Language of document : ECLI:EU:T:2015:508

Kawża T‑462/12

Pilkington Group Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Suq Ewropew tal-ħġieġ tal-karozzi — Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Ċaħda ta’ talba intiża sabiex jinkiseb it-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni allegatament koperta bis-sigriet tan-negozju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Kunfidenzjalità — Sigriet professjonali — Aspettattivi leġittimi”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal‑15 ta’ Lulju 2015

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-uffiċjal tas-seduta li tiċħad, fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, talba għal trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni

(Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 28(2); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/695, Artikolu 8)

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Sigriet professjonali — Uffiċjal tas-seduta — Kompetenza limitata bit-talba tal-impriża kkonċernata — Aċċettazzjoni ta’ din it-talba mill-Kummissjoni — Effetti — Kompetenza marbuta tal-uffiċjal tas-seduta — Impossibbiltà li tiġi żvelata l-informazzjoni kkwalifikata bħala kunfidenzjali

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 28(2); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/695, Artikolu 8)

3.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur jew li timponi multa — Obbligu ta’ pubblikazzjoni — Portata

(Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 339 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 28 u 30(1) u (2))

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Sigriet professjonali — Determinazzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali — Kriterji

(Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 339 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 28 u 30)

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Sigriet professjonali — Determinazzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali — Kriterji — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni protetta minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti — Limiti

(Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 339 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 27(2), 28 u 30; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikoli 6, 8, 15 u 16)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Sigriet professjonali — Determinazzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali — Informazzjoni storika — Esklużjoni — Limiti

(Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 339 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 30(2))

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Sigriet professjonali — Determinazzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali — Dritt għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni diġà kkomunikata lil kompetituri b’korrispettiv ta’ ftehim illegali — Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tal-persuni leżi mill-ksur billi jiffaċilitaw l-azzjonijiet ta’ kumpens għad-danni

(Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 339 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 30(2))

8.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur jew li timponi multa — Obbligu ta’ pubblikazzjoni — Portata — Dritt għall-pubblikazzjoni ta’ verżjoni iktar kompleta mill-minimu meħtieġ — Bidla fl-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-livell ta’ dettall tal-informazzjoni ppubblikata — Ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ aspettattivi leġittimi — Assenza

(Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 339 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 30(2))

1.      Skont l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Nru 2011/695, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, l-uffiċjal tas-seduta għandu d-dritt jikkonstata li informazzjoni tista’ tiġi żvelata jew minħabba li hija ma tikkostitwixxix sigriet tan-negozju jew informazzjoni oħra kunfidenzjali, jew minħabba li hija tqis li l-iżvelar tagħha jippreżenta interess maġġuri. Konsegwentement, konklużjoni li tgħid li l-informazzjoni kkontestata tista’ tiġi żvelata għandha tiġi mmotivata b’riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-uffiċjal tas-seduta jqis jew li din ma tikkostitwixxix sigriet tan-negozju jew informazzjoni oħra kunfidenzjali, jew li, anki li kieku dan kellu jkun il-każ, l-iżvelar tagħha jippreżenta interess maġġuri.

F’dan il-kuntest, il-fatt li raġuni jew numru ta’ raġunijiet wara r-rifjut li tiġi rrikonoxxuta n-natura kunfidenzjali jiġu invokati b’rabta ma sensiela ta’ informazzjoni li, fil-fehma tal-uffiċjal tas-seduta, tippreżenta karatteristiċi komuni, huwa mingħajr effett fuq in-natura kompleta tal-motivazzjoni, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tippermetti li tinftiehem il-bażi tal-konklużjonijiet tal-uffiċjal tas-seduta. Jekk il-motivi inkwistjoni ma jkunux validi fir-rigward ta’ informazzjoni jew numru ta’ informazzjonijiet, hija l-fondatezza tal-motivazzjoni li titqiegħed inkwistjoni u mhux in-natura suffiċjenti tagħha bħala forma proċedurali sostanzjali.

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-uffiċjal tas-seduta ma fformulax evalwazzjoni separata għal kull premessa tad-deċiżjoni kkonċernata mit-talba ma jfissirx li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, jekk il-persuna kkonċernata tqiegħdet f’pożizzjoni li tikkontesta utilment il-legalità tal-analiżi tal-uffiċjal tas-seduta u jekk il-qorti tal-Unjoni għandha l-elementi neċessarji sabiex tifformula l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

(ara l-punti 22, 23, 27)

2.      Mill-Artikolu 8(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 2011/695, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, jirriżulta li l-kompetenza tal-uffiċjal tas-seduta, meta titressaq talba quddiemu minn impriża li topponi l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hija limitata bit-talba mressqa quddiemu u li ma għandux is-setgħa li jqiegħed inkwistjoni mill-ġdid id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni meta dawn jirrigwardaw l-aċċettazzjoni ta’ talba ta’ trattament kunfidenzjali.

(ara l-punti 31, 34)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 42, 43)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 44, 45)

5.      Fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tal-Artikoli 27(2) u 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikoli 6, 8, 15 u 16 tar-Regolament Nru 773/2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 b’mod li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tippubblika kull informazzjoni minħabba li din l-istituzzjoni għandha d-dritt tirrifjuta, skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-aċċess għad-dokumenti li fihom tirriżulta din l-informazzjoni billi tinvoka preżunzjoni ġenerali jneħħi l-iskop tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003. Minn naħa, tali approċċ ikollu bħala effett li jċaħħad lill-Kummissjoni mill-possibbiltà li tippubblika anki l-essenzjali tad-deċiżjoni tagħha, sa fejn hija għandha bilfors tirriżulta mill-elementi tal-fajl tal-investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija jkollha wkoll il-konsegwenza prattika li taqleb l-oneru tal-prova li, fil-qasam ta’ trattament kunfidenzjali, taqa’ fuq l-impriża li qed titlob dan it-trattament, peress li din tal-aħħar ikollha sempliċement tinvoka l-preżunzjoni ġenerali li l-istituzzjonijiet jistgħu jinvokaw u tobbliga b’dan il-mod lill-Kummissjoni tipprova li l-informazzjoni kontenzjuża tista’ tiġi inkluża fil-verżjoni ppubblikata tad-deċiżjoni tagħha.

Konsegwentement, iċ-ċirkustanza li, quddiem talba ta’ aċċess għal numru ta’ dokumenti magħżula b’mod globali u li jinsabu fil-fajl ta’ investigazzjoni li tirrigwarda ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tinvoka preżunzjoni ġenerali bbażata fuq il-protezzjoni ta’ wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 bl-ebda mod ma tippreġudika l-possibbiltà wiesgħa tal-pubblikazzjoni li għaliha tista’ tipproċedi din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003.

(ara l-punti 46, 47, 89)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 58)

7.      Fil-mument li impriża, li kienet suġġetta għal investigazzjoni minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għażlet li tirrinunzja għan-natura sigrieta ta’ ċerta informazzjoni billi tikkomunikaha direttament lill-kompetituri tagħha b’korrispettiv ta’ ftehim illegali dwar l-aġir futur tagħhom, ftehim intiż li jneħħi l-inċertezza inerenti għal ambjent antikompetittiv dovut preċiżament għan-natura sigrieta ta’ dan it-tip ta’ informazzjoni, fuq kollox fir-rigward tal-kompetituri, din l-impriża ma tistax issostni li l-pubblikazzjoni tal-elementi inkwistjoni fid-deċiżjoni li tikkonstata dan il-ksur ikollha l-effett li twessa’ indebitament iċ-ċirku tal-persuni fil-pussess tagħhom, peress li hija stess qasmet din l-informazzjoni direttament mal-kompetituri prinċipali tagħha. F’dan il-kuntest, ir-riskju li l-informazzjoni inkwistjoni tispiċċa f’idejn il-kompetituri tar-rikorrenti sar mingħajr skop fid-dawl tal-aġir ta’ din tal-aħħar. Peress li l-pubbliku inġenerali fih innifsu barra minn hekk ma għandux l-għodda biex jikkawża dannu għall-interessi kummerċjali tar-rikorrenti, il-fatt li l-informazzjoni inkwistjoni tkun pubblikament disponibbli huwa ġuridikament irrilevanti. Konsegwentement, il-Kummissjoni tista’ tinkludi tali informazzjoni fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni tagħha anki jekk ma jiġix ipprovat li tali inklużjoni hija strettament neċessarja għall-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni leżi bil-ksur.

(ara l-punti 59, 60, 66, 71, 81-84, 88)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 77, 78)