Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Settembru 2009 - Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-383/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: O. Beynet u D. Recchia, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li billi ma stabbilietx programm ta' miżuri li jiżgura ħarsien strett tal-ispeċi Cricetus cricetus (ħamster), ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa1;

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tikkritika lill-konvenuta talli ma stabbilietx, kif meħtieġ mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/43/KEE, sistema ta' ħarsien strett tal-ispeċi Cricetus cricetus (ħamster) fl-Alsace, li tikkostitwixxi l-firxa naturali ta' din l-ispeċi fi Franza.

Skont ir-rikorrenti, studju dwar in-numru ta' toqob ġol-art tal-annimal wera li f'dawn l-aħħar snin kien hemm tnaqqis sinjifikattiv fin-numru tagħhom, peress li n-numru ta' toqob ġol-art naqas minn 1167 fl-2001 għal 161 biss fl-2007. F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhedda kemm minn prattiki agrikoli sfavorevoli u mill-pressjoni urbana, l-ispeċi hija mhedda b'estinzjoni kompleta fi żmien qasir ħafna.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-konvenuta ħadet inkunsiderazzjoni dawn il-problemi billi adottat miżuri dwar l-urbaniżmu u l-prattiki agrikoli, iżda dawn il-miżuri huma kompletament insuffiċjenti.

Minn naħa, fil-fatt, it-tliet żoni prijoritarji ta' azzjoni, li huma ż-żoni li fuqhom huma ffokati l-isforzi essenzjali ta' ħarsien tal-ispeċi, ikopru biss parti żgħira ħafna mit-territorju li jikkostitwixxi l-habitat naturali tagħha peress li żewġ terzi tat-toqob ġol-art eżistenti jinsabu barra dawn iż-żoni, li huma stess jirrappreżentaw biss 2 % mill-art li hija favorevoli għall-ħamster. Madankollu, sabiex tiġi ggarantita kopertura territorjali xierqa mill-miżuri ta' ħarsien ta' din l-ispeċi, jeħtieġ li tittieħed tal-inqas bħala referenza l-preżenza tal-ħamster fl-1990, u mhux fl-2000.

Min-naħa l-oħra, il-miżuri ta' ħarsien stess huma insuffiċjenti ħafna. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tilmenta, f'dan ir-rigward, in-nuqqas ta' ċarezza normativa dwar iż-żoni li jistgħu jiġu okkupati mill-ġdid mill-ħamster. L-amministrazzjoni nazzjonali għandha fil-fatt setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna fl-għoti ta' derogi għall-iżvilupp ta' proġetti ta' urbaniżmu fuq l-artijiet abitati mill-ħamsters u hemm inċertezza kbira għal dak li jikkonċerna l-miżuri ta' kumpens adottati għall-ħarsien ta' din l-ispeċi.

____________

1 - ĠU L 206, p. 7.