Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta' Jannar 2013 minn BT mid-digriet mogħti fit-3 ta' Diċembru 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-45/12, BT vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-59/13 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: BT (Bukarest, ir-Rumanija) (rappreżentant: N. Visan, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-3 ta' Diċembru 2012 fil-Kawża F-45/12;

tiddeċiedi l-kawża mill-ġdid u taċċetta r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti/appellanti; u

tordna lill-konvenuta/appellata tbati l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka seba' aggravji.

L-ewwel aggravju, li jallega ksur ta' wieħed mill-prinċipji li jirregola l-proċedura amministrattiva, il-prinċipju tar-rwol attiv, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li r-rikors ma kellux motivi, mingħajr ma wettaq verifika ex officio dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza li ma kinitx limitata għar-raġunijiet invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

It-tieni aggravju bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(1) [tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem] u tal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ksur tal-prinċipju ta' "aċċess għal Qorti" u tal-prinċipju ta' imparzjalità tal-Qorti, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors tar-rikorrenti bħala manifestament inammissibbli mingħajr ma kkonċedielha l-possibbiltà li tikkoreġi u li tikkompleta r-rikors, li huwa dritt stabbilit u rikonoxxut fil-leġiżlazzjoni ta' kull pajjiż Ewropew iżda wkoll mill-Qrati Ewropej (pereżempju l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem).

It-tielet aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt "ta' aċċess għal Qorti", li huwa wkoll ikkaratterizzat mill-oppożizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għad-dritt ta' preżentazzjoni ta' replika b'risposta għan-nota tal-konvenuta, filwaqt li r-rikorrenti talbet espressament it-tieni skambju ta' osservazzjonijiet. Ir-rifjut ta' dan id-dritt (li tiġi ppreżentata replika) ċaħħad lir-rikorrenti mill-opportunità li tirrettifika l-irregolarità invokata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u dan, f'mument meta r-rikorrenti ma setgħetx iktar tippreżenta rikors li kien josserva l-kundizzjonijiet legali, peress li t-terminu għall-preżentata ta' rikors kien skada (Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku).

Ir-raba' aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju tad-dritt ta' difiża tal-kawża quddiem qorti u fuq il-ksur tal-prinċipju tan-natura pubblika tal-proċedura peress li ma kienx hemm seduta pubblika; dan il-prinċipju huwa stabbilit mir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-Ħames aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ekwità tal-proċedura peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma semgħax lir-rikorrenti fir-rigward tal-kawża tal-inammissibbiltà tar-rikors tagħha (Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem).

Is-sitt aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 21(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-ewwel paragrafu (ċ) tal-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal, għaliex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-realtà applika "regola ta' kristallizzazzjoni tal-proċedura" meta kkunsidra li r-rikors ma kien fih ebda motiv.

Is-seba' aggravju, li jgħid li l-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta dan ma ddeċidiex fuq il-mertu, f'mument meta r-rikorrenti saret finanzjarjament dipendenti minħabba li ntemm il-kuntratt ta' xogħol mal-Kummissjoni, tikser l-Artikolu 89(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jipprovdi li "fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skont id-diskrezzjoni tiegħu".

____________