Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fit-28 ta’ Frar 2024 – J.P. vs A.T., J.B. u Skarb Państwa – Prezes Sądu Okręgowego w O.

(Kawża C-158/24, Rojcki) 1

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: J.P.

Konvenuti: A.T., J.B. u Skarb Państwa – Prezes Sądu Okręgowego w O.

Domanda preliminari

L-Artikolu 2, l-Artikolu 6(1) u (3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u mal-Artikolu 267 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li att li jistabbilixxi l-kompożizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), bħal digriet tal-President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) inkarigat li jmexxi x-xogħol ta’ Awla tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ma jipproduċix effetti legali jekk il-kulleġġ ġudikanti kompost b’dan il-mod ma jkunx jikkostitwixxi qorti indipendenti u imparzjali li tkun ġiet stabbilita minn qabel bil-liġi fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl:

tal-fatt li sedenti fi ħdan il-kulleġġ ġudikanti jkun hemm persuni maħtura għall-kariga ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) b’mod manifestament kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-ħatra tal-imħallfin, hekk kif ġie kkonstatat f’deċiżjonijiet definittivi tal-qorti nazzjonali tal-ogħla istanza, u fejn dawn il-persuni jikkostitwixxu l-maġġoranza fil-kulleġġ ġudikanti;

tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti, kif ġie indikat iktar ’il fuq, mill-President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) maħtur għall-funzjoni ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) taħt l-istess kundizzjonijiet u bi ksur tal-prinċipju dwar il-ħatra ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għall-pożizzjoni ta’ President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.