Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Diċembru 2008 - AIB-Vinçotte Luxembourg vs Il-Parlament

(Kawża T-524/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: AIB-Vinçotte Luxembourg ASBL (Lussemburgu, Il-Lussemburgu) (rappreżentant: R. Adam, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Ottubru 2008 li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għall-kompetizzjoni Nru INLO-A-BATI LUX - 07 268 & 271 - 00, bl-għan tal-kostruzzjoni mill-ġdid u għall-estensjoni tal-bini Konrad Adenauer fil-Lussemburgu;

tirriżerva lir-rikorrenti d-drittijiet, ir-rimedji, il-mezzi u l-azzjonijiet l-oħra kollha, u b'mod partikolari l-kundanna tal-Parlament għal danni u interessi meta mqabbla mad-dannu subit;

f'kull każ tikkundanna l-Parlament għall-ispejjeż ta' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta tagħha mressqa fil-kuntest tas-sejħa għal offerti għall-lott B tal-kuntratt dwar il-proġett ta' estensjoni u ta' kostruzzjoni mill-ġdid tal-bini KAD fil-Lussemburgu - Xogħol approvat ta' entità ta' kontroll (ĠU 2008, S 193-254240).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni erba' motivi bbażati:

-    fuq żball manifest ta' evalwazzjoni minn naħa tal-Parlament safejn i) l-assoċjazzjoni li ngħatat il-kuntratt m'għandhix l-approvazzjonijiet meħtieġa sabiex twettaq ix-xogħolijiet mitluba, bħal dawk meħtieġa fl-ispeċifikazzjonijiet u ii) l-offerta ta' din l-assoċjazzjoni tagħti prezz baxx b'mod anormali fid-dawl tal-kriterji tad-dokumenti tal-kuntratt;

-    fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni safejn i) il-Parlament ma ppreċiżax il-vantaġġji konkreti tal-offerta aċċettata meta mqabbla ma' dik tar-rikorrenti li ma jippermettix għalhekk lir-rikorrenti sabiex tidentifika r-raġunijiet li għalihom l-offerta tagħha ma ġietx aċċettata u ii) ir-rikorrenti ma ngħatatx iċ-ċans li tkun taf jekk saritx laqgħa tal-kumitat ta' evalwazzjoni u, jekk ikun il-każ, liema kienu l-konklużjonijiet tiegħu;

-    fuq ksur tal-prinċipji ta' diliġenza, ta' amministrazzjoni tajba u ta' trasparenza, billi l-Parlament naqas milli jikkomunika, f'termini raġonevoli, l-ispjegazzjonijiet mitluba;

-    fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-klawżoli amministrattivi, safejn la d-deċiżjoni kkontestata u lanqas l-ittri li jiġu wara ma jsemmu xi rimedji.

____________