Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Marzu 2013 - Petro Suisse Intertrade vs Il-Kunsill

(Kawża T-156/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Petro Suisse Intertrade Co. SA (Pully, l-Isvizzera) (rappreżentanti: J. Grayston, Solicitor, P. Gjørtler, G. Pandey, D. Rovetta, N. Pilkington u D. Sellers, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta' Diċembru 2012 (ĠU L 356, p. 71), li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta' Diċembru 2012 (ĠU L 356, p. 55), li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn l-atti kkontestati jinkludu lir-rikorrenti; u,

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż ta' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi li jikkonċernaw ksur ta' forma proċedurali sostanzjali kif ukoll ksur tat-Trattati u tal-istat tad-dritt relatat mal-applikazzjoni tagħhom: ksur tad-dritt għal smigħ, ksur tal-obbligu ta' notifikazzjoni xierqa, motivazzjoni insuffiċjenti, ksur tad-drittijiet tad-difiża, żball manifest ta' evalwazzjoni, u ksur tad-dritt fundamentali ta' proprjetà.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill naqas milli jisma' lir-rikorrenti, u li ebda indikazzjonijiet bil-kontra ma jiġġustifikaw dan. Minbarra dan, il-Kunsill naqas milli jidentifika kif xieraq lir-rikorrenti bħala s-suġġett tad-deċiżjoni u r-regolament u wkoll li naqas milli jidentifika kif xieraq lir-rikorrenti fl-ittra ta' notifikazzjoni tiegħu, u fi kwalunkwe każ dawn l-atti kienu insuffiċjentement immotivati. Talbiet mir-rikorrenti sabiex jikkonferma l-identifikazzjoni, jiżviluppa l-motivazzjoni, u għal aċċess għal dokumenti baqgħu mingħajr tweġiba, minbarra għal ittra qasira li kkonfermat li kien irċevihom. Permezz ta' dawn l-ommissjonijiet, il-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, li ġiet miċħuda mill-possibbiltà li tippreżenta argumenti b'mod effettiv kontra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, peress li dawn il-konklużjonijiet ma ġewx żvelati lir-rikorrenti. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, ir-rikorrenti ma hijiex kumpannija ta' kopertura kkontrollata min-National Iranian Oil Company (NIOC), u fi kwalunkwe każ, il-Kunsill ma stabbilixxiex li l-kontroll tar-rikrorenti min-NIOC kien iwassal għal benefiċċju ekonomiku għall-Istat Iranjan li jmur kontra l-għan tad-deċiżjoni kkontestata u r-regolament. Fl-aħħar nett, billi rrestrinġa l-abbiltà tar-rikorrenti li tikkonkludi kuntratti, il-Kunsill kiser id-dritt bażiku ta' proprjetà billi ħa miżuri li għalihom ma tistax tiġi aċċertata l-proporzjonalità.

____________