Language of document : ECLI:EU:C:2017:204

Kawża C‑188/15

Asma BougnaouiuAssociation de défense des droits de l’homme (ADDH)

vs

Micropole SA

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti – Kunċett – Xewqa ta’ klijent li s-servizzi ma jiġux ipprovduti minn ħaddiema li tkun liebsa velu Iżlamiku”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Marzu 2017

1.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Kunċett ta’ reliġjon – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 10(1) u 52(3); Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 1)

2.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti – Kunċett – Volontà ta’ persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqat ta’ klijent li s-servizzi tal-imsemmija persuna li timpjega ma jibqgħux jiġu pprovduti minn ħaddiema li tkun liebsa velu Iżlamiku – Esklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, premessa 23 u Artikolu 4(1))

1.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “reliġjon”, li jinsab fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi osservat li din id-direttiva ma tinkludix definizzjoni tal-imsemmi kunċett.

Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera, fil-premessa 1 tad-Direttiva 2000/78, għad-drittijiet fundamentali kif huma ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), li tipprevedi, fl-Artikolu 9 tagħha, li kull persuna għandha dritt għal-libertà ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon, u dan id-dritt jimplika, b’mod partikolari, il-libertà li wieħed jimmanifesta r-reliġjon tiegħu jew it-twemmin tiegħu individwalment jew kollettivament, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti.

Fl-istess premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera wkoll għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, inkwantu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fost id-drittijiet li jirriżultaw minn dawn it-tradizzjonijiet komuni u li ġew affermati mill-ġdid fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), hemm id-dritt għal-libertà ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta. Skont din id-dispożizzjoni, dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li wieħed jimmanifesta r-reliġjon tiegħu jew it-twemmin tiegħu individwalment jew kollettivament, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti. Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), id-dritt iggarantit fl-Artikolu 10(1) ta’ din jikkorrispondi mad-dritt iggrantit fl-Artikolu 9 tal-KEDB u, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, huwa għandu l-istess sens u l-istess portata bħal dan.

Sa fejn il-KEDB u, sussegwentement, il-Karta jagħtu sens wiesa’ tal-kunċett ta’ “reliġjon”, inkwantu huma jinkludu f’dan il-kunċett il-libertà tal-persuni li jimmanifestaw ir-reliġjon tagħhom, għandu jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iżomm l-istess approċċ fl-adozzjoni tad-Direttiva 2000/78, b’tali mod li l-kunċett ta’ “reliġjon” li jinsab fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kemm il-forum internum, jiġifieri li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża.

(ara l-punti 27-30)

2.      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-volontà ta’ persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqat ta’ klijent li s-servizzi tal-imsemmija persuna li timpjega ma jibqgħux jiġu pprovduti minn ħaddiema li tkun liebsa velu Iżlamiku ma tistax titqies bħala rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2000/78, huwa biss f’kundizzjonijiet limitati ħafna li karatteristika marbuta, b’mod partikolari, mar-reliġjon tista’ tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, skont it-termini nfushom tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, il-karatteristika inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi tali rekwiżit biss “minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu”.

Minn dawn id-diversi indikazzjonijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għal rekwiżit oġġettivament iddettat min-natura jew mill-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attività professjonali inkwistjoni. Huwa ma jistax, min-naħa l-oħra, ikopri kunsiderazzjonijiet suġġettivi, bħall-volontà tal-persuna li timpjega li tieħu inkunsiderazzjoni xewqat partikolari tal-klijent.

(ara l-punti 38-41 u dispożittiv)