Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Prahova (ir-Rumanija) fis-16 ta’ Awwissu 2023 – Weatherford Atlas Gip SA vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală - Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor, Agenţia Naţională de Administrare Fiscală - Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili

(Kawża C-527/23, Weatherford Atlas Gip)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Prahova

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Weatherford Atlas Gip SA

Konvenuti: Agenţia Naţională de Administrare Fiscală - Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor, Agenţia Naţională de Administrare Fiscală - Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili

Domandi preliminari

L-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , ikkunsidrat fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li l-awtorità fiskali tiċħad id-dritt lil persuna taxxabbli li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa fir-rigward ta’ servizzi amministrattivi akkwistati, f’sitwazzjoni fejn jiġi stabbilit li l-ispejjeż kollha rreġistrati għas-servizzi akkwistati kienu inklużi fl-ispejjeż ġenerali tal-persuna taxxabbli, li twettaq biss tranżazzjonijiet taxxabbli, fejn il-provvista tas-servizzi tkun ikkonfermata espressament mill-awtorità fiskali, u fejn it-trattament fiskali applikat ikun dak tal-mekkaniżmu tar-reverse charge (li jeskludi ħsara lill-baġit tal-Istat)?

Fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, is-servizzi ta’ ġestjoni u ta’ amministrazzjoni (jiġifieri s-servizzi ta’ assistenza u ta’ konsulenza f’diversi oqsma, ta’ konsulenza finanzjarja u legali) ipprovduti bejn kumpanniji fl-istess grupp għall-benefiċċju ta’ diversi membri tiegħu, jistgħu jitqiesu minn kull membru individwali bħala li qed jintużaw parzjalment għall-iskop ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli, jiġifieri bħala li huma akkwistati rispettivament għall-bżonnijiet tagħhom stess?

Fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/112, f’sitwazzjoni fejn ikun stabbilit li s-servizzi fl-istess grupp ma jiġux ipprovduti għall-benefiċċju ta’ wieħed mill-membri tal-grupp, tista’ titqies bħala persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali kumpanija li tkun parti mill-grupp iżda li tkun ikkunsidrata bħala li ma bbenefikatx minn dawn is-servizzi?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.