Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Latvja) fil-21 ta’ Mejju 2021 – SIA “STOCKHOLM SCHOOL OF ECONOMICS IN RIGA” vs Latvijas Zinātnes padome

(Kawża C-318/21)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Administratīvā apgabaltiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SIA “STOCKHOLM SCHOOL OF ECONOMICS IN RIGA”

Konvenut: Latvijas Zinātnes padome

Domandi preliminari

Il-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li entità (bħal università jew istitut ta’ riċerka, aġenzija ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji, intermedjarji fl-innovazzjoni jew entitajiet ta’ kollaborazzjoni fiżiċi jew virtwali bbażati fuq ir-riċerka) li wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li teżerċita, b’mod indipendenti, attivitajiet ta’ riċerka fundamentali, ta’ riċerka industrijali jew ta’ żvilupp sperimentali, jew li xxerred b’mod wiesa’ r-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet permezz ta’ tagħlim, il-pubblikazzjoni jew it-trasferiment ta’ għarfien, iżda li l-parti l-kbira tal-finanzjament proprju tagħha huwa magħmul minn dħul li joriġina minn attivitajiet ekonomiċi, tista’ tiġi kkunsidrata bħala organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien?

Huwa ġġustifikat li jiġi applikat ir-rekwiżit ta’ proporzjon ta’ finanzjament (dħul u spejjeż) li joriġinaw minn attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-entità tosservax l-obbligu previst fil-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat, skont liema l-għan prinċipali tal-attivitajiet tal-entità huwa li jiġu eżerċitati, b’mod indipendenti, attivitajiet ta’ riċerka fundamentali, ta’ riċerka industrijali jew ta’ żvilupp industrijali jew ta’ żvilupp sperimentali, jew it-tixrid b’mod wiesa’ tar-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet permezz tat-tagħlim, tal-pubblikazzjoni jew tat-trasferiment ta’ għarfien?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, liema għandu jkun il-perċentwali ta’ finanzjament maqsum bejn l-attivitajiet ekonomiċi u l-attivitajiet mhux ekonomiċi sabiex jiġi stabbilit jekk l-għan tal-entità huwiex li jiġu eżerċitati, b’mod indipendenti, attivitajiet ta’ riċerka fundamentali, ta’ riċerka industrijali jew ta’ żvilupp industrijali jew ta’ żvilupp sperimentali, jew it-tixrid b’mod wiesa’ tar-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet permezz tat-tagħlim, tal-pubblikazzjoni jew tat-trasferiment ta’ għarfien?

Ir-regola li tinsab fil-punt 83 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat, skont liema l-impriżi li jistgħu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-entità li tipproponi l-proġett, pereżempju, fil-kapaċità tagħhom bħala azzjonisti jew membri ta’ din, jistgħu ma jibbenefikawx minn aċċess privileġġjat għar-riżultati li tipproduċi, għandha tinftiehem fis-sens li l-membri jew l-azzjonisti tal-imsemmija entità jistgħu jkunu jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi bi skop ta’ lukru (inkluż il-provvista ta’ servizzi edukattivi bi ħlas), jew persuni kkostitwiti mingħajr skop ta’ lukru (bħal assoċjazzjoni jew fondazzjoni)?

____________

1     ĠU 2014, L 187, p. 1.