Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2023 minn Giovanni Frajese mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-27 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-786/22, Frajese vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-586/23 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Giovanni Frajese (rappreżentanti: O. Milanese, A. Montanari, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell fl-intier tiegħu;

tannulla d-digriet appellat abbażi tal-motivi I sa IV tar-rikors;

sussidjarjament, tannulla d-digriet appellat abbażi tal-motivi I sa IV tar-rikors;

fi kwalunkwe każ, tannulla l-punt tad-dispożittiv relatat mal-kundanna għall-ispejjeż għall-istess raġunijiet;

għaldaqstant, tilqa’ r-rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE ippreżentat fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant iressaq erba’ aggravji insostenn tal-appell tiegħu mid-digriet li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli r-rikors tiegħu għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022) 7163 final tat-3 ta’ Ottubru 2022, li tagħti l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem “Spikevax – elasomeran” abbażi tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 726/2004 li jħassar id-deċiżjoni C(2021) 94 final, u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022) 7342 final tal-10 ta’ Ottubru 2022, li tagħti l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem “Comirnaty – tozinameran, vaċċin mRNA anti-COVID‑19 (immodifikat fil-livell ta’ nukleosidi” abbażi tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 726/2004 u li jħassar id-deċiżjoni C(2020) 9598 final.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur gravi tal-Artikolu 254 TFUE, tal-Artikoli 2, 4 u 18 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 16 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Tali ksur joriġina min-nuqqas ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-Imħallef relatur fil-Kawża T-786/22, li fil-passat żvolġa xi funzjonijiet fi ħdan il-parti l-oħra fil-proċedura, il-Kummissjoni Ewropea. Dan in-nuqqas ta’ indipendenza jikkostitwixxi wkoll ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt rikonoxxuti min-nazzjonijiet ċivilizzatti, bħas-sorsi tad-dritt internazzjonali applikabbli b’mod universali, u jwassal għan-nullità assoluta tad-digriet appellat.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ proċedura, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddikjara tardiva u inammissibbli l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni meta kien skada t-terminu massimu, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat u kkalkolat b’mod żbaljat u li huwa previst fuq piena ta’ dekadenza. Tali ksur irendi illeġittimu d-digriet ta’ ċaħda tar-rikors, anki fir-rigward tal-kundanna tal-appellant għall-ispejjeż.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi dwar il-motivi u l-argumenti invokati mill-appellant fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Il-motivazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward huwa żbaljati u kontradittorji, minbarra l-fatt li ma humiex relatati ma’ argumenti li tressqu fir-rikors. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-istatus tal-appellant bħala tabib li jagħti l-vaċċini u l-interess ġuridiku tiegħu, peress li l-informazzjoni fl-annessi għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni hija diretta lejn il-kategorija medika u li t-tobba huma l-eżekuturi materjali tal-istruzzjonijiet relatati mas-somministrazzjoni tal-prodott. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza tal-inċidenza diretta u individwali tad-deċiżjonijiet ikkontestati, u pprovdiet motivazzjoni kontradittorja jew żbaljata, anki fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq li d-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà kkonstatata mill-Qorti Ġenerali twassal għaċ-ċaħda tal-possibbiltà ta’ difiża, fejn l-appellant – u ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni – huma mċaħħda minn kwalunkwe protezzjoni ġudizzjarja effettiva, bi ksur tal-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu VI tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 47 tagħha.

____________