Language of document : ECLI:EU:T:2024:336

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

29 ta’ Mejju 2024 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Proċedura dixxiplinari – Sanzjoni dixxiplinari – Twissija – Atti li jmorru kontra d-dinjità tal-funzjoni – Artikoli 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal – Kompetenza tal-awtur tal-att – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Imparzjalità – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

Fil-Kawża T‑766/22,

Maria Canel Ferreiro, residenti f’Overijse (il-Belġju), irrappreżentata minn N. Maes, avukata,

rikorrenti,

vs

IlKunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u I. Demoulin, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn O. Porchia, Presidenta, M. Jaeger, L. Madise (Relatur), P. Nihoul u S. Verschuur, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat l-assenza ta’ talba għal seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, Maria Canel Ferreiro, titlob l-annullament, l-ewwel nett, tal-“investigazzjoni amministrattiva EN-2101” (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni amministrattiva”) u tar-rapport tal-imsemmija investigazzjoni amministrattiva tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat‑28 ta’ Mejju 2021 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ investigazzjoni”), it-tieni nett, tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal‑5 ta’ Novembru 2021 li timponilha s-sanzjoni dixxiplinari ta’ twissija (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”) u, it-tielet nett, tad-deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2022 li tiċħad l-ilment tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti ġiet irreklutata bħala uffiċjal mal-Kummissjoni Ewropea fl‑2006. Fl‑1 ta’ Settembru 2013, hija ġiet ittrasferita lill-Kunsill, fejn ġiet assenjata fir-Reġistru tas-Servizz Legali.

3        Mill‑1 ta’ April 2019 sal‑15 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrenti okkupat pożizzjoni ta’ assistenta bħala aġent verifikatur fi ħdan l-unità “Baġit u Finanzi” tas-servizz mediku-soċjali tal-Kunsill.

4        Fid‑19 ta’ Frar 2021, A, is-superjura ġerarkika tar-rikorrenti, bagħtet lil C, Direttur Ġenerali tal-Iżvilupp Organizzattiv u d-Dipartimenti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, abbozz ta’ nota maniġerjali li jenfasizza, b’mod partikolari, id-diffikultajiet ta’ komunikazzjoni tar-rikorrenti u t-tensjonijiet li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ta’ xogħol tagħha mal-kollegi u mas-superjuri tagħha. Fl-istess jum, l-abbozz ta’ nota ġie trażmess lir-rikorrenti għall-osservazzjonijiet.

5        Fit‑23 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti bagħtet ittra elettronika lil A fejn ikkontestat l-eżattezza tar-rimarki tagħha li jinsabu fl-abbozz ta’ nota maniġerjali, fejn qieset li dan kien jikkostitwixxi prova tal-fastidju li hija kienet vittma tiegħu min-naħa ta’ A. C u B, id-Direttriċi tal-Unità “Riżorsi Umani” tad-DĠ “Żvilupp organizzattiv u servizzi”, ġew ikkopjati bl-imsemmija ittra elettronika.

6        Fit‑3 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti bagħtet lil A l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ nota maniġerjali.

7        Fit‑13 ta’ Marzu 2021, wara li A stiednet lir-rikorrenti tirtira l-akkużi ta’ fastidju li jinsabu fl-ittra elettronika tat‑23 ta’ Frar 2021, din tal-aħħar bagħtitilha ittra elettronika ġdida, li fiha kkontestat il-veraċità tal-kummenti li hija kienet għamlet fin-nota maniġerjali tagħha kif ukoll il-kapaċitajiet maniġerjali tagħha.

8        Fit‑23 ta’ Marzu 2021, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”), C ta mandat lill-unità “Konsulenti legali tal-amministrazzjoni” sabiex tmexxi investigazzjoni amministrattiva fir-rigward tar-rikorrenti, intiża sabiex jiġi stabbilit jekk:

–        fl-organizzazzjoni tal-leave annwali tagħha fl‑2020, hija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikoli 12 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), kif ukoll milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Deċiżjoni Nru 1/2014 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal‑1 ta’ Jannar 2014 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal fil-qasam tal-leave relatat mal-uffiċjali fis-servizz fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

–        fil-kondotta tagħha fil-konfront ta’ A, permezz ta’ komunikazzjonijiet b’ittra elettronika fl‑2021, hija kienet kisret l-obbligi tagħha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 12 tagħhom.

9        Fl‑24 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti ġiet informata bil-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva.

10      Fit‑8 ta’ April 2021, ir-rikorrenti nstemgħet mill-investigaturi.

11      Fis‑26 ta’ April 2021, l-investigaturi bagħtu lir-rikorrenti żewġ mistoqsijiet bil-miktub, fejn stednuha tikkummenta dwar żewġ sentenzi meħuda, rispettivament, mill-ittra elettronika tagħha tat‑23 ta’ Frar 2021 u mill-ittra elettronika tagħha tat‑13 ta’ Marzu 2021, li t-tnejn li huma kienu indirizzati lil A, li kienet tinkludi akkużi ta’ fastidju. Permezz ta’ ittra elettronika tal-istess jum, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija kienet diġà ppreżentat il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward u ma żiedet xejn mal-ispjegazzjonijiet preċedenti tagħha.

12      Wara li ġabru l-osservazzjonijiet tax-xhieda, fil‑5 ta’ Mejju 2021, l-investigaturi bagħtu lir-rikorrenti l-parti “Fatti u ċirkustanzi” tal-abbozz tar-rapport ta’ investigazzjoni. Peress li ma rċevewx osservazzjonijiet mir-rikorrenti fit-terminu previst, permezz ta’ nota tal‑25 ta’ Mejju 2021, l-investigaturi informawha li r-rapport finali kien ser jintbagħat lill-Awtorità tal-Ħatra għal deċiżjoni.

13      Permezz ta’ nota interna tat‑28 ta’ Mejju 2021, l-investigaturi bagħtu lil C ir-rapport ta’ investigazzjoni, fejn ikkonkludew, minn naħa, li r-rikorrenti ma kienet kisret ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal fl-organizzazzjoni tal-leave annwali tagħha fl‑2020 u, min-naħa l-oħra, li, “fid-dawl tal-atti inkwistjoni, u b’mod partikolari tal-komunikazzjonijiet [tar-rikorrenti] lil [A] permezz ta’ ittra elettronika fl‑2021, [ir-rikorrenti] [kienet] kisret — tal-inqas — l-Artikoli 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal”.

14      Fl‑10 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrenti ġiet informata bil-possibbiltà li tikkonsulta l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni amministrattiva inklużi fir-rapport ta’ investigazzjoni u fl-annessi tiegħu mas-segretarjat ta’ C. Ir-rikorrenti kkonsultat dawn id-dokumenti u saret taf bl-annessi kollha tal-fajl fl‑21 ta’ Ġunju 2021.

15      Fid‑19 ta’ Ottubru 2021, l-Awtorità tal-Ħatra fetħet proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrenti, mingħajr ma kkonsultat lill-Bord Dixxiplinari.

16      Fil‑25 ta’ Novembru 2021, l-Awtorità tal-Ħatra adottat id-Deċiżjoni kkontestata, li kienet ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit‑8 ta’ Frar 2022.

17      Fit‑2 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrent ressqet ilment, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-Deċiżjoni kkontestata.

18      Fl‑1 ta’ Settembru 2022, l-Awtorità tal-Ħatra adottat id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

 Ittalbiet talpartijiet

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla d-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment;

–        tannulla l-investigazzjoni amministrattiva u r-rapport ta’ investigazzjoni;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

20      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà tattielet kap tattalbiet, dirett kontra linvestigazzjoni amministrattiva u rrapport ta’ investigazzjoni

21      Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talbiet għal annullament sa fejn dawn huma diretti kontra l-investigazzjoni amministrattiva u r-rapport ta’ investigazzjoni.

22      Għandu jitfakkar li huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tagħha. Meta jkunu inkwistjoni atti jew deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fit-tmiem ta’ proċedura interna, bħala prinċipju jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-amministrazzjoni fit-tmiem ta’ din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali. L-atti preparatorji ta’ deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju u jkun biss meta jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni meħuda fit-tmiem tal-proċedura li r-rikorrenti tista’ ssostni l-irregolarità tal-atti preċedenti li jkunu marbuta strettament magħha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2022, LU vs BEI, T‑536/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:40, punti 37 sa 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, l-investigazzjoni amministrattiva kellha l-għan li tivverifika l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tal-uffiċjali skont ir-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rapport li jagħlaq l-investigazzjoni fih biss, f’dan ir-rigward, rakkomandazzjoni indirizzata lill-Awtorità tal-Ħatra, dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mill-investigazzjoni. Għaldaqstant, kemm l-investigazzjoni amministrattiva kif ukoll ir-rapport ta’ investigazzjoni jikkostitwixxu miżuri intermedjarji li ma jippreġudikawx il-pożizzjoni finali adottata mill-Awtorità tal-Ħatra, kif jirriżulta barra minn hekk mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 73/2006 dwar it-tmexxija u l-proċedura ta’ investigazzjonijiet amministrattivi u l-Bord Dixxiplinari fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, adottata b’applikazzjoni tas-sistema dixxiplinari prevista fl-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tar-regoli u tal-proċeduri stabbiliti fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, la l-investigazzjoni amministrattiva u lanqas ir-rapport ta’ investigazzjoni ma jistgħu jitqiesu li huma atti li jikkawżaw preġudizzju lir-rikorrenti.

24      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet kap tat-talbiet, dirett kontra l-investigazzjoni amministrattiva u r-rapport ta’ investigazzjoni, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq lewwel u ttieni kap tattalbiet, intiżi għallannullament tadDeċiżjoni kkontestata u taddeċiżjoni li tiċħad lilment

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

25      Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

26      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, li jinqasam f’żewġ partijiet, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-investigaturi marru lil hinn mill-mandat mogħti lilhom mill-Awtorità tal-Ħatra u, min-naħa l-oħra, li huma naqsu minn oġġettività u minn imparzjalità fir-rigward tagħha.

27      It-tieni motiv huwa bbażat fuq illegalitajiet li jivvizzjaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

28      Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

29      Ir-rikorrenti tqajjem ukoll ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ prova ta’ ksur tal-Artikoli 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tar-raba’ motiv jistgħu essenzjalment jinġabru f’erba’ partijiet. Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li:

–        l-ewwel nett, id-Deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda motivazzjoni dwar il-fatti li jikkostitwixxu l-ksur tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        it-tieni nett, fi kwalunkwe każ, il-ksur tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal ma ġiex stabbilit;

–        it-tielet nett, id-Deċiżjoni kkontestata ma tinkludix motivazzjoni li tindika l-“komunikazzjoni dispreġattiva” li tmur kontra l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        ir-raba’ nett, fi kwalunkwe każ, il-ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal ma ġiex stabbilit.

30      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li t-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti jirrigwarda speċifikament illegalitajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ lment, bħan-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment sabiex jadotta tali deċiżjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità sa fejn id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ġiet adottata mill-awtur tad-Deċiżjoni kkontestata.

31      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rikorrenti għandha tkun f’pożizzjoni li tissuġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni Ewropea l-legalità tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha meta hija tinvoka motiv li jirrigwarda speċifikament il-proċedura ta’ lment. Fil-fatt, li kieku r-rikorrenti kienet, f’tali ipoteżi, ammissibbli biss li tikkontesta d-deċiżjoni inizjali, kull possibbiltà ta’ kontestazzjoni relatata mal-proċedura prekontenzjuża tkun eskluża, u b’hekk titlef il-benefiċċju ta’ proċedura li għandha l-għan li tippermetti u tiffavorixxi ftehim bonarju tat-tilwima li tkun qamet bejn il-membru tal-persunal u l-amministrazzjoni u li timponi fuq l-awtorità li minnha jiddependi dan il-membru tal-persunal li teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu, fl-osservanza tar-regoli, fid-dawl tal-oġġezzjonijiet eventwali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑88/13 P, EU:T:2015:393, punti 143 sa 146).

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, it-tieni motiv, qabel ma tingħata deċiżjoni dwar il-motivi diretti kontra d-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, meta dan il-motiv jirriżulta fondat u l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, tkun l-amministrazzjoni li għandha teżamina mill-ġdid l-ilment billi tiżgura r-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża. F’tali każ, it-talbiet imressqa kontra d-Deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, għaliex prematuri, peress li din id-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti biss jekk hija kienet is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid minn qabel fil-kuntest ta’ proċedura prekontenzjuża regolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, CW vs Il‑Parlament, T‑742/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:338, punti 59 sa 61).

33      L-ewwel, it-tielet u r-raba’ motiv huma diretti kemm kontra d-Deċiżjoni kkontestata kif ukoll kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. Fil-kuntest tal-eżami tat-talbiet għal annullament sa fejn dawn huma bbażati fuq dawn il-motivi, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li rikors, anki jekk formalment dirett kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jressaq quddiem il-qorti l-att li jikkawża preġudizzju li kontrih ikun tressaq l-ilment, ħlief fil-każ fejn iċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontrih ikun sar dan l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, WH vs EUIPO, T‑138/19, EU:T:2020:316, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Iċ-ċaħda tal-ilment tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma tkunx ta’ natura purament konfermattiva tal-att ikkontestat mir-rikorrenti, b’mod partikolari meta l-amministrazzjoni twettaq eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tagħha abbażi ta’ punti ta’ liġi jew ta’ fatt ġodda, jew meta temenda jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn il-każi, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li tieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew tqiesu att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi lil dan tal-aħħar (ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Colombani vs SEAE, T‑372/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:734, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑8 ta’ Lulju 2020, WH vs EUIPO, T‑138/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:316, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkonferma fil-mertu d-Deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tbiddel is-sens jew il-portata tagħha, u mingħajr ma twettaq eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fid-dawl ta’ punti ta’ liġi jew ta’ fatt ġodda.

35      Għaldaqstant, il-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2022, MZ vs Il‑Kummissjoni, T‑631/20, EU:T:2022:426, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq lillegalitajiet li jivvizzjaw ladozzjoni taddeċiżjoni li tiċħad lilment

36      It-tieni motiv jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

–       Fuq lewwel parti tattieni motiv, ibbażata fuq innuqqas ta’ kompetenza talawtur taddeċiżjoni li tiċħad lilment

37      Ir-rikorrenti ssostni li C, Direttur Ġenerali tal-iżvilupp organizzattiv u servizzi tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, ma kienx kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha. F’dan ir-rigward, hija ssostni, minn naħa, li mill-Artikolu 1(f) tad-Deċiżjoni Nru 16/2017 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill li tiddelega s-setgħat ta’ deċiżjoni u ta’ firma fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jirriżulta li d-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kienu esklużi mid-delega tas-setgħat ta’ deċiżjoni mogħtija lid-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni, minn issa ’il quddiem imsejjaħ Direttur Ġenerali tal-Iżvilupp Organizzattiv u Servizzi tal-Kunsill, mis-Segretarju Ġenerali.

38      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li ma ntweriex li, fid-data tal-preżentata tal-ilment tagħha, jiġifieri fit‑2 ta’ Mejju 2022, id-Deċiżjoni Nru 23/22 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 16/2017, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fil-każ ta’ pożizzjoni vakanti tal-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali, li tiddelega lid-Direttur Ġenerali tal-Iżvilupp Organizzattiv u tas-Servizzi tal-Kunsill il-kompetenza li jadotta, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li kienu fis-seħħ.

39      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

40      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kull istituzzjoni tiddetermina l-awtoritajiet li jeżerċitaw fi ħdanha s-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra.

41      B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2017/262 tas‑6 ta’ Frar 2017 li tiddetermina, għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, l-Awtorità tal-Ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/811/UE (ĠU 2017, L 39, p. 4). Mill-Artikolu 1(c) tad-Deċiżjoni Nru 2017/262 jirriżulta li s-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra huma eżerċitati mis-Segretarju Ġenerali li, skont l-Artikolu 1(2) tal-istess deċiżjoni, huwa awtorizzat jiddelegahom, totalment jew parzjalment, lid-direttur tal-iżvilupp organizzattiv u tas-servizzi.

42      Għalhekk, permezz tad-Deċiżjoni Nru 16/2017, is-Segretarju Ġenerali ddelega s-setgħat ta’ deċiżjoni mogħtija lilu bid-Deċiżjoni Nru 2017/262 lid-Direttur tal-Iżvilupp Organizzattiv u Servizzi, ħlief, b’mod partikolari, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (Artikolu 1(f) tad-Deċiżjoni Nru 16/2017).

43      Madankollu, fid-dawl tat-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, D, adotta d-Deċiżjoni Nru 23/22, li emendat id-Deċiżjoni Nru 16/2017 billi żied l-Artikolu 1a, li jipprevedi dan li ġej: “[F] il-każ ta’ pożizzjoni vakanti ta’ Segretarju Ġenerali, sakemm is-Segretarju Ġenerali jinħatar b’mod konformi mal-Artikolu 240(2) [TFUE] wara pożizzjoni vakanti, is-setgħat kollha mogħtija lis-Segretarju Ġenerali bid-Deċiżjoni [Nru] 2017/262 għandhom jiġu ddelegati lid-Direttur Ġenerali tal-Iżvilupp Organizzattiv u d-Dipartimenti, bl-eċċezzjoni tas-setgħat previsti fl-Artikolu 1(1)(g)”. Għandu jiġi ppreċiżat li s-setgħat previsti fl-imsemmi Artikolu 1(1)(g) tad-Deċiżjoni Nru 16/2017, esklużi mill-kamp tas-setgħat iddelegati lid-Direttur Ġenerali tal-iżvilupp organizzattiv u servizzi, kienu jikkonċernaw it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-“assenjazzjonijiet mill-ġdid u [it-] trasferimenti fl-interess tas-servizz imsemmija fl-Artikolu 2 fi ħdan id-direttorati ġenerali li ma humiex id-Direttorat Ġenerali tal-Amministrazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

44      Għalhekk, id-Deċiżjoni Nru 23/22 emendat il-portata tas-setgħat ta’ deċiżjoni ddelegati mis-Segretarju Ġenerali lid-Direttur tal-iżvilupp organizzattiv u servizzi, billi ddelegatlu, f’sitwazzjoni eċċezzjonali ta’ pożizzjoni vakanti tal-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali, kważi s-setgħat kollha ta’ dan tal-aħħar, inkluża l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

45      Skont l-Artikolu 2 tagħha, id-Deċiżjoni Nru 23/22 kellha tidħol fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tagħha.

46      Ir-rikorrenti ssostni li d-data tal-iffirmar tad-Deċiżjoni Nru 23/22, li tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ tagħha skont l-Artikolu 2 tagħha, ma ġietx ipprovata. Hija tqis li lanqas ma huwa stabbilit li l-kundizzjoni tal-applikazzjoni tagħha, jiġifieri l-pożizzjoni vakanti tas-segretarju ġenerali, kienet issodisfatta.

47      Fir-rigward tad-data tal-iffirmar tad-Deċiżjoni Nru 23/22, għandu jiġi osservat li, fil-kontroreplika, il-Kunsill ippreżenta verżjoni ffirmata tad-Deċiżjoni Nru 23/22, flimkien mal-pjan direzzjonali li juri li l-imsemmija deċiżjoni kienet ġiet effettivament iffirmata mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fid‑29 ta’ April 2022.

48      Fir-rigward tal-pożizzjoni vakanti tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, mit-tieni punt tan-nota lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tal‑5 ta’ April 2022 jirriżulta li r-riżenja tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, D, daħlet fis-seħħ fit‑30 ta’ April 2022. Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Kunsill beda l-funzjonijiet tiegħu biss fl‑1 ta’ Novembru 2022.

49      Għandu jitfakkar li r-rikorrenti ressqet l-ilment tagħha fit‑2 ta’ Mejju 2022 u li l-Awtorità tal-Ħatra ċaħditu fl‑1 ta’ Settembru 2022.

50      Minn dan isegwi li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, id-Deċiżjoni Nru 23/22 kienet fis-seħħ u, konsegwentement, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment kienet taqa’ taħt il-kompetenza ta’ C fil-kwalità tiegħu ta’ Direttur Ġenerali tal-iżvilupp organizzattiv u tas-servizzi.

51      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq ittieni parti tattieni motiv, ibbażata fuq ilksur talArtikolu 41(1) talKarta

52      Ir-rikorrenti ssostni li, anki fil-każ li C kien kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment skont is-subdelega formali, dan tal-aħħar kellu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ imparzjalità li jirriżultaw mill-Artikolu 41(1) tal-Karta, b’mod partikolari billi jissottodelega l-eżami tal-ilment tagħha lil Direttur Ġenerali ieħor. Il-fatt li C ma astjeniex milli jiddeċiedi dwar l-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni dixxiplinari tiegħu stess ċaħħad lir-rikorrenti mid-dritt tagħha għal kunsiderazzjoni mill-ġdid imparzjali tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha, iggarantit mill-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

53      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

54      Għandu jitfakkar li d-dritt li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iggarantit mill-Artikolu 41(1) tal-Karta, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jimplika, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2022, JS vs CRU, T‑270/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:651, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Issa, l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li kull persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra kontra att li jikkawżalha preġudizzju, kemm jekk l-imsemmija awtorità tkun ħadet deċiżjoni, kemm jekk tkun naqset milli tadotta miżura imposta mir-Regolamenti tal-Persunal.

56      Minn naħa, bħalma għamel il-Kunsill, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal bl-ebda mod ma jimponi li awtorità differenti mill-Awtorità tal-Ħatra li tkun adottat l-att li jikkawża preġudizzju tkun taf bl-ilment imressaq kontra dan l-att. Kuntrarjament, minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda sitwazzjoni li fiha l-istess awtorità tieħu deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lill-uffiċjal, u sussegwentement tiddeċiedi dwar l-ilment imressaq fil-konfront tiegħu.

57      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-natura stess tal-proċedura ta’ lment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li din ma kinitx tikkostitwixxi proċedura ta’ appell, iżda kellha l-għan li tobbliga lill-awtorità li minnha kien jiddependi l-uffiċjal tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha fid-dawl tal-oġġezzjonijiet eventwali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 1980, Vecchioli vs Il‑Kummissjoni, 101/79, EU:C:1980:243, punt 31). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat li l-awtur tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lir-rikorrenti seta’ jipparteċipa fid-deliberazzjoni tal-korp kolleġġjali li jiddeċiedi dwar l-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, fil-konklużjonijiet tiegħu mogħtija fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 1980, Vecchioli vs Il‑Kummissjoni (101/79, EU:C:1980:243), l-Avukat Ġenerali Warner kien enfasizza li l-ilment ma kellux in-natura ta’ appell indirizzat lil awtorità ogħla mill-awtorità li minnha ħareġ l-att ikkontestat. Skont l-Avukat Ġenerali, l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu l-għan li jippermetti lill-uffiċjali li jitolbu li deċiżjoni li tikkawżalhom preġudizzju tiġi kkunsidrata mill-ġdid fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti minnhom. Dejjem skont l-Avukat Ġenerali, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li, wara d-determinazzjoni tal-awtorità kompetenti, magħmula skont l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-awtorità li għandha teżamina mill-ġdid il-kwistjoni tkun jew le l-istess bħall-awtorità li tkun ħadet id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner fil-kawża Vecchioli vs Il‑Kummissjoni, 101/79, EU:C:1980:212).

58      Barra minn hekk, fis-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, WH vs EUIPO (T‑138/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:316, punt 63), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-persuna li adottat, fil-kwalità tagħha ta’ Awtorità tal-Ħatra, deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lil uffiċjal ma hijiex obbligata tastjeni milli tipparteċipa fil-proċess deċiżjonali relatat mal-ilment ippreżentat mill-imsemmi uffiċjal kontra d-deċiżjoni inkwistjoni.

59      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, anki jekk l-eżami tal-ilment ma ġiex, f’dan il-każ, sottomess lil korp kolleġġjali, fid-dawl tan-natura tal-proċedura ta’ lment, ma jistax jiġi konkluż li hemm ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta minħabba s-sempliċi fatt li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ittieħdet, konformement mar-regoli ta’ organizzazzjoni interna tal-Kunsill, mill-istess persuna li kienet adottat id-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan l-ilment. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma allegatx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi oħra li jistgħu jqiegħdu f’dubju l-imparzjalità tal-persuna li ddeċidiet dwar l-ilment tagħha.

60      Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, it-tieni motiv kollu kemm hu, kif ukoll it-talbiet għal annullament li, abbażi ta’ dan il-motiv, huma diretti kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

 Fuq irraba’ motiv, meħud flewwel u ttielet parti tiegħu, dwar ksur talobbligu ta’ motivazzjoni

61      Fil-kuntest tar-raba’ motiv, meħud fl-ewwel u t-tielet parti tiegħu, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li, minbarra riferiment għall-konklużjonijiet li jinsabu fir-rapport ta’ investigazzjoni, id-Deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda motivazzjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal u, fit-tieni lok, li l-imsemmija deċiżjoni lanqas ma tindika l-komunikazzjoni nnegata li tista’ tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal.

62      Mingħajr ma wieġeb direttament għall-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Kunsill jirribatti li mill-punti 36 sa 38 tar-rapport ta’ investigazzjoni jirriżulta li, fl-ittri elettroniċi tat‑23 ta’ Frar u tat‑13 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti għamlet kummenti inġurjużi u aggressivi fir-rigward ta’ A. Dan l-aġir jikkostitwixxi, minn naħa, ksur tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-akkużi ta’ fastidju mingħajr bidu ta’ prova, immexxija mir-rikorrenti kontra s-superjura ġerarkika tagħha, kienu jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ aggressività kbira ta’ natura li tippreġudika l-unur u l-onorabbiltà professjonali ta’ A.

63      Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa intiż, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżalha preġudizzju u l-opportunità li tippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tal-att (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, DK vs SEAE, T‑217/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:571, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata). In-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest fattwali u legali li fih jiġi adottat l-att ikkontestat (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, DK vs SEAE, T‑217/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:571, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan il-każ, fl-ewwel premessa tad-Deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità tal-Ħatra tikkonstata li, “skont [il-] konklużjonijiet [tal-investigazzjoni amministrattiva] [ir-rikorrenti], permezz tal-atti tagħha, u b’mod partikolari permezz tal-komunikazzjonijiet tagħha lil [A] permezz ta’ posta elettronika fl‑2021, kisret, tal-inqas, l-Artikoli 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-espożizzjoni tal-fatti kkonstatati mill-Awtorità tal-Ħatra kontra r-rikorrenti sempliċement tirriproduċi parzjalment il-punt 105 tar-rapport ta’ investigazzjoni, li jinsab fil-parti “Konklużjonijiet finali” tal-imsemmi rapport. Madankollu, dan il-punt jikkostitwixxi biss sinteżi qasira tal-kunsiderazzjonijiet tal-investigaturi li jinsabu fil-partijiet preċedenti tar-rapport ta’ investigazzjoni. Iċċitata barra mill-kuntest tagħha, is-silta msemmija iktar ’il fuq ma hijiex ta’ natura li tiżvela b’eżattezza l-fatti li huma r-responsabbiltà tar-rikorrenti.

66      Fil-fatt, minn naħa, riferiment ġenerali għall-“komunikazzjonijiet b’ittra elettronika fl-2021”, li ma huwa akkumpanjat minn ebda spjegazzjoni dwar il-kontenut ta’ dawn il-komunikazzjonijiet, ma jippermettix li jinftiehem liema dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward ta’ A tqiesu mill-Awtorità tal-Ħatra bħala li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 12 jew tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, l-użu tal-kliem “b’mod partikolari” jagħti x’jifhem li d-Deċiżjoni kkontestata tissanzjona lir-rikorrenti għal aġir differenti mill-komunikazzjonijiet elettroniċi biss lejn A fl-2021, mingħajr ma tagħti iktar dettalji f’dan ir-rigward.

67      L-Awtorità tal-Ħatra lanqas ma pprovdiet lir-rikorrenti spjegazzjonijiet dwar il-fatti allegati kontriha fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, minkejja li, fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti sostniet, minn naħa, li hija ma kinitx taf liema aġir speċifiku jista’ jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn il-kwalità tax-xogħol tagħha qatt ma ġiet ikkontestata minn A, u, min-naħa l-oħra, li l-mistoqsijiet tagħha dwar l-ittri elettroniċi li t-trażmissjoni tagħhom kisret l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal baqgħu mingħajr risposta. Minbarra l-fatt li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma tgħid xejn dwar l-argumenti tar-rikorrenti li jinsabu fl-ilment dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-ksur tal-Artikoli 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward tal-fatti imputabbli lir-rikorrenti, din id-deċiżjoni sempliċement, fil-punt 7 tagħha, tirrepeti parzjalment il-kliem tal-punt 105 tar-rapport ta’ investigazzjoni.

68      Kif jirriżulta mill-punt 23 iktar ’il fuq, ir-rapport ta’ investigazzjoni jistabbilixxi rakkomandazzjoni magħmula lill-Awtorità tal-Ħatra dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mill-investigazzjoni amministrattiva u ma jippreġudikax il-pożizzjoni finali adottata minn din tal-aħħar. Fil-fatt, l-Awtorità tal-Ħatra hija obbligata teżamina r-rapport ta’ investigazzjoni u tieħu l-miżuri li hija tqis xierqa, billi timmotiva d-deċiżjoni tagħha. Madankollu, sa fejn id-Deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-imsemmi rapport ta’ investigazzjoni, li għalih ir-rikorrenti kellha aċċess, għandu jiġi vverifikat jekk id-Deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien ma’ dan ir-rapport ta’ investigazzjoni, tinkludix motivazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-komunikazzjonijiet permezz ta’ ittra elettronika fl‑2021, fir-risposta tiegħu, il-Kunsill isostni li mill-punti 36 sa 38 tar-rapport ta’ investigazzjoni jirriżulta li l-atti imputati lir-rikorrenti kienu jikkonsistu fit-trażmissjoni tal-ittri elettroniċi tat‑23 ta’ Frar u tat‑13 ta’ Marzu 2021, li fihom hija kienet għamlet kummenti inġurjużi u aggressivi fir-rigward ta’ A billi akkużat lil din tal-aħħar b’fastidju.

70      Għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 36 tar-rapport ta’ investigazzjoni, l-investigaturi jispjegaw li “t-ton, il-kontenut, il-forma u n-natura tal-komunikazzjoni tar- [rikorrenti] ma’ [A] spiss ma kinux xierqa” u jinċitaw silta mill-posta elettronika tat‑23 ta’ Frar 2021 (mibgħuta fl‑14h 31) u silta minn dik tat‑13 ta’ Marzu 2021 (mibgħuta fil‑11h 49).

71      Barra minn hekk, fil-punti 37 u 38 tar-rapport ta’ investigazzjoni, l-investigaturi jispjegaw li huma jqisu li r-rikorrenti fformulat fil-konfront ta’ A akkużi serji ta’ fastidju u li tali akkużi, li kieku kienu abbużivi, setgħu jwasslu għal sanzjonijiet dixxiplinari, konformement mal-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 15/2015 tas-Segretarju Ġenerali dwar il-fastidju psikoloġiku u sesswali fuq il-post tax-xogħol fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

72      Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-punt 91 tar-rapport ta’ investigazzjoni jirriżulta li l-mod kif ir-rikorrenti tiġi kkomunikata mas-superjura ġerarkika tagħha fl‑2021 ġie kkunsidrat bħala “goff, vessatorju u umiljanti” kif ukoll bħala li “jmiss mal-insubordinazzjoni” u, għaldaqstant, bħala li jikkostitwixxi ksur tal-imsemmi Artikolu 12.

73      Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, minn qari flimkien tal-punti 59 u 97 tar-rapport ta’ investigazzjoni jirriżulta li, sa fejn din id-dispożizzjoni timponi fuq l-uffiċjal obbligu li jassisti u li jagħti pariri lis-superjuri tiegħu, ġie kkunsidrat bħala “inaċċettabbli li [r-rikorrenti] takkuża lil [A], b’mod ħafif, b’fastidju — mingħajr ma tipproduċi prova prima facie reali, sostnuta minn evidenza minima; u [li] [kienet] ukoll li [ir-rikorrenti] tagħmel tali akkużi oġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni, billi tipproponi li tirtirahom jekk [A] [kienet] tirtira n-nota maniġerjali tagħha”.

74      Madankollu, minkejja dawn id-diversi kummenti dwar il-komunikazzjoni mhux xierqa tar-rikorrenti matul il-kollaborazzjoni tagħha ma’ A, mir-rapport ta’ investigazzjoni ma jirriżultax b’mod ċar liema elementi, li jinsabu speċifikament fl-ittri elettroniċi tat‑23 ta’ Frar u tat‑13 ta’ Marzu 2021, kienu l-bażi tal-konklużjonijiet tal-investigaturi dwar il-ksur tal-Artikoli 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, anki jekk id-Deċiżjoni kkontestata ma ngħatatx f’kuntest kompletament mhux magħruf mir-rikorrenti, din tal-aħħar issostni ġustament li d-Deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-imsemmi rapport ta’ investigazzjoni, ma tinkludix motivazzjoni suffiċjenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq, dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi tagħha lejn A fl‑2021.

75      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 66 iktar ’il fuq, l-użu fid-Deċiżjoni kkontestata tal-kliem “b’mod partikolari” jagħti x’jifhem li din id-deċiżjoni tissanzjona wkoll lir-rikorrenti għal aġir differenti mill-komunikazzjonijiet elettroniċi biss lejn A fl‑2021, mingħajr ma tagħti iktar dettalji f’dan ir-rigward.

76      Għandu jiġi osservat li mill-punt 105 tar-rapport ta’ investigazzjoni, li jinsab fit-taqsima “Konklużjonijiet finali”, jirriżulta li, “[f] id-dawl tal-atti inkwistjoni, u b’mod partikolari tal-komunikazzjonijiet tar-[rikorrenti] fil-konfront ta’ [A] permezz ta’ ittra elettronika fl-2021, l-investigaturi jikkonkludu li [ir-rikorrenti] kisret — tal-inqas — l-Artikoli 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal”. Għalhekk, bħad-Deċiżjoni kkontestata, il-konklużjonijiet finali tar-rapport ta’ investigazzjoni jagħtu x’jifhem li l-aġir li r-rikorrenti hija akkużata bih minħabba l-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal imsemmija jkopri ħafna atti oħra minbarra l-komunikazzjonijiet tar-rikorrenti lejn A permezz ta’ ittra elettronika fl‑2021. Fl-istess ħin, il-qari tar-rapport ta’ investigazzjoni fl-intier tiegħu ma jippermettix li jinftiehem fiex jikkonsistu l-“atti inkwistjoni” minbarra l-komunikazzjonijiet permezz ta’ ittra elettronika msemmija fil-punt 105 tal-imsemmi rapport, li, skont il-konklużjonijiet finali tar-rapport ta’ investigazzjoni, huma kkritikati lir-rikorrenti minħabba l-ksur minnha tal-obbligi tagħha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal.

77      Għandu jiġi nnotat li, skont il-kliem stess tar-rapport ta’ investigazzjoni, permezz tal-mandat tagħhom l-investigaturi ġew inkarigati jwettqu investigazzjoni amministrattiva intiża sabiex jiġi stabbilit “jekk, fl-aġir tagħha fil-konfront ta’ [A], permezz ta’ komunikazzjonijiet bl-ittra elettronika fl‑2021, [ir-rikorrenti] kienet kisret l-obbligi tagħha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal” (punti 1, 8 u 75 tar-rapport ta’ investigazzjoni). F’dan ir-rigward huwa enfasizzat, fil-punt 36 ta’ dan ir-rapport ta’ investigazzjoni, li “l-mandat jikkonċerna biss il-persuna [ta’ A] u biss: (i)      fl‑2021 (mhux fl‑2020); u (ii) permezz ta’ komunikazzjonijiet bil-posta elettronika”. Fl-istess ħin, ir-rapport jirreferi diversi drabi għall-attitudnijiet u għall-azzjonijiet aggressivi tar-rikorrenti fil-konfront ta’ kollegi oħra kif ukoll għall-aġir tar-rikorrenti fir-rigward ta’ A minbarra l-posta elettronika fl‑2021.

78      Bħala eżempju, fil-punti 40 u 57 tar-rapport ta’ investigazzjoni, l-investigaturi jirreferu għall-kritiki tar-rikorrenti dwar il-ġestjoni minn A tad-diviżjoni tagħha u għall-mod kif ir-rikorrenti kkomunikat magħha personalment. Huma jsostnu, minn naħa, li l-attitudni tar-rikorrenti “iddawwar malajr ħafna d-denunzja aggressiva tal-ġestjoni li [A] għamlet mid-diviżjoni tagħha u bi ksur tad-deċiżjonijiet, istruzzjonijiet, talbiet u pariri tagħha” u, min-naħa l-oħra, li “[r-rikorrenti] żiedet b’saħħitha ħafna l-vuċi fil-konfront ta’ [A] u ma tathiex l-opportunità, diversi drabi, li turi l-fehmiet tagħha b’mod seren u qajmet”, iżda li, “[m] in-naħa l-oħra, hija ġġudikatha bħala manager li ma terġax lura fuq is-sustanza tal-problemi u li għandha t-tendenza li tinjora r-raġuni vera tan-nuqqas ta’ funzjonament li jikkaratterizzaw l-unità tagħha”.

79      Barra minn hekk, fil-punt 59 tiegħu, ir-rapport ta’ investigazzjoni jirreferi għall-marki għall‑2019 u għall‑2020 u jikkonkludi li huwa “barra mit-tolleranza li [r-rikorrenti] tirreaġixxi għall-marki għall‑2019 u 2020 b’disprezz u tagħti lilha nfisha l-liċenzja sabiex ma tibqax taħdem fuq ċerti fajls (peress li dawn [kienu] iktar adattati għal kollegi oħra) jew li tiġi rrifjutata l-kollaborazzjoni tagħha (peress li l-istruzzjonijiet ma kinux ċari)”.

80      Fl-aħħar nett, fil-punt 62 tar-rapport ta’ investigazzjoni, l-investigaturi jikkonstataw li r-rikorrenti “tagħmel ix-xogħol tal-kollegi tagħha estremament diffiċli” u li l-fajl “fih dokumentazzjoni abbundanti li turi li, mill‑2020, [ir-rikorrenti] għarfet il-kaxxi tal-posta elettronika tas-superjuri tagħha b’messaġġi (xi drabi twal) li [kienu] jikkomplikaw inutilment il-ġestjoni tal-fajls; jew messaġġi fejn tiżdied ma’ interlokuturi f’servizzi differenti”.

81      Mill-punti 59 u 60 tar-rapport ta’ investigazzjoni jirriżulta li l-investigaturi kienu jqisu, “bis-saħħa tal-mandat tagħhom”, li setgħu jevalwaw l-aġir imsemmi, b’mod partikolari, fil-punt 79 iktar ’il fuq. Ċertament, il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti differenti tar-rapport ta’ investigazzjoni dwar il-portata tal-mandat jistgħu, bħala tali, fid-dawl tal-punti 39 u 88 tal-imsemmi rapport, jiġu spjegati bħala li jesprimu t-teħid ta’ pożizzjoni li l-fatt li l-mandat kien limitat għall-komunikazzjonijiet bil-posta elettronika tar-rikorrenti ma’ A fl‑2021 ma kienx jipprekludi lill-investigaturi milli jeżaminaw azzjonijiet u komunikazzjonijiet oħra tar-rikorrenti sabiex jevalwaw b’mod korrett il-kontenut tal-posta elettronika inkwistjoni. Madankollu, il-kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-limiti tal-mandat hekk iddefiniti u, min-naħa l-oħra, il-konklużjonijiet finali tar-rapport, kif spjegati fil-punt 76 iktar ’il fuq, tħalli inċertezzi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-atti msemmija fil-konklużjonijiet finali ta’ dan ir-rapport u ssanzjonati sussegwentement mid-Deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, id-Deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li ssir b’mod ċar id-distinzjoni bejn l-aġir issanzjonat u l-fatti meħuda inkunsiderazzjoni bħala elementi tal-kuntest.

82      F’dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, ċertament, il-punt 97 tar-rapport ta’ investigazzjoni, moqri flimkien mal-punti 59 u 64 tal-imsemmi rapport, jirreferi għall-aġir tar-rikorrenti fir-rigward ta’ “oħrajn fil-katina ġerarkika” jew għall-fatt li hija “ħalliet lilha nfisha tfixkel l-iżvolġiment tal-kundizzjonijiet normali tax-xogħol” billi rrifjutat, b’mod partikolari, “l-eżekuzzjoni ta’ ċerti kompiti”, li hija kkunsidrat ir-rwol ta’ “sheriff”, jew saħansitra li hija kienet qiegħda tirreaġixxi b’“disprezz” għall-marki għall‑2019 u għall‑2020. Madankollu, dawn il-formulazzjonijiet fil-qosor u ġenerali ma jippermettux li jiġi identifikat bi preċiżjoni liema aġir seta’ jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal u għal liema raġunijiet.

83      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-istħarriġ tal-qorti dwar il-fondatezza tad-Deċiżjoni kkontestata jista’ jsir biss jekk il-fatti allegati kontra uffiċjal bħala ksur tal-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal jiġu identifikati, in-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet dwar il-fatti li bihom hija akkużata r-rikorrenti jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tistħarreġ il-fondatezza tad-Deċiżjoni kkontestata.

84      Għaldaqstant, l-ewwel u t-tielet parti tar-raba’ motiv għandhom jintlaqgħu u d-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati motivi oħra invokati mir-rikorrenti kontra l-imsemmija deċiżjoni.

 Fuq lispejjeż

85      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill essenzjalment tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal25 ta’ Novembru 2021 li timponi twissija lil Maria Canel Ferreiro tkun annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors ikun miċħud.

3)      IlKunsill jiġi ikkundannat għall-ispejjeż.

Porchia

Jaeger

Madise

Nihoul

 

      Verschuur

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑29 ta’ Mejju 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.