Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Haskovo (il-Bulgarija) fit-13 ta’ Ġunju 2023 – VU vs Teritorialna direktsia Mitnitsa Burgas kam Agentsia “Mitnitsi”

(Kawża C-372/23, Teritorialna direktsia Mitnitsa Burgas)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Haskovo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: VU

Konvenut: Teritorialna direktsia Mitnitsa Burgas kam Agentsia “Mitnitsi”

Domandi preliminari

L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 1 , ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 233(1) taż-Zakon za mitnitsite (il-Liġi Doganali), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7 taż-Zakon za administrativnite narushenia i nakazania (il-Liġi dwar ir-Reati u s-Sanzjonijiet Amministrattivi), li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni għal kuntrabandu mwettaq b’mod mhux intenzjonat f’sitwazzjoni fejn ir-reat doganali jitwettaq minħabba nuqqas ta’ diliġenza li jirriżulta fin-nuqqas ta’ użu tal-forma korretta tad-dikjarazzjoni ta’ merkanzija ttrasportata minn fuq il-fruntiera nazzjonali? Hija permessa dispożizzjoni legali nazzjonali li, f’sitwazzjoni bħal din, tippermetti l-klassifikazzjoni tar-reat bħala kuntrabandu doganali mwettaq b’mod mhux intenzjonat, jew l-intenzjoni hija element neċessarju tal-kontenut ta’ kuntrabandu doganali?

L-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 952/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7 tal-Liġi dwar ir-Reati u s-Sanzjonijiet Amministrattivi, li tippermetti li reat li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntrabandu doganali” u li jkun twettaq għall-ewwel darba jkun suġġett għal sanzjoni tal-istess natura u tal-istess ammont, jiġifieri “multa” li l-ammont tagħha jkun bejn 100 % u 200 % tal-valur doganali tas-suġġett tar-reat, irrispettivament minn jekk dan ir-reat ikunx twettaq b’mod intenzjonat jew le?

L-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 952/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 233(6) tal-Liġi Doganali, li tipprevedi, bħala sanzjoni amministrattiva addizzjonali, il-konfiska (favur l-Istat) tal-merkanzija jew tal-proprjetà, li jkunu s-suġġett tar-reat u li l-pussess tagħhom ma jkunx ipprojbit? Il-konfiska tas-suġġett tar-reat hija permessa f’sitwazzjoni fejn il-proprjetà kkonfiskata tkun tappartjeni lil persuna differenti minn dik li wettqet ir-reat?

L-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 952/2013, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 233(6) tal-Liġi Doganali, li tipprevedi, bħala sanzjoni amministrattiva addizzjonali għall-impożizzjoni ta’ “multa”, il-konfiska (favur l-Istat) tal-merkanzija jew tal-proprjetà, li jkunu s-suġġett tar-reat u li l-pussess tagħhom ma jkunx ipprojbit, sa fejn tali dispożizzjoni legali nazzjonali timponi sanzjoni li tikkostitwixxi ndħil sproporzjonat fid-dritt għall-proprjetà li ma jirriflettix l-għan leġittimu mfittex, u dan kemm b’mod ġenerali, fil-każ li l-proprjetà kkonfiskata (li tkun is-suġġett tar-reat) tappartjeni lill-awtur tar-reat u fil-każ li din il-proprjetà tappartjeni lil terz (li ma jkunx l-awtur) u kemm, b’mod partikolari, fil-każ li l-awtur tar-reat ma jkunx wettaq ir-reat b’mod intenzjonat iżda b’mod mhux intenzjonat?

Il-[punt] 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 952/2013, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korpi li jwettqu l-kontrolli doganali għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, b’mod partikolari l-Artikoli 6 sa 10 tiegħu, u fis-sens li ma jippermettix dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(2) tal-Liġi dwar ir-Reati u s-Sanzjonijiet Amministrattivi, li tippermetti l-impożizzjoni fuq persuni, li jkunu wettqu b’mod formali u mhux intenzjonat reat kontra l-leġiżlazzjoni doganali, ta’ sanzjoni għal att intenzjonat u tas-sanzjoni ta’ konfiska favur l-Istat tas-suġġett tar-reat li jappartjeni lil terz, abbażi tal-Artikolu 233(6) tal-Liġi Doganali, f’sitwazzjoni fejn il-persuna li tkun naqset milli taġixxi bid-diliġenza meħtieġa ma tkunx ġiet informata minn qabel dwar l-aġir mistenni min-naħa tagħha skont il-liġi u dwar kif kellha timla d-dokumenti meħtieġa għat-trasport ta’ merkanzija minn fuq il-fruntiera tal-Unjoni Ewropea b’mod legali?

____________

1     ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2.