Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ April 2021 – Jean-François Jalkh vs Il-Parlament

(Kawża T-230/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Jean-François Jalkh (Gretz-Armainvilliers, Franza) (rappreżentant: F. Wagner, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew P9 TA(2021)0092 tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent (2020/2110 IMM) u li effettivament tneħħi l-immunità tiegħu;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 32 tal-Komunikazzjoni Nru 0011/2019 tad-19 ta’ Novembru 2019. Ir-rikorrent iqis li l-fatt li deputat ma jistax jikseb kopja tal-fajl jirrendi possibbli manipulazzjoni ta’ dan il-fajl qabel il-komunikazzjoni tiegħu lill-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament (iktar ’il quddiem il-“Kumitat JURI”). Fil-fehma tiegħu, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi ksur manifest tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ xieraq, tal-prinċipju ġenerali ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tal-lealtà tad-diskussjonijiet.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. Dan il-motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet.

L-ewwel parti bbażata fuq il-ksur ta’ ffalsifikar u użu ta’ dokumenti foloz li allegatament twettaq mir-Relatur tal-Kumitat JURI u mill-President tiegħu.

It-tieni parti bbażata fuq ksur tar-regola li “proċeduri kriminal jieħdu l-preċedenza fuq dawk amministrattivi u fuq dawk ċivili”.

It-tielet parti bbażata fuq ksur mill-Parlament tal-Artikolu 7 tal-Komunikazzjoni Nru 0011/2019 tad-19 ta’ Novembru 2019.

Ir-raba’ parti bbażata fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regoli interni tal-Parlament Ewropew.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 326, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll”).

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. F’dan ir-rigward ir-rikorrent jinvoka każ flagranti ta’ fumus persecutionis.

____________