Language of document : ECLI:EU:C:2024:298

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Reġistrazzjoni, valutazzjoni, awtorizzazzjoni u restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) – Artikolu 2(1)(b) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 3(10) u (11) – Kunċetti ta’ ‘importazzjoni’ u ta’ ‘importatur’ – Artikolu 6 – Obbligu ta’ reġistrazzjoni – Persuna li tassumi r-responsabbiltà għar-reġistrazzjoni – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali tal-Unjoni Ewropea – Ħażna doganali”

Fil-Kawża C‑654/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank van eerste aanleg Oost‑Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oost‑Vlaanderen, Taqsima ta’ Gent, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

FOD Volksgezondheid, Veiligheid van de voedselketen & Leefmilieu

vs

Triferto Belgium NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.‑C. Bonichot, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Ottubru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Triferto Belgium NV, minn E. Vermeulen, advocaat, u S. A. Gawronski, advocate,

–        għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn M. Rysman, avocate,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Mathieu, K. Mifsud‑Bonnici, F. Moro u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(1)(b), tal-punti 10 u 11 tal-Artikolu 3, u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament REACH”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-FOD Volksgezondheid, Veiligheid van de Voedselketen оLeefmilieu (is-Servizz Pubbliku Federali tas-Saħħa Pubblika, tas-Sigurtà tal-Katina Alimentari u tal-Ambjent, il-Belġju, iktar ’il quddiem is-“SPF Saħħa Pubblika”) u Triferto Belgium NV (iktar ’il quddiem “Triferto”), stabbilita f’Gent (il-Belġju), dwar multa imposta fuq din tal-aħħar minħabba ksur tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanzi previst fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament REACH.

 Ilkuntest ġuridiku

 IrRegolament REACH

3        Skont kliem il-premessi 10, 16, 17 u 19 tar-Regolament REACH:

“(10)      Is-sustanzi taħt sorveljanza doganali li jkunu f’ħażna temporanja, f’żoni liberi jew ġewwa mħażen liberi bl-iskop li ji[ġu] esportati mill-ġdid jew li jkunu fi transitu ma jkunux qegħdin jiġu użati fis-sens ta’ dan ir-Regolament u għaldaqstant għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ l-applikazzjoni tiegħu. It-trasport ta’ sustanzi perikolużi u ta’ taħlitiet perikolużi permezz tal-ferrovija, fit-triq, f’kanali ta’ l-ilma interni, bil-baħar jew bl-ajru għandu jiġi eskluż ukoll mill-kamp ta’ l-applikazzjoni tiegħu billi diġà hemm leġislazzjoni speċifika li tapplika għal tali trasport.

[...]

(16)      Dan ir-Regolament jistabbilixxi dmirijiet u obbligi speċifiċi għal manifatturi, importaturi u utenti ‘downstream’ ta’ sustanzi waħedhom, f’taħlitiet u f’oġġetti. Dan ir-Regolament huwa msejjes fuq il-prinċipju li l-industrija għandha timmanifattura, timporta jew tuża sustanzi jew tqegħidhom fis-suq b’tali responsabbiltà u attenzjoni li jkunu meħtieġa sabiex ikun żgurat li, taħt kondizzjonijiet raġonevolment prevedibbli, is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ma jkunux milquta ħażin.

(17)      L-informazzjoni kollha disponibbli u relevanti dwar sustanzi waħedhom, f’taħlitiet u f’oġġetti għandha tinġabar sabiex tgħin fl-identifikazzjoni ta’ proprjetajiet perikolużi, u għandhom jingħataw rakkomandazzjonijiet dwar miżuri ta’ l-immaniġġar tar-riskji b’mod sistematiku, permezz tal-katini ta’ provvista, skond kif ikun raġonevolment meħtieġ, sabiex jiġu evitati effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. [...]

[...]

(19)      Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tar-reġistrazzjoni jeħtieġu li l-manifatturi u l-importaturi jiġġeneraw data dwar is-sustanzi li huma jiffabrikaw jew jimportaw, li jużaw din id-data sabiex jagħmlu stima tar-riskji relatati ma’ dawn is-sustanzi u li jiżviluppaw u jirrakkomandaw miżuri adatti ta’ l-immaniġġar tar-riskji. Sabiex jiġi żgurat li huma fil-fatt jissodisfaw dawn l-obbligi, kif ukoll għal raġunijiet ta’ trasparenza, ir-reġistrazzjoni għandha teħtieġ li huma jippreżentaw dossier li jkun fih din l-informazzjoni kollha lill-Aġenzija [Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)]. Is-sustanzi reġistrati għandhom ikunu permessi jiċċirkolaw fis-suq intern.”

4        L-Artikolu 1(1) dan ir-regolament intitolat “Għan u Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Applikazzjoni”, jistipula, fil-paragrafu 1(b) tiegħu:

“Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[...]

(b)      sustanzi waħedhom, fi taħlitiet jew f’oġġett, li jkunu suġġetti għal sorveljanza doganali, sakemm ma jkunu sottoposti għal ebda trattament jew proċessar, u li jkunu f’ħażna temporanja, jew f’żona ħielsa jew maħżen ħieles bl-iskop ta’ l-esportazzjoni mill-ġdid, jew fi transitu”.

6        L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punti 10 sa 14 u 24 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

10)      Importazzjoni: tfisser l-introduzzjoni fiżika fit-territorju doganali tal-Komunità;

11)      Importatur: tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità li tkun responabbli għall-importazzjoni;

12)      Tqegħid fis-suq: tfisser li tipprovdi jew li tagħmel disponibbli lil terzi, kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas. L-importazzjoni għandha titqies bħala tqegħid fis-suq;

13)      Utent ‘downstream’: tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità, minbarra l-manifattur jew l-importatur, li juża sustanza, kemm waħidha jew fi taħlita, fl-attivitajiet industrijali jew professjonali tiegħu. [...];

14)      Distributur: tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità, inkluż bejjiegħ bl-imnut, li jaħżen u jqiegħed fis-suq sustanza, waħidha jew f’taħlita, għal terzi biss;

[...]

24)      Użu: tfisser kwalunkwe proċessar, formulazzjoni, konsum, ħażna, żamma, trattament, mili f’kontenituri, trasferiment minn kontenitur għall-ieħor, taħlit, produzzjoni ta’ oġġett jew kwalunkwe utilizzazzjoni oħra”.

7        L-Artikolu 5 tar-Regolament REACH, intitolat “Ebda data, ebda suq”, huwa fformulat kif ġej:

“Suġġett għall-Artikoli 6, 7, 21 u 23, is-sustanzi waħedhom, fi taħlitiet jew f’oġġetti ma għandhomx jiġu manifatturati fil-Komunità jew imqegħdin fis-suq sakemm ma jkunux ġew reġistrati skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan it-Titolu fejn dan ikun meħtieġ.”

8        L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament intitolat “Obbligu ġenerali sabiex ikunu reġistrati sustanzi waħedhom jew f’taħlitiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ħlief fejn dan ir-Regolament jgħid mod ieħor, kull manifattur jew importatur ta’ sustanza, waħidha jew f’taħlita wieħed [waħda] jew aktar, fi kwantitajiet ta’ tunnellata metrika jew aktar kull sena għandu jippreżenta reġistrazzjoni lill-[ECHA].”

9        Skont kliem l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi preżentata għall-finijiet ġenerali ta’ reġistrazzjoni”:

“Reġistrazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 6 jew mill-Artikolu 7(1) jew (5) għandha tinkludi l-informazzjoni kollha li ġejja:

a)      dossier tekniku li jinkludi:

[...]

[...]

(b)      rapport ta’ sigurtà kimika meta meħtieġ taħt l-Artikolu 14, fil-format speċifikat fl-Anness I. It-Taqsimiet relevanti ta' dan ir-rapport jistgħu jinkludu, jekk meqjus xieraq mir-reġistrant, il-kategoriji relevanti ta' użu u espożizzjoni.”

10      L-Artikolu 21 tar-Regolament REACH intitolat “Il-manifattura u l-importazzjoni ta’ sustanzi”, jistipula, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Reġistrant jista’ jibda jew ikompli l-manifattura jew l-importazzjoni ta’ sustanza, jew il-produzzjoni jew l-importazzjoni ta’ oġġett, jekk ma jkunx hemm indikazzjoni għall-kuntrarju mill-[ECHA] skond l-Artikolu 20(2) fi żmien 3 ġimgħat wara d-data tal-preżentazzjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27(8).”

11      L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Obbligi ulterjuri tar-reġistranti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Wara r-reġistrazzjoni, reġistrant għandu jkun responsabbli, bl-inizjattiva tiegħu stess, mill-aġġornament tar-reġistrazzjoni tiegħu mingħajr dewmien żejjed bl-informazzjoni relevanti ġdida u mill-preżentazzjoni tagħha lill-[ECHA] fil-każijiet li ġejjin:

[...]”

 IlKodiċi Doganali

12      L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi fil-punti 3, 11 u 17 tiegħu:

“Għall-għanijiet tal-Kodiċi, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(3)      ‘kontrolli doganali’ tfisser atti speċifiċi magħmula mill-awtoritajiet doganali sabiex jiżguraw il-konformità mal-leġislazzjoni doganali u leġislazzjoni oħra li tirregola d-dħul, ħruġ, tranżitu, moviment, ħażna u użu aħħari ta' merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Unjoni u pajjiżi jew territorji barra minn dak it-territorju, u l-preżenza u l-moviment fit-territorju doganali tal-Unjoni ta' merkanzija mhux tal-Unjoni u merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-użu aħħari;

[...]

(11)      ‘dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja’ tfisser l-att li bih persuna tindika, fil-forma u l-mod preskritti, li merkanzija tinsab f'ħażna temporanja;

[...]

(17)      ‘ħażna temporanja’ tfisser is-sitwazzjoni ta' merkanzija mhux tal-Unjoni maħżuna temporanjament taħt superviżjoni doganali fil-perijodu bejn il-preżentazzjoni tagħha lid-dwana u t-tqegħid tagħha taħt proċedura doganali jew l-esportazzjoni mill-ġdid”.

13      Il-proċedura ta’ ħażna temporanja ta’ merkanzija hija rregolata mill-Artikoli 144 sa 152 tal-Kodiċi Doganali, li jinsabu fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu IV ta’ dan il-kodiċi. Skont din il-proċedura, il-merkanzija li ma tkunx ġejja mill-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“merkanzija mhux tal-Unjoni”) titqiegħed f’ħażna temporanja fil-mument tal-preżentazzjoni tagħha lid-dwana. Din il-merkanzija tista’ tibqa’ taħt l-imsemmija proċedura matul perijodu massimu ta’ 90 jum.

14      Il-proċedura doganali ta’ tranżitu hija s-suġġett tal-Artikoli 226 sa 236 tal-imsemmi kodiċi, li jagħmlu parti mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu VII tal-istess kodiċi, u tinkludi, minn naħa, il-proċedura ta’ tranżitu estern, li tippermetti l-moviment ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni minn punt għal ieħor tat-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma din il-merkanzija la tiġi suġġetta għad-dazji fuq l-importazzjoni, la għal imposti oħra u lanqas għal miżuri ta’ politika kummerċjali. Min-naħa l-oħra, din tinkludi l-proċedura ta’ tranżitu intern, li tippermetti l-moviment ta’ merkanzija tal-Unjoni minn punt għal ieħor ta’ dan it-territorju doganali, billi tgħaddi minn pajjiż jew minn territorju li jinsab barra mill-imsemmi territorju doganali, mingħajr bidla fl-istatus doganali tagħha.

15      Il-proċedura tal-ħażna doganali hija rregolata mill-Artikoli 240 sa 242 tal-Kodiċi Doganali, li jinsabu fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu VII ta’ dan il-kodiċi. Din il-proċedura tippermetti li l-merkanzija mhux tal-Unjoni tinħażen f’bini jew fi kwalunkwe post ieħor awtorizzat għall-imsemmija proċedura, imsejħa “mħażen doganali”, mill-awtoritajiet doganali u suġġetti għas-superviżjoni doganali. L-imħażen doganali jistgħu jintużaw minn kwalunkwe persuna għal ħażna doganali ta’ merkanzija (“imħażen doganali pubbliċi”), jew għall-ħażna ta’ merkanzija mid-detentur ta’ awtorizzazzjoni għall-ħżin fl-imħażen doganali (“imħażen doganali privati”).

16      It-Taqsima 3 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu VII tal-imsemmi kodiċi tinkludi l-Artikoli 243 sa 249 ta’ dan tal-aħħar, li jikkonċernaw il-proċedura doganali taż-żona ħielsa, li taħtha titqiegħed merkanzija taħt sospensjoni, b’mod partikolari, ta’ dazji ta’ importazzjoni u ta’ taxxi oħra.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

17      Matul is-sena 2019, Triferto ordnat mingħand Dreymoor Fertilizers Overseas PTE LTD, stabbilita f’Singapor, iktar minn tunnellata ta’ urea. Din il-merkanzija kienet ġejja minn pajjiż terz u l-post ta’ kunsinna miftiehem kien Gent. Fuq talba tal-kumpannija msemmija l-aħħar, Belor-Eurofert Gmbh (iktar ’il quddiem “Belor”), stabbilita f’Bamberg (il-Ġermanja), daħħlet fiżikament il-kunsinna ta’ urea inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-Unjoni u ħażnitha f’maħżen doganali f’Gent. Belor, billi ddikjarat ruħha importatur, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament REACH, kienet preċedentement ippreżenta lill-ECHA applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-urea inkwistjoni fil-kawża prinċipali u wettqet id-dikjarazzjoni doganali ta’ din il-merkanzija.

18      Wara kontroll intiż sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tar-Regolament REACH, imwettaq fil‑11 ta’ Frar 2020, is-SPF Saħħa Pubblika qies li kienet Triferto, u mhux Belor, li kellha titqies bħala li hija l-importatur, fis-sens tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 3 u 6 tar-Regolament REACH. Peress li qieset li kienet Triferto li kellha titlob ir-reġistrazzjoni tal-urea inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-SPF Saħħa Pubblika imponielha multa ta’ EUR 32 856.

19      Permezz ta’ rikors konġunt ippreżentat fl‑10 ta’ Frar 2022, Triferto u s-SPF Saħħa Pubblika ressqu kawża quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg Oost‑Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oost-Vlaanderen, Taqsima ta’ Gent, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju.

20      Filwaqt li tfakkar id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, dik il-qorti għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “importatur”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH, peress li dan il-kunċett huwa, fil-fehma tagħha, ta’ importanza deċiżiva għall-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

21      Barra minn hekk, l-imsemmija qorti, għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(b) tal-imsemmi regolament, li jgħid li dan tal-aħħar ma japplikax għas-sustanzi waħedhom, f’taħlitiet jew f’oġġett, li huma suġġetti għal sorveljanza doganali, sakemm ma jkunu sottoposti għal ebda trattament jew ipproċessar, u li jkunu f’ħażna temporanja, jew f’żona ħielsa jew maħżen ħieles bl-iskop tal-esportazzjoni mill-ġdid, jew fi tranżitu.

22      Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont is-SPF Saħħa Pubblika, il-kunċett ta’ “importatur”, fis-sens tar-Regolament REACH, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-persuna li xtrat direttament sustanza f’pajjiż terz u mhux dik li daħħlet fiżikament u/jew li ttrasportat din is-sustanza fl-Unjoni. Is-SPF Saħħa Pubblika tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq l-indikazzjonijiet li jinsabu fuq is-sit internet tal-ECHA.

23      Il-qorti tar-rinviju tindika li, min-naħa l-oħra, Triferto ssostni li l-impriża responsabbli għall-introduzzjoni fiżika tas-sustanza kkonċernata għandha titqies li hija l-importatur tagħha, indipendentement mill-persuna li xtratha. Din il-kumpannija ssostni wkoll li l-impriżi kkonċernati jistgħu jiftiehmu jew li l-impriża li twettaq id-dikjarazzjoni doganali hija l-importatur, fis-sens tar-Regolament REACH, u li għalhekk hija responsabbli għar-reġistrazzjoni mal-ECHA, jew inkella li r-responsabbiltà finali tal-importazzjoni taqa’ fuq impriża oħra li ma hijiex il-konsenjatur jew il-fornitur ta’ servizzi loġistiċi, f’liema każ din l-impriża hija l-importatur, fis-sens ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward Triferto tibbaża ruħha fuq skeda informattiva relatata mal-imsemmi regolament u mal-importaturi ppubblikata fuq l-internet mill-awtoritajiet Olandiżi.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oost-Vlaanderen, Taqsima ta’ Gent) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 6(1) u l-punti 10 u 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament [REACH] għandhom jiġu interpretati fis-sens li obbligu ta’ reġistrazzjoni huwa impost fuq il-persuna li tordna jew tixtri sustanza mingħand manifattur mhux stabbilit fl-[Unjoni], anki meta terz iwettaq il-formalitajiet kollha għall-finijiet tal-introduzzjoni fiżika ta’ din is-sustanza fit-territorju doganali tal-Unjoni, u dan it-terz jikkonferma wkoll b’mod espliċitu li jieħu r-responsabbiltà għal dan?

Huwa rilevanti, sabiex tingħata risposta għad-domanda preċedenti, il-punt dwar jekk il-kwantità ordnata jew mixtrija tas-sustanza tirrappreżenta biss parti (iżda iktar minn tunnellata) minn tagħbija ikbar tal-istess sustanza li ġejja mill-istess manifattur mhux stabbilit fl-Unjoni, introdotta fiżikament minn dan it-terz fit-territorju doganali tal-Unjoni sabiex titqiegħed hemmhekk f’maħżen doganali?

2)      L-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament [REACH] għandu jiġi interpretat fis-sens li sustanza mqiegħda f’maħżen doganali (billi tiddaħħal taħt il-proċedura J, kodiċi 71 00, fil-kaxxa 37 tad-dokument amministrattiv uniku) hija, hija wkoll, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament sal-ħruġ sussegwenti tagħha u t-tqegħid tagħha taħt proċedura doganali oħra (pereżempju, rilaxx għal ċirkulazzjoni libera)?

Fl-affermattiv, l-Artikolu 6(1) u l-punti 10 u 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament [REACH] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni huwa impost, f’tali sitwazzjoni, fuq il-persuna li xtrat direttament is-sustanza barra mill-Unjoni u li titlob il-kunsinna tagħha (mingħajr ma qabel tkun introduċiet fiżikament is-sustanza fit-territorju doganali tal-Unjoni), anki jekk is-sustanza diġà ġiet irreġistrata mill-impriża terza li introduċietha preċedentement fiżikament fit-territorju doganali tal-Unjoni?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel parti tattieni domanda

25      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH għandux jiġi interpretat fis-sens li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika biss għas-sustanzi, waħedhom jew li jinsabu f’taħlitiet jew f’oġġetti, li huma suġġetti għal kontroll doganali u li ma huma suġġetti għal ebda trattament jew ipproċessar, meta dawn is-sustanzi jitqiegħdu f’waħda mis-sitwazzjonijiet espliċitament indikati fl-imsemmija dispożizzjoni.

26      Skont kliem l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH dan ir-regolament ma japplikax għas-sustanzi “li jkunu suġġetti għal sorveljanza doganali, sakemm ma jkunu sottoposti għal ebda trattament jew ipproċessar, u li jkunu f’ħażna temporanja, jew f’żona ħielsa jew maħżen ħieles bl-iskop ta’ l-esportazzjoni mill-ġdid, jew fi transitu”.

27      Minn dan isegwi li r-Regolament REACH ma japplikax għas-sustanzi ppreżentati fid-dwana li jissodisfaw kundizzjoni doppja, jiġifieri, fl-ewwel lok, li dawn is-sustanzi ma jkunu suġġetti għal ebda trattament jew għal ebda pproċessar u, fit-tieni lok, li jitqiegħdu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

28      F’dan il-każ, mill-preċiżazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha jirriżulta li s-sustanza inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet is-suġġett ta’ kontroll doganali li matulu hija ġiet inkluża taħt il-proċedura J, kodiċi 71 00, kaxxa 37, tad-dokument amministrattiv uniku. Il-kodiċi 71 00 jindika li din is-sustanza tqiegħdet taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali (71) u li preċedentement ma kienet suġġetta għall-ebda proċedura doganali (00).

29      Issa, kif ġie osservat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, sabiex l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament REACH stipulata fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ dan ir-regolament tkun applikabbli, huwa neċessarju, b’mod partikolari, li s-sustanza inkwistjoni titqiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-ħażna temporanja, it-tqegħid f’żona ħielsa jew f’maħżen ħieles bl-għan tal-esportazzjoni mill-ġdid tagħha, jew it-tranżitu.

30      Peress li l-proċedura tal-ħażna doganali ma hijiex waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, għandu jitqies li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-proċedura tal-ħażna doganali, li taqa’ taħt l-Artikoli 240 sa 242 tal-Kodiċi Doganali, li jinsabu fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu VII ta’ dan il-kodiċi, tistax madankollu, għall-finijiet tad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament REACH, tiġi assimilata għal waħda mill-imsemmija sitwazzjonijiet.

31      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-ħażna temporanja, din hija msemmija fil-punti 11 u 17 tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali u hija rregolat mill-Artikoli 144 sa 152 ta’ dan il-kodiċi, li jagħmlu parti mit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tal-imsemmi kodiċi. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tagħha, din hija sitwazzjoni alternattiva għat-tqegħid taħt proċedura doganali, u għalhekk ukoll għall-ħażna f’maħżen doganali, b’tali mod li l-proċedura msemmija l-aħħar ma tistax tiġi assimilata għall-ħażna temporanja.

32      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-proċedura dwar it-tqegħid ta’ merkanzija f’żona ħielsa, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH, għalkemm din il-proċedura taqa’, bħall-maħżen doganali, taħt il-proċeduri ta’ ħażna li huma s-suġġett tal-Kapitolu 3 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali, din hija madankollu rregolata minn taqsima oħra ta’ dan il-kapitolu, jiġifieri t-Taqsima 3 tiegħu, li tinkludi l-Artikoli 243 sa 249 ta’ dan il-kodiċi. Għaldaqstant, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn iż-żewġ proċeduri doganali jeskludu lil xulxin reċiprokament.

33      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-proċedura tal-maħżen ħieles, imsemmija wkoll fl-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, hekk kif irrimarkat l-Avukata Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-proċedura ma kinitx, fil-mument tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, iktar prevista mill-Kodiċi Doganali.

34      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-proċedura ta’ tranżitu tikkostitwixxi, kif indikat l-Avukata Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha, proċedura doganali speċifika, minbarra l-proċeduri ta’ ħażna, li taqa’ taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali u li, minħabba f’hekk, lanqas din ma tista’ tiġi assimilata għall-proċedura tal-ħażna doganali.

35      Minn dan jirriżulta li l-proċedura tal-ħażna doganali hija proċedura doganali speċifika li ma tistax tiġi assimilata għal waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH.

36      Konsegwentement, peress li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għas-sustanzi suġġetti għas-sistema ta’ ħażna doganali, dawn is-sustanzi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament REACH, b’tali mod li għandhom jitqiesu li huma importati, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, mill-mument li dawn jiddaħħlu fiżikament għall-ewwel darba fit-territorju doganali tal-Unjoni.

37      Il-konklużjoni msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza hija sostnuta mill-għanijiet tar-Regolament REACH kif ukoll mir-regola “Ebda data, ebda suq”, stipulata fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

38      F’dan ir-rigward, minn naħa, skont kliem l-Artikolu 1(1) tar-Regolament REACH, jirriżulta li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa “li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprojbixxi, bħala prinċipju, it-tqegħid fis-suq ta’ sustanza li ma tkunx ġiet irreġistrata konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi regolament, meta dan ikun meħtieġ. Skont il-punt 12 tal-Artikolu 3 tal-istess regolament, kull importazzjoni għandha tiġi assimilata għal tqegħid fis-suq.

39      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament REACH ma huwiex intiż li jirregola l-esportazzjoni ta’ sustanzi, iżda jistabbilixxi qafas legali li japplika għall-manifatturi, għall-importaturi u għall-utenti downstream meta dawn jipproduċu, jimportaw, iqiegħdu fis-suq jew jużaw sustanzi, sabiex jiġi żgurat kemm il-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Pinckernelle, C‑535/15, EU:C:2017:315, punt 43). Issa, sakemm il-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ trattament u ta’ pproċessar, prevista fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ dan ir-regolament, tkun issodisfatta, għandu jitqies li, kif jirriżulta mill-premessa 10 tal-imsemmi regolament, is-sustanzi li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni ma humiex, f’dan l-istadju, użati fl-Unjoni. Għaldaqstant, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni hija bbażata fuq il-fatt li ma huwiex probabbli wisq li r-riskji assoċjati ma’ dawn is-sustanzi jirrealizzaw ruħhom fl-Unjoni.

40      B’konsegwenza ta’ dan, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament REACH għandu jiġi interpretat fis-sens li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika biss għas-sustanzi, waħedhom jew li jinsabu f’taħlitiet jew f’oġġetti, li huma suġġetti għal kontroll doganali u li ma huma suġġetti għal ebda trattament jew ipproċessar, meta dawn is-sustanzi jitqiegħdu f’waħda mis-sitwazzjonijiet espliċitament indikati fl-imsemmija dispożizzjoni.

41      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti tat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti tal-istess domanda.

 Fuq lewwel domanda

42      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti 10 u 11 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6 tar-Regolament REACH għandhomx jiġu interpretati fis-sens li x-xerrej ta’ iktar minn tunnellata fis-sena ta’ sustanza importata fl-Unjoni u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ma huwiex obbligat li jissottometti huwa nnifsu l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din is-sustanza meta persuna oħra stabbilita fl-Unjoni tkun assumiet ir-responsabbiltà għall-importazzjoni fl-Unjoni tal-imsemmija sustanza.

43      Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament REACH, huwa l-importatur li jimporta sustanza fi kwantitajiet ta’ tunnellata jew iktar fis-sena li għandu jippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni quddiem l-ECHA.

44      F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-punti 10 u 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH jirriżulta li, għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar, minn naħa, “importazzjoni” tfisser l-“introduzzjoni fiżika [ta’ sustanza] fit-territorju doganali tal-[Unjoni]” u, min-naħa l-oħra, “importatur” tfisser “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita [fl-Unjoni] li tkun responabbli għall-importazzjoni”.

45      Kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punti 48 u 49 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li responsabbiltà għall-introduzzjoni fiżika ta’ sustanzi fit-territorju doganali tal-Unjoni tista’ tiġi attribwita lil diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, tali ċirkustanza ma tistax madankollu twassal sabiex il-punt 11 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6 tar-Regolament REACH jiġu interpretati fis-sens li kull waħda minn dawn il-persuni għandha tissottometti applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal dawn is-sustanzi.

46      Ċertament, moqrija fid-dawl tal-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli dwar is-sustanzi suġġetti għall-imsemmi regolament tinġabar sabiex tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni tal-proprjetajiet perikolużi ta’ dawn is-sustanzi. Għalhekk, kull kwantità ta’ tunnellata jew iktar fis-sena ta’ tali sustanza mmanifatturata jew importata fl-Unjoni għandha tiġi rreġistrata. Dan espost, sabiex dan l-għan jintlaħaq, ma huwiex neċessarju li diversi persuni li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “importatur” jissottomettu, fil-kuntest tal-istess importazzjoni, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sustanzi inkwistjoni. Sakemm l-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni tkun kompleta, huwa biżżejjed li waħda biss minn dawn il-persuni tissodisfa l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tal-istess regolament.

47      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huma biss il-kumpanniji Belor u Triferto li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “importatur”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-gwida għar-reġistrazzjoni tal-ECHA, li tgħid li l-importatur għandu jiġi identifikat skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, tista’ tkun ta’ ċerta utilità fil-prattika billi tipprovdi indikazzjonijiet li jippermettu li tiġi identifikata l-persuna “responabbli għall-importazzjoni”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH, xorta jibqa’ l-fatt li din il-gwida ma hijiex ta’ natura vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, FCD u FMB, C‑106/14, EU:C:2015:576, punt 29).

49      Barra minn hekk, kif essenzjalment enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punti 51 sa 53 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-imsemmija gwida jirriżulta li, għalkemm il-persuna responsabbli għall-importazzjoni ta’ sustanza hija ta’ spiss id-destinatarju tagħha, ma jistax jiġi eskluż li tali responsabbiltà tiġi assunta mill-persuna li torganizza din l-importazzjoni, jew mill-bejjiegħ ta’ din is-sustanza.

50      Għaldaqstant, l-istess gwida ma tistax tiġi invokata b’mod utli sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li persuna fil-katina ta’ provvista tassumi, taħt ċerti kundizzjonijiet, ir-responsabbiltà għall-importazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza skont ir-Regolament REACH.

51      Madankollu, ir-responsabbiltà għall-importazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza importata ma tistax tiġi assunta sabiex jiġu evitati l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament REACH permezz ta’ tqassim tal-kwantità ta’ din is-sustanza bejn diversi importaturi, bħal meta l-kwantità hekk attribwita lil kull wieħed minnhom tkun inqas mil-limitu tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni jew minn wieħed mil-limiti li jeżiġu l-għoti ta’ informazzjoni iktar estiża.

52      Barra minn hekk, minn naħa, mill-Artikolu 10 tar-Regolament REACH jirriżulta li applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sustanza għandha tkun akkumpanjata kemm minn dossier komplet u ddettaljat dwar din is-sustanza kif ukoll minn rapport dwar is-sigurtà kimika tal-imsemmija sustanza u, min-naħa l-oħra, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li huwa r-reġistrant li għandu, f’ċerti ċirkustanzi, jaġġorna fuq inizjattiva tiegħu stess r-reġistrazzjoni tiegħu mingħajr dewmien eċċessiv billi jżid magħha informazzjoni ġdida rilevanti, li huwa obbligat jissottometti lill-ECHA.

53      Minn dan isegwi li, hekk kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, it-teħid tar-responsabbiltà dwar l-importazzjoni ta’ sustanza, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament REACH, jippreżupponi li l-operaturi kollha involuti f’din l-importazzjoni għandhom aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-persuna li tassumi r-responsabbiltà għar-reġistrazzjoni ta’ din is-sustanza għandha l-għarfien u l-kapaċitajiet neċessarji sabiex tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 10 u 22 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, dawn l-operaturi għandhom juru d-diliġenza meħtieġa billi jiżguraw ruħhom, qabel l-imsemmija importazzjoni, li l-imsemmija persuna effettivament irreġistrat il-kwantità ta’ sustanza kkonċernata mal-ECHA.

54      F’dan il-każ, peress li ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li Belor assumiet ir-responsabbiltà fir-rigward tal-importazzjoni tas-sustanza inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tevita l-obbligi previsti mir-Regolament REACH u jekk jitqies li huwa stabbilit li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata minn din il-kumpannija kienet tirrigwarda, b’mod komplet, din is-sustanza kif ikkonċernata minn din l-importazzjoni, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jitqies li Triferto kienet obbligata tirreġistra hija nnifisha l-imsemmija sustanza.

55      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-punti 10 u 11 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6 tar-Regolament REACH għandhom jiġu interpretati fis-sens li x-xerrej ta’ iktar minn tunnellata fis-sena ta’ sustanza importata fl-Unjoni u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ma huwiex obbligat li jissottometti huwa nnifsu l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din is-sustanza meta persuna oħra stabbilita fl-Unjoni tkun assumiet ir-responsabbiltà għall-importazzjoni fl-Unjoni tal-imsemmija sustanza, meta din il-persuna tkun ippreżentat din l-applikazzjoni u meta ebda element ma jindika li ġew evitati obbligi marbuta mal-mekkaniżmu ta’ reġistrazzjoni stabbilit mill-imsemmi regolament.

 Fuq lispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 2(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas16 ta’ Diċembru 2008,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1907/2006, kif emendat, prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika biss għas-sustanzi, waħedhom jew li jinsabu f’taħlitiet jew f’oġġetti, li huma suġġetti għal kontroll doganali u li ma huma suġġetti għal ebda trattament jew ipproċessar, meta dawn is-sustanzi jitqiegħdu f’waħda mis-sitwazzjonijiet espliċitament indikati fl-imsemmija dispożizzjoni.

2)      Il-punti 10 u 11 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1907/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 1272/2008,

għandhom jiġu interpretat fis-sens li:

ix-xerrej ta’ iktar minn tunnellata fis-sena ta’ sustanza importata fl-Unjoni Ewropea u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1907/2006, kif emendat, ma huwiex obbligat li jissottometti huwa nnifsu l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din is-sustanza meta persuna oħra stabbilita fl-Unjoni tkun assumiet ir-responsabbiltà għall-importazzjoni fl-Unjoni tal-imsemmija sustanza, meta din il-persuna tkun ippreżentat din l-applikazzjoni u meta ebda element ma jindika li ġew evitati obbligi marbuta mal-mekkaniżmu ta’ reġistrazzjoni stabbilit minn dan ir-regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.