Language of document : ECLI:EU:T:2018:279

Kawża T584/13

BASF Agro BV et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva fipronil – Reviżjoni tal-approvazzjoni – Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Projbizzjoni tal-użu u l-bejgħ ta’ żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva inkwistjoni – Artikolu 49(2) tar-Regolament Nru 1107/2009 – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Analiżi tal-impatt”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tas-17 ta’ Mejju 2018

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Regolament tal-Kummissjoni li jimponi fuq l-Istati Membri li ħarġu awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanza attiva partikolari li jbidluhom jew li jirtirawhom – Rikors ta’ impriża li tipproduċi u li tbigħ dik is-sustanza – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 540/2011 u Nru 781/2013)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza individwali – Kriterji – Regolament tal-Kummissjoni li jimponi fuq l-Istati Membri li ħarġu awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanza attiva partikolari li jbidluhom jew li jirtirawhom – Rikors ta’ impriża li tipproduċi u li tbigħ dik is-sustanza – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 540/2011 u Nru 781/2013)

3.      Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Rikors ippreżentat minn diversi rikorrenti kontra l-istess deċiżjoni – Locus standi ta’ wieħed minn fosthom – Ammissibbiltà tar-rikors kollu kemm hu

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikoli 263 TFUE)

4.      Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Evalwazzjoni tar-riskji – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni – Portata – Kunċetti ta’ riskju u ta’ periklu – Determinazzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà – Kompetenza tal-istituzzjoni tal-Unjoni indikata mil-leġiżlazzjoni relevanti

(Artikolu 191(2) TFUE)

5.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Reviżjoni tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva – Irtirar jew emenda tal-approvazzjoni minħabba nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-kriterji ta’ approvazzjoni – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009, Artikolu 4 u 21(3); Direttiva tal-Kunsill 91/414)

6.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ta’ użu u ta’ bejgħ ta’ prodotti li fihom ċerta sustanza attiva – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009)

7.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Reviżjoni tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva – Ftuh tal-proċedura fil-preżenza ta’ studji ġodda li jqajmu dubji dwar is-sodisfazzjon tal-kriterji għall-approvazzjoni – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ studji ġodda

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009, Artikolu 4 u 21(1))

8.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Reviżjoni tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva – Talba għal reviżjoni minn Stat Membru fid-dawl ta’ għarfien xjentifiku u tekniku ġdid u tad-data ta’ kontroll – Kunċett ta’ data ta’ kontroll

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009, Artikolu 21(1))

9.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Reviżjoni tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva – Talba għal reviżjoni minn Stat Membru fid-dawl ta’ għarfien xjentifiku u tekniku ġdid u tad-data ta’ kontroll – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa ta’ reviżjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009, Artikolu 21(1))

10.    Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ta’ użu u ta’ bejgħ ta’ prodotti li fihom ċerta sustanza attiva – Evalwazzjoni preliminari tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni – Portata

(Artikolu 191(2) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009, Premessa 8 u Artikoli 1(4), 4, 21(3), 69 u 70)

11.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Portata – Linji gwida dwar l-invokazzjoni tal-prinċipju – Modalitajiet tal-eżami tal-vantaġġi u tal-oneri li jirriżultaw mill-azzjoni jew min-nuqqas ta’ azzjoni

(Artikolu 191(2) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni KOM(2000)1 finali, punt 6.3.4)

12.    Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ta’ użu u ta’ bejgħ ta’ prodotti li fihom ċerta sustanza attiva – Evalwazzjoni preliminari tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent – Obbligu tal-Kummissjoni li twettaq evalwazzjoni tal-impatt – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

(Artikoli 11 TFUE, 114(3) TFUE u 191(2) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni KOM(2000)1 finali, punt 6.3.4)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 33, 35-42)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 44, 45)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 49)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 58, 59, 61, 62, 64-75)

5.      Mill-formulazzjoni u mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1107/2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jirriżulta li, fil-prinċipju, huwa l-awtur tal-applikazzjoni għal approvazzjoni li għandu l-oneru li jipprova li ġew sodisfatti l-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, kif kien previst espressament fid-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

Madankollu, fil-kuntest ta’ reviżjoni qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ approvazzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ma ġewx sodisfatti. Fil-fatt, hija l-parti li tinvoka dispożizzjoni legali – hawnhekk l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 1107/2009 – li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha ġew sodisfatti. F’dan ir-rigward, il-fatt li jiġi rrikonoxxut li, fil-każ ta’ inċertezza xjentifika, dubji raġonevoli dwar l-innokwità ta’ sustanza attiva approvata fil-livell tal-Unjoni jistgħu jiġġustifikaw miżura ta’ prekawzjoni ma jistax jiġi pparagunat ma’ inverżjoni tal-oneru tal-prova. Madankollu, il-Kummissjoni tissodisfa l-oneru tal-prova jekk hija tistabbilixxi li l-konklużjoni, waqt l-approvazzjoni inizjali, li kienu sodisfatti l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009 tiġi invalidata minn żviluppi ulterjuri fil-qasam regolatorju jew tekniku.

Għalhekk, il-Kummissjoni tissodisfa b’mod suffiċjenti fid-dritt l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqha, fid-dawl tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 1107/2009, jekk jirnexxila turi li, fid-dawl ta’ emenda tal-kuntest regolatorju, li wasslet għal tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni, id-dejta li tirriżulta minn studji magħmula għall-iskopijiet tal-approvazzjoni inizjali kienet insuffiċjenti sabiex tagħti kont tat-totalità tar-riskji għan-naħal mis-sustanza attiva inkwistjoni, fir-rigward, pereżempju, ta’ ċerti modi ta’ espożizzjoni. Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jeżiġi fil-fatt li tiġi rtirata jew emendata l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva fil-preżenza ta’ data ġdida li tinvalida l-konklużjoni preċedenti li tgħid li din is-sustanza tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tipprovdi, skont is-sistema komuni tad-dritt tal-prova, indizji serji u konklużivi li, mingħajr ma jeskludu l-inċertezza xjentifika, jippermettu raġonevolment li jiġi ddubitat li s-sustanza attiva tissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni.

(ara l-punti 86, 89-91)

6.      Sabiex tkun tista’ tilħaq b’mod effettiv l-għan assenjat lilha mir-Regolament Nru 1107/2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li hija għandha twettaq, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Kummissjoni. Dan japplika, b’mod partikolari, għad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskju li din għandha tieħu skont dak ir-regolament.

Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma jaħrabx mill-istħarriġ ġudizzjarju. F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli tal-proċedura, l-eżattezza materjali tal-fatti sostnuti mill-Kummissjoni, l-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew l-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. Sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi, li huwa ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tal-att ikkontestat, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu biżżejjed sabiex ixejnu l-plawżibbiltà tal-evalwazzjonijiet tal-fatti sostnuti f’dan l-att. Mingħajr preġudizzju għal dan l-eżami tal-plawżibbiltà, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti kumplessi minflok dik tal-awtur tal-att.

Barra minn hekk, fil-każijiet fejn istituzzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ dwar l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm b’mod partikolari l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti. Għaldaqstant, it-twettiq ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji li tkun l-iktar eżawrjenti possibbli abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi bbażati fuq il-prinċipji ta’ eċċellenza, trasparenza u indipendenza jikkostitwixxi garanzija proċedurali importanti biex tiġi żgurata l-oġġettività xjentifika tal-miżuri u biex jiġu evitati miżuri arbitrarji.

(ara l-punti 92-96)

7.      Biex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq reviżjoni tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, huwa biżżejjed li jkun hemm studji ġodda (jiġifieri studji li għadhom ma ġewx ikkunsidrati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) jew mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ evalwazzjoni preċedenti tas-sustanza inkwistjoni) li r-riżultati tagħhom iqajmu, fir-rigward tal-għarfien disponibbli waqt l-evalwazzjoni preċedenti, tħassib rigward il-kwistjoni jekk għadhomx sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009, mingħajr ma huwa neċessarju, f’dan l-istadju, li jiġi vverifikat jekk dan it-tħassib huwiex realment fondat, liema verifika hija riżervata għar-reviżjoni nnifisha.

Fil-fatt, sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat jekk għadhomx sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009, b’mod partikolari fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni mfittex minn dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha tniedi reviżjoni anki jekk il-livell ta’ dubju mqajjem mill-għarfien xjentifiku u tekniku ġdid huwa relattivament baxx. Madankollu, dan ma jistax jimplika li l-Kummissjoni hija totalment libera fl-evalwazzjoni tagħha. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “għarfien xjentifiku u tekniku ġdid” ma jistax jinftiehem biss b’mod temporanju, iżda għandu jinkludi wkoll komponent kwalitattiv, li huwa relatat kemm mal-aġġettiv “ġdid” kif ukoll ma dak “xjentifiku”. Minn dan jirriżulta li l-limitu minimu ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 ma jintlaħaqx jekk it-“tagħrif […] ġdid” jikkonċerna biss sempliċi ripetizzjoni ta’ għarfien preċedenti, ta’ suppożizzjonijiet ġodda mingħajr bażi soda kif ukoll kunsiderazzjonijiet politiċi mingħajr rabta max-xjenza. Fl-aħħar mill-aħħar, “tagħrif xjentifiku u tekniku ġdid” b’hekk għandu jkollu rilevanza reali għall-finijiet tal-evalwazzjoni taż-żamma tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009.

Barra minn hekk, fir-rigward tad-definizzjoni tal-livell ta’ għarfien xjentifiku u tekniku preċedenti, il-livell preċedenti tal-għarfien ma jistax ikun dak li kien hemm immedjatament qabel il-pubblikazzjoni ta’ għarfien ġdid, iżda pjuttost dak eżistenti fid-data preċedenti għall-evalwazzjoni tar-riskji tas-sustanza kkonċernata. Fil-fatt, minn naħa, din il-valutazzjoni preċedenti tikkostitwixxi limitu minimu ta’ referenza stabbli, minħabba li din tinkludi sommarju tal-għarfien disponibbli dak iż-żmien. Min-naħa l-oħra, jekk in-natura ġdida tal-għarfien tirreferi għal-livell ta’ għarfien direttament qabel il-pubblikazzjoni tiegħu, ma jkunx possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni evoluzzjoni gradwali tal-għarfien xjentifiku u tekniku, li kull stadju tagħha mhux neċessarjament iwassal minnu nnifsu għal tħassib, iżda li jista’ jagħti lok għal tħassib fl-intier tiegħu.

(ara l-punti 110-112, 114)

8.      Id-“data ta’ monitoraġġ” fis-sens tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, hija dejta miġbura wara l-applikazzjoni reali fuq il-post ta’ prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanza approvata skont dan ir-Regolament. Tali dejta, kemm jekk inġabret fil-kuntest ta’ programm ta’ sorveljanza jew barra, ma tistax tiġi pparagunata ma’ dejta ġġenerata minn studji fuq il-post f’dak li jirrigwarda l-kapaċità tagħhom biex iservu bħala bażi għal konklużjonijiet speċifiċi rigward l-eżistenza jew l-assenza ta’ relazzjonijiet ta’ kawża u effett. Fil-fatt, l-istudji fuq il-post huma studji xjentifiċi sperimentali, b’parametri ċari u li jinvolvu grupp ta’ kontroll, filwaqt li l-istudji ta’ kontroll huma studji ta’ osservazzjoni (mingħajr intervent) li l-parametri tagħhom ma humiex iddefiniti. Għalhekk, il-kwalità tad-data ġġenerata minn dawn iż-żewġ tipi ta’ studji hija differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-abbiltà tagħhom li jibbażaw konklużjonijiet dwar relazzjonijiet bejn kawżi u effetti ta’ fenomenu osservat jew dwar nuqqas ta’ kawżalità, fin-nuqqas ta’ fenomenu osservat.

Isegwi li għalkemm l-istudji ta’ sorveljanza jistgħu jiżvelaw ħjiel tal-eżistenza ta’ riskju, dawn ma jistgħux, kuntrarjament għall-istudji fuq il-post, iservu biex jipprovaw nuqqas ta’ riskju.

(ara l-punti 128, 132, 134, 136)

9.      Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-talba ta’ Stat Membru intiża biex tiġi riveduta l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, din tibqa’ libera fl-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni jekk tali reviżjoni għandhiex issir, fid-dawl tal-għarfien xjentifiku ġdid disponibbli. Barra minn hekk, din tikkostitwixxi protezzjoni tal-produtturi ta’ sustanzi attivi approvati kontra talbiet għal reviżjoni infondati, jew saħansitra abbużivi, li jistgħu jiġu ppreżentati minn Stati Membri.

Fir-rigward tar-rwol ta’ dejta ta’ kontroll fil-kuntest tad-deċiżjoni li ssir reviżjoni, tali dejta tissemma’ fit-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu biss biex tiddeskrivi l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjoni ta’ approvazzjoni, u mhux dawk li jirregolaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda proċedura ta’ reviżjoni. Dawn tal-aħħar huma fil-fatt stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, li jipprovdi biss għat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tagħrif xjentifiku u tekniku ġdid.

(ara l-punti 137, 138)

10.    L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni ma hijiex limitata għal każijiet fejn l-eżistenza ta’ riskju tkun inċerta, iżda tista’ tintervjeni wkoll fil-każ fejn l-eżistenza ta’ riskju tkun ċerta u fejn il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk dan ir-riskju huwiex aċċettabbli jew le, jew saħansitra għandhiex tevalwa b’liema mod għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riskju.

Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-kuntest tar-Regolament Nru 1107/2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, hekk kif jirriżulta mill-Premessa 8 u mill-Artikolu 1(4) tiegħu, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, biex jiġi żgurat li sustanzi attivi jew prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ma jippreġudikawx, b’mod partikolari, lill-ambjent. Minn dan jirriżulta li kull att adottat abbażi tar-regolament imsemmi huwa ipso jure bbażat fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Din il-bażi ma tillimitax ruħha għall-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 1107/2009, dwar il-proċeduri ta’ emerġenza. Issa, il-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu japplika għall-evalwazzjoni tal-kriterji għall-approvazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li għalih jirreferi l-Artikolu 21(3) tiegħu.

(ara l-punti 153, 154, 156)

11.    Il-punt 6.3.4 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni jipprevedi li jsir eżami tal-vantaġġi u tal-oneri li jirriżultaw mill-azzjoni jew min-nuqqas ta’ azzjoni. Min-naħa l-oħra, il-format u l-ambitu ta’ dan l-eżami ma humiex speċifikati. B’mod partikolari, bl-ebda mod ma jirriżulta li l-awtorità kkonċernata hija marbuta li tibda proċedura ta’ evalwazzjoni speċifika u li tirriżulta pereżempju f’rapport formali ta’ evalwazzjoni bil-miktub. Barra minn hekk, mit-test jirriżulta li l-awtorità li tapplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni tgawdi minn marġini ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli rigward il-metodi ta’ analiżi. Fil-fatt, għalkemm l-avviż jindika li l-eżami għandu jinkludi analiżi ekonomika, l-awtorità kkonċernata għandha f’kull każ tintegra wkoll kunsiderazzjonijiet mhux ekonomiċi. Barra minn hekk, huwa espressament enfasizzat li jista’ jkun, f’ċerti ċirkustanzi, li kunsiderazzjonijiet ekonomiċi għandhom jitqiesu bħala inqas importanti minn interessi oħrajn irrikonoxxuti bħala sinifikanti; huma espressament imsemmija, pereżempju, interessi bħall-ambjent jew is-saħħa.

Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-analiżi ekonomika tal-ispejjeż u tal-benefiċċji ssir abbażi ta’ kalkolu eżatt tal-ispejjeż rispettivi tal-azzjoni maħsuba u tan-nuqqas ta’ azzjoni. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, tali kalkoli eżatti jkunu impossibbli li jsiru, peress li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, ir-riżultati tagħhom jiddependu fuq diversi varjanti li mid-definizzjoni tagħhom ma humiex magħrufa. Fil-fatt, kieku l-konsegwenzi kollha tan-nuqqas ta’ azzjoni kif ukoll tal-azzjoni kienu magħrufa, ma jkunx meħtieġ li wieħed jirrikorri għall-prinċipju ta’ prekawzjoni, iżda jkun possibbli li jittieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ ċertezzi. Bħala konklużjoni, ir-rekwiżiti tal-Avviż dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni jkunu sodisfatti meta l-awtorità kkonċernata tkun effettivament saret taf bl-effetti, pożittivi u negattivi, ekonomiċi u oħrajn, li jistgħu jiġu kkawżati mill-azzjoni proposta kif ukoll min-nuqqas li tittieħed azzjoni, u li tkun effettivament ħadithom inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarju li dawn l-effetti jiġu kkwantifikati b’mod preċiż, jekk dan ma jkunx possibbli jew ikun jinvolvi sforzi sproporzjonati.

(ara l-punti 162, 163)

12.    Huwa ċertament minnu li ġie rikonoxxut, abbażi tal-Artikolu 11 TFUE u tal-Artikolu 114(3) TFUE, li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1107/2009, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, il-protezzjoni tal-ambjent għandha importanza predominanti meta mqabbla mal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, b’mod li din hija tali li tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi, formula barra minn hekk imtennija mill-punt 6.3.4 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

Madankollu, wieħed ma jistax jara fl-affermazzjoni ġenerali ta’ tali prinċipju l-eżerċizzju bikri ta’ setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur, ta’ natura li teżenta lill-Kummissjoni milli twettaq analiżi tal-benefiċċji u tal-oneri ta’ miżura konkreta. Fil-fatt, evalwazzjoni tal-impatt tikkonċerna lil miżura konkreta ta’ ġestjoni tar-riskju; b’hekk, tali analiżi tista’ ssir biss fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti speċifiċi prevalenti fil-każ partikolari u mhux b’mod ġenerali u minn qabel, għal kull każ ta’ applikazzjoni ta’ regola. Għalhekk, meta ma jkun hemm l-ebda prova dokumentarja ta’ din l-analiżi, ma jkunx biżżejjed li l-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Kummissjoni kien jaf b’evalwazzjoni tal-impatt oħra għall-finijiet ta’ deċiżjoni preċedenti. Madankollu, l-assenza tal-evalwazzjoni tal-impatt tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

Barra minn hekk, l-obbligu, ifformulat fil-punt 6.3.4 tal-Komunikazzjoni dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li ssir evalwazzjoni tal-impatt tikkostitwixxi biss, in fine, espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk, ma jistax jiġi validament sostnut li l-Kummissjoni hija eżenti milli, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1107/2009, tosserva dan il-prinċipju, għall-inqas għal dak li jirrigwarda l-lat ekonomiku tiegħu. Għaldaqstant, f’qasam fejn il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-affermazzjoni li din hija intitolata tieħu azzjoni mingħajr il-ħtieġa li tevalwa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Effettivament, il-fatt li tirrikonoxxi setgħa diskrezzjonali lill-amministrazzjoni għandu bħala konsegwenza neċessarja u indispensabbli obbligu li teżerċita din is-setgħa u li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha rilevanti għal dan il-għan. Dan japplika iktar u iktar fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, fejn l-amministrazzjoni tieħu miżuri li jirrestrinġu d-drittijiet tal-amministrati, mhux abbażi ta’ ċertezza xjentifika, iżda abbażi ta’ inċertezza: għalkemm l-amministrat għandu jġarrab il-fatt li attività ekonomika tista’ tiġi pprojbita lilu, filwaqt li lanqas ma jkun ċert li dan jinkludi riskju inaċċettabbli, għandu għall-inqas ikun meħtieġ mill-amministrazzjoni li din tkejjel bis-sħiħ, kemm jista’ jkun, il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħha, imqabbla mal-konsegwenzi possibbli tan-nuqqas ta’ azzjoni tagħha fuq id-diversi interessi involuti.

(ara l-punti 168-170, 173)