Language of document : ECLI:EU:T:2015:769

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

8 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali – Forma ta’ kaxxa tal-logħob – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt ta’ smigħ – Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑547/13,

Rosian Express SRL, stabbilita f’Medias (ir-Rumanija), irrappreżentata minn E. Grecu u A. Tigau, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn V. Melgar u A. Geavela, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-UASI, tal-11 ta’ Lulju 2013, (Każ R 797/2013‑5), dwar applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal tridimensjonali kkostitwit mill-forma ta’ kaxxa tal-logħob bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ottubru 2013,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Frar 2014,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ April 2014,

wara s-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-11 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrenti, Rosian Express SRL, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal tridimensjonali li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 28 u 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 28: “Logħob, ġugarelli; artikli tal-ġinnastika u sport mhux inklużi fi klassijiet oħra; dekorazzjonijiet għas-siġar tal-Milied”;

–        Klassi 35: “Reklamar; il-ġestjoni ta’ negozju; l-amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju”.

4        Fl-1 ta’ Frar 2013, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal-“logħob u ġugarelli” li jaqgħu taħt il-klassi 28, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009.

5        Fit-28 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        B’deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2013 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell għar-raġuni li, meta mqabbel mal-prodotti inkwistjoni, is-sinjal tridimensjonali li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwantu trade mark Komunitarja ma kellux karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tordna r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi kollha mitluba;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

8        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

9        Ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni wieħed, imqajjem fl-istadju tar-replika, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt ta’ smigħ fis-sens tal-Artikolu 75 tal-imsemmi regolament.

10      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li tittratta qabel kollox it-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009

11      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni. Hija tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq żewġ argumenti. L-ewwel nett, ma ġiex spjegat fid-deċiżjoni kkontestata ma’ liema forom it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija mqabbla sabiex jiġi stabbilit li din tal-aħħar ma għandhiex karattru distintiv. It-tieni nett, lanqas ma huwa speċifikat fir-rigward ta’ liema pubbliku rilevanti ġie evalwat il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

12      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega essenzjalment li l-Bord tal-Appell kiser id-dritt tagħha ta’ smigħ. Fil-fatt, hija ssostni li l-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq data li tinsab f’siti internet meta dan il-kontenut inbidel jew seta’ nbidel miż-żmien tal-eżami mwettaq mill-eżaminatur jew mill-Bord tal-Appell.

13      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 ġie invokat mir-rikorrenti biss fl-istadju tar-replika. Madankollu, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li n-nuqqas ta’ motivazzjoni jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 67, u tat-12 ta’ Marzu 2014, Tubes Radiatori vs UASI – Antrax It (Radiateur), T‑315/12, EU:T:2014:115, punt 96). Għaldaqstant l-eżami ta’ tali motiv jista’ jseħħ f’kull stadju tal-proċedura (sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, Ġabra, EU:C:1997:73, punt 25).

14      Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu mmotivati u jistgħu jkunu bbażati biss fuq raġunijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet kellhom l-opportunità li jadottaw pożizzjoni.

15      Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, dan għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE, li jipprevedi li r-raġunament tal-awtur tal-att għandu jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku. Dan l-obbligu għandu l-għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet għall-miżura li ttieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni [sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2010, Zeta Europe vs UASI (Superleggera), T‑464/08, EU:T:2010:212, punt 47, u tal-21 ta’ Mejju 2014, Eni vs UASI – Emi (IP) (ENI), T‑599/11, EU:T:2014:269, punt 29].

16      Mill-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq in-norma jew fuq l-użanzi tas-settur ikkonċernat, f’dan il-każ dak tal-logħob tal-mejda u tal-ġugarelli, sabiex jistabbilixxi jekk it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kellux karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Minn dan il-punt jirriżulta wkoll li l-preżentazzjoni tal-logħba kif ukoll l-ippakkjar magħmul mill-injam huma forom u materjali komuni f’dan is-settur.

17      Fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ifakkar li huwa jista’ jibbaża ruħu fuq fatti magħrufa sabiex jiddetermina l-karattru distintiv ta’ trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni.

18      Fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, bl-użu tal-espressjoni “[f]’kull każ”, il-Bord tal-Appell jirreferi indirettament għas-siti internet li jbigħu prodotti identiċi filwaqt li jispeċifika li “[…] il-konvenuta nnifisha tammetti li r-riċerka mwettqa fuq l-internet ippermettiet l-iskoperta ta’ żewġ prodotti li għandhom forma identika għal dik li għaliha saret l-applikazzjoni”.

19      Għaldaqstant għandu jitqies li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell qies, billi bbaża ruħu fuq fatti magħrufa, li l-ippakkjar magħmul mill-injam kif ukoll il-forma tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu kurrenti fis-settur ikkonċernat u li, b’dan il-mod, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv. Għaldaqstant, id-deċiżjoni hija mmotivata b’mod li r-rikorrenti taf ir-raġunijiet għaliha u b’mod li l-Qorti Ġenerali tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha f’dan ir-rigward.

20      Fir-rigward tal-allegata assenza ta’ definizzjoni tal-pubbliku rilevanti u tal-livell ta’ attenzjoni tiegħu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni. Fil-fatt, in-natura eventwalment żbaljata ta’ motivazzjoni ma tirrendix motivazzjoni ineżistenti [sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2011, Diagnostiko kai Therapeftiko Kentro Athinon “Ygeia” vs UASI (υγεία), T‑7/10, EU:T:2011:221, punt 59, u tat-12 ta’ Settembru 2012, Duscholux Ibérica vs UASI – Duschprodukter i Skandinavien (duschy), T‑295/11, EU:T:2012:420, punt 41].

21      Għandu jiġi kkonstatat li l-pubbliku rilevanti u l-livell ta’ attenzjoni tiegħu ġew fil-fatt iddefiniti fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 42 iktar ’il quddiem) u li r-rikorrenti rrikonoxxiet hija nnifisha, waqt is-seduta, li hija kienet qed tikkontesta l-fondatezza ta’ din id-definizzjoni.

22      Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għall-eżami tal-fondatezza tagħha, li ser isir fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata fir-rigward tal-pubbliku rilevanti u tal-livell ta’ attenzjoni tiegħu.

23      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi deċiż, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, li l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, li jgħid li d-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom jiġu mmotivati, ma ġiex miksur.

24      It-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt dwar it-trade marks Komunitarji, il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża li jinkludi d-dritt ta’ smigħ. Skont dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom għandhom ikollhom l-opportunità li jressqu l-opinjoni tagħhom b’mod effettiv [sentenza tas-7 ta’ Frar 2007, Kustom Musical Amplification vs UASI (Forma ta’ kitarra), T‑317/05, Ġabra, EU:T:2007:39, punt 26].

25      Skont din id-dispożizzjoni, Bord tal-Appell tal-UASI jista’ jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq elementi ta’ fatt jew ta’ liġi li fuqhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Konsegwentement, fil-każ fejn il-Bord tal-Appell jiġbor ex officio elementi ta’ fatt intiżi sabiex iservu ta’ bażi għad-deċiżjoni tiegħu, huwa għandu l-obbligu li jikkomunikahom lill-partijiet sabiex dawn ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C‑447/02 P, Ġabra, EU:C:2004:649, punti 42 u 43).

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-punti 16 sa 19 hawn fuq, li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq il-kontenut tas-siti internet inkwistjoni, iżda fuq fatti magħrufa. Għaldaqstant għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni bbażata fuq ksur tad-dritt ta’ smigħ.

27      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tal-eżaminatur jirriżulta li dan kien inkluda f’din tal-aħħar stampi tal-prodotti li qies li huma identiċi għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, li jirriżultaw mis-siti internet inkwistjoni. Għaldaqstant għandu jitqies li, anki kieku d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq paragun bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u l-prodotti li jinsabu fis-siti internet inkwistjoni u kieku l-kontenut ta’ dawn is-siti nbidel sadattant, ir-rikorrenti kellha l-opportunità tippreżenta osservazzjonijiet dwar l-istampi kkonċernati sa fejn kienu riprodotti fid-deċiżjoni tal-eżaminatur. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell kellu raġun josserva, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti nnifisha kienet tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ prodotti identiċi fis-suq. Fil-fatt, mill-proċess u mill-argumenti tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li hija għamlet osservazzjonijiet rigward il-kontenut li jinsab fis-siti internet inkwistjoni, billi sostniet li l-imsemmija siti kienu magħrufa li jbiegħu prodotti ffalsifikati. Ir-rikorrenti setgħet tippreżenta osservazzjonijiet dwar il-kontenut ta’ dawn is-siti u, mill-bqija, hija għamlet dan.

28      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi deċiż, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, li l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 ma ġiex miksur.

 Fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

29      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-logħob tal-mejda bħalma hija l-logħba tar-rummy ma humiex prodotti ta’ konsum kurrenti, iżda prodotti li jservu għal żmien twil u li, fil-mument tax-xiri ta’ dawn il-prodotti, il-pubbliku rilevanti għandu jitqies li għandu livell għoli ta’ attenzjoni.

30      Fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, ir-rikorrenti tikkontesta r-raġunament tal-Bord tal-Appell skont liema l-konsumatur medju ma għandux id-drawwa li jippreżumi l-oriġini kummerċjali tal-prodotti billi jibbaża ruħu fuq il-forma tagħhom jew fuq dik tal-ippakkjar tagħhom, fl-assenza ta’ kwalunkwe element grafiku jew testwali. Hija ssostni li bl-ebda mod ma jirriżulta mir-Regolament Nru 207/2009 li t-trade marks tridimensjonali għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti mit-tipi l-oħra ta’ trade marks u li, jekk wieħed isegwi dan l-approċċ, ikollha tiġi rrifjutata kull reġistrazzjoni ta’ trade mark tridimensjonali.

31      Insostenn tal-argument li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandha karattru distintiv, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-prassi deċiżjonali tal-UASI li, fil-fehma tagħha, turi li t-trade marks tridimensjonali simili għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ġew irreġistrati għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 28 u li l-Bord tal-Appell kellu jieħu dan inkunsiderazzjoni. Hija ssostni wkoll li, bil-kontra ta’ dak li l-Bord tal-Appell ikkonkluda fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet sempliċi varjazzjoni ta’ tip ta’ preżentazzjoni u ta’ ppakkjar kompletament kurrenti għall-prodotti inkwistjoni, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tiddistingwi ruħha b’mod sinjifikattiv min-normi u mill-użanzi tas-settur tal-logħob. Hija tallega, f’dan ir-rigward, li l-Bord tal-Appell naqas milli jispjega x’kien qed ifisser bl-espressjoni “forom bażiċi” u li, f’kull każ, ma jeżistux “forom bażiċi” għal-logħob tar-rummy, iżda numru kbir ta’ modi li jiġi ppreżentat u mmontat dan it-tip ta’ logħob. Għaldaqstant, hija tqis li l-Bord tal-Appell kellu jagħti attenzjoni partikolari għall-mod kif id-diversi elementi tal-logħob tar-rummy huma, f’dan il-każ, ippakkjati u mmontati.

32      Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Bord tal-Appell talli ma sostnietx bi provi l-konklużjoni li tinsab fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li “[h]uwa kurrenti li l-logħob tal-mejda u l-ġugarelli (pereżempju, il-verżjonijiet-ġugarelli tal-logħob tar-rummy għat-tfal) jiġu ppakkjati u mibjugħa f’ippakkjar magħmul minn diversi tipi ta’ materjali, inklużi kaxxi tal-injam” u li “[l]-ippakkjar u l-preżentazzjoni ta’ dan it-tip huma komuni għal-logħob mitlub u ma huma konfużi mill-pubbliku rilevanti ma’ xejn iktar ħlief logħba u l-ippakkjar tagħha”. B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha f’dan il-każ u b’mod partikolari s-sitwazzjoni fis-suq li turi li l-forma tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tiddistingwixxi ruħha b’mod sinjifikattiv minn forom oħra li huma preżenti fih.

33      Skont ir-rikorrenti, il-prodotti inkwistjoni, b’mod partikolari l-logħob tar-rummy, ma jitolbux forma speċifika ta’ ppakkjar. Għaldaqstant il-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda li l-forma tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet dovuta għan-natura tal-prodott inkwistjoni.

34      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell huwa kkritikat talli qabbel it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma’ prodotti identiċi kkummerċjalizzati fl-internet sabiex jikkonkludi li kien hemm forom simili fis-suq, meta fil-fatt dawn huma prodotti ffalsifikati. Sabiex issostni dawn l-allegazzjonijiet, ir-rikorrenti tippreżenta għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, annessi mar-replika, artikoli minn pubblikazzjonijiet speċjalizzati magħrufa li jiġbdu l-attenzjoni għall-falsifikazzjonijiet fis-siti internet li għalihom irreferew l-eżaminatur u l-Bord tal-Appell.

35      Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv”.

36      Il-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li jkun provenjenti minn impriża partikolari u b’hekk li ssir distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk ta’ impriżi oħra [ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2010, Wilo vs UASI (Kaxxa tal-krank (crankcase) b’uċuħ ta’ mutur elettriku u rappreżentazzjoni ta’ wċuħ ħodor), T‑253/09, u T-254/09, EU:T:2010:507, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata].

37      Dan il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti, magħmul mill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, tal-imsemmija prodotti jew servizzi għandu tagħhom [ara s-sentenza Kaxxa tal-krank (crankcase) b’uċuħ ta’ mutur elettriku u rappreżentazzjoni ta’ wċuħ ħodor, punt 36 iktar ’il fuq, EU:T:2010:507, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata].

38      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks li jikkonsistu fid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra tat-trade marks [ara s-sentenza Kaxxa tal-krank (crankcase) b’uċuħ ta’ mutur elettriku u rappreżentazzjoni ta’ wċuħ ħodor, punt 36 iktar ’il fuq, EU:T:2010:507, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata].

39      Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma hijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħalma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mid-dehra tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumatur medju, fl-assenza ta’ kwalunkwe element grafiku jew testwali, ma għandux id-drawwa jippreżumi l-oriġini tal-prodotti billi jibbaża ruħu fuq il-forma tagħhom jew fuq dik tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva [ara s-sentenza Kaxxa tal-krank (crankcase) b’uċuħ ta’ mutur elettriku u rappreżentazzjoni ta’ wċuħ ħodor, punt 36 iktar ’il fuq, EU:T:2010:507, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, iktar ma l-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tkun tixbah il-forma li x’aktarx jieħu l-prodott inkwistjoni, iktar ikun probabbli li l-imsemmija forma tkun nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma jew mill-użanzi tas-settur u, minħabba f’hekk, ikollha mnejn tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha tal-oriġini, li ma tkunx nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 [ara s-sentenza Kaxxa tal-krank (crankcase) b’uċuħ ta’ mutur elettriku u rappreżentazzjoni ta’ wċuħ ħodor, punt 36 iktar ’il fuq, EU:T:2010:507, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata id-deċiżjoni kkontestata.

42      Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, il-Bord tal-Appell qies, ġustament, li dan kien pubbliku kompost prinċipalment minn konsumaturi medji, normalment informati u raġonevolment attenti u avżati u li, fid-dawl tan-natura u tal-prezz tal-prodotti inkwistjoni, il-livell ta’ għarfien tal-pubbliku rilevanti seta’ jvarja minn medju sa għoli (punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, il-prodotti inkwistjoni, fid-dawl tad-deskrizzjoni tagħhom, jaqgħu taħt il-qasam tal-logħob u tal-ġugarelli. Huma intiżi għall-konsum ġenerali u mhux biss għall-professjonisti jew għad-dilettanti, għaliex kwalunkwe persuna tista’ f’mument jew ieħor takkwista tali prodotti b’mod regolari jew b’mod okkażjonali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Cybergun vs UASI – Umarex Sportwaffen (AK 47), T‑419/09, EU:T:2011:121, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għaldaqstant ir-rikorrenti tiżbalja meta ssostni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-pubbliku rilevanti kellu biss livell għoli ta’ attenzjoni.

43      Għaldaqstant, l-argument li jgħid li l-Bord tal-Appell wettaq żball, sa fejn ma ġabx provi li juri liema kien il-pubbliku rilevanti u l-livell ta’ attenzjoni tiegħu, għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, l-UASI ma jistax jiġi mitlub jipproċedi b’analiżi ekonomika tas-suq, jew saħansitra b’investigazzjonijiet fost il-konsumaturi, sabiex jistabbilixxi sa fejn dawn tal-aħħar jagħtu każ id-dehra tal-prodotti li jagħmlu parti minn kategorija speċifika [sentenza tal-5 ta’ Marzu 2003, Unilever vs UASI (Pillola fil-forma ta’ bajda), T‑194/01, Ġabra, EU:T:2003:53, punt 48].

44      Fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, għandha qabel kollox tittieħed id-deskrizzjoni tar-rikorrenti li tgħid li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija kaxxa rettangolari tal-injam b’sistema ta’ żluq tal-kavalletti li jżommu l-partijiet u b’sistema ta’ għeluq ta’ dawn il-kavalletti fiż-żewġ truf tal-kaxxa. Għalhekk, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandha sistema ta’ żluq li tippermetti l-inkorporazzjoni tal-erba’ kavalletti tal-logħba fil-kuntest tal-istess immontar, u l-partijiet tal-logħba, kif ukoll l-istands tal-kavalletti, huma inklużi bejn l-erba’ kavalletti li jifformaw il-ħitan li jsostnu l‑intier, li għandu żewġ folji żgħar tal-mettall marbuta b’viti li jintużaw bħala sistema ta’ għeluq, mingħajr ma hemm bżonn ta’ ppakkjar ulterjuri. Kull ħajt tal-ġnub għandu fuq in-naħa ta’ ġewwa żewġ gruvijiet miksuba permezz ta’ qtugħ li jippermettu ż-żluq taż-żewġ pari ta’ kavalletti. Iż-żewġ folji żgħar tal-mettall li jservu għall-għeluq huma f’forma rettangolari bi truf ittondjati u bi xfur iċċanfrinati, marbuta mal-qafas b’vit.

45      Fid-dawl ta’ din id-deskrizzjoni, il-Bord tal-Appell kellu raġun jikkonkludi, fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni “ma hijiex differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur ikkonċernat” u li “[h]uwa kurrenti li l-logħob tal-mejda u l-ġugarelli (pereżempju, il-verżjonijiet ġugarelli tal-logħob tar-rummy għat-tfal) jiġu ppakkjati u mibjugħa f’ippakkjar magħmul minn diversi tipi ta’ materjali, inklużi kaxxi tal-injam”.

46      Fil-fatt, huwa magħruf li l-prodotti inkwistjoni huma ta’ spiss ippreżentati f’kaxxa rettangolari tal-injam. Bl-istess mod, il-mod li bih tiġi miftuħa u mmontata l-kaxxa li l-forma tagħha tikkostitwixxi t-trade mark inkwistjoni, jiġifieri b’sistema ta’ żluq ta’ kavalletti li jippermettu li titqiegħed f’postha jew immontata l-logħba, ma humiex differenti b’mod sinjifikattiv min-norma u mill-użanzi tas-settur. Effettivament, huwa magħruf li jeżistu sistemi ta’ żluq simili sabiex jitqiegħdu f’posthom u sabiex jiġu mmontati l-prodotti inkwistjoni. Meħuda fl-intier tagħhom, id-diversi karatteristiċi tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, kif huma deskritti fil-punt 44 hawn fuq, lanqas ma jippermettu l-kunsiderazzjoni li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija differenti b’mod sinjifikattiv min-norma u mill-użanzi tas-settur ikkonċernat. Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma għandhiex karattru distintiv li jippermetti lill-pubbliku rilevanti jidentifika l-prodotti inkwistjoni bħala prodotti li ġejjin minn impriża speċifika u għaldaqstant, li jiddistingwi dawn il-prodotti minn dawk li ġejjin minn impriżi oħra.

47      Rigward l-allegazzjoni li tgħid li l-Bord tal-Appell, fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, naqas milli jiddefinixxi l-espressjoni “forom bażiċi” u jsostni l-konklużjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward bi provi, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, l-UASI huwa marbut jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1) tal-istess regolament. Għaldaqstant l-UASI jista’ jiġi mwassal jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu fuq fatti li ma ġewx invokati mill-applikant [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, UASI vs Celltech, C‑273/05 P, Ġabra, EU:C:2007:224, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Lulju 2014, BSH vs UASI (Wash & Coffee), T‑5/12, EU:T:2014:647, punt 46].

48      Jekk, bħala regola ġenerali, huwa l-UASI li għandu jistabbilixxi, fid-deċiżjonijiet tiegħu, l-eżattezza ta’ tali fatti, dan ma huwiex il-każ meta jsemmi fatti magħrufa (ara s-sentenza UASI vs Celltech, punt 47 iktar ’il fuq, EU:C:2007:224, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Wash & Coffee, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:2014:647, punt 47). Xejn ma jipprekludi għaldaqstant lill-UASI milli jieħu inkunsiderazzjoni fatti magħrufa fl-evalwazzjoni tiegħu [ara s-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2014, Deutsche Bank vs UASI (Passion to Perform), T‑291/12, EU:T:2014:155, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell seta’ legalment jikkonstata l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni billi jibbaża ruħu fuq fatti magħrufa li jirriżultaw mill-esperjenza prattika ġeneralment miksuba mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ konsum ġenerali, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu pprovduti eżempji speċifiċi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2004, Storck vs UASI (Forma ta’ ħelwa mgeżwra), T‑402/02, Ġabra, EU:T:2004:330, punt 58]. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li mill-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma bbażax l-evalwazzjoni tiegħu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fuq paragun bejn din tal-aħħar u “forom bażiċi”, iżda fir-rigward tan-norma u tal-użanzi tas-settur ikkonċernat, billi bbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza li huwa jiċċita fil-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa minnu li l-Bord tal-Appell isemmi, fil-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata, “forom bażiċi tal-prodotti inkwistjoni”. Madankollu, dan ir-riferiment jagħmel sempliċement parti minn tfakkira tal-prinċipji żviluppati mill-ġurisprudenza li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tridimensjonali. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ma jirreferix għalihom fil-mument tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

49      Fir-rigward tal-provi mogħtija mir-rikorrenti sabiex turi li ma jeżistux forom simili għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, għandu jitfakkar li l-assenza ta’ karattru distintiv ta’ trade mark ma tistax tiġi kkontestata bin-numru bejn wieħed u ieħor kbir ta’ forom simili preżenti fis-suq [sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra, EU:C:2004:258, punt 62, u tat-23 ta’ Mejju 2007, Procter & Gamble vs UASI (pillola kwadra bajda b’disinn ta’ fjuri tal-kulur), T‑241/05, T‑262/05 sa T‑264/05, T‑346/05, T‑347/05 u T‑29/06 sa T‑31/06, Ġabra, EU:T:2007:151, punt 81], u lanqas bl-assenza fis-suq ta’ forom identiċi għal dawk li għalihom hija mitluba r-reġistrazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2006, De Waele vs UASI (Forma ta’ zalzett), T‑15/05, Ġabra, EU:T:2006:142, punt 40].

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-konsumatur medju li ma jagħmilx studju tas-suq, ma jkunx jaf, minn qabel, li impriża waħda tikkumerċjalizza prodott speċifiku f’tip ta’ ppakkajar, filwaqt li l-kompetituri tagħha jużaw modi oħra ta’ ppakkjar għal dan il-prodott (sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra, EU:C:2006:20, punt 34).

51      Jirriżulta wkoll, mingħajr il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-provi ppreżentati f’dan ir-rigward, li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti skont liema l-Bord tal-Appell wettaq żball meta rrefera għal prodotti oħra li jeżistu fis-suq meta dawn tal-aħħar huma prodotti ffalsifikati, huma irrilevanti.

52      Rigward l-argument skont liema l-UASI ammetta r-reġistrazzjoni ta’ trade marks tridimensjonali simili għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 28, għandu jitfakkar li l-UASI huwa marbut jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-UASI għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari fuq il-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens. Madankollu l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-legalità. Għalhekk, il-persuna li tressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret favur ħaddieħor bil-għan li tikseb deċiżjoni identika. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod preċiż, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bil-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu. Għaldaqstant, eżami bħal dan għandu jsir f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi fuq kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ ineżami, maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt xi raġuni għal rifjut [ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Melt Water vs UASI (Forma ta’ flixkun ċilindriku u trasparenti), T‑70/14, EU:T:2015:9, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata].

53      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, abbażi ta’ eżami komplet u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv. Kif jirriżulta mill-punti 42 sa 51 hawn fuq, din il-konstatazzjoni hija biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi sostnut li r-reġistrazzjoni tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni bħala trade mark Komunitarju hija ostakolata, fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, mir-raġuni assoluta għal rifjut tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

54      Għaldaqstant, peress li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-natura mhux reġistrabbli tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, bħala trade mark Komunitarja għall-prodotti kkonċernati, hija stabbilita direttament abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 hawn fuq jirriżulta li hija ma tistax tiġi kkontestata permezz tas-sempliċi fatt li fil-każ ineżami l-Bord tal-Appell ma kienx mexa mal-prassi deċiżjonali tal-UASI.

55      Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell kellu raġun jikkonstata li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv għall-prodotti kollha kkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

56      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv u, mingħajr ma huwa meħtieġ li tittieħed deċiżjoni fuq il-kap ta’ talbiet li permezz tiegħu r-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna r-reġistrazzjoni tat-trade mark għall-prodotti u s-servizzi kollha mitluba, għandu jiġi miċħud ir-rikors kollu.

 Fuq l-ispejjeż

57      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

58      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Rosian Express SRL hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Ottubru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.