Language of document : ECLI:EU:C:2014:2094

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Lulju 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2003/109/KE — Artikoli 2, 4(1), 7(1) u 13 — ‘Permess KE ta’ residenza għal residenti għat-tul’ — Kundizzjonijiet għall-għoti — Residenza legali u kontinwa fl-Istat Membru ospitanti matul il-ħames snin li jippreċedu l-introduzzjoni tal-applikazzjoni għal permess — Persuna marbuta mar-resident għat-tul permezz ta’ rabtiet familjari — Dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli — Effetti”

Fil-Kawża C-469/13,

li għandha talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Verona (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Awwissu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Awwissu 2013, fil-proċedura

Shamim Tahir

vs

Ministero dell’Interno,

Questura di Verona,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u B. Beutler, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn F.-X. Bréchot u D. Colas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort u M. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u A. Aresu, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7(1) u 13, moqrija flimkien mal-Artikoli 2(e) u 4(1), tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU 2004, L 16, p.44), kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2011 (ĠU L132, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/109”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Tahir u l-Ministero dell’Interno (ministeru tal-intern) u l-Questura di Verona (l-uffiċċju tal-kap tal-pulizija ta’ Verona), dwar iċ-ċaħda minn din tal-aħħar ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ permess KE ta’ residenza għal żmien twil imressqa minn S. Tahir.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/109

3        Skont il-premessi 4 u 6 tad-Direttiva 2003/109:

“(4)      L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-[Unjoni] dikjarata fit-Trattat.

[...]

(6)      Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż. Għandha ssir disposizzjoni għall-grad ta’ flssibilità sabiex jingħata kont taċ-ċirkostanzi li fihom persuna setgħa kellha titlaq mit-territorju fuq bażi temporanju.”

4        Il-premessa 17 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi:

“L-armonizzazzjoni tat-termini għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul jippromwovi kunfidenza komuni [fiduċja reċiproka] bejn l-Istati Membri. Ċerti Stati Membri joħorġu permessi b’validità permanenti jew illimitata fuq kondizzjonijiet li huma aktar favorevoli minn dawk li hemm provdut dwarhom minn din id-Direttiva. Il-possibbiltà ta’ l-applikazzjoni ta’ disposizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli ma hix eskluża fit-Trattat. Iżda, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandu ikun provdut li permessi maħruġa fuq termini aktar favorevoli ma jagħtux id-dritt tar-residenza fi Stati Membri oħra.”

5        L-Artikolu 1(a) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)      it-termini għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul mogħti minn Stat membru f’relazzjoni ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li legalment jirrisjedu fit-territorju tiegħu, u d-drittijiet marbuta miegħu; [...]

[...]”

6        L-Artikolu 2(b), (e) u (g) ta’ din id-direttiva jinkludi, għall-finijiet tagħha, id-definizzjonijiet segwenti:

“(b)      ‘residenti għat-tul’ tfisser xi ċittadin ta’ pajjiż terz li ikollu status ta’ residenti għat-tul kif hekk provdut taħt l-Artikoli 4 sa 7;

[...]

(e)      ‘membri tal-familja’ tfisser iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu fl-Istat Membru konċernat skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja [ĠU L 251, p. 12] [...];

[...]

(g)      ‘permess KE ta’ residenza għal residenti għat-tul’ tfisser il-permess ta’ residenza maħruġ mill-Istat Membru konċernat ma’ l-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul.”

7        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/109 jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Skont l-Artikolu 3(1), l-imsemmija direttiva “tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat membru.” Il-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi artikolu jippreċiżaw, rispettivament, li d-Direttiva 2003/109 ma tapplikax għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz u tapplika bla ħsara għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli li jinsabu f’ċerti ftehim internazzjonali.

8        Il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, li jinkludi l-Artikoli 4 sa 13, jirrigwarda l-għoti ta’ status ta’ residenti għal perijodu twil ta’ żmien fi Stat Membru.

9        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tul ta’ żmien ta’ residenza” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti.”

10      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Kondizzjonijiet għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeħtieġu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħtu evidenza li jkollhom, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja:

(a)      riżorsi stabbli u regolari li ikunu suffiċjenti biex imantni lilu/ha nnifsu/ha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr rikors għas-sistema ta’ l-[assistenza] soċjali ta’ l-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarità tagħhom u jistgħu jagħtu kont tal-livell tal-paga minima u l-pensjoniijiet qabel l-applikazzjoni għall-istatus ta’ resident għat-tul;

(b)      l-assigurazzjoni tal-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini proprji tiegħu/tagħha fl-Istat membru konċernat.”

11      Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva:

“Biex jinkiseb status ta’ residenti għat-tul, iċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat għandu jibgħat applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih ikun/tkun tirrisjedi. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpnajata b’evidenza dokuemntata li għandha tiġi stabbilita bil-liġi nazzjonali li hu/i jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 u 5 kif ukoll, jekk meħtieġ, b’dokument validu ta’ l-ivvjaġġar jew kopja tiegħu ċertifikata.

[...]”

12      L-Artikolu 8(2) u (4) tal-imsemmija direttiva, intitolat, “Permess KE ta’ residenza għal residenti għat-tul”, jipprovdi:

“2. L-Istati Membri għandhom joħorġu Permess KE ta’ residenza għal residenza għat-tul lir-residenti għat-tul. Il-permess għandu ikun validu għal ta’ l-anqas ħames snin; dan għandu ma’ l-applikazzjoni jekk meħtieġa, jiġġedded awtomatikament malli jiskadi.

[...]

4. Fejn Stat Membru joħroġ il-permess ta’ residenza UE tar-residenti fit-tul lil ċittadin ta’ pajjiż terz li tkun ingħatatlu l-protezzjoni internazzjonali, għandu jdaħħal ir-rimarka li ġejja fil-permess ta’ residenza tal-UE ta’ dak ir-residenti fit-tul, taħt it-titlu ‘Rimarki’: ‘Protezzjoni internazzjonali mogħtija minn [isem l-Istat Membru] fi [data]’.”

13      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Dispożizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli”, jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu joħorġu permessi ta’ residenza b’validità permanenti jew illimitata li ikunu aktar favorevoli minn dawk preskritti f’din id-Direttiva. Dawk il-permessi ta’ residenza ma għandhomx jikkonferixxu d-dritt ta’ residenza fl-Istati Membri l-oħra kif hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva.”

14      Il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat, “Residenza fl-Istati Membri l-oħra”, jipprovdi, fl-Artikolu 14(1) tiegħu:

“Residenti għat-tul għandu jikseb id-dritt li jirrisjedu fit-territorju ta’ l-Istati Membri minbarra dak li ikun tah l-istatus ta’ residenti għat-tul, għal perjodu li jisboq it-tlett xhur, kemm-il darba l-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-kapitolu jitħarsu.”

15      L-Artikolu 16 tal-imsemmi kapitolu huwa relatat mal-membri tal-familja. Skont il-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Fejn ir-resident għat-tul jeżerċita d-dritt tiegħu/tagħha f’tieni Stat Membru u fejn il-familja kienet diġà kostitwita fl-ewwel Stat Membru, il-membri tal-familja tiegħu/tagħha li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86/KE għandhom ikunu awtorizzati li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu mar-resident għat-tul.

2.      Fejn ir-resident għat-tul jeżerċita d-dritt tiegħu/tagħha f’tieni Stat Membru u fejn il-familja kienet diġà kostitwita fl-ewwel Stat Membru, il-membri tal-familja tiegħu/tagħha minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86/KE jistgħu jkunu awtorizzati li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu mar-resident għat-tul.”

 Id-Direttiva 2003/86

16      Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2003/86 “huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

 Id-dritt Taljan

17      L-Artikolu 19(1) tad-digriet leġiżlattiv Nru 286, tal-25 ta’ Lulju 1998, dwar test uniku tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni u r-regoli dwar l-istatus tal-barranin (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 139, tat-18 ta’ Awwissu, iktar ’il quddiem id-“digriet leġiżlattiv Nru 286/1998”), kif emendat bid-digriet leġiżlattiv Nru 3, tat-8 ta’ Jannar 2007, li jimplementa d-Direttiva 2003/109 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal perijodu twil ta’ żmien (GURI) Nru 24, tat-30 ta’ Jannar 2007), jipprovdi:

“Il-barrani li għandu, għal mhux inqas minn ħames snin, permess ta’ residenza li huwa fil-proċess ta’ validazzjoni, li juri li huwa għandu dħul ta’ mhux inqas mill-ammont annwali tal-allowances soċjali u, fil-każ ta’ applikazzjoni li tikkonċerna l-membri tal-familja tiegħu, dħul suffiċjenti [...] u akkomodazzjoni xierqa li tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi previsti mid-[dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali], jista’ jitlob lill-Kap tal-Pulizija l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza KE għal residenti għal perijodu twil ta’ żmien, għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu kif iddefiniti fl-Artikolu 29(1).”

18      L-Artikolu 29(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv 286/1998 jipprovdi:

“Il-barrani jista’ jitlob ir-riunifikazzjoni tal-membri tal-familja tiegħu li ġejjin:

a)      il-konjuġi mhux separat legalment u li jkollu mhux inqas minn 18-il sena [...]”

19      Bit-titolu “Applikazzjoni għal permess ta’ residenza”, l-Artikolu 16 tad-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 394, tal-31 ta’ Awwissu 1999, dwar id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tat-test uniku tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni u r-regoli dwar l-istatus tal-barranin, skont l-Artikolu 1(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru [286/1998] (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 190, tat-3 ta’ Novembru 1999), kif emendat bid-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 334, tat-18 ta’ Ottubru 2004, dwar regolament li jemenda u jikkompleta d-digriet Nru 394, tal-31 ta’ Awwissu 1999, fil-qasam tal-immigrazzjoni (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 17 tal-10 ta’ Frar 2005), jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tegħu:

“1.      Għall-għoti tal-permess ta’ residenza msemmi fl-Artikolu 9 tad-[digriet leġiżlattiv Nru 286/1998], il-persuna kkonċernata għandha tagħmel applikazzjoni bil-miktub, fuq formola konformi ma’ dik approvata mill-[Ministru tal-Intern].

2.      Fl-applikazzjoni tiegħu, li għandha titressaq lill-Kap tal-Pulizija tal-post ta’ residenza tal-barrani, dan tal-aħħar għandu jindika:

a)      l-identità kompleta tiegħu;

b)      il-post jew postijiet fejn il-persuna kkonċernata rrisjediet matul il-ħames snin preċedenti;

c)      il-post ta’ residenza tiegħu;

d)      is-sorsi ta’ dħul tiegħu […]

[…]

4. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) u tal-Artikolu 30(4) tat-test uniku, fil-każ ta’ applikazzjoni li tikkonċerna l-membri tal-familja skont l-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 29(1)(b)bis, tal-imsemmi test uniku, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu għandha wkoll tikkonċerna lill-konjuġi u lill-ulied ta’ taħt it-18-il sena li jgħixu miegħu u li jintalab permess ta’ residenza għalihom ukoll; barra minn hekk, għandhom jiġu ppreżentati d-dokumenti segwenti, li juru:

a)      l-istatus tal-konjuġi jew ta’ wild minuri […]

b)      l-aċċess għal akkomodazzjoni [...]

c)      id-dħul [...]; li jinkludi d-dħul tal-membri tal-familja li jikkoabitaw iżda li ma humiex dipendenti tal-persuna kkonċernata.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Fit-28 ta’ Frar 2012, S. Tahir, ċittadina Pakistana, ressqet applikazzjoni quddiem il-Questura di Verona għall-għoti ta’ permess ta’ residenza KE għal residenza għat-tul, fil-kwalità tagħha ta’ konjuġi tas-Sur Tahir, li huwa wkoll ċittadin Pakistan. Dan tal-aħħar għandu dan il-permess ta’ residenza.

21      L-imsemmija applikazzjoni ġiet miċħuda mill-Questura di Verona, minħabba li S. Tahir, li kienet ilha toqgħod fl-Italja biss mill-15 ta’ Marzu 2010, permezz ta’ viża ta’ dħul sabiex tingħaqad mal-konjuġi tagħha, ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 9 tad-digriet leġiżlattiv Nru 286/1998 li jgħid li huwa neċessarju li applikant ikun fil-pussess ta’ permess ta’ residenza validu għal mill-inqas ħames snin.

22      S. Tahir bdiet proċeduri quddiem it-Tribunale di Verona sabiex tikseb l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda. Filwaqt li invokat il-leġiżlazzjoni Taljana, hija sostniet li għandha dritt għal permess ta’ residenza KE għal residenza għat-tul, peress li hija membru tal-familja tas-Sur Tahir, li kien diġà jibbenefika mill-istatus ta’ residenti għat-tul fl-Italja, u li, għalhekk, hija eżentata mill-imsemmija kundizzjoni. S. Tahir issostni b’mod partikolari li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 9 tad-digriet leġiżlattiv Nru 286/1998 hija ġġustifikata mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/109. Fil-fatt, l-Artikolu 9 jipprevedi miżura iktar favorevoli minn dik stabbilita mid-Direttiva 2003/109, peress li ma huwiex iktar neċessarju għall-membru tal-familja tad-detentur tal-istatus ta’ residenti għat-tul li jissodisfa l-kundizzjoni tar-residenza legali u kontinwa fl-Italja għal ħames snin.

23      Il-Questura di Verona ssostni li l-kundizzjoni ta’ residenza prevista fl-imsemmi Artikolu 9 hija kundizzjoni indispensabbli għall-kisba tal-permess ta’ residenza KE għal residenzi għat-tul, peress li hija mitluba mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, u li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tagħmel l-ebda deroga f’dan ir-rigward.

24      Il-qorti tar-rinviju ssostni, fid-deċiżjoni tagħha, li l-Artikolu 9(1) tad-digriet leġiżlattiv Nru 286/1998, jestendi, taħt ċerti kundizzjonijiet relatati mad-dħul suffiċjenti u ma’ post ta’ residenza adegwat, il-possibbiltà tal-għoti tal-permess ta’ residenza KE għal residenzi għat-tul għall-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun diġà kiseb tali permess. Għal dan il-għan, il-kundizzjoni tar-residenza ta’ ħames snin tikkonċerna biss lil dan iċ-ċittadin u mhux lill-membri tal-familja tiegħu. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkonfermata minn ċerti deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tmurs kontra d-Direttiva 2003/19, sa fejn minn din id-direttiva jirriżulta li, għall-għoti ta’ dan il-permess, l-applikant għall-imsemmi permess għandu jkun stabbilit għal żmien twil fl-Istat Membru kkonċernat.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Verona ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/10 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni ta’ residenza legali u mingħajr interruzzjoni għal ħames snin fl-Istat Membru, imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2003/109], u li għandha tiġi ssodisfata billi jiġu ppreżentati dokumenti insostenn tagħa, meta tiġi ppreżentata t-talba għal permess ta’ residenza, tista’ tapplika wkoll għal persuna differenti minn dik li tippreżenta t-talba u li hija membru tal-familja tagħha skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva [2003/109]?

2)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/109 għandha tiġi interpretata fis-sens li fost l-iżjed kundizzjonijiet favorevoli li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri jistgħu joħorġu permessi ta’ residenza KE għat-tul permanenti jew ta’ validità illimitata hemm ukoll dik li tippermetti li tiġi estiża, bħala kundizzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ residenti għat-tul, ir-residenza legali u mingħajr interruzzjoni għal ħames snin fl-Istat ikkonċernat, skont l-Artikolu 4(1) ta’ l-istess direttiva, tal-persuna li diġà tkun kisbet l-istatus ta’ residenti għat-tul għall-membri tal-familja tagħha hekk kif iddefiniti fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva [2003/109], irrispettivament mit-tul tar-residenza ta’ dawn tal-aħħar fit-territorju tal-Istat Membru li fih ġiet ippreżentata t-talba?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-membru tal-familja, kif iddefinit fl-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, tal-persuna li diġà tkun kisbet l-istatus ta’ residenti għat-tul, jistax jiġi eżentat mill-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva li tgħid li, sabiex jinkiseb dan l-istatus, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkollu residenza legali u kontinwa fl-Istat Membru kkonċernat matul il-ħames snin li immedjatament jippreċedu l-introduzzjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/109 tindika b’mod ċar li l-kisba tal-istatus ta’ residenti għat-tul mogħti skont din id-direttiva hija suġġetta għal proċedura partikolari u, minbarra dan, għall-obbligu li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ippreċiżati fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva. (sentenza Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 66).

28      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/109 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jirriżervaw l-għoti tal-istatus ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom matul il-ħames snin li immedjatament jippreċedu l-introduzzjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni. L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jissuġġetta l-kisba ta’ dan l-istatus għall-prova li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob il-benefiċċju ta’ dan l-istatus jkollu riżorsi suffiċjenti kif ukoll assigurazzjoni għall-mard. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 7 tal-istess direttiva jippreċiża r-rekwiżiti proċedurali għall-kisba tal-imsemmi status (sentenza Kamberaj, EU:C:2012:233, punt 67).

29      Issa, fil-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 7 jew ta’ xi dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2003/109 ma hemm xejn li jippermetti li jiġi preżuppost li membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva jista’ jiġi eżentat, sabiex jibbenefika mill-istatus ta’ residenti għat-tul previst minn din id-direttiva, mill-kundizzjoni ta’ residenza legali u kontinwa fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul il-ħames snin qabel l-introduzzjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni.

30      Għall-kuntrarju, minn qari flimkien tal-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 2003/109, moqrija fid-dawl tal-premessa 6 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-imsemmija kundizzjoni ta’ residenza hija kundizzjoni indispensabbli għall-għoti tal-istatus ta’ residenti għat-tul.

31      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/109 jinkludi riferiment espliċitu għall-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikoli 4 u 5 ta’ din id-direttiva. B’hekk, l-applikazzjoni mressqa quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz għandha jkollha magħha dokumenti li jipprovaw li huwa jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet u, għaldaqstant, b’mod partikolari, il-kundizzjoni ta’ residenza. Min-naħa l-oħra, il-premessa 6 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi li l-kriterju prinċipali għall-kisba tal-istatus ta’ residenti għat-tul għandu jkun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Din il-premessa tippreċiża li din ir-residenza għadha tkun legali u kontinwa sabiex tindika li l-persuna tkun stabbilixxiet ruħha fil-pajjiż.

32      B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li mill-premessi 4 u 6 tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta b’mod partikolari li l-għan prinċipali tagħha huwa l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Singh, C‑502/10, EU:C:2012:636, punt 45).

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) u mill-premessa 6 tad-Direttiva 2003/109, huwa t-tul tar-residenza legali u kontinwa li jistabbilixxi l-għeruq tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż u għaldaqstant ir-residenza għat-tul f’dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Singh, EU:C:2012:636, punt 46).

34      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni ta’ residenza legali u kontinwa fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul il-ħames snin li jippreċedu l-introduzzjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni, prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, hija kundizzjoni indispensabbli sabiex wieħed ikun jista’ jikseb l-istatus ta’ residenti għat-tul previst minn din id-direttiva, b’mod li ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jippreżenta applikazzjoni, skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, sabiex jikseb dan l-istatus unikament jekk ikun hu stess, personalment, jissoddisfa din il-kundizzjoni.

35      F’dan il-każ, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet irrisjediet, fiż-żmien meta ressqet l-applikazzjoni tagħha għal permess ta’ residenza KE għal residenza għat-tul, fit-territorju Taljan għal perijodu ta’ inqas minn sentejn. Għalhekk, jidher li r-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ residenza li tinsab fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

36      Huwa ċertament minnu li din id-direttiva tinkludi dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(e). Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-każ partikolari ta’ membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu l-istatus ta’ resident għat-tul, fl-ewwel Stat Membru, li jeżerċita d-dritt ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor. B’hekk, l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi d-dritt u l-kundizzjonijet li bihom dawn il-membri jkunu jistgħu jakkompanjaw lil jew jingħaqdu mal-imsemmi resident f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

37      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 4(1) u 7(1) tad-Direttiva 2003/109 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-membru tal-familja, kif iddefinit fl-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, tal-persuna li tkun diġà kisbet l-istatus ta’ residenti għat-tul ma jistax jiġi eżentat mill-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, li tgħid li sabiex jinkiseb dan l-istatus, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkun ilu jirrisjedi b’mod legali u kontinwu fl-Istat Membru kkonċernat matul il-ħames snin li jippreċedu immedjatament it-tressiq tal-applikazzjoni inkwistjoni.

 Fuq it-tieni domanda

38      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru jagħti permess ta’ residenza KE għal residenza għat-tul, lil membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, fuq kundizzjonijiet iżjed favorevoli minn dawk stabbiliti f’din id-direttiva.

39      F’dan ir-rigward, għandu, preliminarjament, jiġi kkonstatat li l-possibbiltà għal tali ċittadin ta’ pajjiż terz li jingħata permess ta’ residenza mingħajr ma jkun jissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza legali u kontinwa f’dan l-Istat Membru prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva tista’ taqa’ taħt il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 13 tal-imsemmija Direttiva 2003/109, li tippermetti lill-Istati Membri jagħtu permessi ta’ residenza permanenti jew għal żmien illimitat fuq kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk stabbiliti f’din l-istess direttiva.

40      Issa, mill-premessa 17 tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-kisba tal-istatus ta’ residenti għat-tul jiffavorixxi l-fiduċja reċiproka bejn Stati Membri. F’dan il-kuntest, din il-premessa tistabbilixxi li l-permessi ta’ residenza permanenti jew ta’ żmien ta’ validità illimitata mogħtija fuq kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk stabbiliti minn din id-direttiva ma jiftħux l-aċċess għad-dritt ta’ residenza fl-Istati Membri l-oħra.

41      Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/109 jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà msemmija iktar ’il fuq, skont il-kliem ċar tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, dawn jistgħu jkunu biss “permessi ta’ residenza [li] ma għandhomx jikkonferixxu d-dritt ta’ residenza fl-Istati Membri l-oħra kif hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu [III] [ta’ din id-direttiva]”.

42      Kif jirriżulta b’mod partikolari minn qari flimkien tal-Artikoli 2(b) u 14(1) tad-Direttiva 2003/109, permess ta’ residenza KE għal residenza għat-tul jagħti lid-detentur tiegħu, bħala regola, id-dritt li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stati Membri differenti minn dak li jkun tah il-permess ta’ residenza għat-tul għal perijodu li jaqbeż it-tliet xhur.

43      Għaldaqstant, permess ta’ residenza li jingħata, bis-saħħa tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, minn Stat Membru, lil membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(e), ta’ din l-istess direttiva fuq kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, ma jista’ bl-ebda mod ikun permess ta’ residenza KE għal residenza għat-tul fis-sens tal-imsemmija direttiva.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru jagħti permess ta’ residenza KE għal residenza għat-tul, lil membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, taħt kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk stabbiliti minn din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 4(1) u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2011, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-membru tal-familja, kif iddefinit fl-Artikolu 2(e) tal-imsemmija direttiva, tal-persuna li tkun diġà kisbet l-istatus ta’ residenti għat-tul ma jistax jiġi eżentat mill-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, li tgħid li sabiex jinkiseb dan l-istatus, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkun ilu jirrisjedi b’mod legali u kontinwu fl-Istat Membru kkonċernat matul il-ħames snin li jippreċedu immedjatament it-tressiq tal-applikazzjoni inkwistjoni.

2)      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/109, kif emendata bid-Direttiva 2001/51, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru jagħti permess ta’ residenza KE għal residenza għat-tul, lil membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, taħt kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk stabbiliti minn din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.