Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Marzu 2010 - Acron vs Il-Kunsill

(Kawża T-118/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Acron OAO (rappreżentant: B. Evitmov, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1251/2009, tat-18 ta' Diċembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1911/2006 1, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv għal annullament uniku, li jinqasam fi tliet partijiet.

Ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet Ewropej kisru l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Bażiku, l-Artikolu 11(9) tar-Regolament Bażiku 2 moqri flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament Bażiku, u wettqu sensiela ta' żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, li b'konsegwenza tagħhom huma stabbilixxew, għar-rikorrenti, valur normali maħdum artifiċjalment għoli, u b'hekk ikkonkludew b'mod inġustifikat li kien jeżisti dumping.

Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-bażi loġika wara l-aġġustament tal-prezz tal-gass. B'mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet wettqu żball ta' liġi u kisru l-Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament Bażiku, billi injoraw parti kbira mill-ispejjeż ta' produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini u/jew billi applikaw de facto metodoloġija li ma tikkorrispondix għal ekonomija tas-suq sabiex jistabbilixxu l-parti l-kbira tal-valur normali tar-rikorrenti.

Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-metodu użat għall-aġġustament tal-prezz tal-gass. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, wara li ddeċidiet li tipproċedi bl-aġġustament tal-prezz tal-gass, kisret it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Bażiku u/jew wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni u ma mmotivatx biżżejjed il-pożizzjoni tagħha, meta aġġustat il-prezz tal-gass abbażi tal-prezz tal-gass Russu f'Waidhaus (il-Ġermanja), billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni kartell ta' qsim tas-swieq penalizzat fir-rigward tal-gass Russu importat permezz taċ-ċentru Waidhaus, u meta ma naqsitx it-30 % tad-dazju fuq l-esportazzjoni Russu għal gass Russu, filwaqt li wettqet aġġustament sabiex jiġu riflessi l-ispejjeż ta' distribuzzjoni lokali.

Fit-tielet parti, ir-rikorrenti tikkontesta d-determinazzjoni tal-marġni ta' profitt użat sabiex jinħadem il-valur normali. Ir-rikorrenti ssostni li l-marġni ta' profitt stabbilit mill-istituzzjonijiet u miżjud mal-ispejjeż ta' manifattura sabiex jiġi maħdum, fid-dawl tar-regolament ikkontestat, il-valur normali għar-rikorrenti, jikser l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament Bażiku, huwa manifestament irraġonevoli u huwa vvizzjat minn żball manifest ta' evalwazzjoni. Barra minn hekk, il-marġni ta' profitt stabbilit b'dan il-mod huwa differenti b'mod sostanzjali mill-profitt u mill-metodu biex jinħadem il-valur normali li kienu ntużaw fl-investigazzjoni inizjali li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju inkwistjoni, bi ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament Bażiku.

____________

1 - Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1251/2009, tat-18 ta' Diċembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1911/2006 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' soluzzjonijiet ta' urea u ta' nitrat tal-ammonju li joriġinaw, inter alia, mir-Russja (ĠU L 338, p. 5).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45).