Language of document : ECLI:EU:F:2014:224

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

25 ta’ Settembru 2014

Kawża F‑100/13

Bruno Julien-Malvy et

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku – Remunerazzjoni – Persunal tas-SEAE assenjat f’pajjiż terz – Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li temenda l-lista tal-pajjiżi terzi li l-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom huma ekwivalenti għal dawk abitwali fl-Unjoni – Att ta’ portata ġenerali – Ammissibbiltà tar-rikors – Evalwazzjoni annwali tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-ħajja – Tneħħija”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu B. Julien‑Malvy u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsabu annessi jitolbu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2012, tas- Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) sa fejn huwa jwaqqaf, mill‑1 ta’ Jannar 2014, il-ħlas tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja (iktar ’il quddiem l-“AKĦ”) lill-persunal assenjat fl-Arġentina, f’Ħong Kong, fiċ-Ċilì, fil-Ġappun, fil-Malasja, f’Singapor u fit-Tajwan u, konsegwentement, jordna l-ħlas tal-ammonti li huma jqisu li huma dovuti lilhom bħala AKĦ.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. B. Julien-Malvy u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tneħħi l-allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja mogħtija lill-uffiċjali assenjati f’ċerti pajjiżi terzi – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 et 91, u Anness X, Artikolu 10, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013)

2.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Sistema ta’ remunerazzjoni applikabbli għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz – Allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja – Kundizzjonijiet għall-għoti – Obbligu għall-istituzzjonijiet li jadottaw dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni – Ksur – Invokazzjoni minn uffiċjal li jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni dwar l-għoti tal-allowance – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110 u Anness X, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013)

3.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Sistema ta’ remunerazzjoni applikabbli għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz – Allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja – Kundizzjonijiet għall-għoti – Iffissar minn korp tal-Unjoni fil-perijodu ta’ adattament tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness X, Artikolu 10(1), kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013)

4.      Uffiċjali – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness X, Artikolu 10, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013)

1.      L-uffiċjali u l-membri tal-persunal għandhom id-dritt li jippreżentaw rikors kontra miżura ta’ natura ġenerali tal-Awtorità tal-Ħatra li tikkawżalhom preġudizzju ġaladarba, minn naħa, sabiex tipproduċi effetti legali, din il-miżura ma tirrikjedix miżura ta’ implementazzjoni jew, għall-applikazzjoni tagħha, ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet inkarigati mill-implementazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, hija taffettwa immedjatament l-interessi tal-uffiċjali billi tbiddel, b’mod serju, is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom.

L-istess jgħodd għal deċiżjoni, adottata mill-imsemmija awtorità b’applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li twassal, fir-rigward tal-uffiċjali assenjati f’ċerti delegazzjonijiet u uffiċċji tal-Unjoni f’pajjiżi terzi, għat-tneħħija tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja. Deċiżjoni bħal din tidher li hija preċiża u inkundizzjonata biżżejjed sabiex ma tkun teħtieġ ebda miżura partikolari ta’ implementazzjoni sabiex tipproduċi effetti legali fir-rigward tal-uffiċjali assenjati fil-pajjiżi terzi kkonċernati.

F’dan ir-rigward, filwaqt li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi, ta’ portata individwali, biex din l-allowance titneħħa, l-adozzjoni ta’ tali miżuri, li sseħħ fl-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni min-naħa tal-awtoritajiet li jamministraw, ma hijiex tali li tostakola n-natura immedjata tal-effett fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-uffiċjali kkonċernati, li għandhom neċessarjament jistennew li mhux se jibqgħu jibbenefikaw mill-allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja mid-data effettiva tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 14 sa 16)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi de Dapper et vs Il‑Parlament, 54/75, EU:C:1976:127; Diezler et vs KES, 146/85 u 431/85, EU:C:1987:457, punti 6 u 7 u Brown vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 125/87, EU:C:1988:136, punt 16

2.      Id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal isemmu, fl-ewwel lok, il-miżuri ta’ implementazzjoni espressament previsti minn ċerti dispożizzjonijiet speċjali tar-Regolamenti tal-Persunal u, fin-nuqqas ta’ stipulazzjoni espressa, l-obbligu li jiġu deċiżi miżuri ta’ implementazzjoni suġġetti għall-kundizzjonijiet formali tal-imsemmi artikolu jista’ jiġi aċċettat biss eċċezzjonalment, jiġifieri meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal tant ikunu neqsin minn kjarezza u minn preċiżjoni li l-applikazzjoni tagħhom ma tkunx nieqsa minn arbitrarjetà.

F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom portata ġenerali u d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, li l-adozzjoni tagħhom hija prevista minn dawn ir-regoli, jikkonċernaw l-Anness X kollu tar-Regolamenti tal-Persunal, inklużi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tal-allowance tal-kunddizzjonijiet tal-ħajja. Konsegwentement, korp tal-Unjoni li jimplementa dawn id-dispożizzjonijiet għandu l-obbligu li jadotta dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmi anness.

Madankollu, l-assenza tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tista’ tiġi utilment invokata minn uffiċjal li jikkontesta deċiżjoni li tirrevedi l-ammont tal-allowance imħallas lill-uffiċjali assenjati fil-pajjiżi terzi biss fl-ipoteżi fejn l-irregolarità allegata tista’ taffettwah personalment. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni għandhom l-għan prinċipali li jiffissaw kriterji li jistgħu jiggwidaw lill-amministrazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha jew li jistgħu jispeċifikaw il-portata ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li f’dan il-punt tant ikunu neqsin minn kjarezza u minn preċiżjoni li l-applikazzjoni tagħhom ma tkunx nieqsa minn arbitrarjetà. Ġaladarba l-impreċiżjoni ta’ dispożizzjoni ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha biex twassal għal applikazzjoni arbitrarja ta’ din tal-aħħar, il-persuna kkonċernata għandu jkollha interess li tqajjem tali motiv biss jekk in-nuqqas min-naħa tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Estern li tadotta d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni kien personalment jikkawżalha preġudizzju billi twassal lill-Awtorità tal-Ħatra tapplika għas-sitwazzjoni tagħha d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod parzjali u arbitrarju.

(ara l-punti 21, 23, 29 u 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Deboeck vs Il‑Kummissjoni, 90/74, EU:C:1975:109

Il-Qorti tal-Prim’Istanza sentenza Ianniello vs Il‑Kummissjoni, T‑308/04, EU:T:2007:347, punt 38

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Behmer vs Il‑Parlament, F‑47/07, EU:F:2009:103, punt 47

3.      Fir-rigward tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, billi ma stabbilixxiet ebda kriterju għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet tal-ħajja bejn il-pajjiżi tal-Unjoni u l-pajjiżi terzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li hija kellha d-dmir li tadotta għall-futur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-każ ta’ korp tal-Unjoni li, fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrevedi l-ammont tal-allowance imħallas lill-uffiċjali assenjati fil-pajjiżi terzi, kien għadu jinsab f’perijodu ta’ adattament, din iċ-ċirkustanza tista’ validament tispjega l-assenza, ukoll sa din id-data, tal-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni li jistgħu jiggwidaw is-setgħa diskrezzjonali tiegħu fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Għandu jingħad ukoll li l-imsemmi korp seta’, mingħajr żball ta’ liġi, jieħu inkunsiderazzjoni kriterji li ma humiex il-parametri espliċitament elenkati fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex iwettaq l-evalwazzjoni ta’ din l-ekwivalenza.

F’dan ir-rigward, l-użu tad-data dwar il-livell ta’ żvilupp ekonomiku miksub fil-pajjiżi terzi inkwistjoni u l-metodu użat, li jiffavorixxi approċċ ekonomiku globali bbażat fuq il-paragun tal-livelli ta’ żvilupp ekonomiku globali bbażat fuq il-paragun tal-livelli ta’ żvilupp ekonomiku u li jieħu inkunsiderazzjoni l-analiżi magħmula minn organi internazzjonali oħra jew ċerti stati għall-persunal diplomatiku tagħhom, sabiex tiġi ddeterminata l-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet tal-ħajja bejn il-pajjiżi tal-Unjoni u l-pajjiżi terzi ma jidhrux li huma kuntrarji għall-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bil-fatt li l-imsemmi metodu huwa differenti minn dak użat fil-passat, ġaladarba l-metodu użat jidħol fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra u ebda dispożizzjoni leġiżlattiva ma tobbligaha żżomm dan il-metodu hekk kif inhu.

(ara l-punti 53, 54, 56 u 57)

4.      Id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni nisslet fih aspettattivi fondati, billi pprovdietlu garanziji preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni preċiża, inkondizzjonata u konkordanti, li temana minn sorsi awtorizzati u affidabbli.

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li allowance tal-kundizzjonijiet tal-ħajja mħallas lill-persunal assenjat f’ċerti pajjiżi terzi baqa’ l-istess matul numru ta’ snin ma huwiex biżżejjed biex l-imsemmi persunal jinvoka l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi peress li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-attribuzzjoni tal-imsemmija allowance jipprovdu espressament li hija suġġetta għal evalwazzjoni annwali u għaldaqstant li hija tista’ tiġi emendata minn sena għal oħra jew tista’ saħansitra titneħħa.

(ara l-punti 84 u 85)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza sentenza Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, EU:T:2007:218, punt 96