Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-448/23)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Ladenburger, P.J.O. Van Nuffel, K. Herrmann, agenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħoġobha:

tikkonstata, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja magħmula mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) fis-sentenzi tagħha tal-14 ta’ Lulju 2021 (Kawża P 7/20) u tas-7 ta’ Ottubru 2021 (Kawża K 3/21), li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

tikkonstata, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja magħmula mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) fis-sentenzi tagħha tal-14 ta’ Lulju 2021 (Kawża P 7/20) u tas-7 ta’ Ottubru 2021 (Kawża K 3/21), li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ġenerali ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u skont il-prinċipju li s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma ta’ natura vinkolanti;

jikkonstata li, peress li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta' qorti indipendenti u imparzjali stabbilit minn qabel bil-liġi, minħabba irregolaritajiet fil-proċeduri għall-ħatra ta’ tlieta mill-membri tagħha f’Diċembru 2015 u l-President tagħha f'Diċembru 2016, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;

tikkundanna lil Ir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel u t-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni tqiegħed fid-dubju żewġ sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tar-Repubblika tal-Polonja (iktar ’il quddiem il-“Qorti Kostituzzjonali”) tas-7 ta’ Ottubru 2021 (fil-Kawża K 3/21) u tal-14 ta’ Lulju 2021 (fil-Kawża 7/20). Din il-ġurisprudenza tikser diversi obbligi, li madankollu huma konnessi, imposti fuq il-Polonja mit-trattati tal-Unjoni. L-ewwel motiv jirrigwarda l-ksur, fis-sentenzi imsemmija iktar ’il fuq, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C 824/18, EU:C:2021:153), u tas-6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C 487/19, EU:C:2021:798), fis-sens li l-Qorti Kostituzzjonali interpretat il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja b’riferiment għar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, b’mod eċċessivament strett, żbaljat u li jinjora manifestament il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

It-tieni motiv jirrigwarda l-ksur, f’dawn is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali, tal-prinċipji ta’ supremazija, ta’ awtonomija, ta’ effettività, ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tan-natura vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet unilateralment il-prinċipji ta’ supremazija u effettività, l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 279 TFUE kif interpretat u implimentat mill-Qorti tal-Ġustizzja u ordnat lill-korpi Pollakki kollha biex ma japplikawx dawn id-dispożizzjonijiet tat-trattat.

Permezz tat-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Kostituzzjonali ma baqgħetx toffri l-garanziji ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea minħabba irregolaritajiet manifesti fil-ħatra, f’Diċembru 2015, ta’ mħallfin fil-Qorti Kostituzzjonali bi ksur flagranti tad-dritt kostituzzjonali Pollakk (i) u minħabba irregolaritajiet fil-proċedura għall-elezzjoni tal-President tal-Qorti Kostituzzjonali f’Diċembru 2016 (ii) kull waħda minn dawn l-irregolaritajiet qajjmet, fid-dawl tal-attivitajiet tal-Qorti Kostituzzjonali komposta mill-persuni hekk maħtura, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji ġustifikati dwar l-imparzjalità u l-impermeabbiltà tal-Qorti Kostituzzjonali fir-rigward tal-elementi esterni.

____________