Language of document : ECLI:EU:C:2006:233

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

tas-6 ta' April 2006(*)

"Agrikoltura – Regolament (KEE) Nru 3665/87 – Rifużjoni fuq l-esportazzjoni – Sanzjonijiet fil-każ ta' deċiżjoni li saret definittiva dwar rimbors tar-rifużjoni – Possibbiltà li jsir rieżami tad-deċiżjoni ta' sanzjoni"

Fil-kawża C-274/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-le Finanzgericht Hamburg (fil-Ġermanja), permezz ta' Deċiżjoni tas-16 ta' Ġunju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta' Ġunju 2004, fil-proċedura

ED & F Man Sugar Ltd

vs

Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric,
E. Juhász (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Ġunju 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       Għal ED & F Man Sugar Ltd, minn H.-J. Prieß u M. Niestedt, Rechtsanwälte,

–       Għal-le Hauptzollamt Hamburg-Jonas minn G. Seber, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 3665/87 tas-27 ta' Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli (ĠU L 351, pġ. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2945/94, tat-2 ta' Diċembru 1994 (ĠU L 310, pġ. 57, iktar 'il quddiem "Regolament Nru 3665/87").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn ED & F Man Sugar Ltd (iktar 'il quddiem "ED & F Man Sugar") u Hauptzollamt Hamburg-Jonas (iktar 'il quddiem "Haupzollamt") dwar l-applikazzjoni minn din ta' l-aħħar tas-sanzjoni msemmija fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 3665/87, wara deċiżjoni ta' rkupru tar-rifużjoni mogħtija skond il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-ewwel sa t-tielet u l-ħames premess tar-Regolament Nru 2945/94 tipprovdi kif ġej:

"Billi l-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ tipprovdi l-għotja tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni biss fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-kwantità, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott esportat kif ukoll id-destinazzjoni ġeografika tiegħu; waqt li, fid-dawl ta' l-esperjenzi akkwiżiti l-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, u fuq kollox kontra l-frodi, li hija ta' preġudizzju għall-baġit komunitarju trid tiġi msaħħa; waqt li, għal dan il-għan huwa neċessarju li jkun hemm, il-possibbiltà li jiġu rkuprati l-ammonti li kienu ġew riċevuti indebitament, u jkun hemm sanzjonijiet li jinkoraġġixxu l-esportaturi sabiex jirrispettaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja;

Billi biex tiġi żgurata l-ħidma tajba tas-sistema ta' rifużjoni fuq l-esportazzjoni, is-sanzjonijiet jridu jiġu applikati bla rigward għall-element soġġettiv tat-tort, billi ma dan kollu jaqbel li f'ċerti każijiet jkun hemm rinunzja għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, b'mod partikolari fil-każ ta' żball manifest rikonoxxut mill-awtorità kompetenti, u biex jipprovdu għall-sanzjonijiet aktar iebsa fil-każ ta' atti intenzjonati;

Billi, fejn esportatur għadda informazzjoni żbaljata, li setgħat twassal li kieku ma nstabx l-iżball għall-ħlas tar-rifużjoni mhux dovuta waqt li jekk jinstab l-iżball, huwa normali li timponi sanzjoni, fuq l-esportatur, li timplika l-ħlas ta' l-ammont proporzjonali ma' l-ammont li kien jirċievi indebitament kieku ma nqabadx […]

[…]

Billi l-esperjenzi miksuba u l-irregolaritajiet, u fuq kollox il-frodi li diġà ġew skoperti f'dan il-kuntest jindikaw li din il-miżura hija neċessarja u approprjata u li hija proporzjonata u suffiċjentement disswasiva u trid tiġi applikata b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha".

4        L-Artikolu 3(1) u (5) tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi:

"1.      Il-jum ta' l-esportazzjoni, jfisser il-jum li fih is-servizzi tad-dwana aċċettaw id-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni li fiha hemm indikat li ser tintalab rifużjoni.

[…]

5.      Id-dokument użat fl-esportazzjoni sabiex persuna tibbenefika minn rifużjoni għandu jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jiġu kkalkolati r-rifużjonijiet, u b'mod partikolari:

a)      deskrizzjoni tal-prodotti skond in-nomenklatura użata għar-rifużjonijiet;

b)      il-massa netta tal-prodotti jew, fejn applikabbli, il-kwantità espressa fl-unità ta' kejl li tintuża meta jiġu kkalkolati r-rifużjonijiet;

c)      fejn huwa meħtieġ li jiġu kkalkolati r-rifużjonijiet, il-kompożizzjoni tal-prodotti kkonċernati jew referenza għal din il-kompożizzjoni.

Fil-każ li d-dokument imsemmi f'dan il-paragrafu huwa d-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni, dan għandu jkun fih xorta waħda tali informazzjoni kif ukoll il-kodiċi tar-rifużjoni."

5       L-ewwel inċiż l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi:

"Il-ħlas tar-rifużjoni differenzjata jew mhux differenzjata huwa suġġett, mhux biss għall-kundizzjoni li l-prodott ikun telaq mit-territorju doganali tal-Komunità iżda wkoll għall-kundizzjoni li l-prodott kien, ħlief fil-każ li jitħassar meta jkun qed jiġi ttrasportat minħabba forza maġġuri, importat f'pajjiż terz u, fejn ikun il-każ, f'pajjiż terz speċifiku fit-tnax-il xahar wara d-data ta' aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni:

a)      meta jkun hemm dubji serji fir-rigward tad-destinazzjoni vera tal-prodott

jew

b)      meta l-prodott jista' jiġi introdott fil-Komunità minħabba d-differenza fl-ammont tar-rifużjoni applikabbli għall-prodott esportat u l-ammont tat-taxxa fuq l-importazzjoni applikabbli għal prodott identiku fid-data ta' aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni.

6       L-ewwel u raba inċiżi, l-ewwel frażi tal-ħames inċiżi ta' l-Artikolu 11(1), kif ukoll l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87, jipprovdu kif ġej:

"1. Meta jinstab li l-esportatur bil-ħsieb li jakkwista għotja ta' rifużjoni ta' l-esportazzjoni jkun applika għal rifużjoni li teċċcedi r-rifużjoni applikabbli, ir-rifużjoni dovuta għall-esportazzjoni relevanti għandha tkun dik applikabbli għall-prodotti attwalment esportati, imnaqqsa b'ammont ekwivalenti għal:

a)      nofs id-differenza bejn ir-rifużjoni li għaliha tkun saret applikazzjoni u dik applikabbli għall-esportazzjoni attwali;

b)      id-doppju tad-differenza bejn ir-rifużjoni li għaliha tkun saret applikazzjoni u dik applikabbli meta l-esportatur intenzjonalment jipprovdi informazzjoni falza.

L-ammont ikkalkolat mill-informazzjoni provduta skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 jew ta' l-Artikolu 25(2) jkun meqjus bħala rifużjoni li għaliha tkun saret applikazzjoni. Meta r-rata ta' rifużjoni tvarja skond id-destinazzjoni l-parti differenzjata tar-rifużjoni tiġi kkalkolata mill-informazzjoni mogħtija skond l-Artikolu 47.

Is-sanzjoni in kwistjoni fil-Punt (a) m'għandhiex tkun applikabbli:

–       fil-każ ta' forza maġġuri,

–       f'ċerti każijiet eċċezzjonali kkaratterizzati minn ċirkustanzi li huma barra mill-kontroll ta' l-esportatur li seħħu wara l-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, tad-dikjarazzjoni tal-ħlas jew id-dikjarazzjoni tal-ħlas, u taħt il-kundizzjoni li l-esportatur immedjatament, meta jinduna b'dawn iċ-ċirkustanzi u fit-terminu msemmi fl-Artikolu 47(2), jinforma l-Awtoritajiet kompetenti, sakemm dawn ma jkunux diġà indunaw bl-irregolaritajiet tar-rifużjoni mitluba,

–       fil-każ ta' żball manifest, rikonoxxut mill-awtorità kompetenti, fuq ir-rifużjoni mitluba,

–       fil-każijiet meta t-talba għal rifużjoni tkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 1222/94 […], u partikularment l-Artikolu 3(2) tiegħu, u li tkun kkalkolata fuq il-bażi tal-medja tal-kwantitajiet użati matul perijodu speċifiku,

–       fil-każ ta' aġġustament tal-piż safejn il-bidla fil-piż hija dovuta għall-metodu differenti użat għall-użin.

Fejn ir-riduzzjoni msemmija fil-punti (a) jew (b) tirriżulta f'ammont negattiv, dan l-ammont negattiv jiġi mħallas mill-esportatur.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti stabbilixxew li l-ammont ta' rifużjoni mitlub kien jindika li l-esportazzjoni ma seħħitx, u li bħala konsegwenza t-tnaqqis fir-rifużjoni hija impossibbli, l-esportatur għandu jħallas l-ammont ekwivalenti għas-sanzjoni msemmija fil punti (a) jew (b). […]

[…]

3. Mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jitħallas l-ammont negattiv skond ir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 1, il-benefiċjarju għandu jħallas lura r-rifużjonijiet akkwistati mhux kif suppost - li jinkludu kull sanzjoni applikabbli bis-saħħa ta' l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 - u l-imgħax ikkalkolat fuq iż-żmien li jkun għadda bejn il-pagament u l-ħlas lura. […]

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni Nazzjonali

7       L-Artikolu 48 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva (Verwaltungsverfahrensgesetz), tal-25 ta' Mejju 1976 (BGBl. 1976 I, p. 1253), jipprovdi:

"Irtirar ta' att amministrattiv irregolari

Att amministrattiv irregolari, anki wara li jkun sar definittiv, jista' jiġi rtirat, kollu jew parti minnu, b'effett fil-futur jew b'effett retroattiv. Att amministrattiv li jistabbilixxi jew jiddikjara dritt jew vantaġġ ta' natura ġuridika (att amministrattiv li joħloq drittijiet) ma jistax jiġi ritirat ħlief b'riżerva għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4.

[…]"

8       L-Artikolu 51 ta' l-imsemmija liġi jipprovdi kif ġej:

"Reviżjoni tal-proċedura

L-awtorità trid, fuq talba ta' l-interessat, tiddeċiedi fuq l-annullament jew il-modifika ta' att amministrattiv:

1. jekk is-sitwazzjoni ta' fatt jew ta' dritt li tat lok għall-att amministrattiv ġie emendat favur l-interessat;

2. jekk jeżistu elementi ġodda ta' prova li kieku kienu jwasslu għal deċiżjoni aktar favorevoli għall-interessat;

3. jekk jeżistu raġunijiet għar-reviżjoni skond l-Artikolu 580 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung).

[…]"

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9       Fi Frar 1998, ED & F Man Sugar ippreżentaw, quddiem l-uffiċċju doganali competenti, erba' dikjarazzjonijiet ta' esportazzjoni dwar kunsinni fil-Polonja ta' 100 tunnellata zokkor abjad li għaliha hi talbet ir-rimbors tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni. Permezz ta' erba' deċiżjonijiet tas-6 ta' April 1998 il-Hauptzollamt laqa' t-talbiet għar-rifużjoni.

10     Wara li investigazzjonijiet li saru mill-Zollkriminalamt Köln (uffiċċju ta' investigazzjoni doganali ta' Kolonja) kixfu indizzji li ż-zokkor abjad li kien maħsub li ġie esportat lejn il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u l-Isvizzera ma wasalx f'dawn il-pajjiżi terzi ta' destinazzjoni, il-Hauptzollamt, fil-kuntest ta' eżami tad-dokumenti ppreżentati minn ED & F Man Sugar, li juru l-wasla tal-prodotti, qies li d-dokumenti dwar l-operazzjoni kummerċjali msemmija fil-punt preċedenti ma jurux li l-prodotti esportati ġew imqegħda fiċ-ċirkulazzjoni libera fil-Polonja, imma juru biss id-dħul tagħhom fil-proċess ta' rifinitura. ED & F Man Sugar ħabbret l-inkapaċità tagħha li tagħti informazzjoni supplementari fuq fejn spiċċat din il-kunsinna u allegat li ma setgħetx tiksibha mingħand il-kontraenti l-ieħor. Permezz ta' erba' deċiżjonijiet ta' rettifika tas-17 ta' April 2000, il-Hauptzollamt skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87, moqri in relazzjoni ma l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 5(1)(a) ta' l-imsemmi Regolament, talbet ir-rimbors tar-rifużjoni mħallas lill-ED & F Man Sugar (iktar il-quddiem id-"deċiżjoni ta' rkupru"), li ħallset lura l-ammont mitlub mingħajr ma ressqet rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet.

11     Għaldaqstant bapplikazzjoni ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 3665/87, il-Hauptzollamt, permezz ta' erba deċiżjonijiet tal-5 ta' Ġunju 2000 (iktar il-quddiem id-deċiżjoni sanzjonata), ta kull darba sanzjoni kontra ED & F Man Sugar. Hu osserva li minħabba n-natura distintiva tad-deċiżjoni ta' rkupru, huwa paċifiku li din l-impriża talbet rifużjoni għola mir-rifużjoni applikabbli.

12     Wara li l-Hauptzollamt ċaħad l-ilment imressaq minn ED & F Man Sugar kontra l-imsemmija deċiżjonijiet ta' sanzjonijiet din ta' l-aħħar ippreżentat rikors quddiem il-qorti ta' rinviju li osservat li l-Haupzollamt la kellu d-dritt li jimponi sanzjoni, u lanqas ma kellu l-awtorità li jeżiġi r-rimbors tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni. Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha ta' l-14 ta' Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C-110/99, Ġabra p. I‑11569), iddikjarat li skond l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 3665/87, hu ma jistax jitlob il-prova li l-merkanzija nħarġet għall-konsum fil-pajjiż terz ta' destinazzjoni ħlief qabel il-pagament tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti ta' rinviju ddeċidiet li l-kwistjoni li kellha tieħu konjizzjoni tagħha kienet teżiġi interpretazzjoni tad-dritt komunitarju, b'mod partikolari ta' l-artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87.

13     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Awtoritajiet u l-qrati nazzjonali, għandhom id-dritt li jeżaminaw, fil-kuntest ta' proċedura ta' appell kontra deċiżjoni li timponi sanzjoni skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, li jeżaminaw, meta d-deċiżjoni ta' rkupru skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(3) ta' l-imsemmi Regolament tkun saret definittiva qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni, jekk l-esportatur ikunx talab rifużjoni ogħla minn dik applikabbli?

2)      Fil-każ ta' risposta negattiva għad-domanda preċedenti, f'kawża kontra deċiżjoni ta' sanzjoni skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, fiċ-ċirkustanzi relatati mad-[deċiżjoni ta' rinviju] jista' jiġi eżaminat jekk esportatur talabx rifużjoni ogħla minn dik applikabbli sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja adottata f'dan iż-żmien?"

 Fuq l-ewwel domanda

14     Kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fl-Artikolu 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, b'differenza minn deċiżjoni ta' irkupru li għandha biss l-għan li tħassar vantaġġ ekonomiku riċevut indebitament, deċiżjoni ta' sanzjoni tissarraf fi tnaqqis sinjifikattiv ta' l-ammont ta' rimbors applikabbli u jekk neċessarju dan it-tnaqqis iwassal għal ammont negattiv minħabba l-pagament ta' din il-penali pekunjarja.

15     F'dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li sanzjoni ta' natura mhux penali ma tistax tiġi imposta ħlief jekk tibbaża ruħha fuq bażi ġuridika ċara u mhux ambigwa (sentenzi tal-25 ta' Settembru 1984, Könecke, 117/83, Ġabra p. 3291, punt 11; Emsland‑Stärke, iċċitata iktar il-fuq, punt 56, u tal-11 ta' Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C-210/00, Ġabra p. I‑6453, punt 52).

16     L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi l-għoti ta' sanzjoni meta jiġi kkonstatat li, fil-każ ta' l-għotja ta' rifużjoni fuq l-esportazzjoni, l-esportatur ikun talab rifużjoni ogħla mir-rifużjoni applikabbli.

17     Ma jirriżultax minn din id-deċiżjoni li l-imsemmija kundizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tad-deċiżjoni ta' sanzjoni tista' titqies li ġiet stabbilita minħabba s-sempliċi eżistenza ta' deċiżjoni ta' rkupru, adottata fuq il-bażi ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87, jew jista' jiġi dedott mis-sempliċi fatt li l-operatur ekonomiku ma kkontestax din id-deċiżjoni ta' rkupru.

18     Il-prinċipji tal-legalità u ta' ċertezza ġuridika jitolbu li fil-kuntest ta' kontroll tal-legalità ta' deċiżjoni ta' sanzjoni, adottata skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, l-Awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jistgħu jeżaminaw jekk l-esportatur effettivament jitlob rifużjoni ogħla minn dik applikabbli, skond l-imsemmija dispożizzjoni, indipendentement mill-fatt li deċiżjoni ta' rkupru li ġiet adottata qabel fuq il-bażi ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(3) ta' l-imsemmi Regolament saret definittiva.

19     Fir-rigward tal-Kunsidrazzjonijet li ġew qabel, jaqbel li l-ewwel domanda tiġi mwieġba li l- l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jrid jiġi interpretat fis-sens li fil-kuntest tal-proċedura ta' appell kontra deċiżjoni ta' sanzjoni bbażata fuq din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jistgħu jeżaminaw jekk l-esportatur ikunx talab rifużjoni ogħla minn dik applikabbli skond l-imsemmija dispożizzjoni, minkejja ċ-ċirkustanza li deċiżjoni ta' rimbors prevista fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(3) ta' l-imsemmi Artikolu tkun saret definittiva qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' sanzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

20     Meta tittieħed in kunsiderazzjoni r-risposta mogħtija għall-ewwel domanda mill-Qorti tal-Ġustizzja mhemmx lok li tiġi mwieġba t-tieni domanda.

 Dwar l-ispejjeż

21     Peress li dawn il-proċeduri għandhom, għall-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mressqa quddiem qorti tar-rinviju, jappartjeni lilha d-dritt li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Il-ħlas inkorsi għas-sottomissjonijiet ta' l-osservazzjonijiet imressqa minn dawn il-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' rimbors.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KEE) tal-Kummissjoni 3665/87 tas-27 ta' Novembru 1987, dwar regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjoni fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2945/94, tat-2 ta' Diċembru 1994, jrid jiġi interpretat fis-sens li fil-kuntest tal-proċedura ta' appell kontra deċiżjoni ta' sanzjoni bbażata fuq din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jistgħu jeżaminaw jekk l-esportatur ikunx talab rifużjoni ogħla minn dik applikabbli skond l-imsemmija dispożizzjoni, minkejja ċ-ċirkustanza li deċiżjoni ta' rimbors prevista fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(3) ta' l-imsemmi Artikolu tkun saret definittiva qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' sanzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.