Language of document : ECLI:EU:T:2020:315

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Lulju 2020 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinnati miċ-Ċina – Impenji – Ammissibbiltà – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2146 – Annullament ta’ fatturi konformi – Applikazzjoni ratione temporis ta’ dispożizzjonijiet ġodda”

Fil-Kawża T‑110/17,

Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd, stabbilita f’Changzhou (iċ-Ċina), irrappreżentata minn Y. Melin, avocat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Kuplewatzky u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn H. Marcos Fraile, bħala aġent, assistita minn N. Tuominen, avocate,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2146 tas-7 ta’ Diċembru 2016 li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn ta’ żewġ produtturi esportaturi skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti antidumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri definittivi (ĠU 2016, L 333, p. 4), sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz (Relatur) u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-30 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-prezenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd, timmanifattura moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin fiċ-Ċina u tesportahom lejn l-Unjoni Ewropea.

2        Fl-4 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 513/2013 tal-4 ta’ Ġunju 2013 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew li jiġu kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2013 li jagħmel dawn l-importazzjonijiet li joriġinaw fi jew li huma kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjonii (ĠU 2013 L 152, p. 5).

3        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/423/UE tat-2 ta’ Awwissu 2013 li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 209, p. 26), il-Kummissjoni aċċettat impenn ta’ prezz (iktar ’il quddiem l-“impenn”) offrut mill-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ makkinarju u ta’ prodotti elettroniċi (iktar ’il quddiem iċ-“CCCME”).

4        Fit-2 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill tal-Unjoni adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 1).

5        Fit-2 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 66).

6        L-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 jipprevedu, fl-istess termini, li l-Kummissjoni tista’ tidentifika tranżazzjonijiet li għalihom “dejn doganali jiġġarrab meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera” fis-sitwazzjonijiet fejn l-aċċettazzjoni tal-impenn tal-prezz tiġi rtirata.

7        Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tagħha 2013/707/UE tal-4 ta’ Diċembru 2013 li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti ta’ anti-dumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi (ĠU 2013, L 325, p. 214), il-Kummissjoni kkonfermat li taċċetta dak l-impenn. Fl-10 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/657/UE, filwaqt li aċċettat proposta ppreżentata minn grupp ta’ produtturi-esportaturi flimkien maċ-CCCME bl-għan li jingħata kjarifiki dwar l-implimentazzjoni tal-impenn imsemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707 (ĠU 2014, L 270, p. 6).

8        Id-dazju ad valorem totali applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċelloli u ta’ moduli fotovoltajċi li joriġinaw miċ-Ċina għall-kumpanniji mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw u li huma inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u fl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 huwa ta’ 47.7 %. Dan jikkorrispondi għal dazju antidumping ta’ 41.3 % (Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013) li miegħu jiżdied dazju kumpensatorju ta’ 6.4 % (Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013). L-importazzjonijiet koperti mill-impenn u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707 huma eżentati minn dawn id-dazji skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013.

9        Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kellha l-intenzjoni tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn billi tippreċiża l-elementi u l-kunsiderazzjonijiet prinċipali li fuqhom hija kienet qiegħda tibbaża ruħha. Ma’ din l-ittra kien hemm annessi rapport ta’ informazzjoni ġenerali u rapport speċifiku għar-rikorrenti.

10      Fir-rapport speċifiku lir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat li hija kellha l-intenzjoni tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn u informat lir-rikorrenti, taħt it-Titolu 4, intitolat “Invalidazzjoni tal-fatturi konformi”, li hija kellha l-intenzjoni, minn naħa, li tinvalida l-fatturi konformi li kienu jakkumpanjaw il-bejgħ magħmul lill-importatur u, min-naħa l-oħra, tordna lill-awtoritajiet doganali jirkupraw id-dejn doganali fil-każ fejn ir-rikorrenti ma tkunx ippreżentat fatturi konformi validi fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija.

11      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar ir-rapport ta’ informazzjoni ġenerali u dwar ir-rapport li huwa speċifiku għaliha tal-Kummissjoni. Hija spjegat, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li tinvalida l-fatturi, u lanqas li tordna lill-awtoritajiet doganali jiġbru dazji bħallikieku ma ġiet ippreżentata ebda fattura konformi. Skont ir-rikorrenti, fir-realtà dan iwassal sabiex jingħata effett retroattiv lill-irtirar mill-impenn.

12      Il-Kummissjoni kkonfermat il-pożizzjoni tagħha fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2146 tat-7 ta’ Diċembru 2016 li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn ta’ żewġ produtturi esportaturi skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707 (ĠU 2016, L 333, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), adottat abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku antidumping”), u tal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku kontra s-sussidji”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ippreżentat dan ir-rikors.

14      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Mejju 2017.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill talab sabiex jitħalla jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-partijiet prinċipali ma ppreżentawx osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2017, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent tal-Kunsill, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

17      Il-Kunsill ippreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fis-27 ta’ Lulju 2017.

18      Permezz ta’ ittra indirizzata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni indikat li ma kellhiex osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent.

19      Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Settembru 2017.

20      Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Lulju 2017.

21      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ottubru 2017. Din kienet tinkludi talba għall-irtirar mill-proċess tal-Anness C.3 tar-replika. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba fid-9 ta’ Novembru 2017.

22      Ir-rikorrenti ppreżentat ukoll lill-Qorti Ġenerali, wara l-preżentata tar-replika u qabel is-seduta, dokument innominat bin-numru E.1, li jirreferi għall-proċedura quddiem l-awtoritajiet doganali nazzjonali Svediżi, dwar l-importazzjonijiet inkwistjoni, li huwa s-suġġett ta’ fatturi konformi invalidati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kienet inizjalment talbet, fil-punt 14 tal-osservazzjonijiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Jannar 2019, li l-Qorti Ġenerali tiddikjara dan l-anness inammissibbli u tneħħih mill-proċess, bħala prova ġdida. Hija rrinunzjat, matul is-seduta, għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha.

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat, sa fejn jirrigwardaha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni, kif ukoll lil kull parti li tista’ tiġi awtorizzata tintervjeni insostenn tagħha matul il-proċedura, għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad il-motiv unika bħala inammissibbli;

–        iktar sussidjarjament, tiċħad il-motiv uniku, u għalhekk ir-rikors fl-intier tiegħu, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat fid-dritt;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tagħha.

26      Matul is-seduta, ir-rikorrenti talbet li jingħaqdu l-Kawżi T‑781/17, Kraftpojkarna vs Il-Kummissjoni, u T‑782/17, Wuxi Saijing Solar vs Il-Kummissjoni, ma’ din il-kawża, għall-finijiet tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza. Wara domanda tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-Kunsill opponew għal tali tgħaqqid, billi sostnew, essenzjalment, li dawn il-kawżi ma kellhomx l-istess suġġett. Skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jgħaqqadx l-imsemmija kawżi ma’ din il-proċedura.

 Fid-dritt

 Fuq is-suġġett tar-rikors

27      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mit-talbiet tar-rikorrenti, dan ir-rikors huwa intiż sabiex jinkiseb l-annullament tal-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat, sa fejn ir-rikorrenti hija kkonċernata. Għalhekk, dan ir-rikors jirrigwarda l-legalità tal-invalidazzjoni tal-fatturi konformi tar-rikorrenti u l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minnhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-irkupru tad-dazji antidumping u kumpensatorji dovuti. Għaldaqstant, din il-kawża ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta rtirat l-aċċettazzjoni tagħha tal-impenji tar-rikorrenti. Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrenti la tikkontesta l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, li permezz tiegħu l-Kummissjoni rtirat l-aċċettazzjoni tal-impenji, u lanqas ir-regoli proċedurali, stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 3 ta’ dan l-istess regolament.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Dwar l-ammissibbiltà tar-rikors

28      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, issostni li r-rikors huwa inammissibbli. Sa fejn ir-rikorrenti ssemmi biss l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat, hija għandha turi li hija għandha locus standi skont l-Artikolu 263 TFUE, u għalhekk, b’mod partikolari, interess dirett. Hija għandha wkoll turi interess ġuridiku fir-rigward tal-imsemmija dispożizzjoni tar-regolament ikkontestat. Il-Kummissjoni ssostni li, peress li ma kinitx ir-rikorrenti, iżda Seraphim Solar System GmbH, li kellha tħallas lill-awtoritajiet nazzjonali d-dazji antidumping u kumpensatorji dovuti bħala konsegwenza legali tal-invalidazzjoni tal-fatturi maħruġa mir-rikorrenti, din tal-aħħar għalhekk la wriet l-interess ġuridiku u lanqas interess ġuridiku. Skont il-Kummissjoni, f’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat ma żvantaġġax b’mod konkret lir-rikorrenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 1978, Unicme et vs Il-Kunsill, 123/77, EU:C:1978:73).

29      Il-Kummissjoni tindika li hija r-rikorrenti li għandha tistabbilixxi li l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat jipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha. Issa, ir-rikorrenti kkontestat biss konsegwenza partikolari tal-ksur tal-impenn tagħha u tal-irtirar tiegħu, jiġifieri l-fatt li fatturi konformi kienu ġew invalidati u li, għaldaqstant, impriża oħra kienet obbligata tħallas dazji antidumping u kumpensatorji. Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti tfixkel ir-rekwiżiti applikabbli għal-locus standi fir-rigward tar-regolament ikkontestat kollu kemm hu u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu.

30      Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma hijiex individwalment affettwata. L-ewwel nett, ma jistax jiġi miċħud li hija ma kinitx id-destinatarja tal-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat, li għandu portata ġenerali. Sussegwentement, il-Kummissjoni tenfasizza li l-fatt li tissemma fir-regolament ikkontestat kollu kemm hu ma kienx deċiżiv. Fil-fehma tagħha, ir-regolament ikkontestat ma jistabbilixxix dazji antidumping jew kumpensatorji. Fil-fatt, id-dazji fuq l-importazzjoni tal-prodott tar-rikorrenti kienu dovuti sa mill-bidu, iżda ma nġabrux minħabba l-eżenzjoni mill-ġbir tagħhom minħabba l-preżentazzjoni ta’ fatturi konformi. Anki wara l-invalidazzjoni ta’ dawn il-fatturi, id-dazji fuq l-importazzjonijiet ma jinġabrux mingħand ir-rikorrenti, iżda mingħand l-impriżi Huashun Solar GmbH u Seraphim Solar System, kif indikat fl-Anness I tar-regolament ikkontestat, peress li dawn l-impriżi huma, skont il-Kummissjoni, l-uniċi direttament ikkonċernati mid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

31      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tallega li r-rikorrenti lanqas ma għandha interess ġuridiku. Fil-fehma tagħha, ir-rikorrenti ma wrietx kif l-annullament tal-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat seta’ jagħtiha benefiċċju, minkejja li l-invalidazzjoni tal-fatturi ma toħloqx dejn doganali għar-rikorrenti u ma teħlisha minn ebda obbligu.

32      Ir-rikorrenti jikkontestaw it-teżi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill. Hija ssostni li hija direttament u individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat, li hija għandha interess ġuridiku u, għaldaqstant, li hija tista’ tippreżenta dan ir-rikors.

33      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu, tippreżenta appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

34      Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ inċidenza individwali, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa minnu li, fid-dawl tal-kriterji tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-regolamenti li jimponu dazji antidumping għandhom, min-natura u mill-portata tagħhom, natura normattiva, peress li japplikaw għall-ġeneralità tal-operaturi ekonomiċi interessati, ma huwiex eskluż li ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti jistgħu jikkonċernaw individwalment ċerti operaturi ekonomiċi (ara d-digriet tal-21 ta’ Jannar 2014, Bricmate vs Il-Kunsill, T‑596/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:53, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Minn dan jirriżulta li l-atti li jistabbilixxu dazji antidumping jistgħu, mingħajr ma jitilfu n-natura regolatorja tagħhom, jikkonċernaw, f’ċerti ċirkustanzi, individwalment lil ċerti operaturi ekonomiċi (ara d-digriet tal-21 ta’ Jannar 2014, Bricmate vs Il-Kunsill, T‑596/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:53, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ interess dirett, għandu jitfakkar li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors, kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedja oħra (ara d-digriet tal-14 ta’ Jannar 2015, SolarWorld et vs Il-Kummissjoni, T‑507/13, EU:T:2015:23, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata b’digriet tal-10 ta’ Marzu 2016, SolarWorld vs Il-Kummissjoni, C‑142/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:163).

37      Fir-rigward tal-kumpanniji li joffru impenn, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li jistgħu jiġu kkontestati mill-esportatur ikkonċernat quddiem il-qrati tal-Unjoni d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw l-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn u tar-Regolament tal-Kunsill li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ dan l-esportatur (ara d-digriet tal-14 ta’ Jannar 2015, SolarWorld et vs Il-Kummissjoni, T-507/13, EU:T:2015:23, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      L-impriżi esportaturi tal-prodott suġġett għal dazju antidumping li lilhom huma imputati l-prattiki ta’ dumping u li jistgħu juru li huma ġew identifikati fl-atti tal-istituzzjonijiet huma kkunsidrati bħala li huma direttament ikkonċernati mir-regolament li jistabbilixxi l-imsemmi dazju (sentenza tat-28 ta’ Frar 2019, Il-Kunsill vs Marquis Energy, C‑466/16 P, EU:C:2019:156, punt 54).

39      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li, għall-applikazzjoni tal-att li huwa mitlub l-annullament tiegħu, tittieħed miżura nazzjonali ta’ implimentazzjoni ma jippermettix li jiġi eskluż li l-individwu rikorrent jista’ jitqies li huwa direttament ikkonċernat mill-att inkwistjoni, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-Istat Membru responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu ma jkollu ebda setgħa diskrezzjonali awtonoma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2005, Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, T‑366/03 u T‑235/04, EU:T:2005:347, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’tali sitwazzjoni, fil-fatt, l-intervent tad-deċiżjoni nazzjonali hija ta’ natura awtomatika u s-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent għandha tiġi kkunsidrata bħala direttament affettwata mid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il-Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punti 45 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrenti għandha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat (ara, f’dan is-sens, Reliance Industries vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑45/06, EU:T:2008:398, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Inċidenza individwali

41      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija produttur-esportatur tal-prodott ikkonċernat li kkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazji antidumping u kumpensatorji u li isimhom jidher fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013 li jistabbilixxu l-imsemmija dazji kif ukoll fl-aċċettazzjoni tal-impenn.

42      Barra minn hekk, ir-rikorrenti hija espliċitament imsemmija fir-regolament ikkontestat. Minn naħa, hija msemmija fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tar-regolament ikkontestat, li jirrigwarda l-irtirar tal-impenji li kienu ġew preċedentement aċċettati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, hija msemmija fil-premessa 31 ta’ dan l-istess regolament bħala wieħed miż-żewġ produtturi-esportaturi li ħarġu l-fatturi konformi li huma s-suġġett tal-invalidazzjoni fl-Artikolu 2 tad-dispożittiv ta’ dan l-istess regolament. Il-fatturi inkwistjoni f’dan il-każ kienu ddestinati mir-rikorrenti lill-impriża Seraphim Solar System. Ir-regolament ikkontestat jirrigwarda esklużivament l-osservanza tal-impenji taż-żewġ produtturi-esportaturi msemmija b’isimhom, fosthom ir-rikorrenti.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandha titqies li hija individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat u mill-Artikolu 2 tiegħu.

–       Interess dirett

44      F’dan il-każ, il-Kummissjoni, wara li kkonstatat il-ksur mir-rikorrenti tal-impenn offrut u rtirat l-aċċettazzjoni tagħha tal-imsemmi impenn, skont l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat, invalidat il-fatturi konformi maħruġa mir-rikorrenti li jikkorrispondu għal ċerti tranżazzjonijiet speċifiċi u kkonstatat, konsegwentement, li kellhom jinġabru d-dazji definittivi dovuti fir-rigward ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. B’dan il-mod, id-dispożizzjonijiet ikkontestati pproduċew direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan għall-awtoritajiet doganali nazzjonali kienu preskritti mill-imsemmija dispożizzjonijiet, mingħajr ma, skont dawn tal-aħħar, huma setgħu jibdlu l-invalidazzjoni tal-fatturi jew il-ġbir tad-dazji dovuti.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mir-regolament ikkontestat, inkluż l-Artikolu 2 tiegħu.

–       Interess ġuridiku

46      Għandu jiġi kkonstatat li l-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li d-djun doganali għandhom jitħallsu mill-importatur, u mhux mill-produttur-esportatur, ma jipprekludix li dan tal-aħħar ikollu interess li jikseb l-annullament ta’ att li wassal għal dawn id-djun.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ produttur-esportatur kontra atti li jwasslu għall-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn u li jimponu dazju antidumping definittiv fuq il-prodotti li huwa jimmanifattura u jesporta fis-suq tal-Unjoni hija, impliċitament, iżda neċessarjament, aċċettata mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Usha Martin vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑119/06, EU:T:2010:369, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Usha Martin vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑552/10 P, EU:C:2012:736). F’konfigurazzjoni simili, minn dan għandu jiġi dedott li tali produttur-esportatur għandu wkoll jitqies li huwa ammissibbli sabiex jikkontesta l-impożizzjoni tal-imsemmi dazju fuq il-prodotti li huwa diġà esporta u li l-fatturi konformi tagħhom ġew invalidati mill-Kummissjoni.

48      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ġustament issostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati, sa fejn dawn jikkontribwixxu sabiex irendu l-prodotti tagħha għall-importazzjoni, għandhom riperkussjonijiet negattivi fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-importatur tal-prodotti inkwistjoni, li r-rikors, f’każ ta’ suċċess, huwa ta’ natura li jneħħi.

49      Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha interess ġuridiku sabiex titlob l-annullament tal-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat. Ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat ammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti

50      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 huma kuntrarji għall-Artikolu 8(1), (9) u (10) u għall-Artikolu 10(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51), kif emendat, kif ukoll għall-Artikolu 13(1), (9) u (10) u għall-Artikolu 16(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 188, p. 93), sa fejn il-Kunsill, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità ta’ implimentazzjoni, u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur, ma setax jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tinvalida l-fatturi konformu fuq sempliċi rtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn, u lanqas tordna lill-awtoritajiet doganali jiġbru d-dazju fuq il-merkanzija diġà rrilaxxata fuq it-territorju doganali tal-Unjoni.

51      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, issostni li d-dritt tar-rikorrenti li tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE kien preskritt, b’applikazzjoni tas-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), u tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, (C‑239/99, EU:C:2001:101).

52      F’dan ir-rigward, skont il-Kummissjoni, bħala produttur-esportatur li kkoopera fl-investigazzjonijiet antidumping u kontra s-sussidji, ir-rikorrenti kellha dritt limitat ratione temporis, li skada fit-3 ta’ Marzu 2014, li tippreżenta rikors dirett skont l-Artikolu 263 TFUE sabiex tikkontesta l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013. Għaldaqstant, hija ma tistax, issa, tqajjem l-eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE sabiex tikkontesta dawn id-dispożizzjonijiet.

53      Il-Kummissjoni ssostni li, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, in-natura definittiva tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tipprekludi l-kontestazzjoni tagħhom wara li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra dawn l-atti previst fl-Artikolu 263 TFUE jkun skada, u dan anki fil-kuntest ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma skont l-Artikolu 277 TFUE kontra l-imsemmija atti. Din il-konklużjoni tapplika wkoll għar-regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping u kumpensatorji, minħabba n-natura doppja tagħhom ta’ atti ta’ natura normattiva u ta’ atti li jistgħu jikkonċernaw direttament u individwalment lil ċerti operaturi ekonomiċi.

54      Skont il-Kummissjoni, f’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti kienet taf perfettament ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013. Minkejja li ma ġietx inkluża fil-kampjun, ir-rikorrenti pparteċipat b’mod attiv fil-proċedura li tat lok għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping u kumpensatorji, sabiex tkun ivvantaġġata meta mqabbla mal-produtturi-esportaturi li ma kkooperawx. Ir-rikorrenti tidher fl-annessi tal-imsemmija regolamenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħal kull operatur ekonomiku prudenti ieħor, hija kellha tkun taf bil-fatt li l-Kunsill kien awtorizza lill-Kummissjoni tinvalida l-fatturi konformi u tordna lill-awtoritajiet doganali jiġbru d-dazji għall-fatturi meqjusa bħala li jiksru l-impenn, b’tali mod li t-terminu li hija kellha sabiex tikkontesta din is-setgħa, u għalhekk li tipproteġi l-interess tagħha li tikkontesta r-regolamenti msemmija iktar ’il fuq, kien skada fit-3 ta’ Marzu 2014.

55      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill.

56      Il-Qorti Ġenerali tirreleva li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, sabiex tikseb l-anullament ta’ att li jikkonċernaha direttament u individwalment, il-validità ta’ atti istituzzjonali preċedenti li jikkostitwixxu l-bażi ġuridika tal-att ikkontestat, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li, skont l-Artikolu 263 TFUE, tippreżenta rikors dirett kontra dawk l-atti, li tagħhom hija għaldaqstant tbati l-konsegwenzi mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, EU:C:1979:53, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rimedju tal-eċċezzjoni ta’ illegalità huwa disponibbli biss fl-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju ieħor disponibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 17; tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 37, u tat-8 ta’ Marzu 2007, Roquette Frères, C‑441/05, EU:C:2007:150, punt 40).

57      F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, ma jistax jitqies li r-rikorrenti setgħet tikkontesta, skont l-Artikolu 263 TFUE, direttament wara l-adozzjoni tagħhom, l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, u lanqas li t-terminu sabiex tikkontesta dawn id-dispożizzjonijiet kien skada fit-3 ta’ Marzu 2014.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 kienu jikkostitwixxu eżenzjonijiet favur ir-rikorrenti, fis-sens li l-prodotti inkwistjoni, importati fl-Unjoni, ma kinux suġġetti għall-ħlasijiet tad-dazji antidumping u kumpensatorji definittivi, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet previsti fl-impenji jiġu ssodisfatti.

59      Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni r-rikorrenti, li dawn id-dispożizzjonijiet kienu intiżi biss sabiex joħolqu, favur il-Kummissjoni, id-dritt li tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenji konkreti u li tinvalida fatturi konformi korrispondenti.

60      Issa, minn naħa, ġie espressament previst, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni kellha tipproċedi permezz ta’ miżuri partikolari, jiġifieri, permezz tal-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn, konformement mal-Artikolu 8(9) tar-Regolament Nru 1225/2009 u mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 597/2009, minn regolament jew minn deċiżjoni, li jirreferu għal tranżazzjonijiet partikolari u li jiddikjaraw il-fatturi konformi kkonċernati bħala invalidi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Jannar 2015, SolarWorld et vs Il-Kummissjoni, T‑507/13, EU:T:2015:23, punt 61). Għaldaqstant, is-sitwazzjoni f’dan il-każ ma hijiex paragunabbli ma’ dik inkwistjoni fis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2017, Canadian Solar Emea et vs Il-Kunsill (T‑162/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:124, punt 47), li għaliha l-Kummissjoni għamlet referiment fis-seduta billi sostniet li r-rikorrenti setgħet tikkontesta, sa mill-adozzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq.

61      Min-naħa l-oħra, kif issostni r-rikorrenti, fid-data tal-adozzjoni tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, il-kwistjoni dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet kinux ser jiġu applikati għaliha baqgħet purament ipotetika.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, qabel l-implimentazzjoni konkreta tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, li kienu jirrigwardaw l-impriżi kollha li adottaw l-impenji inkwistjoni, ir-rikorrenti ma setgħetx titqies li kienet direttament ikkonċernata minn dawn id-dispożizzjonijiet. Hija lanqas ma kellha interess li tikkontesta l-legalità tagħhom fil-kuntest ta’ rikors għal annullament matul il-perijodu mressaq mill-Kummissjoni, li kien jiskadi fit-3 ta’ Marzu 2014. B’mod iktar partikolari, l-interess ġuridiku tar-rikorrenti kontra d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma setax ikun ibbażat fuq is-sempliċi eventwalità li l-Kummissjoni tindirizzalha l-irtirar ta’ aċċettazzjoni tal-impenji segwit minn irtirar ta’ fatturi konformi. Ir-rikorrenti ma kellha ebda raġuni sabiex tistenna li ssib ruħha f’tali sitwazzjoni ipotetika.

63      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, b’differenza mis-sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 37), li għaliha tirreferi l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet li huma, f’dan il-każ, koperti mill-eċċezzjoni ta’ illegalità ma kellhomx in-natura ta’ deċiżjoni individwali. Għall-kuntrarju, dawn huma dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali, li għandhom jiġu segwiti minn miżuri ta’ implimentazzjoni sussegwenti li, jekk ikun il-każ, setgħu jippreġudikaw l-interessi tar-rikorrenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 1978, Unicme et vs Il-Kunsill, 123/77, EU:C:1978:73, punti 11 sa 18). La l-fatt li r-rikorrenti ssemmiet fl-annessi tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013 u lanqas il-fatt li hija kellha tkun taf bil-fatt li l-Kunsill kien awtorizza lill-Kummissjoni tinvalida l-fatturi konformi ma kellhom il-konsegwenza li jippermettulha tikkontesta d-dispożizzjonijiet, imsemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq, direttament wara l-adozzjoni tagħhom.

64      Għalhekk, fl-assenza ta’ interess ġuridiku kontra dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013 direttament wara l-adozzjoni tagħhom, xejn ma jipprekludi lir-rikorrenti milli tinvoka eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tagħhom fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

 Fuq il-mertu

65      Ir-rikorrenti tqajjem motiv uniku insostenn tar-rikors tagħha. Essenzjalment, hija tallega li, permezz tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 8(1), (9) u (10), kif ukoll l-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 13(1), (9) u (10), kif ukoll l-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, billi invalidat fatturi konformi u mbagħad ordnat lill-awtoritajiet doganali sabiex jiġbru dazji, bħallikieku ma kienet inħarġet ebda fattura konformi u kkomunikata lid-dwana fil-mument meta l-merkanzija ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera.

66      Ir-rikorrenti tibbaża wkoll ir-rikors tagħha fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, ibbażata fuq allegat ksur tal-Artikolu 8 tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 1225/2009 kif ukoll tal-Artikolu 13 tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 597/2009, kif applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013.

67      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li jaqgħu taħt ir-Regolament bażiku antidumping u r-Regolament bażiku kontra s-sussidji (ara l-punt 65 iktar ’il fuq), applikabbli fid-data tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, huma, essenzjalment, identiċi għal dawk li jaqgħu taħt ir-Regolamenti Nri 1225/2009 u 597/2009 (ara l-punt 66 iktar ’il fuq), fir-rigward tal-elementi rilevanti għall-analiżi ta’ din il-kawża. Għaldaqstant, fil-kumplament tas-sentenza, ser isir referiment għar-regolamenti bażiċi, ħlief meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1225/2009 u 597/2009, applikabbli jew invokati jekk ikun il-każ, ivarjaw. Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013 ġew adottati mill-Kunsill, li dak iż-żmien kellu, taħt ir-Regolamenti Nri 1225/2009 u 597/2009, il-kompetenza ta’ implimentazzjoni sabiex jistabbilixxi dazji definittivi, din il-kompetenza ġiet ittrasferita lill-Kummissjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2014 li jemenda ċerti regolamenti dwar il-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri (ĠU 2014, L 18, p. 1).

68      Ir-rikorrenti ssostni li mill-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku antidumping u mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji jirriżulta li, meta l-garanziji fuq il-prezzijiet ikunu ġew aċċettati, sakemm dawn l-impenji jibqgħu fis-seħħ, id-dazji provviżorji jew id-dazji definittivi, skont il-każ, ma japplikawx. Min-naħa l-oħra, meta l-aċċettazzjoni tal-impenn tiġi rtirata wara l-iskoperta tal-ksur minn wieħed mill-produtturi-esportaturi li jkunu pproponew l-impenn ta’ ċerti termini ta’ dan tal-aħħar, mill-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping u mill-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji jirriżulta li d-dazji, li ma ġewx applikati minħabba l-aċċettazzjoni tal-impenn, japplikaw awtomatikament. Madankollu, skont ir-rikorrenti, dawn id-dazji jikkonċernaw biss l-importazzjonijiet imwettqa mid-data tal-irtirar tal-impenn. Dan jirriżulta wkoll mill-prattika tal-Kummissjoni. Kien biss reċentement li l-Kummissjoni pproċediet, f’żewġ okkażjonijiet, għal invalidazzjoni ta’ fatturi konformi tat-tip bħal dawk li jinsabu fir-regolament ikkontestat.

69      Ir-rikorrenti ssostni li jeżistu biss żewġ eċċezzjonijiet, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tista’ timponi dazji retroattivament. L-ewwel waħda tikkonċerna l-każijiet fejn il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(10) tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13(10) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji jiġu sodisfatti. Meta l-Kummissjoni tissuspetta ksur ta’ impenn, hija tista’ tiddeċiedi li timponi dazji provviżorji, li jistgħu jinġabru b’mod definittiv, meta jiġu kkonfermati suspetti ta’ ksur.

70      It-tieni eċċezzjoni tirrigwarda, skont ir-rikorrenti, is-sitwazzjonijiet fejn l-importazzjonijiet kienu ġew irreġistrati skont l-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. Jekk l-awtoritajiet doganali jiġu ordnati jirreġistraw l-importazzjonijiet, id-dazju definittiv jista’ jiġi applikat retroattivament mid-data tar-reġistrazzjoni, bil-kundizzjoni li din tkun seħħet mhux iktar minn 90 ġurnata qabel l-impożizzjoni tad-dazji provviżorji.

71      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni stess iddikjarat li ma kienx hemm bażi legali għall-irtirar retroattiv tal-fatturi konformi. Hija tikkontesta li l-Kummissjoni tista’ ssostni li, f’dan il-każ, peress li l-investigazzjoni antidumping saret fi tmiemha, l-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn assoċjat mal-invalidazzjoni tal-fatturi konformi ma kellux effett retroattiv. Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni għal dak li huwa qari żbaljat tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

72      Fir-replika, ir-rikorrenti żżid li s-sorveljanza doganali u l-kontrolli doganali huma kompetenzi li jaqgħu taħt l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”).

73      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Kunsill seta’ jawtorizzaha permezz tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013 sabiex tinvalida fatturi konformi u tordna lill-awtoritajiet doganali nazzjonali jiġbru d-dazji relatati mal-importazzjonijiet imwettqa bi ksur tat-termini tal-impenn.

74      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li impenn fuq il-prezzijiet huwa impenn li jinkisbu riżultati. Esportatur li minnu jirriżulta li huwa pprattika d-dumping jew ibbenefika minn sussidji suġġetti għal miżuri kumpensatorji jista’ jintrabat li jżid il-prezz tal-esportazzjonijiet tiegħu b’mod li jneħħi l-effetti dannużi tal-imsemmija prattiki, peress li dan il-livell ta’ prezz huwa ċċertifikat mill-ħruġ ta’ fatturi konformi. Madankollu, huwa għandu josserva l-impenn tiegħu sabiex ikun jista’ jkompli jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazji antidumping jew kumpensatorji li jkunu normalment dovuti għall-prodotti kkonċernati, li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidju. Impenn jikkostitwixxi għalhekk eċċezzjoni għall-kundizzjonijiet li normalment japplikaw għall-prodotti kkonċernati. Min-naħa l-oħra, meta l-fattura ta’ impenn ma tiġix ippreżentata jew meta jiġi skopert sussegwentement li din ma tissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa, id-dazji antidumping jew id-dazji kumpensatorji jerġgħu jkunu applikabbli u l-awtoritajiet doganali nazzjonali jiġbru l-imsemmija dazji. Il-Kummissjoni tallega li, sa fejn impenn kien jikkostitwixxi eċċezzjoni u arranġament delikat, dan kellu jiġi interpretat b’mod strett. Il-konklużjoni ta’ impenn jikkostitwixxi riskju għall-Kummissjoni, li miegħu tiżdied diffikultà sabiex jiġi kkontrollat. Hija kull parti li taċċettaha li tiżgura r-rispett effettiv tagħha u li għandha twettaq sorveljanza effikaċi fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħha, billi tikkoopera mal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ fiduċja.

75      Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu jaċċettaw, jiċħdu u jiddefinixxu t-termini ta’ impenn ta’ prezz abbażi tas-setgħa diskrezzjonali leġiżlattiva tagħhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni tista’ tissanzjona kull ksur ta’ impenn jew tal-obbligu ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tiegħu billi tirtira l-aċċettazzjoni tagħha minnu u billi timponi d-dazji antidumping u kumpensatorji abbażi tal-fatti stabbiliti fil-kuntest tal-investigazzjoni li wasslet għall-impenn fuq il-prezzijiet, skont l-Artikolu 8(7) u (9) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 13(7) u (9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. Din is-setgħa ta’ sanzjoni tinkludi dik li tinvalida l-fatturi konformi.

76      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill ma setax jawtorizzaha bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013 li jinvalidaw fatturi relatati ma’ merkanzija li diġà tqiegħdet f’ċirkulazzjoni libera, sa fejn tali possibbiltà ma hijiex prevista fir-Regolament bażiku antidumping u fir-Regolament bażiku kontra s-sussidji.

77      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li hija kellha bħala missjoni ġenerali li tissorvelja l-impenji aċċettati skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, jekk meħtieġ bl-għajnuna tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux l-invalidazzjoni tal-fatturi konformi, iżda sempliċement ma jinkludu ebda referiment għaliha.

78      It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji ma jiddefinixxux in-natura tal-ksur tal-impenn u ma jiddeterminawx iċ-ċirkustanzi li fihom għandha tiġi rtirata l-aċċettazzjoni tiegħu. Huma l-istituzzjonijiet li għandhom jimponu ċerti rekwiżiti ta’ konformità, peress li l-ħruġ ta’ fatturi konformi huwa biss eżempju wieħed fost oħrajn. Il-bażi legali għad-definizzjoni ta’ dawn il-modalitajiet tekniċi fir-regolamenti li jistabbilixxu dazji definittivi tinsab fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku antidumping u fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, li jipprovdu li d-dazji għandhom jinġabru “mill-Istati Membri skont il-forma, ir-rata u l-elementi l-oħra stabbiliti fir-Regolament li jimponihom”. Il-possibbiltà li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata tinvalida l-fatturi konformi tirriżulta mill-missjoni ġenerali tagħha li tikkonsisti fis-sorveljanza tal-impenji, mis-setgħa tal-Kunsill li jistabbilixxi “elementi oħra” għall-ġbir tad-dazji inkwistjoni u mill-obbligu għall-produtturi-esportaturi li jippermettu sorveljanza fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ fiduċja mal-Kummissjoni, peress li din tiddependi mill-affidabbiltà tad-dokumenti pprovduti.

79      It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu li jiġu ppreżentati fatturi konformi u l-invalidazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-impenji adottati ma humiex ġodda. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li użat is-setgħa tagħha li tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn u li tiddikjara l-fatturi korrispondenti mhux konformi billi mmotivat id-deċiżjoni tagħha b’mod xieraq fil-konfront tar-rikorrenti. F’każ bħal dan, dazju antidumping jew kumpensatorju dovut, minħabba fattura ta’ impenn invalidata, huwa intiż sempliċement sabiex jirregolarizza ċ-ċirkustanzi. L-invalidazzjoni tal-fatturi konformi hija intiża sabiex issaħħaħ l-effettività tal-impenji dwar il-prezzijiet aċċettati mill-Kummissjoni u tirrifletti u tikkompleta l-kompetenza tal-awtoritajiet doganali nazzjonali permezz ta’ għodda addizzjonali, li tippermetti l-irkupru tad-dazji fil-każ ta’ ksur ta’ impenn.

80      Ir-raba’ nett, skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Il-Kummissjoni ssostni li l-eżenzjoni mid-dazji antidumping u kumpensatorji ma kinitx tikkostitwixxi sitwazzjoni definittiva fil-mument tar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera. Barra minn hekk, regoli ċari ta’ dritt indikaw lir-rikorrenti, sa mill-bidu, il-possibbiltà li jiġu invalidati fatturi konformi, b’mod partikolari fil-każ ta’ ksur tal-impenn.

81      Il-Kummissjoni ssostni li huma l-awtoritajiet doganali nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk humiex jew le kapaċi jiġbru d-dazji doganali għall-fatturi, li għalihom it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 103(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni skada, kif applikat għad-dazji inkwistjoni permezz tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku antidumping. L-artikolu korrispondenti tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji huwa l-Artikolu 24(1). Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li, peress li l-effetti ta’ dawn l-invalidazzjonijiet ma kinux japplikaw ratione temporis f’data qabel it-23 ta’ April 2014, jiġifieri fid-data tal-preżentazzjoni tal-ewwel fattura konformi tar-rikorrenti, u wisq inqas mill-4 ta’ Diċembru 2013, jiġifieri d-data tal-applikazzjoni tad-dazji fuq il-prodott ikkonċernat, ma kien hemm ebda retroattività fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

82      Skont il-Kummissjoni, f’dan il-kuntest u fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, huwa evidenti li, meta jiġu ppreżentati fatturi konformi inkorretti jew inkompleti, id-dazju antidumping jew kumpensatorju ordinarju dovut mill-produttur-esportatur inkwistjoni japplika, bħallikieku dan tal-aħħar ma kienx ippreżenta fattura konformi u d-dazji li ma kinux tħallsu minħabba l-preżentazzjoni ta’ dawn il-fatturi konformi kienu għalhekk dovuti daqslikieku ma kinitx teżisti eżenzjoni.

83      Il-ħames nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, il-Kummissjoni taqbel li dawn ma jkoprux il-prattika allegata.

84      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li qatt ma kien hemm prassi li tikkonsisti fl-eżenzjoni mid-dazji antidumping jew kumpensatorji tal-importazzjonijiet imwettqa qabel l-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn. L-uniċi każijiet li fihom fatturi konformi ma ġewx invalidati ma jaqgħux taħt il-kategorija deskritta mir-rikorrenti. Anki li kieku tali prattika kienet teżisti, din ma kien ikollha ebda influwenza fuq il-legalità tar-regolament ikkontestat. F’dan il-kuntest, il-punt 33 tar-rikors huwa inammissibbli minħabba li jikser l-Artikolu 76(f) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn ma ġiet prodotta ebda prova.

85      Il-Kummissjoni ssostni li l-pożizzjoni tar-rikorrenti tista’ tiġi miġbura fil-qosor fis-sens li l-unika konsegwenza legali tal-ksur ta’ impenn hija l-irtirar tagħha għall-futur. It-tranżazzjonijiet kollha bbażati fuq ksur, li twettqu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rtirar, huma protetti. Issa, il-Kummissjoni tenfasizza li xejn fid-dritt tal-Unjoni ma jiġġustifika protezzjoni daqstant wiesgħa ta’ operatur ekonomiku li jikser l-obbligi li huwa volontarjament aċċetta, b’mod partikolari meta jkun ġie akkużat minn qabel tal-konsegwenzi ta’ tali atti.

86      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-rikorrenti u hija jaqblu li, bħala prinċipju, dazji antidumping u kumpensatorji jistgħu jiġu stabbiliti sa mill-ksur tal-impenn. In-nuqqas ta’ qbil jirrigwarda biss il-metodu li għandu jintuża f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa inutli li wieħed jirrikorri għar-reġistrazzjoni u għad-dazji provviżorji meta l-investigazzjoni tkun intemmet u meta jkunu ġew stabbiliti dazji definittivi. Il-metodu propost mir-rikorrenti ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tibda r-reġistrazzjoni biss wara li tkun skopriet ksur ta’ impenn. Il-Kummissjoni ssostni li hija segwiet il-proċedura xierqa. Fil-fatt, l-annullament tal-fattura konformi huwa l-uniku mod kif jinġabru d-dazji mill-avveniment fattwali li jikkostitwixxi l-ksur. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li għandha ssir distinzjoni bejn l-impożizzjoni ta’ dazji u s-sospensjoni tal-ġbir tagħhom. Is-sitwazzjoni f’dan il-każ taqa’ taħt dan it-tieni eżempju.

87      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-sorveljanza doganali u l-kontrolli doganali huma kompetenzi tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument kien ġie ppreżentat, għall-ewwel darba, fir-replika u, għaldaqstant, li huwa inammissibbli abbażi tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura. F’kull każ dan huwa infondat.

88      Il-Kummissjoni ssostni li huwa paċifiku li hija kienet ordnat lill-awtoritajiet doganali jiġbru dazji antidumping u kumpensatorji dovuti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, skont l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat. Hija ssostni li, mingħajr ma pprovat tuża l-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali, hija kienet imponiet l-obbligu li twettaq ċerti attivitajiet ta’ kontroll u ta’ verifika tal-konformità, skont is-setgħat previsti fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku antidumping u fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, b’tali mod li tipproteġi r-riżorsi proprji tal-Unjoni.

89      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni u l-Kunsill fil-kwalità tiegħu ta’ eżekuttiv wessgħu s-setgħat tal-Kummissjoni lil hinn minn dak li kien permess mit-Trattati u mid-dritt sekondarju huwa inammissibbli, peress li dan huwa motiv ġdid ippreżentat għall-ewwel darba fir-replika, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, dan l-argument ma huwiex ċar fir-rigward tal-mod li bih il-Kunsill estenda l-kompetenzi tal-Kummissjoni.

90      Il-Kunsill isostni, essenzjalment, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni. L-ewwel nett, huwa jallega li l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji turi li dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw l-annullament tal-fatturi konformi. It-tieni nett, huwa jsostni li r-regolamenti msemmija iktar ’il fuq jipprovdu bażi legali li tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jimponu rekwiżiti ta’ konformità għall-ġestjoni tal-impenji fuq il-prezzijiet. It-tielet nett, skont il-Kunsill, il-klawżoli ta’ invalidazzjoni tal-fatturi konformi jikkorrispondu mal-prassi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Ir-raba’ nett, il-Kunsill isostni li l-invalidazzjoni tal-fatturi konformi ma hijiex ekwivalenti għal impożizzjoni retroattiva ta’ dazji antidumping u kumpensatorji, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

91      Ir-rikorrenti tikkontesta kemm l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni kif ukoll dawk tal-Kunsill.

 Fuq il-kuntest ġuridiku li taħtu jaqgħu l-impenji u l-fatturi konformi tar-rikorrenti

92      Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku, fil-każ fejn l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu tkun ġiet ikkonstatata, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li taċċetta offerti li permezz tagħhom l-esportaturi jintrabtu volontarjament u b’mod sodisfaċenti li jirrevedu l-prezzijiet tagħhom sabiex jevitaw li jesportaw il-prodotti kkonċernati bi prezzijiet ta’ dumping jekk hija tkun konvinta li l-effett dannuż tad-dumping ikun ġie eliminat permezz dan l-impenn.

93      F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li d-dazji antidumping u kumpensatorji definittivi ġew stabbiliti, b’rati li ġew ippreċiżati skont kategoriji ta’ impriżi, b’mod partikolari skont il-fatt li dawn kienu impriżi li kkooperaw fl-investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-aċċettazzjoni tal-impenji inkwistjoni kellha bħala konsegwenza eżenzjoni mill-ħlasijiet mid-dazji antidumping u kumpensatorji definittivi mill-impriżi kkonċernati, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) u mill-premessa 438 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013, kif ukoll mill-Artikolu 2(1) u mill-premessa 865 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013.

94      Madankollu, diġà ġie kkonstatat fil-ġurisprudenza dwar interpretazzjoni tas-sistema applikabbli għall-impenji taħt ir-Regolament Nru 1225/2009 li ma huwiex minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni li l-importazzjonijiet imsemmija minn dawn l-impenji huma eżenti mid-dazji antidumping, peress li l-eżenzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet adottati, jew mill-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju antidumping kif emendat, jew mill-Kunsill fir-Regolament definittiv antidumping, sabiex jiġu implimentati l-impenji aċċettati mill-Kummissjoni. Obbligu bħal dan huwa responsabbiltà tal-Kunsill skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku antidumping, li jistabbilixxi li regolament għandu jistitwixxi dazju antidumping definittiv fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodott li jkun suġġett għal dumping u li jikkawża dannu, li jinkludi eċċezzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet li jkunu ġejjin minn sorsi li minnhom, jekk ikun il-każ, ikun ġie aċċettat impenn (digriet tal-14 ta’ Jannar 2015, SolarWorld et vs Il-Kummissjoni, T‑507/13, EU:T:2015:23, punt 48).

95      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, anki jekk tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji, li dazji antidumping provviżorji jew definittivi jiġu biss imposti, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1225/2009, permezz ta’ regolament, b’din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li l-ġbir tagħhom mill-Istati Membri jseħħ skont elementi oħra stabbiliti mir-regolament li jimponihom, li fosthom jirriżultaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-implimentazzjoni tal-impenji aċċettati (digriet tal-14 ta’ Jannar 2015, SolarWorld et vs Il-Kummissjoni, T‑507/13, EU:T:2015:23, punt 49). L-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 597/2009 jaqa’, essenzjalment, taħt l-istess approċċ.

96      Barra minn hekk, minn naħa, huwa previst li l-Kummissjoni hija obbligata tivverifika l-osservanza tal-impenji, jekk ikun neċessarju bl-għajnuna tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament Nru 1225/2009 u l-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 597/2009. Barra minn hekk, huwa ċar li t-twettiq, mill-Kummissjoni, tal-kontroll tal-impenji huwa dipendenti fuq l-affidabbiltà tad-dokumenti prodotti fl-eżerċizzju tal-impenn meħud mill-esportatur ikkonċernat (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Usha Martin vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑552/10 P, EU:C:2012:736, punt 35).

97      Fil-fatt, skont l-għan tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1225/2009, skont l-impenn li kienet daħlet għalih, ir-rikorrenti kienet meħtieġa mhux biss li tiżgura l-osservanza effettiva tiegħu, iżda wkoll li tagħmel sorveljanza effikaċi tal-implimentazzjoni ta’ dan l-impenn b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ fiduċja li fuqha hija bbażata l-aċċettazzjoni ta’ tali impenn minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Usha Martin vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑552/10 P, EU:C:2012:736, punt 24). Din l-istess loġika hija applikabbli, b’analoġija, għall-impenji fil-kuntest tad-dazji kumpensatorji, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 597/2009, sa fejn l-għan tagħhom jibqa’ simili għall-impenji meħuda fil-kuntest tar-Regolament bażiku antidumping.

98      Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni, impenn tal-prezzijiet min-naħa ta’ impriża għandu jitqies bħala obbligu ta’ riżultat, li għandu jiġi osservat u kkonfermat b’mod partikolari bil-ħruġ ta’ fatturi konformi mal-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati fl-Unjoni. L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 jinkludu referimenti espliċiti għall-fatturi konformi. Kif issostni l-Kummissjoni, il-kontenut tal-fatturi konformi u taċ-ċertifikati ta’ impenn għall-esportazzjoni huwa previst fl-Annessi III u IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Annessi 2 u 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013.

99      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li jeżisti rekwiżit li jiġi żgurat kontroll adegwat tal-impenji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Rusal Armenal vs Il-Kunsill, T‑512/09 RENV, EU:T:2017:26, punt 178).

 Fuq l-effetti marbuta mal-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni u mal-invalidazzjoni tal-fatturi konformi fir-regolament ikkontestat

100    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament antidumping bażiku:

“F’tali każ u sakemm ikunu fis-seħħ dawk l-impenji, id-dazji provviżorji imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(1), jew id-dazji definittivi imposti f’konformità mal-Artikolu 9(4), skont kif ikun il-każ, ma għandhomx japplikaw għall-importazzjonijiet rilevanti tal-prodott ikkonċernat manifatturat mill-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-impenji, kif emendata sussegwentement. […]”

101    Il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji hija, essenzjalment, identika.

102    Sussegwentement, fl-Artikolu 8(9) tar-Regolament antidumping bażiku, hemm indikat:

“Fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ impenji minn kwalunkwe parti għall-impenn, jew fil-każ ta’ rtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni, l-aċċettazzjoni tal-impenn għandha tiġi rtirata b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew Regolament tal-Kummissjoni, kif ikun xieraq, u d-dazju provviżorju li jkun ġie impost mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 jew id-dazju definittiv li jkun ġie impost f’konformità mal-Artikolu 9(4) għandu japplika awtomatikament, sakemm l-esportatur ikkonċernat ikun ingħata l-opportunità biex jikkummenta, ħlief fejn huwa jkun irtira l-impenn. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri meta tiddeċiedi li tirtira impenn. […]”

103    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji hija, essenzjalment, identika.

104    F’dan ir-rigward, il-premessi 18 u 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 tat-8 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni li hi l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea u r-Regolament (KE) Nru 2026/97 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet ta’ oġġetti sussidjati minn pajjiżi terzi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150), li wasslu għall-adozzjoni ta’ emenda tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti għal din il-kawża, jaqraw kif ġej:

“L-Artikolu 8(9) tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping jistipula, inter alia, li fil-każ ta’ l-irtitar ta’ garanziji minn xi parti, għandu jiġi impost dritt definittiv skond l-artikolu 9 fuq il-bażi tal-fatti stabbiliti fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni li wasslet għall-garanziji. Din id-disposizzjonijiet ħolqot proċeduri doppji li jtellfu l-ħin, li jikkonsistu kemm f’Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira l-aċċettazzjoni tal-garanzija u Regolament tal-Kunsill li jerġa’ jimponi dak id-dritt. Meta wieħed iqis li din id-disposizzjoni ma tħalli l-ebda diskrezzjoni lill-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta’ dritt li għandu jiġi impost wara l-ksur jew l-irtirar ta’ garanzija jew dwar il-livell tahħha, hu kkunsidrat xieraq li jiġu mmodifikati l-Artikoli 8(1), (5) u (9) biex tiġi ċċarata r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u biex tippermett li l-irtirar ta’ garanzija u l-applikazzjoni tad-dritt jsiru b’att legali wieħed. Hu neċessarju ukoll li jiġI żgurat li l-proċedura ta’ l-irtirar tintemm f’limitu ta’ żmien normalment ta’ sitt xhur u f’ebda każar minn disa’ xhur sabiex jiġi żgurat l-infurzar xieraq tal-miżura fis-seħħ.

Il-premessa 18 tgħodd, mutatis mutandis, għal garanziji taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament Bażiku kontra s-sussidju.”

105    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8(10) tar-Regolament bażiku jipprovdi kif ġej:

“Jista’ jiġi impost dazju provviżorju f’konformità mal-Artikolu 7 abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli fejn ikun hemm raġuni biex wieħed jaħseb li qiegħed jinkiser xi impenn, jew fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ impenn, fejn l-investigazzjoni li tkun wasslet għal dak l-impenn ma tkunx ġiet konkluża.”

106    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(10) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji hija, essenzjalment, identika.

107    Id-diverġenza bejn il-partijiet tikkonsisti fl-interpretazzjoni tal-effetti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Minn naħa, il-Kummissjoni u l-Kunsill iqisu li l-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenji għandu bħala effett li jmur lura għas-sitwazzjoni inizjali, fis-sens li d-dazji antidumping u kumpensatorji definittivi kollha, fir-rigward tal-fatturi konformi invalidati, huma għalhekk dovuti.

108    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li dazji antidumping u kumpensatorji jistgħu jiġu stabbiliti biss għall-futur, jiġifieri mill-mument tal-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenji mill-Kummissjoni, lil hinn minn ċerti eċċezzjonijiet espliċitament previsti mir-Regolament bażiku antidumping u mir-Regolament bażiku kontra s-sussidji.

109    Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dazji antidumping jew kumpensatorji definittivi huma “mill-ġdid applikabbli”. Hija ssostni li s-sitwazzjoni f’dan il-każ hija analoga għas-sitwazzjoni fejn importatur jippreżenta għal żdoganar fattura konformi li ma ġietx iffirmata minn uffiċjal tal-produttur-esportatur jew li tippreżenta irregolaritajiet oħra. Bl-istess mod, hija tirreferi għal ċerti sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-eżenzjonijiet mid-dazji doganali, fil-każ ta’ prova tal-oriġini preferenzjali, li fihom kontroll a posteriori juri li t-tariffa preferenzjali ngħatat b’mod żbaljat, jiġifieri għas-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 1993, Huygen et (C‑12/92, EU:C:1993:914, punt 19), u tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services (C‑293/04, EU:C:2006:162, punt 34). F’dan l-istess sens, fis-seduta, il-Kummissjoni rreferiet, essenzjalment, għall-fatt li, fil-każ ta’ rtirar ta’ aċċettazzjoni tal-impenji, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu jagħtu istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġbru d-dazji applikabbli, jew, fi kliem ieħor, li “terġa’ tibda t-tranżazzjoni”. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu esposti l-importazzjonijiet għad-dazji antidumping u kontra s-sussidji definittivi inizjali, kif stabbiliti skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji.

110    Ma huwiex ikkontestat, mir-rikorrenti, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jaċċettaw, jiċħdu u jiddefinixxu t-termini tal-impenn tal-prezzijiet abbażi tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta s-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn.

111    Min-naħa l-oħra, sabiex issostni li huwa biss f’ċirkustanzi preċiżi ħafna li kien possibbli li jiġu applikati, retroattivament, miżuri antidumping u dazji kumpensatorji definittivi, ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 8(10) tar-Regolament antidumping bażiku, u b’mod iktar partikolari għall-Artikolu 10(5) ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Retroattività”, ifformulat kif ġej:

“F’każijiet ta’ ksur jew irtirar ta’ impenji, jistgħu jinġabru dazji definittivi minn fuq merkanzija mdaħħla għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa mhux iktar minn 90 ġurnata qabel l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji, sakemm l-importazzjonijiet ikunu ġew reġistrati skont l-Artikolu 14(5), u sakemm kwalunkwe tali stima retroattiva ma għandhiex tapplika għal importazzjonijiet imdaħħlin qabel il-ksur jew l-irtirar tal-impenn”.

112    Ir-rikorrenti ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikolu 13(10) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji u għall-Artikolu 16(5) ta’ dan l-istess regolament.

113    Ir-rikorrenti tallega li kien biss fil-preżenza ta’ reġistrazzjonijiet li miżuri, bħar-rekwiżit ta’ rimbors tad-dazji antidumping u kumpensatorji definittivi dovuti, setgħu jiġu implimentati kontra l-importazzjonijiet inkwistjoni. Għalhekk, fil-fehma tagħha, l-approċċ tal-Kummissjoni f’dan il-każ huwa żbaljat u illegali, minħabba l-fatt li hija ma ssegwi ebda waħda mill-ipoteżijiet espressament previsti mil-leġiżlatur għas-sitwazzjonijiet li fihom għandhom jiġu applikati retroattivament id-dazji antidumping jew kumpensatorji. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tordna l-ġbir ta’ dazji definittivi fuq prodotti rilaxxati għal ċirkulazzjoni libera jekk hija ma tkunx stabbilixxiet minn qabel dazji provviżorji jew ordnat ir-reġistrazzjoni.

114    L-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti kontra l-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 għandha tinftiehem fis-sens li ssostni li l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji antidumping jew kumpensatorji f’dan il-każ lanqas ma setgħet legalment tkun ibbażata fuq dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, huma stess imorru kontra l-Artikolu 8 u l-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping kif ukoll għall-Artikolu 13 u l-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. Din l-eċċezzjoni ser tiġi eżaminata wara l-eżami tal-motiv uniku tar-rikorrenti.

 Fuq il-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti

115    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward tar-referiment magħmul mir-rikorrenti għall-Artikolu 8(10) tar-Regolament bażiku antidumping u għall-Artikolu 13(10) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, li dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkonċernawx is-sitwazzjoni inkwistjoni.

116    Fil-fatt, minn naħa, kif jenfasizzaw il-Kummissjoni u l-Kunsill, is-sitwazzjoni f’dan il-każ ma tistax titqabbel ma’ dik fejn kien hemm biss “raġunijiet sabiex wieħed jemmen” li impenn kien ġie miksur, bil-konsegwenza li kien hemm possibbiltà li jiġi stabbilit dazju provviżorju. Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, il-ksur tal-impenn tar-rikorrenti ma ġiex ikkontestat minn din tal-aħħar. Il-fatt li r-rikorrenti tiddikjara li ma kkontestatx l-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn biss minħabba l-għarfien tagħha tal-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kellhom marġni ta’ diskrezzjoni importanti f’dan ir-rigward bl-ebda mod ma jbiddel din il-konklużjoni.

117    Min-naħa l-oħra, lanqas ma hija, f’dan il-każ, it-tieni sitwazzjoni prevista mid-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punt 115 iktar ’il fuq, li fiha, “fil-każ ta’ ksur ta’ impenn”, l-investigazzjoni li wasslet għal dan l-impenn “ma tlestietx”. Għall-kuntrarju, huwa paċifiku li dazji definittivi antidumping u kumpensatorji ġew adottati mill-Kunsill.

118    Fit-tieni lok, fir-rigward tar-referiment magħmul mir-rikorrenti għall-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping u għall-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw sitwazzjonijiet partikolari, li fihom l-istituzzjonijiet ipproċedew permezz ta’ “reġistrazzjoni” tal-importazzjonijiet, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku antidumping jew l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet jieħdu bħala bażi għall-kalkolu tar-retroattività d-data ta’ applikazzjoni tal-miżuri provviżorji. Issa, f’dan il-każ, l-ebda waħda minn dawn l-ipoteżi ma hija applikabbli, fl-assenza ta’ reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet inkwistjoni mill-Kummissjoni kif ukoll fl-assenza ta’ miżuri provviżorji.

119    Sa fejn is-sitwazzjoni f’dan il-każ ma tikkorrispondi, għalhekk, ma’ ebda waħda mill-ipoteżijiet espressament previsti fir-Regolament bażiku antidumping u fir-Regolament bażiku kontra s-sussidji, hemm lok li jiġi evalwat jekk, kif issostni r-rikorrenti, (ara l-punti 69 sa 71 iktar ’il fuq), teżistix bażi legali oħra għall-adozzjoni tal-Artikolu 2 tad-dispożittiv tar-regolament ikkontestat.

120    Il-Kummissjoni u l-Kunsill jirreferu għall-kuntest partikolari ta’ din il-kawża sabiex jispjegaw l-approċċ adottat fir-regolament ikkontestat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet, billi rreferiet għal interpretazzjoni sistematika tar-Regolament bażiku antidumping u tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, li minn dan jirriżulta li d-dazji definittivi, kif kienu inizjalment stabbiliti fuq il-prodotti kkonċernati mill-impenji tar-rikorrenti, setgħu jiġu applikati awtomatikament, bħala konsegwenza diretta tal-miżura li tikkonsisti fl-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-imsemmija impenji mill-Kummissjoni.

121    Il-Kunsill indika li r-Regolament bażiku antidumping u r-Regolament bażiku kontra s-sussidji ma kinux jipprevedu espliċitament il-każ inkwistjoni, “probabbilment l-iktar frekwenti”, fejn, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni bdiet b’inizjattiva tagħha stess investigazzjoni dwar il-ksur tal-impenn. Barra minn hekk, il-Kunsill ikkontesta l-approċċ li abbażi tiegħu, minħabba l-fatt li din it-tip ta’ investigazzjoni ma kinitx espliċitament prevista fir-Regolament bażiku antidumping u fir-Regolament bażiku kontra s-sussidji u li dawn tal-aħħar ma kinux jipprevedu espressament il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tinvalida l-fatturi konformi, minn dan għandu jsegwi li din il-prattika kienet illegali (ara wkoll, punt 90 iktar ’il fuq). Il-Kunsill iżid li l-kunċett ta’ “fatturi konformi mal-impenn”, bħala mezz sabiex jiġu amministrati l-impenji aċċettati, ġie żviluppat fil-prassi deċiżjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

122    Skont il-Kunsill, f’dan il-każ, ma kienx possibbli, u lanqas neċessarju, li jiġu imposti dazji antidumping u kumpensatorji provviżorji jew permezz ta’ reġistrazzjonijiet tal-prodotti importati, peress li l-investigazzjoni kienet diġà ntemmet u minkejja l-aċċettazzjoni simultanja mill-Kummissjoni tal-impenji tar-rikorrenti u ta’ impriżi esportaturi Ċiniżi oħra. Il-Kunsill isostni li d-dazji provviżorji kienu biss sempliċi prekursuri ta’ dazji definittivi. F’dan il-każ, skont il-Kunsill, ma kienx possibbli li s-sitwazzjoni titreġġa lura, ir-reġistrazzjoni ma kellha ebda sens u d-dazji provviżorji ma setgħux ikunu iktar rilevanti, peress li kienu eliminati permezz tad-dazji definittivi. Il-Kunsill isostni li l-proċedura segwita mill-Kummissjoni kienet tikkostitwixxi proċedura partikolari, li taqa’, fil-fehma tiegħu, taħt il-prassi stabbilita tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’kuntest paragunabbli.

123    Il-Kunsill jallega li, f’dan il-każ, kellhom jiġu evalwati l-fatturi konformi kkonċernati u, wara l-invalidazzjoni tagħhom, għandhom jiġu applikati d-dazji antidumping u kumpensatorji dovuti, li kienu sempliċement ġew sospiżi. Il-Kunsill jirreferi, barra minn hekk, għas-sentenza tal-21 ta’ Frar 1984, Allied Corporation et vs Il-Kummissjoni (239/82 u 275/82, EU:C:1984:68, punt 21). Huwa jenfasizza l-fatt li l-fatturi konformi kienu jissodisfaw l-istess għan tar-reġistrazzjonijiet ta’ importazzjonijiet, jiġifieri li jagħmluhom trasversali.

124    Il-Kummissjoni u l-Kunsill jenfasizzaw li l-argument tar-rikorrenti huwa intiż, fir-realtà, sabiex jippermetti lil impriża tibbenefika, fl-assenza ta’ regoli preċiżi f’dan ir-rigward, minn sitwazzjoni li fiha, minkejja li hija kienet adottat impenji aċċettati mill-Kummissjoni, hija setgħet, madankollu, tikser dawn l-impenji, fil-prinċipju b’impunità kollha fir-rigward tas-sitwazzjonijiet diġà mwettqa.

125    Ir-rikorrenti tallega li l-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn jikkostitwixxi, fih innifsu, sanzjoni suffiċjenti, peress li għalhekk isir ħafna iktar diffiċli għall-operatur li jbigħ il-merkanzija tagħha b’mod vijabbli fis-suq tal-Unjoni.

126    Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li, kuntrarjament għal dak li allegat ir-rikorrenti, huwa possibbli li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku antidumping kif ukoll l-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji jiġu interpretati fis-sens li jħallu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kompitu li jimponu rekwiżiti ta’ konformità għall-impenji u li jistabbilixxu proċeduri f’dan ir-rigward. Dawn l-istituzzjonijiet jenfasizzaw li l-imsemmija artikoli, intitolati, “Dispożizzjonijiet Ġenerali”, jipprevedu li d-dazji antidumping jew id-dazji kumpensatorji, provviżorji jew definittivi, għandhom ikunu imposti permezz ta’ regolament, u miġbura mill-Istati Membri fil-forma, bir-rata speċifikata u skont il-kriterji l-oħra stabbiliti fir-Regolament li jimponi tali dazji.

127    Il-Kunsill u l-Kummissjoni jenfasizzaw, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 126 iktar ’il fuq jirreferu għall-“elementi l-oħra”, li jinkludu l-possibbiltà li tiġi ssorveljata l-osservanza ta’ impenn permezz ta’ fatturi konformi. Konsegwentement, huwa possibbli li tiġi dedotta l-kompetenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jinvalidaw il-fatturi konformi u li l-awtoritajiet doganali jiġu ordnati jiġbru d-dazji “fuq l-importazzjonijiet inkwistjoni”. Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxux bażi legali suffiċjenti, li tippermetti l-adozzjoni tal-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat.

128    Fuq dan il-punt, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-punt 58 tas-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2018, Deichmann (C‑256/16, EU:C:2018:187), li għaliha l-Kummissjoni rreferiet fis-seduta, li mill-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1225/2009 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jiddetermina b’mod limitattiv l-elementi relatati mal-ġbir tad-dazji antidumping li jistgħu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

129    Is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2018, Deichmann (C‑256/16, EU:C:2018:187), kienet tikkonċerna regolament tal-Kummissjoni li l-Artikolu 1 tiegħu kien jipprevedi ordnijiet intiżi sabiex jiġi ppreżervat il-ġbir tad-dazji antidumping imposti minn regolamenti definittivi u ta’ estensjoni, billi jobbliga lill-awtoritajiet doganali nazzjonali jistennew li l-Kummissjoni tkun iddeterminat ir-rati li għalihom dawn id-dazji kellhom jiġu stabbiliti, b’eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tannulla d-dazji inizjalment iffissati. Għalhekk, l-ordni kienet tikkonsisti, essenzjalment, f’li l-awtoritajiet doganali nazzjonali kellhom jistennew li jkunu jafu liema kienu d-dazji realment dovuti, qabel ma jiddeċiedu dwar it-talbiet għal rimbors, imressqa mill-operaturi li ħallsu l-imsemmija dazji. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża ċċitata kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar liema kien l-ammont tad-dazji inizjalment imħallsa mill-partijiet li kellhom jiġu rrimborsati lill-imsemmija partijiet mill-awtoritajiet doganali.

130    Issa, b’differenza mis-sitwazzjoni inkwistjoni fis-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2018, Deichmann (C‑256/16, EU:C:2018:187), il-kwistjoni mqajma f’dan il-każ, jiġifieri l-impożizzjoni ratione temporis tad-dazji antidumping u antisussidji li kienu jkunu dovuti fl-assenza ta’ impenn li sadanittant kien miksur jew irtirat, hija koperta mid-dispożizzjonijiet espressi tal-Artikolu 8(10) u tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping kif ukoll minn dawk tal-Artikolu 13(10) u tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. Għalhekk, huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet espliċiti li għandu jiġi evalwat jekk l-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni f’dan il-każ kinitx taqa’ taħt bażi legali prevista mil-leġiżlatur jew tbegħditx minnha, fil-kuntest speċifiku tal-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn irtirar ta’ aċċettazzjoni ta’ impenn.

131    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha u l-għanijiet imfittxija minnha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE) – Networks b’veloċità għolja, C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, meta jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk dispożizzjoni għandhiex portata retroattiva, għandu jirriżulta b’mod ċar minn din id-dispożizzjoni li tali effett għandu jiġi attribwit lilha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 119).

132    L-intenzjoni tal-leġiżlatur li jirregola espliċitament, fir-regolamenti bażiċi, il-konsegwenzi tal-ksur jew tal-irtirar ta’ impenji billi jinkwadra l-modalitajiet li bihom id-dazji dovuti fin-nuqqas ta’ impenji setgħu jiġu imposti retroattivament tirriżulta minn diversi premessi tal-imsemmija regolamenti.

133    Għalhekk, il-premessa 14 tar-Regolament bażiku antidumping tindika dan li ġej:

“Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-aċċettazzjoni ta’ impenji li jeliminaw id-dumping u d-dannu minflok li jiġu imposti dazji provviżorji jew definittivi. Huwa wkoll xieraq li jiġu speċifikati l-konsegwenzi ta’ ksur jew irtirar ta’ impenji u li jistgħu jiġu imposti dazji provviżorji f’każijiet ta’ ksur sospett jew fejn ikun hemm bżonn ta’ aktar investigazzjoni biex tissupplimenta dak li nstab. Meta jintlaqgħu l-impenji, għandha tingħata attenzjoni sabiex l-impenji proposti, u l-infurzar tagħhom, ma jwasslux għal xi attività kontra l-kompetizzjoni.”

134    Il-premessa 12 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji għandha kontenut korrispondenti.

135    Barra minn hekk, il-premessa 17 tar-Regolament bażiku antidumping tindika dan li ġej:

“Huwa meħtieġ li jsir provvediment għall-ġbir retroattiv tad-dazji provviżorji jekk dan ikun meqjus xieraq u li jiġu definiti ċ-ċirkustanzi li jistgħu idaħħlu fis-seħħ l-applikazzjoni retroattiva ta’ dazji biex jiġi evitat l-imminar tal-miżuri definittivi li għandhom jiġu applikati. Huwa wkoll meħtieġ li jiġi previst li d-dazji jistgħu jiġu applikati b’mod retroattiv fil-każijiet ta’ ksur jew irtirar mill-impenji.”

136    Il-premessa 16 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji hija identika.

137    Fid-dawl tal-istruttura u tal-għanijiet tar-regolamenti bażiċi hekk imfakkra, li juru, minn naħa, l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jilleġiżla fir-rigward tal-proċeduri li jistgħu jintużaw sabiex jinsiltu l-konsegwenzi ta’ rtirar ta’ aċċettazzjoni ta’ impenn mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet, imsemmija fil-punti 69 u 70 iktar ’il fuq, li permezz tagħhom din l-intenzjoni tal-leġiżlatur twettqet, hemm lok li tiġi mwarrba l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni u mill-Kunsill intiża sabiex tiddeduċi mir-referiment, fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament antidumping kif ukoll fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, għall-“elementi oħra” ta’ ġbir tad-dazji s-setgħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni responsabbli għall-implimentazzjoni tar-regolamenti bażiċi li jeżiġu, fil-kuntest ta’ din il-kompetenza ta’ implimentazzjoni, il-ħlas mill-impriżi kkonċernati tad-dazji kollha dovuti abbażi tat-tranżazzjonijiet koperti minn fatturi konformi li fil-frattemp ġew invalidati.

138    Din il-konklużjoni tapplika wkoll għall-argument tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li jgħid li huwa possibbli li tali setgħa tiġi dedotta mill-kliem tal-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, li jipprovdu li d-dazji japplikaw awtomatikament wara l-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenji. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li tali applikazzjoni awtomatika hija prevista fil-limiti espressament stabbiliti mill-Artikolu 8(10) u mill-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping kif ukoll mill-Artikolu 13(10) u mill-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji.

139    Ebda wieħed mill-argumenti l-oħra fformulati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill ma huma ta’ natura li jinvalidaw il-konklużjoni preċedenti.

140    L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-Kunsill, imfakkra fil-punti 122 u 123 iktar ’il fuq, essenzjalment, minn naħa, dawn jikkonsistu fil-fatt li dazji provviżorji ma jistgħux jiġu imposti minħabba suspetti ta’ ksur ta’ impenji abbażi tal-Artikolu 8(10) tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13(10) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, peress li l-impożizzjoni ta’ dazji definittivi diġà ġiet deċiża preċedentement. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill isostni wkoll li l-użu tal-fatturi konformi huwa simili għal reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jew ma japplikawx għall-fatti tal-każ, jew jivvalidaw il-prattika tal-fatturi konformi.

141    F’dan ir-rigward, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ewwel allegazzjoni, dwar l-impossibbiltà li jiġu applikati dazji provviżorji f’dan il-każ minħabba l-impożizzjoni preċedenti ta’ dazji definittivi, għandu jiġi rrilevat li din, jekk jitqies li hija fondata, ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-konklużjoni li r-regolamenti bażiċi jipprevedu ipoteżi, preċiżament delimitati, li fihom id-dazji dovuti f’każ ta’ ksur ta’ impenji jistgħu jiġu imposti retroattivament. Barra minn hekk, kif tirrileva ġustament ir-rikorrenti, l-Artikolu 8(10) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 13(10) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji jirrigwardaw żewġ sitwazzjonijiet differenti. Issa, hija biss it-tieni sitwazzjoni li tippreżumi li “l-investigazzjoni li wasslet għal dan l-impenn ma ntemmitx” u għalhekk li ma ġewx stabbiliti dazji definittivi.

142    Sussegwentement, fir-rigward tal-allegata assimilazzjoni tal-fatturi konformi ma’ reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jillimitaw l-użu tal-miżuri ta’ reġistrazzjoni obbligatorja tal-importazzjonijiet għal perijodu ta’ disa’ xhur. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku antidumping hija simili għall-istabbiliment ta’ fattura konformi, il-portata ratione temporis tal-invalidazzjoni tal-fatturi konformi mogħtija skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati teċċedi l-limiti imposti mir-Regolament antidumping bażiku.

143    Barra minn hekk, fir-rigward tar-referiment magħmul mill-Kunsill għas-sentenza tal-21 ta’ Frar 1984, Allied Corporation et vs Il-Kummissjoni (239/82 u 275/82, EU:C:1984:68, punt 21), għandu jiġi kkonstatat li din ma għandhiex effett fuq l-eżistenza ta’ fakultà, għall-Kummissjoni, li tieħu, fl-okkażjoni tal-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn, miżuri b’effett retroattiv, u, b’mod partikolari, li tordna lill-awtoritajiet doganali nazzjonali jiġbru dazji antidumping u kumpensatorji definittivi, kif inizjalment dovuti. Fil-fatt, l-imsemmija sentenza tikkonċerna kawża li fiha, wara t-terminazzjoni ta’ impenn, il-Kummissjoni kellha tapplika, fl-iqsar żmien possibbli, miżuri “provviżorji” meta hija qieset tali azzjoni kkummissjonata mill-interessi tal-Unjoni. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li ġie ppreċiżat li l-Kummissjoni kellha tuża “l-informazzjoni disponibbli”. B’mod partikolari, fil-punt 21 tal-imsemmija sentenza ġie indikat li, peress li s-sottoskrizzjoni stess ta’ impenn li jippermetti li tiġi preżunta l-eżistenza effettiva ta’ dumping, il-Kummissjoni ma tistax tintalab tiftaħ investigazzjoni ġdida fil-mument meta tali impenn jiġi xolt.

144    It-tieni nett, għandhom jiġu miċħuda bħala mhux deċiżivi għal din il-kawża r-referimenti magħmula mill-Kunsill fil-premessi 18 u 19 tar-Regolament Nru 461/2004 (ara l-punt 104 iktar ’il fuq). Fil-fatt, il-premessi ċċitati mill-Kunsill ma jirrigwardawx il-kwistjoni tal-applikazzjoni retroattiva tad-dazji li kienu jkunu dovuti fin-nuqqas tal-impenn li sadanittant ġie rtirat jew miksur.

145    It-tielet nett, fir-rigward tar-referimenti magħmula mill-Kummissjoni għal ċerti ċirkustanzi jew għal sentenzi oħra li jaqgħu fil-qasam tad-dazji doganali, li jirrigwardaw fatturi mhux iffirmati ppreżentati mill-importatur għal żdoganar jew sitwazzjonijiet li fihom kontroll a posteriori juri li tariffa preferenzjali kienet ingħatat b’mod żbaljat (ara l-punt 109 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li l-għanijiet u l-istruttura inerenti għar-regolamenti bażiċi, bħal dawk imfakkra iktar ’il fuq, jostakolaw raġunament b’analoġija mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali.

146    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tindika, fil-punti 49 et seq. tar-risposta tagħha, sabiex issostni li, f’dan il-każ, id-dispożizzjoni legali kienet partikolarment ċara, li d-Deċiżjoni 2013/423 kien fiha, b’mod partikolari fil-premessi 14 u 15 tagħha, dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi tal-ksur tal-impenji. Il-Kummissjoni u l-Kunsill jirreferu wkoll għal diversi każijiet preċedenti, li minnhom jirriżulta li l-obbligu li jiġu ppreżentati fatturi konformi u l-possibbiltà tal-invalidazzjoni tagħhom ma kinux ġodda u li l-azzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ lanqas ma kienet tikkostitwixxi modifika ta’ “prattika” istituzzjonali preċedenti.

147    Issa, l-anzjanità tal-prattika invokata mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, kif ukoll il-fatt li r-rikorrenti kienet taf biha, ma għandhomx effett fuq il-konstatazzjoni li din il-prattika hija nieqsa minn bażi legali.

148    Barra minn hekk, sa fejn is-soluzzjoni ta’ din il-kawża lanqas ma hija bbażata fuq l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ allegata prattika preċedenti li tikkonsisti fl-eżenzjoni mid-dazji antidumping jew kumpensatorji tal-importazzjonijiet imwettqa qabel l-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni ppreżentata f’dan ir-rigward (ara l-punt 84 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, hemm lok li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi miċħuda minħabba li l-kwistjoni tal-produzzjoni tal-prova ta’ fatt allegat insostenn ta’ talba ma taqax taħt l-ammissibbiltà ta’ din it-talba, iżda taħt il-fondatezza tagħha (ara, b’analoġija, id-digriet tas-27 ta’ April 2017, CJ vs ECDC, T‑696/16 REV u T‑697/16 REV, mhux ippubblikat, EU:T:2017:318, punt 39). Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li mill-kliem tal-Artikolu 76(f) tar-Regoli tal-Proċedura, u b’mod iktar preċiż mill-użu tal-espressjoni “jekk ikun il-każ”, jirriżulta li r-rikors ma għandux neċessarjament jinkludi provi. L-unika sanzjoni fil-qasam tal-provi hija dik ta’ ċaħda minħabba tardività meta dawn jiġu ppreżentati, għall-ewwel darba u mingħajr ġustifikazzjoni, fl-istadju tar-replika jew tal-kontroreplika jew, b’mod eċċezzjonali, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura (Artikolu 85(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni (T‑19/01, EU:T:2005:31, punt 71).

149    Il-ħames nett, il-Kummissjoni ssostni li hija kienet intiża sabiex issaħħaħ l-effikaċja tal-impenji, sabiex tikkompleta l-kompetenza tal-awtoritajiet doganali nazzjonali u sabiex taġixxi b’mod li r-rikorrenti ma tkunx tista’ tmur lil hinn mill-kontrolli a posteriori tal-imsemmija awtoritajiet doganali, minkejja li rriżulta li hija kienet tbigħ prodotti koperti mill-impenn permezz ta’ importaturi konnessi tal-Unjoni li ma kinux partijiet għall-impenn, jiġifieri permezz ta’ kanal ta’ bejgħ mhux awtorizzat mill-ftehim.

150    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 31 sa 37 tar-replika, ir-rikorrenti rreaġixxiet għall-affermazzjonijiet mressqa mill-Kummissjoni, dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali doganali u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dan il-kuntest. Il-Kummissjoni allegat, fil-kontroreplika, li l-argumenti mressqa fir-replika kienu ġodda u, għaldaqstant, inammissibbli. Matul is-seduta, hija madankollu rriżervat l-ipoteżi li r-rikorrenti llimitat ruħha, fir-realtà, li tipprovdi elementi fattwali. Peress li l-appellanti ppreċiżat f’dan ir-rigward li hija ma kellhiex l-intenzjoni tqajjem motiv ġdid ibbażat fuq il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni ma għadx għandha skop.

151    Fir-rigward tal-fondatezza tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, kif tafferma r-rikorrenti, il-fatt li tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenji għandu diġà, bħala tali, konsegwenzi negattivi fuq l-operatur li kien daħal fihom, li jikkostitwixxu sanzjoni importanti (ara l-punt 125 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ma tistax tkun, kif jallegaw il-Kummissjoni u l-Kunsill, sitwazzjoni li tixbah impunità tal-operatur, li jkun kiser l-impenji tiegħu, jew inkella sitwazzjoni li tippermettilu jibbenefika liberament minn tali azzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li ma hijiex kull azzjoni ta’ ġbir tad-dazji antidumping jew ta’ kontra s-sussidji li hija pprojbita, iżda li huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti proċedurali kif previsti, f’dan ir-rigward, mir-Regolament bażiku antidumping u mir-Regolament bażiku kontra s-sussidji.

152    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-regolamenti bażiċi ma jistgħux jikkostitwixxu bażijiet legali suffiċjenti għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

 Fuq l-eċċezzjoni tal-illegalità

153    Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, minkejja n-nuqqas ta’ bażijiet legali suffiċjenti fir-Regolamenti bażiċi, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 jistgħux legalment ikunu l-bażi tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

154    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tibbaża wkoll ir-rikors tagħha fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, ibbażata fuq allegat ksur tal-Artikolu 8 tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 1225/2009 kif ukoll tal-Artikolu 13 tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 597/2009, kif applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013.

155    L-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 jinkludu formulazzjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tidentifika tranżazzjonijiet li għalihom “dejn doganali jitnissel fil-ħin tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkolazzjoni libera” meta l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tagħha tal-impenn, skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament Nru 1225/2009 jew l-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 597/2009, billi tadotta regolament jew deċiżjoni li tirreferi għal tranżazzjonijiet speċifiċi u li tiddikjara li l-fatturi korrispondenti ma humiex konformi.

156    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kunsill, billi jaġixxi bħala awtorità ta’ eżekuzzjoni, u mhux bħala leġiżlatur, ma setax jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tinvalida l-fatturi konformi fuq is-sempliċi rtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn, u lanqas jordna lill-awtoritajiet doganali jiġbru d-dazji fuq il-merkanzija diġà mqiegħda f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Unjoni. Għalhekk, dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013.

157    Għal raġunijiet simili għal dawk diġà esposti fil-punti 128 sa 140 iktar ’il fuq, li jirrigwardaw l-istruttura ġenerali tar-Regolament bażiku antidumping u tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, għandha tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-rikorrenti, li tirrigwarda l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013. Fil-fatt, minn naħa, dawn id-dispożizzjonijiet ma jaqgħux taħt il-każijiet previsti mill-Artikolu 8 u mill-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 1225/2009 u mill-Artikolu 13 u mill-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 597/2009, kif applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013, u ma humiex konformi magħhom. Min-naħa l-oħra, lanqas ma jirriżulta mill-istruttura ġenerali tar-Regolamenti Nri 1225/2009 u 597/2009 li l-Kunsill seta’, permezz ta’ regolament ta’ implimentazzjoni, jawtorizza lill-Kummissjoni tipprevedi, mingħajr ma tirrestrinġi din il-proċedura ratione temporis, li, wara l-irtirar tal-aċċettazzjoni tiegħu ta’ impenn u tal-invalidazzjoni tal-fatturi korrispondenti, “dejn doganali [kellu jitnissel] fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera […]”.

158    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 ma humiex applikabbli għal dan il-każ.

 Fuq l-Anness C.3 tar-replika

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tingħata opinjoni dwar l-ammissibbiltà tal-Anness C.3 tar-replika. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-dokument inkwistjoni, intitolat “Monitoring of Undertaking – Finding following the verification visit”, li l-intervent tiegħu jirreferi għad-Direttorat Ġenerali “Kummerċ” tal-Kummissjoni, seta’ jkun fil-pussess tal-avukat tar-rikorrenti u użat f’dan il-każ, hemm lok li jiġi konkluż li dan huwa, l-iktar l-iktar, eżempju ta’ approċċ amministrattiv li l-Kummissjoni kienet adottat f’każ konkret, li barra minn hekk ma huwiex ipprovat li kellu l-istess ċirkustanzi bħal dawk tal-każ inkwistjoni. Minn dan jirriżulta, essenzjalment, li l-Kummissjoni, wara li kkonstatat ksur ta’ impenn partikolari, kienet madankollu qieset li ma kienx neċessarju li tiġi adottata kwalunkwe azzjoni. Issa, f’dan il-każ, is-soluzzjoni tat-tilwima ma hijiex ibbażata fuq il-paragun tal-approċċi differenti li l-Kummissjoni setgħet tadotta fil-prattika preċedenti tagħha, fil-kuntest tal-ksur ta’ impenji mill-operaturi kkonċernati.

 Konklużjoni

160    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-motiv uniku tar-rikorrenti għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, għandu jiġi deċiż l-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

 Fuq l-ispejjeż

161    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regolament, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

162    Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għall-ispejjeż tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar. Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2146 tas-7 ta’ Diċembru 2016 li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn ta’ żewġ produtturi esportaturi skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti antidumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa annullat, sa fejn jikkonċerna lil Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn Jiangsu Seraphim Solar System.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Lulju 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.