Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Settembru 2011 - Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-500/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze u K. Petersen)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 4922 finali, tat-13 ta' Lulju 2011, fil-proċedura ta' għajnuna mill-Istat N 438/2010 C(2011), sa fejn tikkonstata li l-programm kollu ta' self ikkundizzjonat jaqa' taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, tal-15 ta' Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis,

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kollha,

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-programm WACHSTUM ta' self ikkundizzjonat lill-impriżi li għandhom grad (rating) fil-Land ta' Saxe-Anhalt, inkwantu din tikkonstata li l-programm kollu ta' self ikkundizzjonat jaqa' taħt ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006  dwar l-għajnuna de minimis.

Fl-ambitu tar-rikors, ir-rikorrenti tikkontesta t-talba tal-Kummissjoni li tipprovdi li sempliċement minħabba l-fatt li s-self jingħata minn stabbiliment ta' kreditu speċjali għandu jiġi kkunsidrat li dan ma jingħatax skont il-kundizzjonijiet tas-suq u li r-rekwiżiti tar-Regolament de minimis għandhom għalhekk jiġu sodisfatti. Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1998/2006 sa fejn l-eżistenza ta' vantaġġ ġiet dedotta b'mod żbaljat jew ġiet sempliċement pretiża.

Ir-rikorrenti tqis li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-miżura taqa' taħt ir-Regolament de minimis hija materjalment ineżatta. Id-destinatarji tal-programm ta' self ma jibbenefikaw minn ebda vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, b'mod li, għal dan il-fatt waħdu, dan il-programm, fil-każijiet prinċipali tiegħu ta' applikazzjoni, diġà ma jistax jiġi kkunsidrat bħala għajnuna.

Il-Kummissjoni ma kellhiex tikkonkludi li kien hemm vantaġġ billi bbażat ruħha biss fuq il-fatt li s-self jingħata minn stabbiliment ta' kreditu speċjali. L-element partikolarment importanti fir-rigward tas-self huwa l-kundizzjonijiet tas-self. L-elementi rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk ngħatax vantaġġ huma r-rata tal-interessi rikjesta, il-garanzija tas-self kif ukoll is-sitwazzjoni globali tal-impriża li tieħu s-self. Għandu jiġi ddeterminat jekk investitur privat jagħtix self simili bir-rata miftiehma u bil-garanziji mogħtija.

Skont il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni sal-preżent, dawn l-indikaturi ġew ippreċiżati fir-rigward tas-self ikkundizzjonat minn dak li ġie miftiehem li jissejjaħ il-metodu Brandenburg fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rata ta' referenza b'tali mod li ma hemmx għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni malajr tinjora din il-prassi deċiżjonali u tibbaża ruħha biss fuq in-natura tal-istabbiliment ta' kreditu li jagħti s-self. Madankollu, bħala indikatur, dan ma huwa xieraq xejn peress li stabbiliment ta' kreditu speċjali jista' wkoll jintervjeni taħt il-kundizzjonijiet tas-suq.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE

Ir-rikorrenti tinvoka wkoll ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE, peress li l-Kummissjoni qagħdet biss fuq preżunzjonijiet u deduzzjonijiet globali, mingħajr madankollu ma spjegat għal xiex il-kundizzjonijiet tas-self ma kinux kundizzjonijiet normali u għal xiex hija injorat malajr il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tad-dritt ta' smigħ, taħt id-diversi espressjonijiet tiegħu

Ir-rikorrenti ssostni wkoll ksur tal-prinċipju tad-dritt ta' smigħ taħt id-diversi espressjonijiet tiegħu, peress li l-Kummissjoni ma ttrattatx mal-gvern fedarali l-bidla fil-pożizzjoni tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, tal-15 ta' Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 314M, p. 654).