Language of document : ECLI:EU:C:2023:463

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fit‑8 ta’ Ġunju 2023 (1)

Kawża C178/22

Persuni mhux magħrufa

parti intervenjenti:

Procura della Repubblica presso il Tribunale di Bolzano

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Bolzano (il-Qorti Distrettwali ta’ Bolzano, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċessar ta’ data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika – Kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 1(3) u Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8, 11 u Artikolu 52(1) – Talba minn prosekutur pubbliku għal aċċess għad-data għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ serq aggravat ta’ telefon ċellulari – Definizzjoni ta’ “kriminalità gravi” li tista’ tiġġustifika ndħil serju fid-drittijiet fundamentali – Portata ta’ stħarriġ minn qabel sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżit tat-twettiq ta’ reat gravi – Prinċipju ta’ proporzjonalità”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-Procura della Repubblica presso il Tribunale di Bolzano (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Disttrettwali ta’ Bolzano, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Pubbliku (Bolzano)”) jitlob lit-Tribunale di Bolzano (il-Qorti Distrettwali ta’ Bolzano, l-Italja) tawtorizza l-aċċess għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont id-dritt nazzjonali li tippermetti, inter alia, li jiġu traċċati u identifikati s-sors u d-destinazzjoni tal-komunikazzjonijiet minn telefons ċellulari.

2.        Fil-kuntest ta’ din it-talba t-Tribunale di Bolzano (il-Qorti Distrettwali ta’ Bolzano) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE (2). Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu eċċezzjonijiet leġiżlattivi għall-obbligu, previst f’din id-direttiva (3), li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Fis-sentenza Prokuratuur (4), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-aċċess għad-data li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata ta’ utent, permezz ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, jikkostitwixxi ndħil gravi fid-drittijiet u l-prinċipji fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (5). Tali aċċess ma jistax jiġi awtorizzat għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ “reati kriminali b’mod ġenerali”. Dan jista’ jingħata biss fi proċeduri għall-ġlieda kontra l-“kriminalità gravi” (6) u għandu jkun is-suġġett ta’ stħarriġ preċedenti minn qorti jew minn korp amministrattiv indipendenti sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-rekwiżit (7). It-Tribunale di Bolzano (il-Qorti Distrettwali ta’ Bolzano), titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara żewġ aspetti tas-sentenza f’Prokuratuur: il-kunċett ta’ “kriminalità gravi” u l-portata tal-istħarriġ minn qabel li għandha twettaq qorti skont dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tobbligaha tawtorizza l-aċċess għal data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). […]

[…]”

4.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar it-traffiku”, jipprevedi:

“1.      Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

[…]

5.      L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dawn l-attivitajiet.

[…]”

5.        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku”, jipprevedi:

“1.      Fejn id-data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku, relatata ma’ utenti jew abbonati ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, tista tiġi pproċessata, din id-data tista’ tiġi pproċessata biss fejn tkun ġiet magħmula anonima, jew bil-kunsens ta’ l-utenti jew ta’ l-abbonati sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għall-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud. Il-provditur tas-servizz għandu jinforma lill-utenti jew abbonati, qabel ma jakkwista l-kunsens tagħhom, dwar it-tip ta’ data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku li ser tiġi pproċessata, dwar l-iskopijiet u ż-żmien ta’ l-ipproċessar u jekk id-data hix ser tiġi trasmessa lil xi terza persuna għall-iskop li jkunprovdut servizz bil-valur miżjud. L-utenti jew l-abbonati għandhom jingħataw il-possibbilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar ta’ data dwar is-sit li mhix data dwar it-traffiku f’kull ħin.

[…]”

6.        Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE (8). Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

B.      Id-dritt nazzjonali

7.        L-Artikolu 132(3) tad-decreto legislativo 30 giugno 2003, n. 196 – Codice in materia di protezione dei dati personali (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 196, il-Kodiċi dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali), tat‑30 ta’ Ġunju 2003 (9), kif emendat reċentement bl-Artikolu 1 tad-decreto-legge 30 settembre 2021 n. 132 – Misure urgenti in materia di giustizia e di difesa, nonché proroghe in tema di referendum, assegno temporaneo e IRAP, convertito con modificazioni nella legge 23 novembre 2021 n. 178 (id-Digriet-Liġi Nru 132 tat‑30 ta’ Settembru 2021 (10), ikkonvertit, b’emendi, fil-Liġi Nru 178, tat‑23 ta’ Novembru 2021 (11)) (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003”), jipprevedi:

“3.      Fit-terminu ta’ żamma previst mil-liġi [jiġifieri 24 xahar mid-data tal-komunikazzjoni], jekk ikun hemm provi suffiċjenti tat-twettiq ta’ reat li għalih il-liġi tipprevedi l-piena ta’ għomor il-ħabs jew ta’ priġunerija massima ta’ mill-inqas 3 snin, stabbilita skont l-Artikolu 4 tal-Codice di procedura penale (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), jew ta’ reat ta’ theddida u ta’ fastidju jew ta’ tfixkil ta’ persuna permezz tat-telefon, meta t-theddida jew it-tfixkil ikunu gravi, id-data għandha, jekk tkun rilevanti għall-istabbiliment tal-fatti, tinġabar bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-qorti, permezz ta’ digriet motivat, fuq talba tal-Prosekutur Pubbliku jew fuq rikors tar-rappreżentant legali tal-akkużat, tal-persuna investigata, tal-persuna leża jew ta’ kwalunkwe parti privata oħra;

[…]

3c.      Ma għandhiex tintuża data miġbura bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 jew tal-paragrafu 3a.”

8.        Skont l-Artikolu 4 tal- Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, intitolat “Regoli dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni”:

“Il-ġurisdizzjoni tal-qorti hija ddeterminata bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-piena imposta bil-liġi għal kull reat komplet jew attentat. Reati kontinwi, ir-reċidividità u ċ-ċirkustanzi li fihom jitwettaq ir-reat ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, bl-eċċezzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti li għalihom il-liġi tistabbilixxi tip ta’ piena differenti mill-piena ordinarja għar-reat u dawk li għandhom effett partikolari.”

9.        Skont il-qorti tar-rinviju, il-Prosekutur Pubbliku jista’ jipprosekwixxi ex officio r-reat ta’ serq aggravat (12). Skont l-Artikolu 625 tal-Codice penale (il-Kodiċi Kriminali), il-persuna ħatja ta’ serq aggravat hija suġġetta għal piena speċjali ta’ priġunerija ta’ bejn sentejn u sitt snin u għal multa ta’ bejn EUR 927 u EUR 1 500. L-Artikolu 624 tal- Kodiċi Kriminali jipprevedi li persuna ħatja ta’ serq sempliċi, li tista’ tiġi suġġetta għal prosekuzzjoni fuq il-bażi ta’ lment mill-persuna leża, hija suġġetta għal piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa tliet snin u għal multa ta’ bejn EUR 154 u EUR 516.

III. It-tilwim fil-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

10.      Il-Prosekutur Pubbliku (Bolzano) beda żewġ settijiet ta’ proċeduri kriminali kontra awturi mhux magħrufa għal serq aggravat ta’ telefon ċellulari skont l-Artikoli 624 u 625 tal- Kodiċi Kriminali (13). Sabiex jinstabu l-awturi, huwa talab lill-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003, għal “awtorizzazzjoni sabiex jikseb, mingħand l-impriżi kollha tat-telefonija, id-data kollha fil-pussess tagħhom, b’metodi ta’ traċċar u ta’ lokalizzazzjoni (b’mod partikolari, l-utenti u l-eventwali kodiċijiet IMEI li ġew imċempla/li ċemplu, siti kkonsultati/milħuqa, ħinijiet u tul ta’ telefonati/konnessjonijiet u dettalji taċ-ċellulari u/jew tat-torrijiet ikkonċernati, l-utenti u l-IMEI tal-mittenti/riċevituri tal-SMS u MMS, u, fejn ikun possibbli, id-dettalji tad-detenturi kkonċernati) tal-konverżazzjonijiet/komunikazzjonijiet telefoniċi deħlin u ħerġin u l-komunikazzjonijiet magħmula, inkluż permezz tar-roaming, inklużi dawk li ma ġewx iffatturati (telefonati mingħajr tweġiba) bejn id-data tas-serq u d-data tal-ipproċessar tat-talba.”

11.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 kif interpretat fis-sentenza f’Prokuratuur. Hija tirrileva li, fis‑7 ta’ Settembru 2021, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) (14) iddeċidiet li, peress li l-qrati nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw liema reati jikkostitwixxu “theddid gravi għas-sigurtà nazzjonali u kriminalità gravi”, is-sentenza f’Prokuratuur ma kinitx direttament applikabbli mill-qrati nazzjonali. Wara s-sentenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), il-leġiżlatur Taljan adotta d-Digriet-Liġi Nru 132, tat‑30 ta’ Settembru 2021, li l-Artikolu 132(3) tiegħu jikklassifika r-reati kriminali gravi għall-finijiet tal-ksib ta’ rekords telefoniċi bħala, inter alia, reati punibbli bil-liġi b’“piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin [...]”.

12.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-limitu ta’ klassifikazzjoni tar-reati kriminali gravi fl-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 jinkludi r-reati li jikkawżaw disturb soċjali limitat u li jistgħu jkunu suġġett ta’ prosekuzzjoni biss wara lment minn individwu (15). L-aċċess għar-rekords telefoniċi jista’ għalhekk jinkiseb bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni għas-serq ta’ oġġett ta’ valur minimu, bħal telefon ċellulari jew rota. Il-limitu previst fl-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 għalhekk jonqos mir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jeżiġi li, fil-każijiet kollha, il-gravità tar-reat li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni tiġi bbilanċjata ma’ limitazzjoni tat-tgawdija ta’ dritt fundamentali. Il-prosekuzzjoni ta’ tali reati minurima tiġġustifikax il-limitazzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, għall-protezzjoni tad-data personali u għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (16).

13.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-qrati Taljani għandhom marġni ta’ diskrezzjoni limitat ħafna sabiex jirrifjutaw l-aċċess għar-rekords telefoniċi, peress li l-awtorizzazzjoni għandha tingħata meta jkunu jeżistu “provi suffiċjenti tat-twettiq ta’ reat” u din l-awtorizzazzjoni tkun “rilevanti sabiex jiġu stabbiliti [il-fatti]”. B’mod partikolari, il-qrati ma għandhom l-ebda ġurisdizzjoni sabiex jevalwaw il-gravità tar-reat li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni. Il-leġiżlatur wettaq din l-evalwazzjoni meta ppreveda, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni bejn tipi differenti ta’ reati, li l-aċċess għar-rekords telefoniċi għandu jingħata, inter alia, fir-rigward tal-investigazzjoni tar-reati kollha punibbli b’piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin.

14.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Bolzano (il-Qorti Distrettwali ta’ Bolzano) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 15(1) tad-[Direttiva 2002/58/KE] jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-[Artikolu 132 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196 tal‑2003] li fil-verżjoni attwali tiegħu jgħid:

“Fil-perijodu ta’ żamma impost mil-liġi, jekk ikun hemm biżżejjed provi ta’ reati li għalihom il-liġi tistabbilixxi l-piena ta’ għomor-il ħabs jew ħabs ta’ mhux inqas minn tliet snin, iddeterminata skont l-Artikolu 4 tal-codice di procedura penale (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), u ta’ reati ta’ theddid u ta’ fastidju jew tfixkil ta’ nies bit-telefon, meta t-theddida, il-fastidju u t-tfixkil ikunu gravi, fejn tkun rilevanti sabiex jiġu aċċertati l-fatti, id-data hija akkwistata, suġġetta għal awtorizzazzjoni maħruġa mill-qorti b’digriet motivat, fuq talba tal-prosekutur pubbliku jew fuq talba tad-difensur tal-akkużat, tal-persuna taħt investigazzjoni, tal-vittma u tal-partijiet privati l-oħra?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Il-Gvern Ċek, Estonjan, Franċiż, Taljan, Ċiprijott, Olandiż, Awstrijak u Pollakk, l-Irlanda, l-Ungerija kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

16.      Il-partijiet ikkonċernati u l-Prosekutur Pubbliku (Bolzano) ppreżentaw sottomissjonijiet orali u wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta tal‑21 ta’ Marzu 2023.

V.      Evalwazzjoni

A.      Ammissibbiltà

17.      Il-Gvern Taljan u l-Irlanda jsostnu li parti mit-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Skont il-fatti fid-deċiżjoni tar-rinviju, it-talba għal aċċess saret fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet dwarserq aggravat ta’ telefons ċellulari. L-Irlanda tenfasizza li l-Prosekutur Pubbliku jista’ jagħmel prosekuzzjoni ta’dan ir-reat ex officio. Din is-setgħa tirrifletti l-fehma li n-natura u l-effetti tar-reat jaffettwaw lis-soċjetà b’mod ġenerali. It-talba għal deċiżjoni preliminari hija għalhekk ta’ natura ipotetika sa fejn hija tirreferi wkoll għal reati kriminali li tista’ ssir il-prosekuzzjoni tagħhom biss abbażi ta’ kwerela magħmula minn individwu. Il-Gvern Taljan jirrileva li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għal sensiela ta’ reati li huma irrilevanti għall-kawżi pendenti quddiemha. Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jsostnu li, kuntrarjament għar-riferiment fit-talba għal “piena ta’ għomor-il ħabs jew ħabs ta’ mhux inqas minn tliet snin”, skont l-Artikolu 625 tal- Kodiċi Kriminali, ir-reat ta’ serq aggravat huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sentejn u sitt snin. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domanda. Il-Gvern Franċiż jitlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domanda. Huwa jqis li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

18.      Id-domanda tal-qorti tar-rinviju letteralment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Dan, fih innifsu, ma jipprekludix li l-qorti tar-rinviju tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li tippermettilha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ma’ din id-dispożizzjoni ta’ kwalunkwe regola nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li għandha quddiemha (17).

19.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Prosekutur Pubbliku (Bolzano) talab aċċess għad-data, inter alia, sabiex jinvestiga u jipprosekwixxi żewġ inċidenti tar-reat ta’ serq aggravat ta’ telefon ċellulari skont l-Artikolu 625 tal- Kodiċi Kriminali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferimenti li din it-talba tagħmel għal reati oħra, fosthom l-Artikolu 624 tal- Kodiċi Kriminali (serq sempliċi) (18) huma irrilevanti għad-determinazzjoni tat-talbiet pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju (19). Sa fejn id-domanda preliminari tindirizza t-talba mill-Prosekutur Pubbliku (Bolzano) għal aċċess għal data sabiex jiġi investigat it-twettiq ta’ reati ta’ serq aggravat, din ma hijiex ipotetika. Għalhekk ser nillimita l-evalwazzjoni tiegħi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 għall-fatti deskritti mill-qorti tar-rinviju li jikkonċernaw is-serq aggravat ta’ telefons ċellulari.

B.      Fuq il-mertu

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

20.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ineżami toriġina minn talba tal-Prosekutur Pubbliku (Bolzano) għal aċċess għal data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Hija ma tikkonċernax iż-żamma ta’ din id-data jew il-legalità tagħha skont, inter alia, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 (20). Id-data tikkonsistif’dettalji ta’ komunikazzjonijiet deħlin u ħerġin (21), li saru bit-telefons ċellulari misruqa u data dwar il-post (22). Għalkemm id-data ma tinkludix il-kontenut tal-komunikazzjonijiet, hija tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom hija kkonċernata, li l-aċċess għaliha jidher li jikkostitwixxi ndħil “gravi” fid-drittijiet fundamentali tagħhom (23). L-indħil involut fl-aċċess għal tali data jista’ jiġi ġġustifikat mill-għan (24), imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ detezzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ “reati kriminali gravi”, iżda mhux ta’ reati kriminali b’mod ġenerali. Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja torbot il-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali ta’ persuna ma’ dik tar-reat kriminali li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni (25).

2.      Kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu “reati kriminali gravi”

21.      Id-Direttiva 2002/58 tirregola l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali (26). L-Artikolu 1(3) jeskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 l-attivitajiet tal-Istat f’oqsma speċifiċi bħas-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat u d-dritt kriminali. L-attivitajiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jissovrapponu sostanzjalment lil dawk deskritti fl-Artikolu 1(3) tagħha u jinkludu l-attivitajiet tal-Istat fil-qasam tad-dritt kriminali li huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 (27). Għalhekk hemm rabta ċara bejn l-attivitajiet tal-Istat li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u l-miżuri leġiżlattivi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw skont l-Artikolu 15(1) tagħha (28).

22.      Minkejja din ir-rabta ċara, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li peress li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jawtorizza espressament lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali deskritti fih, tali miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Minn din il-ġurisprudenza jsegwi li l-kunċett ta’ “attivitajiet”, inklużi l-“attivitajiet tal-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali”, fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58, ma jinkludix il-miżuri leġiżlattivi li għalihom jirreferi l-Artikolu 15(1) tagħha (29).

23.      La l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, li jinkludi diversi definizzjonijiet għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2002/58, inkluż l-Artikolu 15(1), ma jiddefinixxu t-terminu ta’ “reati kriminali”. Id-Direttiva 2002/58 ma tinkludix lista ta’ “reati kriminali” (30). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza li tinterpreta l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma tiddefinixxix dan it-terminu (31).

24.      Minkejja l-assenza ta’ tali definizzjonijiet, id-Direttiva 2002/58 ma tipprevedix li kull Stat Membru jiddefinixxi “reati kriminali” skont il-liġi nazzjonali tiegħu (32). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ ugwaljanza jeħtieġu li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha normalment tingħata interpretazzjoni indipendenti u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha. Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, it-terminu “reati kriminali” jista’, tal-inqas bħala prinċipju, jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha (33).

25.      L‑10 Stati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni, madankollu, huma tal-fehma unanima li kull Stat Membru għandu jiddefinixxi “reati kriminali”, inklużi r-reati gravi, li għalihom jirreferi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 b’riferiment għad-dritt nazzjonali tiegħu.

26.      Jiena naqbel ma’ dawn is-sottomissjonijiet għar-raġunijiet segwenti.

27.      L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat illi, fil-kuntest tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom u li jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom (34). Għalkemm hija ma ddeċidietx hekk espressament, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tidher li adottat il-fehma li l-kunċett ta’ “sigurtà nazzjonali” li jinsab fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni minkejja l-assenza ta’ definizzjoni ta’ dan it-terminu jew ta’ riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri (35). Jiena ma nara l-ebda raġuni għaliex ma għandux japplika l-istess approċċ għas-setgħa tal-Istati Membri li jiddefinixxu “reati kriminali” jew “reati kriminali gravi” għall-finijiet tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. It-termini “reati kriminali”, “sigurtà pubblika” u “sigurtà nazzjonali” f’din id-dispożizzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala noscitur a sociis peress li jidher li l-leġiżlatur tal-UE kellu l-intenzjoni li kull wieħed minnhom jiġi ttrattat b’mod simili, inkluż fir-rigward tal-mod tad-definizzjoni tagħhom (36).

28.      It-tieni, l-Artikolu 4(2) TUE jobbliga lill-Unjoni sabiex tirrispetta l-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom. Il-preambolu tal-Karta jirrikonoxxi wkoll li, filwaqt li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-preżervazzjoni u l-iżvilupp ta’ valuri komuni, hija tirrispetta, inter alia, id-diversità tal-kulturi u tat-tradizzjonijiet tal-popli Ewropej. Id-definizzjoni ta’ reati kriminali u pieni (37) tirrifletti s-sensittivitajiet u t-tradizzjonijiet nazzjonali li jvarjaw b’mod konsiderevoli mhux biss bejn l-Istati Membri iżda wkoll matul iż-żmien flimkien mal-bidla soċjetali (38).

29.      F’dan il-kuntest jista’ jiġi osservat li fid-definizzjoni tar-reati kriminali u tal-pieni, l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni fatturi differenti, fi gradi differenti. L-evalwazzjoni minn Stat Membru tal-“gravità” ta’ ksur partikolari hija spiss, jekk mhux invarjabbilment, riflessa fil-gravità tal-piena imposta. It-tul ta’ piena li ċċaħħad il-libertà jista’ jirrifletti l-analiżi ta’ ċertu numru ta’ fatturi, fosthom il-“gravità” intrinsika pperċepita ta’ reat u l-“gravità” tiegħu meta mqabbla ma’ reati oħra. L-ebda raġuni ma tressqet fir-rigward ta’ għaliex l-Istati Membri ma għandhomx jeżerċitaw din is-setgħa jew, fil-fatt, għaliex għandu japplika approċċ differenti għad-definizzjoni ta’ “reati kriminali”, “reati kriminali gravi” jew “reati kriminali b’mod ġenerali” fil-kuntest partikolari kkunsidrat.

30.      Il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tad-dritt kriminali hija mingħajr preġudizzju għal dik li tgawdi l-Unjoni, f’ċerti każijiet, li tistabbilixxi, pereżempju, regoli minimi li jiddefinixxu r-reati kriminali u s-sanzjonijiet fir-rigward ta’ reati kriminali partikolarment gravi b’dimensjoni transkonfinali li jirriżultaw min-natura jew l-impatt ta’ tali reati jew minn ħtieġa speċjali li jiġu miġġielda fuq bażi komuni (39). Il-leġiżlatur tal-Unjoni, madankollu, ma stabbilixxiex regoli li jirregolaw id-definizzjoni ta’ reati kriminali fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. (40) Fil-fatt, kif indikat preċedentement (41), huwa evidenti mit-test tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58 li, bl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx intenzjonat li jeżerċita xi kompetenza fil-qasam tad-dritt kriminali.

31.      Dawn iż-żewġ raġunijiet huma biżżejjed sabiex jispjegaw għaliex, minkejja l-fatt li l-miżuri leġiżlattivi nazzjonali adottati skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu r-“reati kriminali”, inklużi r-“reati kriminali gravi”, u sabiex jistabbilixxu pieni talli wieħed iwettaq tali aġir (42).

3.      Fuq il-livell ta’ stħarriġ tal-eżerċizzju tal-fakultà prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ta’ deroga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità

32.      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-possibbiltà ta’ deroga (43), inter alia, mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58, għandha tiġi interpretata b’mod strett sabiex din ma ssirx ir-regola ġenerali, u b’hekk l-imsemmi prinċipju jiġi mċaħħad mill-portata tiegħu (44). L-eżerċizzju ta’ din il-fakultà għandu għalhekk josserva, inter alia, il-prinċipji ta’ ekwivalenza (45) u ta’ effettività (46). Dan għandu josserva wkoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-prinċipju ta’ proporzjonalità (47), u l-Artikoli 7, 8 u 11 (48) kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta (49). L-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi għandu dejjem jiġi rrikonċiljat mat-tgawdija tad-drittijiet fundamentali kkonċernati minnha. Id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta ma humiex assoluti u l-eżerċizzju tagħhom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (50). L-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprevedi għalhekk limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet li jkunu previsti mil-liġi, li għandhom josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dawk id-drittijiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li għandhom jkunu neċessarji u li għandhom jissodisfaw b’mod ġenwin għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali adottati skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandhom għalhekk jikkorrispondu b’mod ġenwin u strett għal wieħed mill-għanijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, ikunu legalment vinkolanti u jistabbilixxu regoli ċari u preċiżi li jindikaw il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li taħthom il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jaċċessaw id-data (51).

33.      Sabiex tiġi żgurata l-osservanza sħiħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet fil-prattika, l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma għandu, bħala prinċipju (52), ikun suġġett għall-istħarriġ minn qabel ta’ qorti jew ta’ korp amministrattiv indipendenti(53), wara talba motivata minn dawn l-awtoritajiet u n-notifika tal-persuni kkonċernati (54). Hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ minn qabel, qorti jew korp amministrattiv indipendenti għandhom jirrikonċiljaw l-interessi u d-drittijiet differenti inkwistjoni sabiex jiżguraw bilanċ ġust bejn ir-rekwiżiti tal-investigazzjoni u n-neċessità li jiġu ssalvagwardati d-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali tal-persuni kkonċernati (55).

34.      Fil-kawża ineżami, l-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom qorti nazzjonali għandha tordna lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jagħtu lill-Prosekutur Pubbliku l-aċċess għad-data fuq talba ta’ dan tal-aħħar. Huwa paċifiku (56) li l-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 jistabbilixxi b’mod ċar u preċiż iċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom qorti nazzjonali tista’ tordna lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jipprovdu tali aċċess. Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-piena “ta’ għomor-il ħabs jew ħabs ta’ mhux inqas minn tliet snin”, hija eċċessivament wiesgħa, peress li ddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha reati bħas-serq sempliċi li jikkawża problemi soċjali żgħar.

35.      Għalkemm l-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 potenzjalment ikopri firxa wiesgħa ta’ reati kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda prova fil-kawża ineżami li dan jinkludi numru ta’ reati tant kbir li jagħmel l-aċċess għad-data skont tali artikolu r-regola pjuttost milli l-eċċezzjoni (57). Il-limitu ta’ piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin previst f’din id-dispożizzjoni ma jidhirx li huwa eċċessivament baxx (58). B’analoġija, l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2016/681 (59) jiddefinixxi “kriminalità serja” bħala “r-reati elenkati fl-Anness II, li huma punibbli b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu ta’ mill-inqas tliet snin taħt il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru” (60); Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li peress illi l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2016/681 jirreferi għall-piena massima applikabbli pjuttost milli għall-minimu, ma jistax jiġi eskluż li “d-data [...] tista’ tkun is-suġġett ta’ pproċessar għall-finijiet tal-ġlieda kontra reati li, minkejja li jissodisfaw il-kriterju previst minn din id-dispożizzjoni dwar il-limitu ta’ gravità, ma jaqgħux, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema kriminali nazzjonali, taħt il-kriminalità serja iżda jaqgħu taħt il-kriminalità ordinarja” (61).

36.      Il-piena ta’ tliet snin prevista fl-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 tirreferi għall-piena massima applikabbli u tista’ għalhekk tapplika għal reati bħas-serq sempliċi (62). Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi eżaminat kif l-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 jiġi applikat fil-prattika. Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 jidher li jistabbilixxi żewġ standards differenti ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti nazzjonali skont in-natura tar-reati li huma s-suġġett tal-investigazzjoni.

37.      L-ewwel waħda minn dawn l-istandards ta’ stħarriġ tobbliga (63) lill-qrati nazzjonali jawtorizzaw lill-Prosekutur Pubbliku jaċċedi għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jekk tali data tkun rilevanti sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u jekk ikun hemm provi suffiċjenti tat-twettiq ta’ reat li jikkonsisti fit-theddid u fil-fastidju jew fit-tfixkil ta’ persuni bit-telefon, meta t-theddida jew it-tfixkil ikunu gravi. Il-qorti nazzjonali għalhekk għandha twettaq evalwazzjoni individwali tal-gravità tar-reat inkwistjoni u għandha tivverifika jekk l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ dan ir-reat jimmeritawx il-limitazzjoni tad-drittijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta u d-drittijiet speċifiċi misjuba fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58. Dan l-istandard jeħtieġ evalwazzjoni individwali, f’kawża partikolari, ta’ jekk l-indħil f’dawn id-drittijiet huwiex proporzjonali, meta mqabbel mal-għan tal-interess pubbliku tal-ġlieda kontra l-kriminalità.

38.      B’kuntrast, it-tieni standard ta’ stħarriġ, li huwa rilevanti fil-kuntest tal-kawża ineżami, jobbliga (64) lill-qrati nazzjonali sabiex jawtorizzaw lill-Prosekutur Pubbliku jaċċedi għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jekk tali data tkun rilevanti sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u jekk ikun hemm provi suffiċjenti tat-twettiq ta’ reat punibbli, inter alia, b’piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin. F’dan il-każ, ir-rwol tal-qorti nazzjonali huwa limitat għall-verifika dwar jekk dawn ir-rekwiżiti oġġettivi humiex issodisfatti mingħajr ma jkollha l-possibbiltà li tagħmel evalwazzjoni individwali tal-interessi fil-każ li jkollha quddiemha (65). L-istħarriġ imwettaq mill-qorti nazzjonali skont l-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 huwa għalhekk isseparat minn kull rabta reali maċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża li jkollha quddiemha.

39.      Għalkemm il-qrati nazzjonali jistgħu ma jkollhomx ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu d-definizzjoni ta’ reati mil-leġiżlatur li tirrevedi d-deċiżjoni tal-leġiżlatur dwar il-gravità ta’ tali reati (66), dawn il-qrati għandhom madankollu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex iwettqu evalwazzjoni individwali dwar jekk l-għoti tal-aċċess, b’applikazzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi adottati skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, għal data sensittiva li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata ta’ utent, li tikkostitwixxi għalhekk indħil gravi fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7, 8, 11 u fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, huwiex proporzjonali.

40.      Minn dan isegwi li l-miżuri adottati skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jistgħux jagħtu aċċess għal data sensittiva sakemm (i) ir-reat inkwistjoni ma jissodisfax il-livell ta’ gravità stabbilit minn qabel mil-leġiżlatur nazzjonali, u (ii) jekk qorti jew korp indipendenti amministrattiv ieħor iqisu, wara evalwazzjoni jew stħarriġ individwali, li l-indħil fid-drittijiet fundamentali li jinvolvi dan l-aċċess huwa proporzjonat fid-dawl tal-għan ta’ interess pubbliku tal-ġlieda kontra l-kriminalità f’każ partikolari. Madankollu, f’ċerti każijiet, l-aċċess għal din id-data jista’ ma jingħatax anki meta r-reat jilħaq il-limitu ta’ gravità fid-dritt nazzjonali.

41.      Ir-reat ta’ serq aggravat fil-kawża ineżami huwa kkunsidrat bħala “gravi” fid-dritt nazzjonali peress li huwa suġġett, inter alia, għal piena ta’ priġunerija ta’ bejn sentejn u sitt snin, u b’hekk josserva l-limitu ta’ gravità previst fl-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 (67). Meta japplikaw miżuri adottati skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, il-qrati Taljani ma jidhrux li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ serq aggravat bħala “reat gravi” fid-dritt nazzjonali. Meta l-limitu stabbilit mid-dritt nazzjonali ma jintlaħaqx, il-qorti tar-rinviju ma tistax għalhekk tagħti l-aċċess għad-data mitluba (68).

42.      Meta jintlaħaq il-limitu stabbilit mil-leġiżlatur nazzjonali, il-qorti tar-rinviju għandha, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, tistħarreġ jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, l-indħil fid-drittijiet fundamentali li jimplika l-faċilitazzjoni tal-aċċess għal data sensittiva huwiex proporzjonat mal-għan ta’ interess pubbliku tal-ġlieda kontra dan ir-reat. Il-qorti tar-rinviju għandha, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni u tibbilanċja d-drittijiet u l-interessi rilevanti kollha, inklużi, inter alia, id-danni kkawżati lid-drittijiet għall-proprjetà tal-vittmi protetti mill-Artikolu 17 tal-Karta kif ukoll il-fatt li t-telefons ċellulari jistgħu jinkludu informazzjoni sensittiva ħafna dwar il-ħajja privata, professjonali u finanzjarja tal-proprjetarji tagħhom (69). L-aċċess għad-data inkwistjoni jista’ jkun l-uniku mezz effettiv disponibbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati inkwistjoni u biex jiġi żgurat li l-awturi tagħhom, li għadhom ma humiex magħrufa, ma jaġixxux b’impunità. Id-drittijiet ta’ terzi (70) għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni.

43.      Fir-rigward tad-drittijiet ta’ terzi, mill-proċessi tal-qorti tar-rinviju jidher (71) li l-Prosekutur Pubbliku (Bolzano) talab aċċess għad-data li tikkonċerna l-komunikazzjonijiet mit-telefons ċellulari misruqa mid‑29 ta’ Ottubru 2021 fir-rigward tal-ewwel serq imwettaq fis‑27 ta’ Ottubru 2021 (72) u mill‑20 ta’ Novembru 2021 fir-rigward tat-tieni serq imwettaq f’din id-data (73). Dawn id-dati juru li t-talbiet għal aċċess jinterferixxu, sa ċertu punt limitat ħafna, mad-drittijiet tal-vittmi żgurati, inter alia, mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta (74). Il-Gvern Taljan iddikjara wkoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l-proċedura nazzjonali tirrigwarda biss data li tkun ta’ għajnuna għall-identifikazzjoni tal-awtur (jew awturi) tas-serq inkwistjoni. Fl-ipoteżi li jiġu identifikati telefonati lil jew minn terzi li ma humiex marbuta mas-serq, din id-data tinqered, skont l-Artikolu 269 tal- Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali (75). Finalment, l-Artikolu 132(3c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 jipprevedi li d-data miġbura bi ksur tal-paragrafi 3 jew 3a tal-istess artikolu ma tistax tintuża (76).

VI.    Konklużjoni

44.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunale di Bolzano (il-Qorti Distrettwali ta’ Bolzano, l-Italja) kif ġej:

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009, kif ukoll l-Artikoli 7, 8 u 11 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil qorti tawtorizza l-aċċess tal-Prosekutur Pubbliku għal data legalment miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata ta’ utent jekk tali data tkun rilevanti sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u jekk teżistix evidenza suffiċjenti tat-twettiq ta’ delitt gravi kif iddefinit mid-dritt nazzjonali li huwa punibbli b’piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin. Qabel l-għoti tal-aċċess, il-qorti nazzjonali għandha twettaq evalwazzjoni individwali ta’ jekk l-indħil fid-drittijiet fundamentali li jinvolvi tali aċċess huwa proporzjonat fid-dawl, inter alia, tal-gravità tar-reat speċifiku u tal-fatti tal-każ.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9).


3      Ara l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/58. Il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-kommunikazzjoni elettronika li jiżgura l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 tapplika għal miżuri meħuda minn kull persuna li ma hijiex l-utenti, irrispettivament minn jekk ikunux pubbliċi jew privati. Sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


4      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għal data relatata ma’ komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152) (iktar ’il quddiem is-“sentenza f’Prokuratuur”).


5      Irrispettivament mit-tul tal-perijodu li għalih jintalab aċċess għal din id-data u l-kwantità jew in-natura tad-data disponibbli għal dak il-perijodu.


6      Jew għall-prevenzjoni ta’ theddid gravi għas-sigurtà pubblika. Ara s-sentenza f’Prokuratuur, punti 35, 39 u 45. Ara wkoll is-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 56) u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 140).


7      Sentenza f’Prokuratuur, punti 48 sa 52.


8      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


9      Suppliment Ordinarju Nru 123 tal-GURI Nru 174 tad‑29 ta’ Lulju 2003, p. 11.


10      GURI Nru 234 tat‑30 ta’ Settembru 2021, p. 1.


11      GURI Nru 284 tad‑29 ta’ Novembru 2021, p. 1.


12      Id-dritt Taljan jikklassifika s-serq li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju bħala aggravat.


13      L-ewwel serq twettaq fis‑27 ta’ Ottubru 2021 (numru ta’ referenza RGNR 9228/2021). It-tieni wieħed seħħ fl‑20 ta’ Novembru 2021 (numru ta’ referenza RGNR 9794/2021). Is-serq tat-telefons ċellulari sar f’Bolzano u l-proprjetarji tat-telefons irrapportawhom lill-Carbinieri (il-Pulizija).


14      Cass. Pen. Sez. II, n. 33116, ud. 7.9.2021, est. Pellegrino.


15      Skont il-qorti tar-rinviju, “dan huwa l-każ, pereżempju, tar-reat ta’ vjolazzjoni tad-dar, punibbli skont l-Artikolu 614 tal- Kodiċi Kriminali b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sena u erba’ snin. Reati oħra, li l-pieni legali massimi għalihom huma tali li ma jipprekludux il-kisba ta’ rekords telefoniċi, iżda li [jkunu suġġetti għal prosekuzzjoni] biss jekk parti kkonċernata tressaq ilment, minħabba li ma jallarmawx ħafna lis-soċjetà, huma dawk imsemmija fl-Artikolu 633 ta’ dan il-kodiċi (invażjoni ta’ art jew bini: terminu ta’ priġunerija ta’ bejn sena u tliet snin u multa ta’ bejn EUR 103 u EUR 1 032) u fl-Artikolu 640 tal-Codice penale (il-Kodiċi Kriminali) (frodi sempliċi: priġunerija għal terminu ta’ bejn sitt xhur u tliet snin u multa ta’ bejn EUR 51 u EUR 1 032).”


16      Ara l-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta.


17      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Consulmarketing (C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 33). Hija ġurisprudenza stabbilita li, skont l-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lil qorti nazzjonali risposta li tippermettilha tiddetermina l-kawża li jkollha quddiemha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Dyson (C‑632/16, EU:C:2018:599, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Persuna li twettaq ir-reat ta’ serq sempliċi hija punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sitt xhur u tliet snin u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003.


19      Sa fejn dawn ir-riferimenti jindikaw li l-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 jista’ jiġi invokat fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ reati mhux gravi ara l-punti 35 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      It-talba għal deċiżjoni preliminari hija għalhekk ibbażata fuq il-premessa li ż-żamma tad-data mitluba hija legali. Iż-żamma u l-aċċess għad-data koperta mid-Direttiva 2002/58 jikkostitwixxu ndħil separat fid-drittijiet fundamentali żgurati mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta u jeħtieġu ġustifikazzjoni separata skont l-Artikolu 52(1) tagħha. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 47). Il-punti 29 sa 33 tas-sentenza f’Prokuratuur jipprovdu ħarsa ġenerali lejn ir-regoli li jirregolaw iż-żamma ta’ tali data.


21      L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2002/58 jipprevedi li, “komunikazzjoni” tfisser “informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament”.


22      L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2002/58 jipprevedi li “data dwar is-sit” tfisser “data [...] li [tindika] il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament”.


23      Is-sentenza f’Prokuratuur, punti 34 u 35. Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788, punti 59 sa 62). Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk l-aċċess għad-data inkwistjoni jikkostitwixxix indħil “gravi” fid-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati minn tali data. Dawn il-konklużjonijiet huma bbażati fuq il-premessa li l-indħil li jinvolvi l-aċċess għad-data deskritta fil-punt 10 ta’ dawn il-Konklużjonijiet huwa gravi.


24      Il-lista tal-għanijiet li tinsab fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 hija eżawrjenti. Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 90).


25      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe f’Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:300, punti 79 sa 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità, l-aċċess jista’, bħala regola ġenerali, jingħata biss għad-data tal-persuni ssuspettati li qegħdin jippjanaw, li qegħdin iwettqu jew li wettqu reat gravi jew li huma implikati b’xi mod jew ieħor f’dan ir-reat. Sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 105).


26      Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58, li jistabbilixxi li din tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku. Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 70 u 74) u, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’La Quadrature du Net et (Data personali u azzjoni għall-ġlied kontra l-kontrafazzjoni) (C‑470/21, EU:C:2022:838, punt 38).


27      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 97).


28      Għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u l-użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika.


29      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 98), u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara, kuntrarjament, l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24.) li telenka r-reati kriminali li jagħtu lok għall-konsenja skont mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll l-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU 2016, L 119, p. 132), li jelenka r-“reati serji” iddefiniti fl-Artikolu 3(9) ta’ din id-direttiva.


31      Id-Direttiva 2002/58 ma tirreferix għal “reati kriminali ġenerali”, “reati kriminali gravi” jew għal “reat(i)”. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għal dawn it-termini fil-ġurisprudenza tagħha mingħajr ma tiddefinixxihom jew mingħajr ma tagħti xi kriterji dwar kif jistgħu jagħmlu dan il-leġiżlaturi nazzjonali. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 115 u 125) u tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:78, punti 54, 56 u 63). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-punt 45 tas-sentenza f’Prokuratuur.


32      Ara, kuntrarjament, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58 (ĠU 2006, L 105, p. 54), li kienet tipprevedi li “[l]-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta' servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fir-rigward taż-żamma ta’ ċerta data ġenerata jew proċessata minnhom, sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu.” (enfasi miżjuda minni). Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat id-Direttiva 2006/24 bħala invalida.


33      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE) (C‑624/20, EU:C:2022:639, punti 19 u 20).


34      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 99 u 136).


35      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) TUE jipprevedi li s-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru. Il-fatt li miżura nazzjonali tiġi adottata bl-għan li tipproteġi s-sigurtà nazzjonali ma jwassalx għall-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni u jeżenta lill-Istati Membri minn kull obbligu li jikkonformaw ruħhom miegħu. Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 99 u 135).


36      Għalkemm l-importanza tal-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali tipprevali fuq dik tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi u hija għalhekk ta’ natura li tiġġustifika ndħil iktar gravi fid-drittijiet fundamentali, dak l-għan ma jinterferixxix mad-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu r-“reati kriminali” jew ir-“reati kriminali gravi”. Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 136).


37      U dik taċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti.


38      L-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe qies li l-leġiżlazzjoni kriminali u r-regoli tal-proċedura kriminali jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri, minkejja li l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom jistgħu madankollu jiġu affettwati mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni adottati f’dan il-qasam fuq il-bażi, inter alia, tal-Artikolu 83(2) TFUE. Għalhekk ma teżisti l-ebda dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali li tipprovdi definizzjoni armonizzata tal-kunċett ta’ “reat gravi”. Konklużjonijiet f’Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:300, punt 95). L-Avukat Ġenerali Pitruzzella indika li d-definizzjoni ta’ “reat gravi” għandha titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Skont l-ordinament ġuridiku nazzjonali, l-istess reat jista’ jiġi ppenalizzat iktar jew inqas severament. Dak li jikkostitwixxi ċirkustanzi aggravanti jista’ jvarja wkoll minn Stat Membru għal ieħor. Konklużjonijiet f’Prokuratuur (Kudizzjonijiet ta’ aċċess għal data relatata ma’ komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2020:18, punti 91 u 92). B’kuntrast, l-Avukat Ġenerali Szpunar qies li “l-kunċett ta’ ‘kriminalità serja’ għandu [...] jirċievi interpretazzjoni awtonoma. Dan ma jistax jiddependi fuq it-tifsiriet ta’ kull Stat Membru għax inkella jiġi li jippermetti li jiġu evitati r-rekwiżiti tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 skont jekk l-Istati Membri jadottawx tifsira estensiva jew le tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja.” Konklużjonijiet f’La Quadrature du Net et (Data personali u azzjoni għall-ġlied kontra l-kontrafazzjoni) (C‑470/21, EU:C:2022:838, punt 74).


39      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 83(1) TFUE. Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Okrazhna prokuratura – Varna (C‑845/19 u C‑863/19, EU:C:2021:864, punt 32).


40      Ara, b’analoġija, is-sentenza f’Prokuratuur, punti 41 u 42. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam u skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, “huwa, bħala prinċipju, biss id-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina r-regoli dwar l-ammissibbiltà u dwar l-evalwazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuni ssuspettati b’atti kriminali, ta’ informazzjoni u ta’ provi li nkisbu permezz ta’ konservazzjoni ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ din id-data, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni”. Il-bażi legali tad-Direttiva 2002/58 hija l-Artikolu 114 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 95 TKE) u mhux, pereżempju, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 83(1) TFUE. B’kuntrast, il-bażijiet legali tad-Direttiva 2016/681 huma l-Artikolu 82(1)(d) (kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali) u l-Artikolu 87(2)(a) (kooperazzjoni tal-pulizija).


41      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2007, IlKummissjoni vs IlPolonja (C‑440/05, EU:C:2007:625, punti 66, 70 u 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 53).


43      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprevedi li l-Istati Membri “jistgħu jadottaw” miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu ċerti drittijiet u obbligi previsti minn din id-direttiva.


44      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 89). L-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe qies li, “minkejja li kull Stat Membru għandu l-possibbiltà li jevalwa x’inhu l-livell ta’ piena adegwat sabiex jikkaratterizza reat serju, madankollu dan għandu d-dmir li ma jiffissahx għal skala tant baxxa, fir-rigward tal-livell abitwali tal-pieni applikabbli f’dan l-Istat, li l-eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ta’ ħżin u użu tad-data personali li huma previsti f’dan l-Artikolu 15(1) jinbidlu fi prinċipji”, konklużjonijiet f’Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:300, punt 114).


45      Ma hemm xejn li jindika li l-liġi Taljana inkwistjoni ma tosservax dan il-prinċipju.


46      Sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 127).


47      Ara wkoll il-premessa 11 tad-Direttiva 2002/58.


48      Ara wkoll il-premessa 2 tad-Direttiva 2002/58.


49      Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 89) u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 111 sa 113). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe f’Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:300, punti 116 sa 120). Fis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 31) il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jorbot lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest l-Istati Membri għandhom josservaw l-Artikolu 49(3) tal-Karta meta jadottaw pieni kriminali, anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza dawn is-sanzjonijiet.


50      Artikolu 52(1) tal-Karta. Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 120).


51      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 117 sa 119). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 110 u 129 sa 133).


52      Pereżempju, l-Artikolu 132(3) (a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 jistabbilixxi regoli speċjali għall-aċċess għad-data f’każijiet ta’ emerġenza. Fil-konklużjonijiet tiegħu f’La Quadrature du Net et (Data personali u azzjoni għall-ġlied kontra l-kontrafazzjoni) (C‑470/21, EU:C:2022:838, punti 99 sa 105), (C‑470/21, EU:C:2022:838, punti 99 sa 105), l-Avukat Ġenerali Szpunar qies li stħarriġ minn qabel huwa neċessarju biss fil-każ ta’ ndħil gravi fil-ħajja privata tal-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. L-istħarriġ minn qabel huwa neċessarju peress li l-indħil fil-kawża ineżami huwa gravi minħabba n-natura tad-data li għaliha talab aċċess il-Prosekutur Pubbliku.


53      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhux id-Direttiva 2002/58, stabbilixxew ir-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel: is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 120 u 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 120 u 121).


55      Is-sentenza f’Prokuratuur, punt 52.


56      Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju.


57      Ara l-analiżi fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe f’Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:300, punti 116 sa 120). Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dan.


58      Il-fatt li d-definizzjoni ta’ reati u s-sistema ta’ pieni fi Stat Membru huma differenti minn dawk fi Stat Membru ieħor ma jistax fih innifsu jaffettwa l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni. Ara b’analoġija s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Sjöberg u Gerdin (C‑447/08 u C‑448/08, EU:C:2010:415, punt 38).


59      Id-Direttiva 2016/681 tikkonċerna t-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tal-passiġġieri għall-prevenzjoni, id-detenzzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità gravi.


60      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, li jirrigwardaw in-natura u s-severità tal-piena applikabbli, huma, bħala prinċipju, ta’ natura li jillimitaw l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2016/681 għal reati li għandhom il-livell ta’ gravità meħtieġ sabiex jiġi ġġustifikat l-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 150).


61      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema stabbilita mid-Direttiva 2016/681 tkun limitata għall-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, u mhux dik ordinarja. Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punti 151 u 152). Il-qasam u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/681 li tipprevedi, inter alia, l-iskambju ta’ data PNR bejn l-Istati Membri, ma jissovrapponux ma’ dawk tad-Direttiva 2002/58. Isegwi li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi għandhom jiġu evalwati separatament u fuq il-merti tagħhom stess. F’dan ir-rigward, u kuntrarjament għal dak li huwa l-każ fir-rigward tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, il-kunċett ta’ “kriminalità gravi” fid-Direttiva 2016/681 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Ara wkoll, if’dan ir-rigward, il-premessa 12 u l-Artikolu 3(9) u l-Anness II tad-Direttiva 2016/681.


62      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 151).


63      It-test fil-lingwa oriġinali juża t-termini “i dati sono acquisiti”.


64      Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, l-użu tal-indikattiv fl-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 (“i dati sono acquisiti”) jimplika li l-aċċess għad-data inkwistjoni għandu jingħata mill-qorti nazzjonali sakemm il-kundizzjonijiet oġġettivi imposti minn din id-dispożizzjonijkunu ssodisfatti.


65      Waqt is-seduta, l-osservazzjonijiet tal-Prosekutur Pubbliku (Bolzano) u tal-Gvern Taljan dwar ir-rwol tal-qorti nazzjonali u dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istħarriġ minn qabel skont l-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 kienu differenti. Għalkemm il-Prosekutur Pubbliku (Bolzano) sostna li qabel ma tagħti l-aċċess għal tali data l-qorti nazzjonali għandha twettaq stħarriġ individwali ta’ proporzjonalità ta’ dan l-aċċess, il-Gvern Taljan enfasizza li l-qorti nazzjonali hija marbuta, skont l-Artikolu 101 tal-Costituzione della Repubblica Italiana (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana) u l-Artikolu 1 tal- Kodiċi Kriminali, bil-prinċipju ta’ legalità u għalhekk ma tistax tadotta dak li hija ddeskriviet bħala interpretazzjoni kreattiva tal-liġi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli.


66      Sakemm id-dritt nazzjonali ma jippermettix dan u bla ħsara għall-osservanza, inter alia, tal-Artikolu 49 tal-Karta.


67      Piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin.


68      L-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprevedi li l-liġi għandha tipprevedi kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dritt ir-rikonoxxut mill-Karta. Dan jimplika li l-qrati nazzjonali huma, bħala prinċipju, marbuta bil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi tali limitazzjonijiet.


69      Telefons ċellulari jistgħu jkun fihom ritratti, data dwar is-saħħa, rendikonti bankarji, passwords, eċċ. Is-serq ta’ telefon ċellulari għalhekk jista’ jikkomprometti l-identità diġitali tal-proprjetarju tiegħu u l-effetti ta’ dan is-serq jistgħu jkunu ferm agħar mit-telf f’termini ta’ valur monetarju. Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni u tibbilanċja kwalunkwe dannu potenzjali kkawżat lid-drittijiet tal-vittmi skont, inter alia, l-Artikoli 7, 8 u 17 tal-Karta.


70      Bħall-vittmi tal-allegat reat.


71      Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju.


72      Numru ta’ referenza RGNR 9228/2021.


73      Numru ta’ referenza RGNR 9794/2021.


74      Għalkemm id-data tista’ tikkonċerna komunikazzjonijiet magħmula lill-vittma wara d-data tas-serq, hija ma tikkonċernax, fir-realtà, il-komunikazzjonijiet magħmula mill-vittma u lanqas id-data dwar il-post tiegħu jew tagħha.


75      Skont il-Gvern Taljan, il-verżjoni applikabbli tal-Artikolu 269(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali kienet tipprevedi li “[...] ir-reġistrazzjonijiet għandhom jinżammu sakemm tingħata s-sentenza definittiva. Madankollu, sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità, il-partijiet interessati jistgħu jitolbu lill-imħallef li awtorizza jew ivvalida l-interċettazzjoni sabiex jinqerdu r-reġistrazzjonijiet li ma kinux inklużi fil-proċess” (peress li huma irrilevanti). Għalkemm l-aċċess għad-data dwar terzi innoċenti huwa illimitat, l-użu ta’ din id-data jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li huwa limitat mid-dritt nazzjonali.


76      It-talba għal deċiżjoni preliminari la tispjega t-tifsira eżatta ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas l-applikazzjoni tagħha fil-prattika.