Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Duisburg (il-Ġermanja) fit-13 ta’ Ġunju 2023 – HT vs Mercedes-Benz Group AG

(Kawża C-371/23, Mercedes-Benz Group)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Duisburg.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: HT

Konvenut: Mercedes-Benz Group AG.

Domandi preliminari

Element tad-disinn f’vettura li jħoss t-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor sabiex jaġġusta, skont ir-riżultat ta’ din l-identifikazzjoni, il-parametri tal-proċess ta’ kombustjoni fil-magna, jista’ jnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi 1 , u, għaldaqstant, jikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, meta t-tibdil tal-parametri tal-proċess ta’ kombustjoni skont ir-riżultat tal-identifikazzjoni magħmula mill-element tad-disinn, minn naħa, ċertament iżid l-emissjonijiet ta’ sustanza ta’ ħsara partikolari, pereżempju l-ossidu tan-nitroġenu, iżda, min-naħa l-oħra, inaqqas l-emissjonijiet ta’ sustanza waħda oħra jew iktar ta’ ħsara, bħall-partikolat, l-idrokarburi, il-monossidu tal-karbonju u/jew id-diossidu tal-karbonju?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: taħt liema kundizzjonijiet l-element tad-disinn jikkostitwixxi, f’tali każ, apparat ta’ manipulazzjoni?

Ċirkwit jew kontroll ta’ vettura li jimmodifika l-parametri tal-proċess ta’ kombustjoni li, minn naħa, iżid l-emissjonijiet ta’ sustanza ta’ ħsara partikolari, pereżempju l-ossidi tan-nitroġenu, iżda fl-istess ħin, min-naħa l-oħra, inaqqas l-emissjonijiet ta’ sustanza waħda oħra jew iktar ta’ ħsara, bħall-partikolat, l-idrokarburi, il-monossidu tal-karbonju, il-metan u/jew id-diossidu tal-karbonju, jista’ jiġi pprojbit taħt id-dritt Ewropew taħt aspetti differenti minn dak tal-preżenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007?

Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv: taħt liema kundizzjonijiet dan huwa l-każ?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: apparat ta’ manipulazzjoni, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, huwa awtorizzat fis-sens tal-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, meta dan l-apparat ma jkunx neċessarju għall-protezzjoni tal-magna minn ħsara jew inċident, iżda jkun madankollu neċessarju għall-funzjonament fis-sigurtà tal-vettura?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, fil-kuntest ta’ tilwima mal-manifattur ta’ vettura dwar dritt għal kumpens, jimponu li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 jaqa’ kollu kemm huwa fuq ix-xerrej ta’ vettura u, barra minn hekk, anki l-assenza ta’ sitwazzjoni fattwali li tippermetti b’mod eċċezzjonali apparat ta’ manipulazzjoni identifikat, skont il-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, mingħajr ma l-manifattur tal-vettura jkollu jipprovdi informazzjoni f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-istruttorja tal-kawża, jiksru l-Artikoli 18(1), 26 (1) u 46 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) 1 , imsemmija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Marzu 2023, QB vs Mercedes-Benz Group AG (C-100/21, ECLI:EU:C:2023:229), sa fejn minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jirriżulta li x-xerrej ta’ vettura għandu jkollu dritt għal kumpens mingħand il-manifattur fil-każ li din tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit (ara l-punti 91 u 93 tal-imsemmija sentenza)?

Fil-każ li r-risposta għas-sitt domanda tkun fl-affermattiv: x’inhu t-tqassim tal-oneru tal-prova taħt id-dritt Ewropew fil-kawża bejn ix-xerrej ta’ vettura u l-manifattur tagħha dwar dritt għal kumpens tal-ewwel wieħed fil-konfront tat-tieni wieħed fir-rigward tal-eżistenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 u tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni fattwali li abbażi tagħha dan huwa eċċezzjonalment awtorizzat skont il-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007? Kull waħda mill-partijiet tibbenefika minn tnaqqis fl-oneru tal-prova u, jekk iva, minn liema minnhom, jew huma għandhom xi obbligi u, jekk iva, liema? Jekk japplikaw l-obbligi: x’inhuma l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità magħhom?

Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv: id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, fil-kuntest ta’ tilwima mal-manifattur ta’ vettura dwar dritt għal kumpens, li jimponu li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ ċirkwit jew kontroll, li minn perspettiva differenti minn dik tal-eżistenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, huwa pprojbit għal raġunijiet oħra, jaqa’ kollu kemm huwa fuq ix-xerrej ta’ vettura, mingħajr ma l-manifattur tal-vettura jkollu jipprovdi informazzjoni f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-istruttorja tal-kawża, jiksru l-Artikoli 18(1), 26 (1) u 46 tad-Direttiva 2007/46 imsemmija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Marzu 2023, QB vs Mercedes-Benz Group AG (C-100/21, ECLI:EU:C:2023:229), sa fejn minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jirriżulta li x-xerrej ta’ vettura għandu jkollu dritt għal kumpens mingħand il-manifattur fil-każ li din tkun mgħammra b’ċirkwit jew kontroll ipprojbit (ara l-punti 91 u 93 tal-imsemmija sentenza)?

Fil-każ li r-risposta għat-tmien domanda tkun fl-affermattiv: x’inhu t-tqassim tal-oneru tal-prova taħt id-dritt Ewropew fil-kawża bejn ix-xerrej ta’ vettura u l-manifattur tagħha dwar dritt għal kumpens tal-ewwel wieħed fil-konfront tat-tieni wieħed fir-rigward tal-eżistenza ta’ ċirkwit jew kontroll tat-tip imsemmi fit-tmien domanda? Kull waħda mill-partijiet tibbenefika minn tnaqqis fl-oneru tal-prova u, jekk iva, minn liema minnhom, jew huma għandhom xi obbligi u, jekk iva, liema? Jekk japplikaw l-obbligi: x’inhuma l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità magħhom?

____________

1     ĠU 2007, L 171, p. 1.

1     ĠU 2007, L 263, p. 1.