Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Lulju 2023 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-442/23)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, bħala aġent)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, fl-intier tiegħu, ir-Regolament (UE) 2023/839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/841 fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, is-simplifikazzjoni tar-regoli dwar ir-rapportar u l-konformità, u l-istabbiliment tal-miri tal-Istati Membri għall-2030, u r-Regolament (UE) 2018/1999 fir-rigward tat-titjib fil-monitoraġġ, fir-rapportar, fit-traċċar tal-progress u fir-rieżami 1 ;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fid-dawl tar-Regolament 2023/839 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), il-Polonja tinvoka l-motivi li ġejjin:

1. Motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 192(2)(c) TFUE

Fil-fehma tal-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-Artikolu 192(2)(c) TFUE billi naqsu milli jadottaw ir-Regolament ikkontestat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat, li teħtieġ l-unanimità fil-Kunsill, minkejja l-fatt li r-Regolament ikkontestat jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu.

2. Motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 192(2)(b) TFUE

Fil-fehma tal-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru t-tielet inċiż tal-Artikolu 192(2)(b) TFUE billi naqsu milli jadottaw ir-Regolament ikkontestat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat, li teħtieġ l-unanimità fil-Kunsill, minkejja l-fatt li r-Regolament ikkontestat jaffettwa l-użu tal-art fl-Istati Membri.

3. Motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(2) TUE

Il-Polonja hija tal-fehma li l-istituzzjonijiet konvenuti aġixxew bi ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi, peress li r-Regolament ikkontestat jistabbilixxi impenji u miri li jinterferixxu b’mod sinjifikattiv mal-mod ta’ kif titwettaq il-ġestjoni tal-foresti fl-Istati Membri, minkejja l-fatt li t-Trattati ma jagħtux kompetenzi lill-Unjoni fil-qasam tal-forestrija.

4. Motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) TUE) u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri (Artikolu 4(2) TUE), kif ukoll fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 191(2) TFUE

Il-Polonja tqis li, bl-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, l-istituzzjonijiet konvenuti aġixxew bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri u ma ħadux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti d-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni. Il-konformità mill-Polonja mal-impenji u mal-miri fir-rigward tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tat-tneħħija tagħhom fis-settur tal-LULUCF (użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija) jista’ jkollha konsegwenzi soċjoekonomiċi u finanzjarji negattivi serji. Barra minn hekk, ir-Regolament ikkontestat jistabbilixxi żbilanċ inġust bejn l-Istati Membri individwali f’termini ta’ livelli ta’ impenji u ta’ miri.

5. Motiv ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li ssir analiżi xierqa tal-effett tar-Regolament ikkontestat, kif ukoll fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 191(3) TFUE

Fil-fehma tal-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti naqsu milli jissodisfaw l-obbligu li jipprovdu evalwazzjoni tal-impatt adegwata, peress li l-evalwazzjoni tal-impatt li takkumpanja r-Regolament propost fiha nuqqasijiet fundamentali fir-rigward tal-effett fuq l-Istati Membri individwali tal-impenji u tal-miri stabbiliti f’dan ir-regolament. Fl-istess ħin, ma tteħditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti d-data xjentifika u teknika disponibbli, il-kundizzjonijiet ambjentali fid-diversi reġjuni tal-Unjoni, u l-benefiċċji u l-ispejjeż potenzjali konnessi ma’ azzjoni jew ma’ nuqqas ta’ azzjoni, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni kollha kemm hi u l-iżvilupp ibbilanċjat tar-reġjuni tagħha. Dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 191(3) TFUE.

____________

1     ĠU 2023, L 107, p. 1.