il-liġi Svediża, huwa biżżejjed li dan id-dritt ikun ġie miksur sabiex ikun hemm piena kriminali, dan ma huwiex dovut għad-Direttiva 2001/29 u lanqas għall-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja.

36.      Fl-osservazzjoni ta’ I. Syed, fir-realtà, hemm kritika għall-formulazzjoni tad-deskrizzjoni tar-reat prevista fl-Artikolu 53 tal-Liġi tal-proprjetà intellettwali. Din il-kritika tikkundanna l-ksur eventwali tal-prinċipji tal-legalità u taċ-ċertezza legali, peress li l-artikolu ma jirrispettax il-prinċipju ta’ speċifiċità rispettiva tar-regoli kriminali.

37.      Dan l-argument, nirrepeti, ma jaqax taħt l-ambitu ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, u għaldaqstant ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita lilha nnifisha, fid-djalogu preliminari li għandha mal-qrati nazzjonali, sabiex tagħti interpretazzjoni tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 lill-qorti tar-rinviju.

B.      Fuq id-domandi preliminari

38.      Mir-rapport mogħti fid-digriet tar-rinviju jirriżulta li I. Syed jopera b’merkanzija li fuqha għandha riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tagħhom. Sabiex jiġi ddelinjat aħjar liema huma l-fatti li jsir riferiment għalihom fid-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ċċarat li:

–      Parti mill-prodotti pirati ġiet offruta għall-bejgħ fil-ħanut ta’ I. Syed, li ġie kkundannat fl-ewwel u fit-tieni istanza għal dan l-aġir, li l-qorti tal-kassazzjoni ma għandha ebda dubju dwar dan.

–      Parti oħra minn dawn il-prodotti (b’mod konkret, 599 il-biċċa ħwejjeġ li huma identiċi għal dawk esibiti għall-bejgħ fil-ħanut) kienet tinsab fil-maħżen ta’ I. Syed.

–      Il-bqija tal-prodotti pirati kienu wkoll jinsabu fl-imħażen, iżda ma kinux offruti għall-bejgħ jew ma kinux identiċi għall-ħwejjeġ esibiti fil-ħanut.

39.      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt ta’ distribuzzjoni jestendix għat-tieni kategorija ta’ oġġetti, jiġifieri, dawk li għandhom l-istess “disinni protetti” bħal dawk mibjugħa fil-ħanut u li huma maħżuna f’postijiet oħrajn. Hija tixtieq tkun taf ukoll, jekk id-distanza tal-imħażen mill-ħanut (wieħed kontigwu mal-ħanut u l-ieħor jinsab f’subborg fin-Nofsinhar ta’ Stokkolma) għandhiex effett fuq ir-risposta.

40.      Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jinftiehmu aħjar meta titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ngħatat sa issa, li ser nipprovdi fil-qosor hawn taħt.

41.      Fis-sentenza Peek & Cloppenburg (17) ġie ċċarat jekk id-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 ġiex miksur meta katina ta’ stabbilimenti tal-ħwejjeġ qiegħdet f’żona ta’ mistrieħ għall-klijenti tal-ħwienet tagħha u fil-vetrina ta’ żona oħra, pultruni u sufani ddisinjati minn Charles-Édouard Jeanneret (Le Corbusier) u protetti mid-drittijiet tal-awtur, iżda mmanifatturati mingħajr il-kunsens tad-detentur tagħhom (kumpannija ddedikata għall-produzzjoni ta’ għamara bit-tapizzerija).

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet, fil-qosor, li huma “biss dawk l-atti li jimplikaw esklużivament trasferiment tal-proprjetà ta’ dan l-oġġett” li huma inklużi fil-kunċett ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku tal-verżjoni oriġinali ta’ xogħol jew il-kopja tiegħu bi kwalunkwe mod għajr milli bil-bejgħ, fis-sens tad-dispożizzjoni ikkontestata (18).

43.      Madankollu, f’żewġ sentenzi sussegwenti hija estendiet il-kunċett ta’ distribuzzjoni u inkludiet fih aġir li jmur lil hinn mis-sempliċi atti ta’ trasferiment tal-proprjetà.

44.      Għalhekk, fis-sentenza Donner (19), ġiet magħmula domanda fir-rigward tal-aġir ta’ trasportatur li aġixxa bħala kompliċi fid-distribuzzjoni mhux awtorizzata ta’ riproduzzjonijiet ta’ għamara protetta mid-drittijiet tal-awtur, li kumpannija Taljana pprovdiet lill-klijenti tagħha fil-Ġermanja (20).

45.      Fuq il-bażi tal-fatt li d-distribuzzjoni lill-pubbliku hija kkaratterizzata minn “serje ta’ attivitajiet li jkopru, minn tal-inqas, mill-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ sal-eżekuzzjoni tiegħu permezz tal-kunsinna lil membru tal-pubbliku”, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet lill-kummerċanti responsabbli “għal kull attività, imwettqa minnu stess jew f’ismu, li tagħti lok għal ‘distribuzzjoni lill-pubbliku’ fi Stat Membru fejn l-oġġetti ddistribwiti huma protetti minn drittijiet tal-awtur. Bl-istess mod, huwa jista’ jinżamm responsabbli għal kull attività tal-istess natura mwettqa minn terz, meta l-imsemmi negozjant kien speċifikament immira lejn il-pubbliku tal-Istat ta’ destinazzjoni u ma setax ma jkunx jaf bl-azzjonijiet ta’ dan it-terz.” (21)

46.      Fil-kawża Dimensione Direct Sales ġie diskuss “jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil detentur ta’ dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni ta’ xogħol protett li jopponi offerta ta’ bejgħ jew reklamar dwar l-oriġinal jew kopja ta’ dan ix-xogħol, anki jekk ma jkunx stabbilit li din l-offerta jew reklamar tirriżulta fl-akkwist tal-oġġett protett minn xerrej tal-Unjoni” (22).

47.      Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-detentur tad-dritt tal-awtur għandu s-setgħa li jopponi r-reklamar tal-bejjiegħ (li offra l-oġġetti foloz fuq is-sit tal-internet tiegħu, f’ġurnali u rivisti differenti, kif ukoll f’fuljett pubbliċitarju). Hija ddikjarat, b’mod konkret, li:

–      “[f]ir-rigward ta’ stedina sabiex wieħed jissottometti offerta jew reklam mhux vinkolanti li jirrigwardaw xogħol protett, din ukoll tagħmel parti mill-katina ta’ operazzjonijiet ta’ impriża mwettqa bil-għan li jitlesta l-bejgħ ta’ dan ix-xogħol” (23).

–      “[H]uwa irrilevanti […] li dan ir-reklamar ma jiġix segwit bit-trasferiment tal-proprjetà tax-xogħol protett jew ta’ kopja tiegħu lix-xerrej” (24).

48.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet li, sabiex jiġi aċċertat il-ksur tad-dritt ta’ distribuzzjoni, kienet meħtieġa azzjoni sussegwenti għar-reklamar li tinvolvi t-trasferiment lix-xerrej tal-proprjetà tal-oġġett protett jew kopja tiegħu.

49.      Minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja estendiet il-kunċett ta’ distribuzzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29. Hija evolvietu minn sempliċi azzjoni ta’ trasferiment tal-proprjetà sabiex tinkludi l-atti ta’ tħejjija għall-bejgħ tal-oġġett, bħall-offerta tal-kummerċant (direttament jew fuq is-sit tal-internet tiegħu) jew operazzjonijiet oħrajn sabiex isir dak il-bejgħ, inkluż it-trasport tal-oġġetti permezz ta’ terz.

50.      Kif inhu loġiku, is-soluzzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja (25) fl-imsemmija kawżi għandhom jitqiesu fil-kuntest tagħhom, metodu li għandu jiġi applikat ukoll f’dan il-każ. Issa għandu jiġi ċċarat biss jekk il-ħażna tal-ħwejjeġ fl-imħażen, meta kienu identiċi għal dawk imqiegħda għall-bejgħ fil-ħanut hijiex konnessa mal-katina ta’ operazzjonijiet maħsuba għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

51.      Meta tiġi eżaminata l-portata tad-dritt esklużiv tal-awtur sabiex jipprojbixxi kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, jista’ jkun utli li wieħed jirreferi għall-isfond ekonomiku tal-kunċett ta’ “distribuzzjoni” ta’ prodott. Fil-prattika kummerċjali dan huwa ddefinit bħala s-sensiela ta’ azzjonijiet, proċeduri u relazzjonijiet li prodott jgħaddi minnhom mill-manifattura tiegħu sal-użu finali tiegħu, kemm jekk fi proċess ta’ produzzjoni ulterjuri jew jekk jingħatax definittivament lill-konsumatur (26).

52.      Madankollu, huwa dubjuż jekk, mill-perspettiva legali li hija rilevanti għalina, id-dritt esklużiv li tiġi awtorizzata jew ipprojbita d-distribuzzjoni li tirreferi għaliha d-Direttiva 2001/29 għandux ambitu wiesa’ daqshekk. Fir-rigward tat-teorija li l-ewwel trasferiment (mill-produttur għal bejjiegħ bl-ingrossa) diġà jidħol fil-perimetru ta’ dak id-dritt, jista’ jkun maħsub li din il-prerogattiva tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur taffettwa biss it-tranżazzjoni bejn il-bejjiegħ bl-imnut u l-konsumatur aħħari (27)

53.      Fid-dawl tal-konvenzjonijiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni (28), il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet it-tieni teorija, li tinterpreta t-terminu “distribuzzjoni lill-pubbliku […] b’bejgħ” tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, bħala sinonimu għat-“tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku […] permezz ta’ bejgħ” li jinsab fl-Artikolu 6(1) tat-TDA. Għalhekk, “pubbliku” tfisser il-konsumatur jew l-utent aħħari, iżda mhux il-kumpanniji intermedjarji fil-katina tad-distribuzzjoni, b’mod partikolari, il-bejjiegħa bl-ingrossa, għalkemm it-TDA ma jiddefinixxix il-kelma “pubbliku”, u għalhekk dan għandu jsir mil-leġiżlatur jew mill-qrati tal-partijiet kontraenti (29).

54.      Il-fatt li I. Syed huwa bejjiegħ bl-imnut li jbigħ lill-konsumatur finali ma huwiex ikkontestat. Għalhekk, huwa jinsab fl-aħħar segment tal-katina ta’ distribuzzjoni li fiha japplika d-dritt tal-awtur sabiex jawtorizza jew jipprojbixxi d-distribuzzjoni tax-xogħlijiet protetti tiegħu. Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, għandha tiġi eżaminata l-portata ta’ dan id-dritt meta merkanzija identika għal dik imqiegħda għall-bejgħ fil-ħanut tkun fl-imħażen tal-bejjiegħ.

55.      Diġà indikajt li l-ġurisprudenza tinkludi fost l-atti ta’ distribuzzjoni “mill-inqas” il-kuntratt ta’ bejgħ u l-kunsinna tal-prodott mixtri lix-xerrej (30), kif ukoll l-offerta ta’ bejgħ u r-reklamar mhux vinkolanti (31). Għaldaqstant, nemmen li l-offerta tal-bejgħ ma hijiex limitata biss għall-prodotti esibiti f’ċertu stabbiliment kummerċjali, iżda wkoll għal dawk li, huma identiċi għalihom, u huma maħżuna provviżorjament f’maħżen tal-bejjiegħ, ippreparati sabiex jissostitwixxu dawk li jinbiegħu.

56.      L-esibizzjoni tal-merkanzija fil-vetrina jew ġewwa l-ħanut issir sabiex jinbiegħ l-ikbar numru possibbli ta’ prodotti, kif inhu loġiku li wieħed jassumi għal kull kummerċant. Il-ħwejjeġ (f’dan il-każ, t-shirts b’disinni tal-mużika rock) li jinsabu fil-ħanut jirrappreżentaw pars pro toto għall-istokkijiet l-oħrajn. It-tnejn li huma għandhom konnessjoni diretta li ma tinvolvi xejn għajr aġir attiv intiż sabiex jinbiegħu.

57.      Fil-fehma tiegħi, għalhekk, id-dritt li tiġi opposta d-distribuzzjoni tal-oġġetti b’riproduzzjonijiet li jiksru drittijiet tal-awtur jestendi mhux biss għall-oġġetti li huma diġà fil-ħanut, iżda wkoll għal dawk li għandhom l-istess disinni u li huma maħżuna fl-imħażen tal-bejjiegħ, fl-istennija tat-trasferiment tagħhom lejn il-ħanut.

58.      Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-protezzjoni minima stabbilita fl-Artikolu 6(1) tat-TDA li tinkludi l-atti ta’ tħejjija għall-bejgħ (32) kif ukoll mal-għan tad-Direttiva 2001/29 li jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni għad-drittijiet tal proprjetà intellettwali, skont il-premessa 9 tagħha.

59.      Barra minn hekk, b’dan il-mod jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjoni, li huwa dak li tiġi evitata l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mmanifatturati bi ksur tad-drittijiet tal-awtur, billi tingħata natura preventiva lis-setgħa li tiġi kkontrollata d-distribuzzjoni tax-xogħol jew tal-kopji tiegħu. Li kieku dan il-kontroll ikun jista’ jiġi eżerċitat biss meta jkun sar il-bejgħ, billi l-eżerċizzju tad-dritt ta’ distribuzzjoni jkun iffokat biss fuq kull tranżazzjoni individwali (din tidher li hija t-teorija ta’ I. Syed), is-salvagwardja effettiva tiegħu tkun qiegħda tiġi de facto ostakolata minħabba d-diffikultà li jiġi vverifikat il-post u l-ħin li fih inbiegħu l-oġġetti, speċjalment dawk maħżuna.

60.      Għalkemm naqbel mal-Kummissjoni li, f’din il-kawża, l-intenzjoni tal-bejgħ tista’ tiġi dedotta mill-fatt li xi prodotti huma offruti fil-ħanut u oħrajn li jixxiebhu kienu fl-istess ħin jinsabu fl-imħażen, ma naħsibx li huwa neċessarju li test bħal dak li hija tirrakkomanda, eċċessivament riġidu, jiġi ġġeneralizzat. B’mod partikolari, l-investigazzjoni tar-rabta (fiżika, finanzjarja jew amministrattiva) bejn ħanut u maħżen tista’ tkun wisq formalistika, biex ma nsemmux ukoll il-fatt li lanqas ma jkun ċar kif tista’ tingħata prova tagħha.

61.      Naħseb li minħabba l-konnessjoni mill-qrib bejn il-ħwejjeġ li kien ibigħ I. Syed fil-ħanut tiegħu u dawk li kellu fl-imħażen, flimkien mal-kundizzjoni tiegħu bħala kummerċant, il-maħżen kien diġà jifforma parti mill-katina ta’ azzjonijiet immirati lejn il-bejgħ. Għalhekk, fil-qosor, id-dritt għandu jiġi estiż għall-projbizzjoni jew għall-awtorizzazzjoni tad-distribuzzjoni tagħhom, bħala possibbiltà inerenti tad-drittijiet tal-awtur.

62.      F’dan il-kuntest, id-distanza jew le tal-imħażen ma hijiex rilevanti. Ma hemm xejn li jimpedixxi (anzi huwa loġiku u parti mis-sens komun) li jekk I. Syed ma jkollux id-daqs jew il-kulur ta’ oġġett mitlub minn klijent fil-maħżen kontigwu mal-ħanut, jimpenja ruħu li jġibulu, fi żmien relattivament qasir, mill-maħżen li jinsab fid-distrett ta’ Bandhagen. Il-fatti jibqgħu jkunu inklużi fil-katina ta’ operazzjonijiet li jitwettqu sabiex dak l-oġġett jinbiegħ.

63.      Fl-aħħar nett, biex immorru lura għall-kuntest proċedurali kriminali tal-kawża quddiem il-qrati Svediżi, għandu jiġi enfasizzat li r-risposta ssuġġerita hawn hija ppreżentata fil-qafas strett tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29. Huma esklużivament dawk il-qrati, fuq il-bażi tal-mod li bih id-dritt intern jikkonfigura r-reati kriminali tiegħu u jiddefinixxi l-istadji diversi ta’ iter criminis (atti interni, atti preparatorji, atti ta’ eżekuzzjoni, tentattivi u konsum), li għandhom jiddeterminaw jekk sarx delitt jew le u sa liema grad jista jiġi akkużat l-awtur tiegħu.

V.      Konklużjoni

64.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmulin mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja) kif ġej:

“L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt esklużiv li jawtorizza jew jipprojbixxi kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku tal-verżjoni oriġinali tax-xogħlijiet tiegħu, jew ta’ kopji tiegħu, imsemmija f’dan l-artikolu, japplika għall-merkanzija maħżuna fl-imħażen ta’ kummerċant li fuqha hemm disinni protetti li huma l-istess bħal dawk li huma offruti għall-bejgħ fil-ħanut tiegħu. Għal dawn il-finijiet, id-distanza bejn l-imħażen u l-ħanut hija irrilevanti.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208.


4      L-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-proprjetà intellettwali twettqet, prinċipalment, permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE tad‑29 ta’ Ottubru 1993 li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 141), li ġiet emendata sussegwentement u mħassra bid-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 372, p. 12), li tikkodifika l-verżjonijiet preċedenti. Waħda minn dawn l-emendi kellha l-għan li tirregola l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati f’dik li tissejjaħ is-soċjetà tal-informazzjoni permezz tad-Direttiva 2001/29.


5      Il-Liġi (1960:729) dwar proprjetà intellettwali f’xogħlijiet letterarji u artistiċi (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali”), li inkorporat id-Direttiva 2001/29 fid-dritt Svediż.


6      Il-ksur tad-dritt tat-trade mark ma jiġix diskuss f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.


7      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 10 tal-Kapitolu 1 tal-varumärkeslag (2010:1877) (il-Liġi (2010:1877) tat-trade marks tal-Isvezja) u għall-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), li ġie sostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ April 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).


8      Sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015 (C‑516/13, EU:C:2015:315); iktar ’il quddiem, is-sentenza “Dimensione Direct Sales”.


9      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).


10      Huwa jiċċita testwalment estratt mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Brussell, 29.11.2017, COM(2017) 708 finali, p. 9), li tipprovdi kif ġej: “Minn dan li ntqal hawn fuq isegwi li, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ skala kummerċjali, kif jintuża f’diversi dispożizzjonijiet tal-IPRED, jenħtieġ li ma jinftiehemx f’termini purament kwantitattivi; minflok, ċerti elementi kwalitattivi, bħal jekk l-attività inkwistjoni normalment titwettaqx għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll.”


11      Huwa jirreferi għas-sentenza tas‑17 ta’ April 2008 Peek & Cloppenburg (C‑456/06, EU:C:2008:232) punt 37.


12      Sentenza Dimensione Direct Sales, punti 21 u 22.


13      Ibidem, punti 25 u 26.


14      Ibidem, punti 29 sa 32.


15      Il-premessa 28.


16      Uħud mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ser nirreferi għalihom iktar tard, jinterpretaw din id-direttiva f’rinviji għal deċiżjonijiet preliminari magħmulin, preċiżament, fi proċeduri kriminali.


17      Sentenza tas‑17 ta’ April 2008 (C‑456/06, EU:C:2008:232).


18      Ibidem, punt 36.


19      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012 (C‑5/11, EU:C:2012:370).


20      Ibidem, punt 12: Il-kumpannija Taljana “kienet toffri lill-klijenti residenti fil-Ġermanja, il-bejgħ ta’ riproduzzjonijiet ta’ biċċiet ta’ għamara tal-istil ‘Bauhaus’ permezz ta’ reklami u supplimenti f’rivisti kif ukoll permezz ta’ ittri ta’ reklamar dirett lil ċerti indirizzi u permezz ta’ sit internet bil-lingwa Ġermaniża, mingħajr ma kellha l-liċenzji meħtieġa għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn l-oġġetti fil-Ġermanja”.


21      Ibidem, punti 26 u 27. Enfasi miżjuda minni. Ara, fl-istess sens, iżda fil-kuntest tal-importazzjoni fi Stat Membru ta’ merkanziji ffalsifikati minn sit tal-internet li jinsab f’pajjiż terz, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014 Blomqvist (C‑98/13, EU:C:2014:55), punt 28. F’dik is-sentenza ġie applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat‑22 ta’ Lulju 2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 469).


22      Sentenza Dimensione Direct Sales, punt 20. Il-kawża kienet tinvolvi kumpannija li tbigħ direttament jew bl-internet għamara (li kienet imitazzjoni jew falsifikazzjoni ta’ xogħlijiet protetti) u d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawk il-kreazzjonijiet.


23      Ibidem, punt 28.


24      Ibidem, punt 32.


25      Naqbel mal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fl-importanza partikolari tal-kuntest fattwali ta’ kull waħda mill-kawżi li ġew indirizzati sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja; ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Dimensione Direct Sales (C‑516/13, EU:C:2014:2415), punt 41.


26      Ara, pereżempju, Martinek, M., “1. Kapitel. Grundlagen des Vertriebsrechts”, f’Martinek, M. u Semler, F.-J. (eds.), Handbuch des Vertriebsrechts, Editorjal C.H. Beck, Múnich, 1996, p. 3.


27      Bently, L. u Sherman, B., Intellectual Property Law, Oxford University Press, 3a edizzjoni 2009, p. 144.


28      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, Donner (C‑5/11, EU:C:2012:370), punt 23.


29      Dan jidher li huwa stabbilit fit-TDA; ara, Reinbothe, J., “Chapter 7. The WIPO Copyright Treaty Article 6”, f’Reinbothe, J. u Von Lewinski, S., The WIPO Treaties on Copyright — A Commentary on the WCT, the WPPT, and the BTAP, 2a edición, Oxford University Press, 2015, p. 110. Għalkemm, fil-fatt, setgħet tiġi sostnuta interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-kunċett ta’ “pubbliku”, il-fatt li ttieħed l-approċċ viċin għall-figura tal-konsumatur finali huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29.


30      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, Donner (C‑5/11, EU:C:2012:370), punt 26.


31      Sentenza Dimensione Direct Sales, punt 28.


32      Reinbothe, J., op. cit., p. 111.