Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta' Gunju 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-College van Beroep voor het bedrijfsleven - L-Olanda) - T-Mobile Netherlands BV, KPN Mobile NV, Orange Nederland NV, Vodafone Libertel NV vs Raad van bestuur van de Nederlandse Mededingingsautoriteit

(Kawża C-8/08)1

(Talba għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 81 (1) KE - Kunċett ta' 'prattika miftiehma' - Rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir tal-impriżi fis-suq - Evalwazzjoni skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali - Natura suffiċjenti ta' laqgħa waħda jew bżonn ta' ftehim fit-tul u regolari)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Qorti tar-rinviju

College van Beroep voor het bedrijfsleven

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: T-Mobile Netherlands BV, KPN Mobile NV, Orange Nederland NV, Vodafone Libertel NV

Konvenuta: Raad van bestuur van de Nederlandse Mededingingsautoriteit

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - College van Beroep voor het bedrijfsleven - Interpretazzjoni tal-Artikolu 81 KE - Kunċett ta' prattika miftehma - Ħtieġa ta' rabta kawżali bejn il-prattika miftehma u l-aġir ta' impriżi fis-suq - Evalwazzjoni jew le skont ir-regoli tal-liġi nazzjonali - Natura suffiċjenti ta' prattika miftehma jew bżonn ta' prattika miftehma fit-tul u regolari.

Dispożittiv

Prattika miftiehma għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, meta, skont il-kontenut u l-iskopijiet tagħha u fid-dawl tal-kuntest legali u ekonomiku tagħha, tista', b'mod konkret, tirriżulta fil-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. F'dan ir-rigward, mhuwiex neċessarju li l-kompetizzjoni tkun verament ipprevenuta, ristretta jew mgħawġa u lanqas li jkun hemm rabta diretta bejn il-prattika miftiehma u l-prezzijiet bl-imnut. Skambju ta' informazzjoni bejn il-kompetituri jkollu għan antikompetittiv jekk l-iskambju jkun jista' jneħħi l-inċertezzi eżistenti dwar l-aġir ippjanat fis-suq mill-impriżi kkonċernati.

Fil-kuntest tal-analiżi tar-rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir fis-suq li fih l-impriżi jipparteċipaw, rabta li hija meħtieġa sabiex tiġi stabbilita prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, il-qorti nazzjonali għandha, fid-dawl tal-preżunzjoni konfutabbli li teżiġi li huma l-impriżi kkonċernati li għandhom jipprovaw il-kuntrarju, tapplika l-preżunzjoni ta' rabta kawżali skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li meta l-imsemmija impriżi jibqgħu attivi fis-suq huma jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom.

Kemm-il darba l-impriża li tkun ipparteċipat fil-prattika miftiehma tkun għadha attiva fis-suq inkwistjoni, il-preżunzjoni tar-rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir ta' dik l-impriża fis-suq hija applikabbli anki jekk il-prattika miftiehma tkun ibbażata biss fuq laqgħa waħda bejn l-impriżi kkonċernati.

____________

1 - ĠU C 92, 12.04.2008