Language of document : ECLI:EU:C:2024:371

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

30 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika – Kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Artikoli 7, 8, 11 kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Talba minn awtorità nazzjonali kompetenti għal aċċess għad-data għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ serq aggravat – Definizzjoni ta’ ‘kriminalità gravi’ li tista’ tiġġustifika ndħil serju fid-drittijiet fundamentali – Ġurisdizzjoni tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Portata ta’ stħarriġ minn qabel tal-qorti fuq it-talbiet għal aċċess għad-data miżmuma mill-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”

Fil-Kawża C‑178/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Giudice delle indagini preliminari presso il Tribunale di Bolzano (l-Imħallef għall-Investigazzjonijiet Preliminari tal-Qorti ta’ Bolzano, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Marzu 2022, fil-proċeduri kriminali kontra

Persuni mhux magħrufa

fil-preżenza ta’:

Procura della Repubblica presso il Tribunale di Bolzano,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, T. von Danwitz u Z. Csehi, Presidenti ta’ Awla, J.-C. Bonichot, S. Rodin, P. G. Xuereb (Relatur), D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Procura della Repubblica presso il Tribunale di Bolzano, minn F. Iovene, sostituto procuratore della Repubblica,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Faraci, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, O. Serdula, M. Smolek, T. Suchá u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan,, minn M. Kriisa, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel, A.-L. Desjonquères, B. Fodda u J. Illouz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Neophytou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman, A. Hanje u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll, C. Gabauer, K. Ibili u E. Samoilova, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, D. Lutostańska u J. Sawicka, bħala aġenti,

–        għall‑Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, H. Kranenborg, L. Malferrari u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba mressqa quddiem il-Giudice delle indagini preliminari presso il Tribunale di Bolzano (l-Imħallef għall-Investigazzjonijiet Preliminari tal-Qorti Distrettwali ta’ Bolzano, l-Italja) mill-Procura della Repubblica presso il Tribunale di Bolzano (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Bolzano, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur”), sabiex jawtorizzah jaċċedi għal data personali miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jiġu identifikati l-awturi ta’ żewġ serqiet tat-telefon ċellulari b’ċirkustanzi aggravanti.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2002/58

3        Il-premessi 2 u 11 tad-Direttiva 2002/58 jistabbilixxu:

“(2)      Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 [tagħha].

[...]

(11)      Bħad-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l‑24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 15, p. 355)], din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950], hekk kif interpretati mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali.”

4        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva [95/46] u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru”) (ĠU 2002, L 108, p. 33).

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘utent’ tfisser kull persuna naturali li tuża servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz;

(b)      ‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

(c)      “data dwar is-sit” tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;

(d)      ‛komunikazzjoni’ tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta’ xandir lill-pubbliku fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

[...]”

5        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”, jipprevedi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta' komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”

6        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Data dwar it-traffiku”, jipprovdi:

“1.      Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.      Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

3.      Għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew kummerċjalizzazzjoni, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih tirrelata d-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha minn qabel. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku f’kull ħin.

[...]

5.      L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dawn l-attivitajiet.

[...]”

7        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn id-data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku, relatata ma’ utenti jew abbonati ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, tista tiġi pproċessata, din id-data tista’ tiġi pproċessata biss fejn tkun ġiet magħmula anonima, jew bil-kunsens ta’ l-utenti jew ta’ l-abbonati sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għall-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud. Il-provditur tas-servizz għandu jinforma lill-utenti jew abbonati, qabel ma jakkwista l-kunsens tagħhom, dwar it-tip ta’ data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku li ser tiġi pproċessata, dwar l-iskopijiet u ż-żmien ta’ l-ipproċessar u jekk id-data hix ser tiġi trasmessa lil xi terza persuna għall-iskop li jkunprovdut servizz bil-valur miżjud. [...]”

8        L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) [TUE].”

 Iddritt Taljan

 IdDigriet Leġiżlattiv Nru 196/2003

9        L-Artikolu 132(3) tad-decreto legislativo n. 196 – Codice in materia di protezione dei dati personali, recante disposizioni per l’adeguamento dell’ ordinamento nazionale al regolamento (UE) n. 2016/679 del Parlamento europeo e del Consiglio, del 27 aprile 2016, relativo alla protezione delle persone fisiche con riguardo al trattamento dei dati personali, nonché alla libera circolazione di tali dati e che abroga la direttiva 95/46/KE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 196, il-kodiċi dwar il-protezzjoni tad-data personali, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ta’ adattament tad-dritt nazzjonali għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU 2016, L 119, p. 1 u r-rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2)], tat‑30 ta’ Ġunju 2003 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 174, tad‑29 ta’ Lulju 2003), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003”), jipprevedi dan li ġej:

“3.      Fit-terminu ta’ żamma prevista mil-liġi [jiġifieri 24 xahar mid-data tal-komunikazzjoni], jekk ikun hemm provi suffiċjenti tat-twettiq ta’ reat li għalih il-liġi tipprevedi l-piena ta’ għomor il-ħabs jew ta’ priġunerija massima ta’ mill-inqas 3 snin, stabbilita skont l-Artikolu 4 tal-Codice di procedura penale (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), jew ta’ reat ta’ theddida u ta’ fastidju jew ta’ tfixkil ta’ persuna permezz tat-telefon, meta t-theddida, it-tfixkil u l-fastidju jkunu gravi, id-data għandha, jekk tkun rilevanti għall-istabbiliment tal-fatti, tinġabar bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-qorti, permezz ta’ digriet motivat, fuq talba tal-Prosekutur Pubbliku jew fuq rikors tar-rappreżentant legali tal-akkużat, tal-persuna investigata, tal-persuna leża jew ta’ kwalunkwe parti privata oħra.”

10      Il-paragrafu 3a ta’ dan l-artikolu jipprovdi:

“F’każ ta’ urġenza u jekk ikun iġġustifikat li wieħed jaħseb li d-dewmien jista’ jikkawża dannu gravi lill-investigazzjoni, il-prosekutur pubbliku għandu jordna l-kisba tad-data permezz ta’ digriet motivat li għandu jiġi kkomunikat immedjatament u fi kwalunkwe każ fi żmien 48 siegħa lill-qorti kompetenti sabiex tagħti l-awtorizzazzjoni skont il-proċedura ordinarja. Fit‑48 siegħa ta’ wara, il-qorti tiddeċiedi dwar il-validazzjoni permezz ta’ digriet motivat.”

11      Fl-aħħar nett, skont il-paragrafu 3c tal-imsemmi artikolu, “Ma għandhiex tintuża data miġbura bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 jew tal-paragrafu 3a.”

 IlKodiċi Kriminali

12      L-Artikolu 624 tal-codice penale (il-Kodiċi Kriminali), intitolat “Serq”, jipprovdi:

“Persuna ħatja ta’ serq sempliċi, li tista’ tiġi suġġetta għal prosekuzzjoni fuq il-bażi ta’ lment mill-persuna leża, hija suġġetta għal piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa tliet snin u għal multa ta’ bejn EUR 154 u EUR 516.

[...]

Ħlief jekk waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 61(7) u l-Artikolu 625 jkunu ssodisfatti.”

13      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 625 tal-Kodiċi Kriminali, intitolat “Ċirkustanzi aggravanti”, jipprevedi:

“Il-persuna ħatja ta’ serq aggravat hija suġġetta għal piena speċjali ta’ priġunerija ta’ bejn sentejn u sitt snin u għal multa ta’ bejn EUR 927 u EUR 1 500.

[...]

2)      jekk il-persuna ħatja tagħmel użu minn vjolenza fuq proprjetà jew tagħmel użu minn kwalunkwe mezz frodulenti;

3)      jekk huwa ħati fir-rigward tiegħu ta’ armi jew drogi narkotiċi, mingħajr ma jagħmel użu minnhom;

4)      fil-każ ta’ serq pickpocketing;

5)      jekk il-fatt jitwettaq minn tliet persuni jew iktar, jew minn persuna waħda, moħbija bħala jew li ssir għal uffiċjal pubbliku jew persuna li teżerċita funzjoni pubblika;

6)      jekk il-fatt ikun jikkonċerna l-bagalji tal-passiġġieri fi kwalunkwe vettura, fl-istazzjonijiet, fl-ajruporti jew fuq il-pjattaformi, fil-lukandi jew fi kwalunkwe stabbiliment li jikkummerċjalizza ikel jew xorb;

7)      jekk il-fatt jikkonċerna proprjetà preżenti f’uffiċċji jew istituzzjonijiet pubbliċi, jew ikkonfiskati jew issekwestrati, jew esposti għal bżonn jew konswetudinarju jew għal użu pubbliku, jew iddestinati għas-servizz pubbliku jew għall-utilità pubblika, għad-difiża jew għal venerazzjoni;

7a)      jekk il-fatt jikkonċerna komponenti metalliċi jew materjali oħra rtirati minn infrastruttura għall-provvista tal-enerġija, servizzi ta’ trasport, telekomunikazzjonijiet jew servizzi pubbliċi oħra u operati minn entitajiet pubbliċi jew privati permezz ta’ konċessjoni pubblika;

8)      jekk il-fatt jikkonċerna tlett irjus jew aktar ta’ baqar miġbura f’merħla, jew bovini jew ekwini, anki mhux magħqudin f’merħla;

8a)      jekk l-avveniment jitwettaq f’mezzi ta’ trasport pubbliku;

8b)      jekk l-att jitwettaq fir-rigward ta’ persuna li qed tuża jew li tkun għadha kif użat is-servizzi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, uffiċċju tal-posta jew distributur awtomatiku ta’ flus.”

 IlKodiċi talProċedura Kriminali

14      Skont l-Artikolu 4 tal- Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, intitolat “Regoli dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni”:

“Il-ġurisdizzjoni tal-qorti hija ddeterminata bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-piena imposta bil-liġi għal kull reat komplet jew attentat. Reati kontinwi, ir-reċidiva u ċ-ċirkustanzi li fihom jitwettaq ir-reat ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, bl-eċċezzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti li għalihom il-liġi tistabbilixxi tip ta’ piena differenti mill-piena ordinarja għar-reat u dawk li għandhom effett partikolari.”

15      L-Artikolu 269(2) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“[...] Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jinżammu sakemm tingħata sentenza definittiva. Madankollu, sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità, il-persuni kkonċernati jistgħu, meta d-dokumenti ma humiex neċessarji għall-finijiet tal-proċedura, jitolbu lill-qorti li awtorizzat jew ivvalidat l-interċettazzjoni tal-qerda tar-reġistrazzjonijiet.”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

16      Wara żewġ ilmenti mressqa għal fatti ta’ serq ta’ telefon ċellulari mwettqa, rispettivament, fis‑27 ta’ Ottubru u fl‑20 ta’ Novembru 2021, l-Uffiċċju tal-Prosekutur beda, skont l-Artikoli 624 u 625 tal-Kodiċi Kriminali, żewġ proċeduri kriminali kontra awturi li ma kinux magħrufa għal reati ta’ serq b’ċirkustanzi aggravanti.

17      Sabiex jiġu identifikati l-awturi ta’ dawn is-serqiet, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, abbażi tal-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003, talab, rispettivament fis‑7 ta’ Diċembru u fit‑30 ta’ Diċembru 2021, lill-Giudice delle indagini preliminari presso il Tribunale di Bolzano (l-Imħallef għall-Investigazzjonijiet Preliminari tal-Qorti ta’ Bolzano), il-qorti tar-rinviju, l-awtorizzazzjoni li tiġbor mingħand il-kumpanniji telefoniċi kollha r-rekords telefoniċi tat-telefons misruqa. Dawn l-applikazzjonijiet kienu jirrigwardaw “d-data kollha fil-pussess tal-kumpanniji telefoniċi, skont metodu ta’ traċċar u ta’ lokalizzazzjoni (b’mod iktar partikolari l-abbonati u, jekk ikun il-każ, il-kodiċi [dwar l-identità internazzjonali tat-tagħmir mobbli (IMEI) tal-apparat] imsejjaħ jew li jċempel, is-siti miżjura u milħuqa, il-mument u t-tul tat-telefonata jew tal-konnessjoni u l-indikazzjoni tal-partijiet ta’ networks jew ripetituri kkonċernati, l-abbonati u l-kodiċijiet IMEI [tal-apparati] mittenti u destinatarji tal-SMS jew MMS u, jekk ikun possibbli, id-data tal-identità tad-detenturi rispettivi) konverżazzjonijiet u komunikazzjonijiet telefoniċi u konnessjonijiet li jsiru, inkluż permezz ta’ roaming, li jkunu deħlin jew ħerġin anki jekk it-telefonati ma jkunux fatturati (ringtone sempliċi mingħajr tweġiba) mid-data tas-serq sad-data tat-tfassil tat-talba”.

18      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152).

19      Hija tfakkar li, skont il-punt 45 ta’ din is-sentenza, dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu l-aċċess ta’ awtoritajiet pubbliċi għal reġistri tat-telefon, li jinkludu ġabra ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar is-sit li tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-utent ikkonċernat, ma humiex ġustifikabbli, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u tal-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali għall-ħajja privata, il-protezzjoni tad-data personali u l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif iggarantiti, rispettivament, fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta, li jekk ikunu maħsuba għall-prosekuzzjoni ta’ reati serji, bħal theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, mifhum bħal dik tal-Istat, u forom oħra ta’ kriminalità serja.

20      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, fis-sentenza tagħha Nru 33116 tas‑7 ta’ Settembru 2021, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) qieset li, fid-dawl tal-marġni ta’ interpretazzjoni madwar id-determinazzjoni tar-reati li jikkostitwixxu theddid serju kontra s-sigurtà pubblika jew forom oħra ta’ kriminalità serja fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-ġurisprudenza ma kellhiex il-karatteristiċi meħtieġa sabiex tiġi applikata direttament mill-qrati nazzjonali. Konsegwentement, il-leġiżlatur Taljan jidher li emenda l-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003, sabiex jikklassifika bħala reati serji, li għalihom jistgħu jinkisbu r-rekords telefoniċi, ir-reati li l-liġi tissanzjona b’piena massima ta’ priġunerija “ta’ mill-inqas tliet snin”.

21      Skont il-qorti tar-rinviju, dan il-limitu ta’ tliet snin li minnu l-piena massima ta’ priġunerija li għaliha huwa punibbli reat tiġġustifika li dan ir-reat jista’ jagħti lok għall-komunikazzjoni ta’ reġistri telefoniċi lill-awtoritajiet pubbliċi huwa tali li dawn ir-rekords jistgħu jiġu kkomunikati lilhom sabiex jiġu pproċessati reati li jikkawżaw biss problema soċjali limitata u li huma punibbli biss fuq ilment ta’ individwu, b’mod partikolari s-serqiet ta’ valur baxx bħas-serqiet ta’ telefon ċellulari jew ta’ rota.  

22      Id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tikser għalhekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jeżiġi li l-gravità tal-ksur imfittex tiġi bbilanċjata mad-drittijiet fundamentali li jkun hemm ksur tagħhom sabiex dan il-ksur jiġi imfittex. Fil-fatt, dan il-prinċipju jipprekludi li ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta jkun iġġustifikat mill-prosekuzzjoni ta’ reat bħas-serq.

23      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-qrati Taljani għandhom marġni ta’ diskrezzjoni limitat ħafna sabiex jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni li jiksbu rekords telefoniċi peress li, skont id-dispożizzjoni inkwistjoni, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata jekk jeżistu “indizji suffiċjenti ta’ ksur” u jekk id-data mitluba hija “rilevanti sabiex jiġu kkonstatati l-fatti”. Għaldaqstant, il-qrati Taljani jidher li ma għandhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-gravità konkreta tal-ksur li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni. Din l-evalwazzjoni tidher li saret b’mod definittiv mil-leġiżlatur Taljan meta ppreveda li l-awtorizzazzjoni għall-kisba tad-data kellha tingħata, b’mod partikolari, għar-reati kollha punibbli b’piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Giudice delle indagini preliminari presso il Tribunale di Bolzano (l-Imħallef għall-Investigazzjonijiet Preliminari tal-Qorti ta’ Bolzano) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58] jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Artikolu 132 tad-decreto legislativo [n. 196/2003] [paragrafu 3] [...] li jgħid:

“3. Fil-perijodu ta’ żamma impost mil-liġi, jekk ikun hemm biżżejjed provi ta’ reati li għalihom il-liġi tistabbilixxi l-piena ta’ għomor-il ħabs jew ħabs ta’ mhux inqas minn tliet snin, iddeterminata skont l-Artikolu 4 tal-codice di procedura penale (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), u ta’ reati ta’ theddid jew fastidju ta’ nies bit-telefon, meta t-theddida, il-fastidju u t-tfixkil ikunu gravi, fejn tkun rilevanti sabiex jiġu aċċertati l-fatti, id-data hija akkwistata, suġġetta għal awtorizzazzjoni maħruġa mill-qorti b’digriet motivat, fuq talba tal-prosekutur pubbliku jew fuq talba tad-difensur tal-akkużat, tal-persuna taħt investigazzjoni, tal-vittma u tal-partijiet privati l-oħra?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

25      Il-Gvern Taljan u l-Irlanda jqisu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija parzjalment inammissibbli. Huma jirrilevaw li t-talbiet għal aċċess għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ġew ippreżentati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, abbażi tal-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003, sabiex issir prosekuzzjoni ta’ reati ta’ serq b’ċirkustanzi aggravanti ta’ telefon ċellulari. Issa, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti li jinkiseb l-aċċess għal data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni ta’ reati oħra li jaqgħu taħt l-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 minbarra dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħas-serq sempliċi jew il-fastidju serju bit-telefon. Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari tidher li hija ta’ natura ipotetika sa fejn din tirrigwarda dawn ir-reati l-oħra.

26      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Issa, billi tirriproduċi b’mod sħiħ l-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003, id-domanda preliminari, anki jekk ma tagħmilx distinzjoni bejn it-tipi ta’ reati li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni, tkopri neċessarjament ir-reati ta’ serq b’ċirkustanzi aggravanti li għalihom it-talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ aċċess għad-data personali ġew ippreżentati fil-kawża prinċipali.

29      Għaldaqstant, din id-domanda ma hijiex ta’ natura ipotetika u għalhekk hija ammissibbli.

 Fuq iddomanda preliminari

30      Kif irrileva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, kif ifformulata, tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja la għandha ġurisdizzjoni sabiex tesprimi ruħha fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari nazzjonali u lanqas għandha ġurisdizzjoni sabiex tesprimi ruħha fuq il-konformità ta’ tali dispożizzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Getin Noble Bank (Terminu ta’ preskrizzjoni għal azzjonijiet għal restituzzjoni), C‑28/22, EU:C:2023:992, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-preżenza ta’ domandi fformulati b’mod inadegwat jew li jmorru lil hinn mill-kuntest tal-funzjonijiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 267 TFUE, din għandha tislet, mill-elementi kollha mogħtija mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima. F’dan id-dawl, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jsirulha (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Sparkasse Südpfalz, C‑206/22, EU:C:2023:984, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Harman International Industries, C‑175/21, EU:C:2022:895, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li timponi fuq il-qorti nazzjonali, intervenjenti fil-kuntest ta’ stħarriġ minn qabel imwettaq wara talba motivata ta’ aċċess għal sett ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar is-sit, li jistgħu jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata ta’ utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika, miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ippreżentata minn awtorità nazzjonali kompetenti fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, jawtorizzaw dan l-aċċess jekk dan jintalab għall-finijiet tal-investigazzjoni ta’ reati kriminali punibbli, mid-dritt nazzjonali, b’piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin, bil-kundizzjoni li jkunu jeżistu indizji suffiċjenti ta’ tali reati u li din id-data tkun rilevanti sabiex jiġu kkonstatati l-fatti.

35      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom l-aċċess għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar is-siti miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’, għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jingħata lil awtoritajiet pubbliċi, b’applikazzjoni ta’ miżura leġiżlattiva adottata skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali aċċess jista’ jingħata biss sa fejn din id-data tkun inżammet minn dawn il-fornituri konformement ma’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ dan il-jum, La Quadrature du Net et (Data personali u ġlieda kontra l-kontrafazzjoni), C‑470/21, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Hija ddeċidiet ukoll li dan l-Artikolu 15(1), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għal tali finijiet, b’mod preventiv, iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar is-siti (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għandha titfakkar ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li huma biss l-għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew ta’ prevenzjoni ta’ theddid serju għas-sigurtà pubblika li huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-indħil serju fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li jirriżulta mill-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għal sett ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar is-siti, li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar is-sit tat-tagħmir terminali li huwa juża u li jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, mingħajr ma fatturi oħra relatati mal-proporzjonalità ta’ talba għal aċċess, bħat-tul tal-perijodu li għalih l-aċċess għal tali data huwa mitlub, jistgħu jkollhom bħala effett l-għan tal-prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali in ġenerali jista’ jiġġustifika tali aċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk tali ndħil serju jistax jiġi awtorizzat għal reati bħal dawk imsemmija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38      Fir-rigward qabelxejn tal-klassifikazzjoni ta’ aċċess bħal dawk inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala ndħil serju fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġu identifikati l-awturi tas-serqiet preżunti li wasslu għal din it-tilwima, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, għal kull wieħed mit-telefons ċellulari kkonċernati, talab lill-qorti tar-rinviju, abbażi tal-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003, l-awtorizzazzjoni li jiġbor id-data kollha fil-pussess tal-kumpanniji telefoniċi, miksuba permezz ta’ metodu ta’ traċċar u ta’ lokalizzazzjoni tal-konverżazzjonijiet u tal-komunikazzjonijiet telefoniċi u ta’ konnessjonijiet imwettqa ma’ dawn it-telefons. Dawn it-talbiet kienu jikkonċernaw, b’mod iktar partikolari, l-abbonati u l-kodiċijiet IMEI tal-apparat imsejjaħ jew li qiegħed iċempel, is-siti miżjura u miksuba, il-mument u t-tul tat-telefonati u tal-konnessjonijiet, l-indikazzjoni tal-partijiet tan-networks jew ripetituri kkonċernati, kif ukoll l-abbonati u l-kodiċijiet IMEI tal-apparati mittenti u destinatarji tal-SMS jew MMS.

39      L-aċċess għal tali sett ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar is-sit jidher li jista’ jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet, bħalma huma l-użanzi tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ soġġorn permanenti jew temporanji, il-vjaġġi ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-indħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta kkawżat mill-aċċess għal tali data jidher għalhekk li jista’ jiġi kklassifikat bħala serju.

40      Kif jirriżulta mill-punt 39 tas-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152), din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi miċħuda minħabba s-sempliċi fatt li ż-żewġ talbiet għal aċċess għad-data dwar it-traffiku jew għad-data dwar is-sit inkwistjoni kienu jikkonċernaw biss perijodi qosra, ta’ inqas minn xahrejn, minn dati tas-serqiet preżunti tat-telefons ċellulari sad-dati li fihom ġew ifformulati dawn it-talbiet, peress li l-imsemmija talbiet kienu jirrigwardaw ġabra ta’ din id-data li tista’ tipprovdi informazzjoni preċiża dwar il-ħajja privata tal-persuni li jużaw it-telefons ċellulari kkonċernati.

41      Bl-istess mod, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ndħil serju fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, il-fatt li d-data li għaliha l-Uffiċċju tal-Prosekutur talab l-aċċess ma hijiex dik tal-proprjetarji tat-telefons ċellulari inkwistjoni iżda dik tal-persuni li kkomunikaw lil xulxin billi użaw dawn it-telefons wara s-serqiet preżunti tagħhom. Fil-fatt, mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-obbligu ta’ prinċipju li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi mwettqa permezz ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, kif ukoll il-kunfidenzjalità tad-data dwar it-traffiku relatata magħhom, ikopri l-komunikazzjonijiet magħmula mill-utenti ta’ dan in-network. Issa, l-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “utent” bħala kull persuna fiżika li tuża servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku għal finijiet privati jew professjonali mingħajr ma tkun neċessarjament abbonata għal dan is-servizz.

42      Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, peress li l-indħil fid-drittijiet fundamentali kkawżat mill-aċċess għad-data, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jitqies li huwa gravi, dan jista’ jiġi ġġustifikat biss mill-għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew ta’ prevenzjoni ta’ theddid serju għas-sigurtà pubblika.

43      Sussegwentement, għalkemm huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-aċċess għad-data li huma għandhom, tali leġiżlazzjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ tali aċċess. Bħala prinċipju, dan jista’ jingħata biss, fir-rigward tal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità, għad-data ta’ persuni ssuspettati li huma implikati f’reat serju. Sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet li jiggarantixxu li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, huwa essenzjali li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun suġġett, ħlief fil-każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, għal stħarriġ minn qabel imwettaq minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punti 48 sa 51).

44      F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “reat serju”, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sa fejn l-Unjoni ma lleġiżlatx f’dan il-qasam, il-leġiżlazzjoni kriminali u r-regoli tal-proċedura kriminali jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri. Madankollu, dawn għandhom jeżerċitaw din il-ġurisdizzjoni b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-definizzjoni tar-reati kriminali, taċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti u tas-sanzjonijiet tirrifletti kemm ir-realtajiet soċjali kif ukoll it-tradizzjonijiet legali li jvarjaw mhux biss bejn l-Istati Membri, iżda wkoll fiż-żmien. Issa, dawn ir-realtajiet u t-tradizzjonijiet huma ta’ importanza ċerta sabiex jiġi ddeterminat il-ksur ikkunsidrat li huwa ta’ natura serja.

46      Għaldaqstant, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri skont it-Trattat FUE u d-differenzi sinjifikattivi li jeżistu bejn is-sistemi legali tal-Istati Membri fil-qasam kriminali, għandu jitqies li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu r-“reati serji” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

47      Madankollu, id-definizzjoni ta’ “reati serji”, użata mill-Istati Membri, għandha tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan l-Artikolu 15(1), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi intiżi sabiex “jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni” tad-drittijiet u tal-obbligi previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58, bħal dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u mill-projbizzjoni tal-ħażna tad-data relatata magħhom, l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali prevista b’mod partikolari f’dawn l-Artikoli 5, 6 u 9 u għandu għalhekk, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, jiġi interpretat b’mod strett. Tali dispożizzjoni ma tistax għalhekk tiġġustifika li d-deroga mill-obbligu ta’ prinċipju li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data relatata magħhom issir ir-regola, ħlief sabiex din l-aħħar dispożizzjoni tiġi mċaħħda mill-portata tagħha (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 40).

49      Barra minn hekk, mit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 42).

50      Minn dan isegwi li l-Istati Membri ma jistgħux jiżnaturaw il-kunċett ta’ “reat serju” u, b’estensjoni, il-kunċett ta’ “kriminalità serja”, billi jinkludu fih, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta dan l-Artikolu 15(1), reati li ma humiex manifestament serji, fid-dawl tal-kundizzjonijiet soċjetali prevalenti fl-Istat Membru kkonċernat, minkejja li l-leġiżlatur ta’ dan l-Istat Membru ppreveda li jissanzjonahom b’piena massima ta’ priġunerija ta’ tliet snin.

51      Huwa b’mod partikolari sabiex tiġi vverifikata l-assenza ta’ tali żnaturament li huwa essenzjali li, meta l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jinvolvi r-riskju ta’ ndħil serju fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, dan l-aċċess ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ dan il-jum, La Quadrature du Net et (Data personali u ġlieda kontra l-kontrafazzjoni), C‑470/21, punti 124 sa 131).

52      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 132(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196/2003 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-aċċess għal data miżmuma mill-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ jingħata minn qorti adita b’talba motivata ta’ awtorità pubblika. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi r-reati, li fil-prosekuzzjoni tagħhom jista’ jingħata aċċess għal data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’riferiment għal piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin. Hija tissuġġetta dan l-aċċess għall-kundizzjoni doppja li jkun hemm “biżżejjed indizji ta’ ksur” u li din id-data tkun “rilevanti sabiex jiġu kkonstatati l-fatti”.

53      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk id-definizzjoni, li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni, ta’ “reati serji”, li għall-prosekuzzjoni tagħhom jista’ jingħata aċċess għad-data, hijiex wiesgħa wisq peress li tkopri reati li jikkawżaw biss disturb soċjali limitat.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li definizzjoni, li tgħid li r-“reati serji”, li għall-prosekuzzjoni tagħhom jista’ jingħata l-aċċess, huma dawk li għalihom il-piena massima ta’ priġunerija hija tal-inqas ugwali għal tul li l-liġi tiddetermina, hija bbażata fuq kriterju oġġettiv. Din hija konformi mar-rekwiżit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi sabiex tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jingħataw l-aċċess għad-data inkwistjoni (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 105 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      It-tieni nett, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-definizzjoni mogħtija, fid-dritt nazzjonali, ta’ “reati serji” li jistgħu jippermettu aċċess għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, ma għandhiex tkun tant wiesgħa li l-aċċess għal din id-data jsir ir-regola pjuttost milli l-eċċezzjoni. Għalhekk, hija ma tistax tkopri l-maġġoranza kbira tar-reati kriminali, li jkun il-każ jekk il-limitu li lil hinn minnu l-piena massima ta’ priġunerija li għaliha huwa punibbli reat tiġġustifika li dan jiġi kklassifikat bħala reat serju kien stabbilit f’livell eċċessivament baxx.

56      Issa, limitu stabbilit b’riferiment għal piena massima ta’ priġunerija ta’ tliet snin ma jidhirx, f’dan ir-rigward, li huwa eċċessivament baxx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 150).

57      Ċertament, peress li d-definizzjoni ta’ “reati serji”, li fir-rigward tagħhom jista’ jintalab l-aċċess għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, hija stabbilita b’riferiment mhux għal piena minima applikabbli iżda għal piena massima applikabbli, ma huwiex eskluż li aċċess għal data, li jikkostitwixxi ndħil serju fid-drittijiet fundamentali, jista’ jintalab għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni ta’ reati li ma jaqgħux, fir-realtà, taħt il-kriminalità serja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 151).

58      L-iffissar ta’ limitu li minnu l-piena massima ta’ priġunerija li għaliha huwa punibbli reat tiġġustifika li din tiġi kklassifikata bħala reat serju ma huwiex madankollu neċessarjament kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

59      Minn naħa, dan jidher li huwa l-każ ta’ dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li hija tirrigwarda, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, b’mod ġenerali, l-aċċess għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma tippreċiża n-natura ta’ din id-data. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tidher li tkopri b’mod partikolari każijiet li fihom l-aċċess ma jistax jiġi kklassifikat bħala ndħil serju, għaliex ma jirrigwardax ġabra ta’ data li tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati.

60      Min-naħa l-oħra, il-qorti jew l-entità amministrattiva indipendenti, li tintervjeni fil-kuntest ta’ kontroll minn qabel imwettaq wara talba għal aċċess motivata, għandha tkun awtorizzata tirrifjuta jew tirrestrinġi dan l-aċċess meta hija tikkonstata li l-indħil fid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxi tali aċċess huwa gravi meta jkun manifest li l-ksur inkwistjoni ma jaqax effettivament taħt il-kriminalità serja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 152).

61      Fil-fatt, il-qorti jew l-entità inkarigata mill-kontroll għandha tkun f’pożizzjoni li tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi leġittimi marbuta mal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li d-data tagħhom hija kkonċernata mill-aċċess (sentenza ta’ dan il-jum, La Quadrature du Net et (Data personali u ġlieda kontra l-kontrafazzjoni), C‑470/21, punt 125 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      B’mod partikolari, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-proporzjonalità tal-indħil ikkawżat fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata mit-talba għal aċċess, din il-qorti jew din l-entità għandha tkun f’pożizzjoni li teskludi tali aċċess meta dan tal-aħħar jintalab fil-kuntest ta’ prosekuzzjoni għal reat li ma jkunx manifestament serju, fis-sens tal-punt 50 ta’ din is-sentenza.

63      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li timponi fuq il-qorti nazzjonali, intervenjenti fil-kuntest ta’ stħarriġ minn qabel imwettaq wara talba motivata għal aċċess għal sett ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar is-sit, li jistgħu jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata ta’ utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika, miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ippreżentata minn awtorità nazzjonali kompetenti fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, jawtorizzaw dan l-aċċess jekk dan jintalab għall-finijiet tal-investigazzjoni ta’ reati kriminali punibbli, mid-dritt nazzjonali, b’piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin, bil-kundizzjoni li jkunu jeżistu indizji suffiċjenti ta’ tali reati u li din id-data tkun rilevanti sabiex jiġu kkonstatati l-fatti, madankollu, bil-kundizzjoni li din il-qorti tkun awtorizzata tirrifjuta l-imsemmi aċċess jekk dan tal-aħħar ikun mitlub fil-kuntest ta’ investigazzjoni li tirrigwarda reat li ma jkunx manifestament serju, fid-dawl tal-kundizzjonijiet soċjetali prevalenti fl-Istat Membru kkonċernat.

 Fuq lispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Novembru 2009, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li timponi fuq il-qorti nazzjonali, intervenjenti fil-kuntest ta’ stħarriġ minn qabel imwettaq wara talba motivata għal aċċess għal sett ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar is-sit, li jistgħu jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata ta’ utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika, miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ippreżentata minn awtorità nazzjonali kompetenti fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, jawtorizzaw dan l-aċċess jekk dan jintalab għall-finijiet tal-investigazzjoni ta’ reati kriminali punibbli, mid-dritt nazzjonali, b’piena massima ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin, bil-kundizzjoni li jkunu jeżistu indizji suffiċjenti ta’ tali reati u li din id-data tkun rilevanti sabiex jiġu kkonstatati l-fatti, madankollu, bil-kundizzjoni li din il-qorti tkun awtorizzata tirrifjuta l-imsemmi aċċess jekk dan tal-aħħar ikun mitlub fil-kuntest ta’ investigazzjoni li tirrigwarda reat li ma jkunx manifestament serju, fid-dawl tal-kundizzjonijiet soċjetali prevalenti fl-Istat Membru kkonċernat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.