DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
8 taʼ Settembru 2011
Kawża F-51/11 R
Dimitrios Pachtitis
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Servizz pubbliku — Proċedura għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni”
Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA kif ukoll l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu D. Pachtitis jitlob is-sospensjoni tad-deċiżjoni, tal‑14 ta’ Frar 2011, tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) li stednitu jerġa’ jagħmel it-testijiet ta’ aċċess għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/77/06, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑15 ta’ Ġunju 2010, Pachtitis vs Il‑Kummissjoni (F‑35/08, suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑361/10 P).
Deċiżjoni: It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.
Sommarju
1. Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris” — Urġenza — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji
(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))
2. Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Ammissibbiltà prima facie tar-rikors prinċipali
(Artikolu 278 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))
3. Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Att preparatorju
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
4. Rikors għal annullament — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni konfermattiva ta’ deċiżjoni mhux ikkontestata fit-termini — Inammissibbiltà
1. Iċ-ċirkustanzi relatati mal-urġenza u mal-apparenza korretta tat-talba (fumus boni juris) huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda ladarba waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix issodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi quddiemu.
Fil-kuntest ta’ dan l-eżami komplessiv, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u jibqa’ liberu li jiddetermina, fir-rigward tal-aspetti partikolari tal-każ, il-mod kif dawn il-kundizzjonijiet differenti għandhom jiġu vverifikati kif ukoll is-sekwenza ta’ dan l-eżami, ladarba ebda dispożizzjoni legali ma timponilu skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex jevalwa l-ħtieġa li jagħti deċiżjoni provviżorja.
(ara l-punti 15 u 16)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 taʼ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99 R, punt 18
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 3 taʼ Lulju 2008, Plasa vs Il‑Kummissjoni, F‑52/08 R, punti 21 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata
2. Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali ma għandhiex, bħala prinċipju, tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, iżda għandha tkun riżervata għall-analiżi tal-imsemmi rikors, ħlief fl-ipoteżi fejn dan jidher, prima facie, manifestament inammissibbli. Deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà fl-istadju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, meta din ma hijiex, prima facie, totalment eskluża, effettivament, twassal sabiex tippreġudika d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta tkun qed jiddeċiedi fil-kawża prinċipali.
(ara l-punt 17)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 4 taʼ Frar 1999, Peña Abizanda et vs Il‑Kummissjoni, T‑196/98 R, punt 10, u l-ġurisprudenza ċċitata
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 taʼ Diċembru 2006, Dálnoky vs Il‑Kummissjoni, F‑120/06 R, punt 41
3. Is-sempliċi stedina sabiex kandidat jissottometti lilu nnifsu għal testijiet ta’ aċċess għal kompetizzjoni ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, sa fejn din ma taffettwax il-possibbiltà tal-kandidat li jgħaddi mit-testijiet inkwistjoni sabiex imbagħad waqt l-eżamijiet tal-kompetizzjoni jikseb riżultati li jippermettu l-inklużjoni tiegħu fil-lista ta’ riżerva.
(ara l-punt 21)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Ġunju 1990, Marcopoulos vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑32/89 u T-39/89, punt 22
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 taʼ Settembru 2009, Neophytou vs Il‑Kummissjoni, F‑22/05 RENV, punt 71
4. Rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti mhux ikkontestata fit-termini huwa inammissibbli. Deċiżjoni hija purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti meta hija ma tinkludi ebda element ġdid meta mqabbla ma’ dik preċedenti u ma kinitx ippreċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ dan l-att preċedenti.
(ara l-punt 28)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 taʼ Marzu 1978, Herpels vs Il‑Kummissjoni, 54/77, punti 11 sa 14; 10 taʼ Diċembru 1980, Grasselli vs Il‑Kummissjoni, 23/80, punt 18
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 taʼ Ottubru 2000, Ripa di Meana et vs Il‑Parlament, T‑83/99 sa T‑85/99, punti 33 u 34
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 19 taʼ Diċembru 2006, Suhadolnik vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑78/06, punti 31 u 32; 15 taʼ Lulju 2008, Pouzol vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑28/08, punt 45