Language of document : ECLI:EU:T:2021:782

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

10 ta’ Novembru 2021 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta pannell għall-kostruzzjoni – Disinn preċedenti li jirrappreżenta pannell għal ħajt għat-tnaqqis tal-istorbju – Raġuni għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Settur ikkonċernat – Utent avżat – Grad ta’ libertà tad-disinjatur – Assenza ta’ impressjoni globali differenti – Rilevanza tal-prodotti realment ikkummerċjalizzati – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑193/20,

Eternit, stabbilita f’Capelle-au-Bois (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Muyldermans u P. Maeyaert, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Ivanauskas u V. Ruzek, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Eternit Österreich GmbH, stabbilita f’Vöcklabruck (l-Awstrija), irrappreżentata minn M. Prohaska-Marchried, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑5 ta’ Frar 2020 (Każ R 1661/2018‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Eternit Österreich u Eternit,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Kornezov (Relatur), President, E. Buttigieg u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: J. Pichon, amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ April 2020,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Awwissu 2020,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Awwissu 2020,

wara s-seduta tal‑21 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Eternit, hija l-proprjetarja tad-disinn Komunitarju ppreżentat fil‑15 ta’ Settembru 2014 quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), u rreġistrat bin-numru 2538140‑0001.

2        Id-disinn ikkontestat huwa rrappreżentat kif ġej:

Image not found1.1

Image not found1.2

Image not found1.3

Image not found1.4

Image not found1.5

3        Il-prodotti li għalihom huwa intiż li jiġi applikat id-disinn ikkontestat jaqgħu fil-klassi 25.01 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, tat‑8 ta’ Ottubru 1968, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Pannelli [kostruzzjoni]”.

4        Fit‑12 ta’ Diċembru 2016, l-intervenjenti, Eternit Österreich GmbH, ressqet, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat.

5        Ir-raġuni invokata insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet dik imsemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikoli 4 sa 8 tal-istess regolament.

6        L-intervenjenti sostniet b’mod partikolari, fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li d-disinn ikkontestat ma kienx ġdid fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, li ma kellux karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament u li l-karatteristiċi tad-dehra tiegħu kienu esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tagħhom fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-istess regolament.

7        Fit‑28 ta’ Ġunju 2018, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni adottat deċiżjoni li permezz tagħha, minn naħa, hija kkonkludiet li l-intervenjenti ma kinitx uriet li d-disinn ikkontestat kien suġġett għall-esklużjoni ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u, min-naħa l-oħra, hija ddikjarat l-invalidità tad-disinn ikkontestat għar-raġuni li kien nieqes minn karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 meta mqabbel ma’ disinn żvelat fl‑4 ta’ Marzu 2013, jiġifieri qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, f’fuljett intitolat Lärmschutz, għal pannelli tat-tip “ħajt għat-tnaqqis tal-istorbju”, aċċessibbli fuq is-sit internet “http://www.rieder.at”, u li ġie riprodott kif ġej: