Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2023 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-444/22)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, bħala aġent)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, fl-intier tiegħu, ir-Regolament (UE) 2023/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/631 fir-rigward tat-tisħiħ tal-istandards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda f’konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-Unjoni 1 ;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-motivi invokati ma humiex tali li jiġġustifikaw il-kap tat-talba intiża għall-annullament ta’ dan ir-regolament fl-intier tiegħu, tannulla parzjalment ir-Regolament 2023/851, sa fejn jikkonċerna l-istabbiliment tal-miri ta’ emissjonijiet, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2035, għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda stabbiliti fl-Artikolu 1(1)(b) ta’ dan ir-regolament;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1. Motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 192(2)(c) TFUE

Fil-fehma tal-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-Artikolu 192(2)(c) TFUE billi naqsu milli jadottaw ir-Regolament ikkontestat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat, li teħtieġ l-unanimità fil-Kunsill, minkejja l-fatt li r-Regolament ikkontestat jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti tal-enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu.

2. Motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 3(1) u (3) TUE, tal-Artikolu 9 TFUE u tal-Artikolu 6(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

Il-Polonja tqis li, billi stabbilixxa l-miri ta’ emissjonijiet għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda stabbiliti fl-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament ikkontestat, li ser iwasslu għal konsegwenzi serji għall-industrija Ewropea tal-karozzi u għas-setturi ekonomiċi relatati magħha, kif ukoll għas-soċjetà, il-leġiżlatur tal-Unjoni naqas milli jwettaq l-obbligu li jippromwovi l-benesseri tal-popli tal-Unjoni (Artikolu 3(1) TUE), l-obbligu li jippromwovi l-ġustizzja soċjali, l-obbligu li jaħdem għal tkabbir ekonomiku bbilanċjat u għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll tas-solidarjetà fost l-Istati Membri (Artikolu 3(3) TUE), u l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi u mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali (Artikolu 9 TFUE), u aġixxa bi ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba l-proprjetà li tirriżulta mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 21(1)).

3. Motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) TUE) u fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 191(2) TFUE

Il-Polonja tqis li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat imorru kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li, minn naħa, ma humiex adattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 191(2) TFUE u, min-naħa l-oħra, l-iżvantaġġi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, fosthom l-ispejjeż, huma manifestament eċċessivi fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu. Fil-fehma tal-Polonja, l-ispejjeż tal-allinjament tal-ekonomiji u tas-soċjetajiet fl-Unjoni mal-istandards imsaħħa tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 stabbiliti fir-Regolament ikkontestat jaqbżu b’mod sinjifikattiv il-benefiċċji li jirriżultaw minnu. Ir-Regolament ikkontestat jimponi piżijiet eċċessivi konnessi mat-tranżizzjoni lejn mobbiltà mingħajr emissjonijiet fuq iċ-ċittadini Ewropej, speċjalment dawk li huma inqas sinjuri, kif ukoll fuq is-settur Ewropew tal-kumpanniji tal-karozzi. Ir-Regolament ikkontestat jirriskja li jwassal għal konsegwenzi negattivi serji għall-industrija Ewropea tal-karozzi, esklużjoni soċjali, esklużjoni tat-trasport ta’ persuni ifqar, u żieda fid-disparità bejn iċ-ċittadini fir-rigward tal-livell tal-għajxien. Barra minn hekk, ir-Regolament ikkontestat ma jqisx biżżejjed id-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 191(2) TFUE.

(4) Motiv ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li ssir analiżi xierqa tal-effett tar-Regolament ikkontestat, kif ukoll fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 191(3) TFUE

Fil-fehma tal-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti naqsu milli jissodisfaw l-obbligu li jipprovdu evalwazzjoni tal-impatt adegwata, peress li l-evalwazzjoni tal-impatt li takkumpanja r-Regolament propost fiha nuqqasijiet fundamentali fir-rigward tal-effett fuq l-Istati Membri individwali tal-impenji u tal-miri stabbiliti f’dan ir-regolament. Fl-istess ħin, ma tteħditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti d-data xjentifika u teknika disponibbli, il-benefiċċji u l-ispejjeż potenzjali konnessi ma’ azzjoni jew ma’ nuqqas ta’ azzjoni, u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni kollha kemm hi u l-iżvilupp ibbilanċjat tar-reġjuni tagħha. Dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 191(3) TFUE.

____________

1     ĠU 2023, L 110, p. 5.