Language of document : ECLI:EU:T:2018:532

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

12 ta’ Settembru 2018 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Kompetizzjoni interna – Tfassil ta’ lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti – Kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mar-rekwiżit ta’ attività mingħajr interruzzjoni matul it-tnax-il xahar qabel l-għeluq tat-terminu għall-preżentata tal-kandidaturi – Leave għal raġunijiet personali – Nuqqas ta’ ammissjoni għal parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ kompetizzjoni”

Fil-Kawża T‑73/17,

RS, ex membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

rikorrent,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Berscheid u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2) dwar iċ-ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent, u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu li huwa allegatament issubixxa,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bejn is-16 ta’ Ġunju 2010 u l-15 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrent, TS, ħadem mal-Kummissjoni Ewropea bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III. Mis-16 ta’ Ġunju 2013 sal-15 ta’ Ġunju 2016, huwa eżerċita l-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju skont kuntratt konkluż skont l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”).

2        Mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Novembru 2015, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ awtorizzat lir-rikorrent li jibbenefika minn leave bla ħlas skont l-Artikolu 17 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

3        Fid-9 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ kompetizzjonijiet interni bbażati fuq eżamijiet, għat-tfassil ta’ lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ segretarji/skrivani ta’ grad 2 (AST/SC 2), ta’ assistenti ta’ grad 2 (AST 2) u ta’ amministraturi ta’ grad 6 (AD 6) (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”). Dawn it-tliet kompetizzjonijiet kellhom rispettivament ir-referenzi li ġejjin: COM/01/AST-SC/16 (AST/SC 2) – Segretarji/skrivani, COM/02/AST/16 (AST 2) – Assistenti, u COM/03/AD/16 (AD 6) – Amministraturi.

4        Taħt it-Titolu III, intitolat “Eliġibbiltà”, l-Artikolu 2.1 tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprevedi b’mod partikolari dan li ġej fir-rigward tal-istatus amministrattiv tal-kandidati:

“Inti trid tkun:

a)      ksibt anzjanità tas-servizz ta’ tul mhux inqas minn 42 xahar, li ma jkunux neċessarjament konsekuttivi, bħala uffiċjal, membru tal-persunal temporanju jew membru tal-persunal bil-kuntratt mal-Kummissjoni; il-perijodi ta’ attività mwettqa fi ħdan aġenziji jew istituzzjonijiet oħra ma jittieħdux inkunsiderazzjoni; il-perijodi ta’ attività mwettqa fi ħdan il-Kummissjoni bħala membru tal-persunal interim, membru tal-persunal awżiljarju, membru tal-persunal lokali jew espert nazzjonali kkollokat (ENK) ma jittieħdux inkunsiderazzjoni;

b)      tkun għaddejt mill-inqas l-aħħar tnax-il xahar qabel id-data ta’ għeluq tar-reġistrazzjoni elettronika bħala uffiċjal, membru tal-persunal temporanju jew membru tal-persunal bil-kuntratt mal-Kummissjoni; matul dawn it-tnax-il xahar, inti kellek tkun f’pożizzjoni amministrattiva ‘ta’ attività’, ‘leave tas-servizz militari’, ‘leave parentali jew tal-familja’, ‘kollokament fl-interess tas-servizz’, jew ‘kollokament fuq talba’ (matul l-ewwel sitt xhur tal-kollokament fuq talba), fis-sens tal-Artikoli 37 et seq tar-[Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        F’data mhux stabbilita, ir-rikorrent ippreżenta l-kandidatura tiegħu għall-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2).

6        Fil-11 ta’ April 2016, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2) informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu li jiċħad il-kandidatura tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), peress li ma ssodisfax il-kundizzjoni stabbilita mill-avviż ta’ kompetizzjoni li kienet teħtieġ li jkun “għadda mill-inqas l-aħħar tnax-il xahar qabel id-data ta’ għeluq tar-reġistrazzjoni elettronika fil-pożizzjoni amministrattiva ‘ta’ attività’, ‘leave tas-servizz militari’, ‘leave parentali jew tal-familja’, ‘kollokament fl-interess tas-servizz’, jew ‘kollokament fuq talba’ (matul l-ewwel sitt xhur tal-kollokament fuq talba), fis-sens tal-Artikoli 37 et seq tar-[Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea]” (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni kontenzjuża”) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        Fil-11 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata.

8        B’deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2016 innotifikata lir-rikorrent fl-24 ta’ Ottubru ta’ wara, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tieħu u ttrażmettiet id-deċiżjoni tagħha lill-kunsilliera tiegħu.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Frar 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

10      B’ittra tat-3 ta’ Frar 2017, ir-rikorrent talab, minn naħa, li jkun jista’ jibbenefika mill-anonimat konformement mal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, li l-kawża tiegħu tingħaqad, minħabba konnessjoni, mal-Kawża T‑55/17, Healy vs Il‑Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament.

11      B’ittra tal-15 ta’ Frar 2017, ir-rikorrent u l-Kummissjoni ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq eventwali tgħaqqid ta’ din il-kawża u l-Kawżi T‑55/17, Healy vs Il‑Kummissjoni, u T‑79/17, Schoonjans vs Il‑Kummissjoni.

12      B’ittra tat-23 ta’ Frar 2017, ir-rikorrent iddikjara lilu nnifsu favorevoli għat-tgħaqqid ta’ din il-kawża u l-Kawżi T‑55/17, Healy vs Il‑Kummissjoni, u T‑79/17, Schoonjans vs Il‑Kummissjoni, u ma talabx it-trattament kunfidenzjali tad-data li tinsab fl-atti proċedurali u fl-annessi tal-proċess.

13      Fl-4 ta’ April 2017, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

14      B’deċiżjoni tas-6 ta’ April 2017, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba għal anonimat imressqa mir-rikorrent.

15      B’ittra tat-18 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent indika li rrinunzja li jippreżenta replika.

16      B’ittra tat-30 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent talab li sseħħ seduta.

17      B’deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2017, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jgħaqqadx din il-kawża u l-Kawżi T‑55/17, Healy vs Il‑Kummissjoni, u T‑79/17, Schoonjans vs Il‑Kummissjoni.

18      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Jannar 2018.

19      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallsu s-somma ta’ EUR 5 000 għad-dannu morali allegatament subit;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

 L-argumenti tal-partijiet

21      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent iqajjem motiv uniku, essenzjalment ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni bbażata fuq li l-kundizzjoni kontenzjuża, li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, tikser, minn naħa, l-Artikolu 24a u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

22      Skont ir-rikorrent, mill-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-kompetizzjonijiet interni għal istituzzjoni huma miftuħa għal kull persuna li taħdem hemmhekk, inklużi l-membri tal-persunal temporanju, u li kull eċċezzjoni għal dan il-prinċipju għandha tiġi debitament immotivata fir-rigward tal-interess tas-servizz.

23      Għar-rikorrent, huwa mingħajr dubju li huwa kien fis-servizz tal-Kummissjoni fil-mument tal-preżentata u tal-eżami tal-kandidatura tiegħu għall-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2). Huwa jqis ukoll li din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni tinterpreta l-kundizzjoni għall-kandidat li “jsib ruħu fis-servizz tal-istituzzjoni” bħala li tikkonsisti li kien f’pożizzjoni amministrattiva ta’ attività (jew f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ leave imsemmija mill-avviż ta’ kompetizzjoni) matul it-tnax-il xahar qabel l-għeluq tar-reġistrazzjonijiet għall-kompetizzjoni.

24      Kuntrarjament għal dak li affermat l-Awtorità tal-Ħatra fid-deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2016, il-kundizzjoni kontenzjuża ma tippermettix, skont ir-rikorrent, li jintlaħaq l-għan doppju mfittex, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm persunal bi kwalifiki għolja u immedjatament operattiv, u, min-naħa l-oħra, li tiġi rregolarizzata, fl-interess tas-servizz, is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt u temporanji li kienu ħadmu għall-Kummissjoni sa minn perijodu kontinwu u estiż.

25      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent iqis li xejn ma kien jippermetti li jiġu preżunt li kien hemm ir-riskju li jkun “inqas immedjatament operattiv” minn membru tal-persunal ieħor li kien ibbenefika minn leave itwal (pereżempju leave parentali jew għas-servizz militari) iżda li kellu anzjanità tas-servizz inferjuri.

26      Il-kundizzjoni kontenzjuża tikser ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-kandidati kienu ġew ittrattati b’mod differenti, mingħajr raġuni oġġettiva, skont it-tip ta’ leave li huma kienu ħadu matul it-tnax-il xahar qabel l-għeluq tar-reġistrazzjonijiet għall-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2). Skont ir-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra tiżbalja meta tikkunsidra li dan il-prinċipju ġie osservat, fejn il-kandidati kollha li kienu ħadu leave għal raġunijiet personali jew leave bla ħlas kienu ġew ittrattati bl-istess mod. Bl-istess mod, din id-differenza fit-trattament ma tistax tiġi spjegata mill-fatt li, kuntrarjament għall-membri tal-persunal li jieħdu leave għal raġunijiet personali, il-membri tal-persunal li jieħdu leave parentali jew tal-familja jibqgħu affiljati mal-Iskema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Unjoni Ewropea u jkomplu jiksbu drittijiet għall-pensjoni.

27      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkontesta li l-leave tiegħu huwa għażla personali mingħajr rabta mal-interess tas-servizz. Min-naħa, tali leave jingħata biss, skont l-Artikolu 17 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jekk it-talba hija konformi mal-interess tas-servizz. Min-naħa l-oħra, dan il-leave kien ippermettilu li jiffaċilita l-perfezzjonament professjonali tiegħu, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 24a tar-Regolamenti tal-Persunal.

28      Fit-tieni lok, ir-rikorrent iqis li l-għan li tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni ta’ membri tal-persunal li ħadmu mal-Kummissjoni ma jsib l-ebda bażi fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, dan l-avviż kien jipprevedi b’mod partikolari li l-kandidati għandhom ikollhom esperjenza ta’ servizz ta’ mhux inqas minn 42 xahar mhux neċessarjament konsekuttivi.

29      Għal dawn ir-raġunijiet, il-kundizzjoni kontenzjuża tikser l-Artikoli 24a u 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li hija mingħajr rabta mal-merti tal-membri tal-persunal kandidati għall-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2).

30      Fi kwalunkwe ipoteżi, fid-dawl tal-qosor tal-leave tiegħu, ir-rikorrent essenzjalment isostni li l-kundizzjoni kontenzjuża twassal għal riżultat sproporzjonat fir-rigward tal-għan imfittex mill-avviż ta’ kompetizzjoni.

31      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

32      Skont l-Artikolu 24a tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Għandha tiffaċilita dak it-taħriġ u struzzjoni addizzjonali għall-uffiċjali kif inhu kompatibbli mal-ħidma tajba tas-servizz u ma’ l-interessi tal-Unjoni

L-imsemmi taħriġ u struzzjoni għandu jkun ikkunsidrat għall-iskopijiet ta’ promozzjoni fil-karriera tagħhom.”

33      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula milll-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. L-ebda pożizzjoni ma tkun riservata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.”

34      Fl-ewwel lok, għandhom jitfakkru l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni.

35      L-ewwel nett, ir-rwol essenzjali tal-avviż ta’ kompetizzjoni jikkonsisti li l-persuni kkonċernati jiġu informati b’mod daqstant eżatt daqs kemm huwa possibbli dwar in-natura tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jokkupaw il-pożizzjoni inkwistjoni, sabiex jitqiegħdu fil-pożizzjoni li jevalwaw jekk hemmx lok għalihom li jippreżentaw att ta’ kandidatura (ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      It-tieni nett, l-istituzzjoni tipprovdi, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiġu ddeterminati l-kriterji ta’ kapaċità meħtieġa mill-impjiegi li għandhom jimtlew u sabiex jiġi stabbilit, skont dawn il-kriterji u fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il‑Kummissjoni, C‑16/07 P, EU:C:2008:549, punti 76 u 77 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, EU:T:2006:392, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Madankollu, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet fil-qasam ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni, għandu jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet imperattivi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa b’mod imperattiv li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-għan ta’ kull reklutaġġ u li l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi l-kuntest tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti ta’ impjieg. Konsegwentement, din is-setgħa għandha dejjem tiġi eżerċitata skont rekwiżiti marbuta mal-impjiegi li għandhom jimtlew u, iktar ġeneralment, tal-interess tas-servizz (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, EU:T:2006:392, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2009, Di Prospero vs Il‑Kummissjoni, F‑99/08, EU:F:2009:153, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fir-rigward b’mod speċifiku tal-kundizzjonijiet li jillimitaw ir-reġistrazzjoni ta’ kandidati għal kompetizzjoni, għalkemm dawn ċertament jistgħu jirrestrinġu l-possibbiltajiet għall-istituzzjoni li tirrekluta l-aħjar kandidati fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, għaldaqstant dan ma jfissirx li kull kundizzjoni li għandha tali limitazzjoni tmur kontra l-artikolu hawn fuq imsemmi. Fil-fatt, is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, u b’mod iktar ġenerali, l-interess tas-servizz jippermettu lill-istituzzjoni li tagħmel il-kundizzjonijiet li hija tqis xierqa u li, filwaqt li jillimitaw l-aċċess tal-kandidati għal kompetizzjoni, u għalhekk neċessarjament in-numru ta’ kandidati rreġistrati, ma jinvolvux madankollu r-riskju li jiġi ppreġudikat l-għan li tiġi żgurata r-reġistrazzjoni ta’ kandidati li jippreżentaw l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2009, Di Prospero vs Il‑Kummissjoni, F‑99/08, EU:F:2009:153, punt 30).

39      F’dan ir-rigward u kif issostni l-Kummissjoni, il-ġurisprudenza diġà kkunsidrat li ma kien jeżisti ebda obbligu li jiġu ammessi għal kompetizzjoni interna tal-istituzzjoni l-persuni kollha li kienu jinsabu fis-servizz tagħha. Fil-fatt, tali obbligu jippreġudika s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lil din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il‑Kummissjoni, C‑16/07 P, EU:C:2008:549, punti 70 sa 76, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Brown vs Il‑Kummissjoni, F‑37/05, EU:F:2009:121, punt 68). Ebda dritt assolut għal parteċipazzjoni f’kompetizzjoni interna għal istituzzjoni ma jista’, għalhekk, jiġi rrikonoxxut lill-membri tal-persunal u lill-uffiċjali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Berge vs Il‑Kummissjoni, T‑40/96 u T‑55/96, EU:T:1997:28, punt 39, u tat-8 ta’ Novembru 2006, Chetcuti vs Il‑Kummissjoni, T‑357/04, EU:T:2006:339, punt 42).

40      Għalhekk huma biss meqjusa bħala li jiksru l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal il-kundizzjonijiet li jillimitaw l-aċċess ta’ kandidati għal kompetizzjoni li jinkludu r-riskju li jiġi ppreġudikat l-għan li tiġi żgurata r-reġistrazzjoni ta’ kandidati li jippreżentaw l-ogħla livell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Berge vs Il‑Kummissjoni, T‑40/96 u T‑55/96, EU:T:1997:28, punt 40, u tas-17 ta’ Novembru 2009, Di Prospero vs Il‑Kummissjoni, F‑99/08, EU:F:2009:153, punt 32).

41      It-tielet nett, hemm lok li jitfakkar li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet f’dan il-qasam, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali dwar l-osservanza tal-kundizzjoni relatata mal-interess tas-servizz għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk l-istituzzjoni żammitx ma’ limiti raġonevoli, li ma jistgħux jiġu kkontestati, u li ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑88/13 P, EU:T:2015:393, punt 106).

42      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar ukoll f’liema kundizzjonijiet l-istituzzjonijiet jistgħu jeħtieġu mill-kandidati għal kompetizzjoni interna li jipproduċu prova ta’ tul ta’ anzjanità tas-servizz.

43      F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li r-rekwiżit ta’ ċertu numru ta’ snin ta’ anzjanità tas-servizz kien jikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jiġi żgurat li l-uffiċjali jkollhom il-kwalitajiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Persunal u, għaldaqstant, sabiex jiġi ggarantit l-interess tas-servizz. Fil-fatt, il-pussess ta’ ċerta anzjanità, u għalhekk ta’ esperjenza sinjifikattiva fi ħdan istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxi “indizju ċert” tal-eżistenza tal-kwalitajiet imsemmija iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, EU:T:2006:392, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Tali kundizzjoni ta’ anzjanità tippermetti li jiġi żgurat li l-persuni ammessi għall-kompetizzjoni interna kienu ġew suġġetti għall-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-persunal amministrattiv tal-istituzzjonijiet, b’mod partikolari għar-regoli relatati mal-evalwazzjoni u mad-dixxiplina, matul ċertu perijodu u li huma kienu pproduċew prova tal-kompetenzi tagħhom f’dan il-kuntest. Għalhekk il-proċedura ta’ reklutaġġ tiżgura s-servizzi ta’ uffiċjali lill-istituzzjoni li jkollhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità, kif ġew evalwati mill-istituzzjonijiet stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, EU:T:2006:392, punt 41).

45      Għalhekk, il-ġurisprudenza diġà ammettiet kundizzjonijiet ta’ anzjanità tas-servizz ta’ tul ta’ tliet snin (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Berge vs Il‑Kummissjoni, T‑40/96 u T‑55/96, EU:T:1997:28, punt 47, u tas-17 ta’ Novembru 2009, Di Prospero vs Il‑Kummissjoni, F‑99/08, EU:F:2009:153, punt 31), ta’ ħames snin (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, EU:T:2006:392, punti 38, 40 u 42) u ta’ għaxar snin (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il‑Kummissjoni, T‑214/99, EU:T:2000:272, punti 56 u 61), peress li, f’dawn il-kawżi, l-istituzzjoni inkwistjoni kienet eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fl-osservanza tal-kundizzjoni marbuta mal-interess tas-servizz.

46      Min-naħa l-oħra, kundizzjoni supplimentari li tikkonsisti li jkun meħtieġ, minbarra ċerta anzjanità tas-servizz, li l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal kandidati kienu fis-servizz tal-istituzzjoni b’mod mhux interrott matul il-perijodu intiż minn din il-kundizzjoni ta’ anzjanità tas-servizz tista’ jkollha bħala riżultat li teskludi mill-kompetizzjoni interna uffiċjali jew tal-membri tal-persunal li jipproduċu prova ta’ anzjanità tas-servizz ugwali jew iktar minn dik meħtieġa minn din l-aħħar kundizzjoni. Isegwi li, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni miġjuba mill-istituzzjoni, tali rekwiżit għandu jiġi meqjus bħala illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Berge vs Il‑Kummissjoni, T‑40/96 u T‑55/96, EU:T:1997:28, punti 48 sa 54).

47      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, taħt it-Titolu III, intitolat “Eliġibbiltà”, l-Artikolu 2.1(a) u (b) tal-avviż ta’ kompetizzjoni jeħtieġ mill-kandidati mhux biss li jkollhom anzjanità tas-servizz ta’ mhux inqas minn 42 xahar, li ma jkunux neċessarjament konsekuttivi, iżda wkoll li jkunu għaddew it-tnax-il xahar qabel id-data ta’ għeluq tar-reġistrazzjoni elettronika mal-Kummissjoni, fejn il-kandidati ikollhom ikunu matul dawn it-tnax-il xahar f’pożizzjoni amministrattiva ta’ attività, ta’ leave tas-servizz militari, ta’ leave parentali jew tal-familja, ta’ kollokament fl-interess tas-servizz jew ta’ kollokament fuq talba għal tul li ma jaqbiżx sitt xhur.

48      Għalhekk, jidher li l-avviż ta’ kompetizzjoni jeħtieġ li, matul il-perijodu ta’ tnax il-xahar qabel id-data ta’ għeluq tar-reġistrazzjoni elettronika, il-kandidati kienu fis-servizz tal-Kummissjoni mingħajr interruzzjoni u f’waħda mill-pożizzjonijiet amministrattivi elenkati fil-punt 47 iktar ’il fuq, fejn fosthom ma jidhirx b’mod partikolari l-leave għal raġunijiet personali.

49      Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni kontenzjuża għandha bħala riżultat li teskludi mill-kompetizzjonijiet interni intiżi mill-avviż ta’ kompetizzjoni ċerti uffiċjali jew membri tal-persunal li jipproduċu prova ta’ anzjanità tas-servizz ogħla minn dik ta’ 42 xahar meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni, għar-raġuni biss li ma kinux fis-servizz tal-Kummissjoni b’mod mhux interrott matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar qabel id-data ta’ għeluq tar-reġistrazzjoni elettronika, pereżempju minħabba li kienu ħadu leave għal raġunijiet personali, anki għal tul qasir. Din hija għaldaqstant is-sitwazzjoni tar-rikorrent, li pproduċa prova ta’ anzjanità tas-servizz ta’ 69 xahar iżda li kien ħa leave għal raġunijiet personali ta’ tul ta’ xahrejn matul tnax-il xahar qabel id-data ta’ għeluq tar-reġistrazzjoni elettronika.

50      Issa, sabiex tiġġustifika l-kundizzjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni sempliċement tindika li din il-kundizzjoni kellha bħala għan li jiġu rreklutati uffiċjali mhux biss li jistħoqqilhom u bi kwalifiki għolja, iżda wkoll immedjatament operattivi permezz tal-esperjenza rrikonoxxuta tagħhom. F’dan ir-rigward, huwa minnu li dan l-għan kien issemma speċifikament taħt it-titolu “Qafas ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma rreferiet għal ebda ċirkustanza partikolari, marbuta mal-karatteristiċi tal-impjiegi li għandhom jimtlew, li timplika li huma biss il-membri tal-persunal li kienu fis-servizz tal-Kummissjoni mingħajr interruzzjoni matul it-tnax-il xahar qabel id-data ta’ għeluq tar-reġistrazzjoni elettronika li kienu immedjatament operattivi u li pproduċew prova, konsegwentement, il-membri tal-persunal li ma kinux fis-servizz tal-Kummissjoni b’mod mhux interrott matul dan il-perijodu, b’mod partikolari minħabba li kienu ħadu leave għal raġunijiet personali, jiġu esklużi mill-kompetizzjoni interna kontenzjuża, minkejja li jipproduċu prova ta’ anzjanità tas-servizz ogħla minn dik ta’ 42 xahar meħtieġa.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni għandha titqies bħala li użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat meta introduċiet fl-avviż ta’ kompetizzjoni kundizzjoni supplimentari għall-kundizzjoni marbuta mal-anzjanità tas-servizz li teħtieġ li, matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar qabel id-data ta’ għeluq tar-reġistrazzjoni elettronika, il-kandidati kienu fis-servizz tal-Kummissjoni mingħajr interruzzjoni.

52      Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi dedott li membru tal-persunal ikollu iktar kwalifiki għolja jew ikun iktar immedjatament operattiv minn ieħor għar-raġuni biss li t-tipi ta’ leave rispettivi tagħhom ivarjaw. Din is-soluzzjoni għaldaqstant twassal sabiex il-kundizzjoni kontenzjuża twassal paradossalment sabiex teskludi ċerti membri tal-persunal, bħar-rikorrent, minkejja li, minħabba tul inferjuri tal-leave tagħhom, huma kienu iktar preżenti matul l-aħħar tnax-il xahar fi ħdan dipartimenti tal-Kummissjoni milli membri tal-persunal oħra li għaldaqstant kienu ġew ammessi sabiex jippreżentaw ruħhom għall-kompetizzjoni interna inkwistjoni. Barra minn hekk din il-konstatazzjoni tikkontradixxi l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li, bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, indikat li din il-kundizzjoni ppermettiet li tingħata possibbiltà ta’ ħatra bħala uffiċjali permanenti lill-membri tal-persunal li kienu wrew li kien jistħoqqilhom permezz ta’ prestazzjonijiet u ta’ riżultat effettiv li setgħu jiġu evalwati b’mod l-iktar reċenti u b’hekk l-iktar affidabbli possibbli.

53      L-esklużjoni tal-membri tal-persunal li kienu ħadu leave għal raġunijiet personali b’hekk ma hijiex iġġustifikata la fir-rigward tal-għanijiet imfittxija u lanqas fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

54      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-allegat riskju, invokat waqt is-seduta mill-Kummissjoni, li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kien jiġi miksur jekk kundizzjonijiet għal eliġibbiltà distinti kienu previsti skont jekk il-membri tal-persunal ikkonċernati kinux membri tal-persunal bil-kuntratt jew membri tal-persunal temporanju.

55      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, huwa irrilevanti li dawn kienu l-ewwel kompetizzjonijiet interni miftuħa lill-membri tal-persunal bil-kuntratt sa mir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2013 u li, għaldaqstant, ma eżistietx prassi preċedenti kuntrarja. Dan l-element huwa iktar inqas rilevanti peress li, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma kienx membru tal-persunal bil-kuntratt, iżda membru tal-persunal temporanju. Minbarra dan u fi kwalunkwe każ, huwa possibbli għall-Kummissjoni li tallinja l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fuq dawk tal-membri tal-persunal temporanju, fl-osservanza tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza.

56      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar eventwali ksur tal-Artikolu 24a tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, hemm lok li tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità, sa fejn il-kundizzjoni kontenzjuża tikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u, konsegwentement, li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

57      Peress li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax, skont ir-rikorrent, ikun biżżejjed sabiex jikkumpensa d-dannu morali li huwa jqis li ssubixxa, huwa jitlob lill-Qorti Ġenerali li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-pagament ta’ somma ta’ EUR 5 000. Il-Kummissjoni tirribatti li, fl-assenza ta’ illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata, dawn it-talbiet, ifformulati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, għandhom jiġu miċħuda. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżuppost li din id-deċiżjoni hija illegali, l-annullament tagħha huwa suffiċjenti sabiex jiġi kkumpensat id-dannu morali allegat.

58      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il‑Kunsill, T‑116/03, EU:T:2004:325, punt 127; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes vs Il‑Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, EU:C:1987:348, punt 22).

59      Madankollu, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu kumpens adegwat meta, minn naħa, l-att ikkontestat jinkludi evalwazzjoni espliċitament negattiva tal-kapaċitajiet tar-rikorrent li tista’ tkun ta’ dannu għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, EU:C:1990:49, punti 27 sa 29; tat-23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il‑Kummissjoni, T‑197/98, EU:T:2000:86, punt 98, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, EU:T:2005:447, punti 205 u 206) u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent juri li ssubixxa dannu morali separat mill-illegalità li hija l-bażi tal-annullament u ma jistax jiġi għal kollox ikkumpensat permezz ta’ dan l-annullament (sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 131, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il‑Kummissjoni, T‑49/08 P, EU:T:2009:456, punt 88).

60      F’dan il-każ, ir-rikorrent jafferma li d-dannu morali tiegħu jirriżulta mill-inkapaċità tal-Kummissjoni li tqiegħdu mill-ġdid fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li fihom il-kompetizzjoni kellha tiġi organizzata sabiex jiġu ggarantiti l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati kollha u l-objettività tal-evalwazzjoni.

61      Għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, ir-rikorrent ma jakkuża lill-Kummissjoni bl-ebda evalwazzjoni negattiva tal-kapaċitajiet tiegħu li tista’ tikkawżalu dannu u, min-naħa l-oħra, huwa ma weriex li ssubixxa dannu morali li huwa separat mill-illegalità li hija l-bażi tal-annullament.

62      F’dawn il-kundizzjonijiet u skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 58 u 59 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li kull dannu morali li r-rikorrent seta’ ssubixxa minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata huwa kkumpensat b’mod adegwat u suffiċjenti permezz tal-annullament tagħha. Għalhekk it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda.

63      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jintlaqa’ sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-kumplament tiegħu huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

64      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni essenzjalment tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2) dwar iċ-ċaħda tal-kandidatura ta’ RS hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Settembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.