Language of document : ECLI:EU:T:2014:878

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

7 ta’ Ottubru 2014

Kawża T‑59/13 P

BT

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt – Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubblikuˮ

Suġġett : Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Diċembru 2012, BT vs Il‑Kummissjoni (F‑45/12, ĠabraSP, EU:F:2012:168), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni :      L-appell huwa miċħud. BT għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanża.

Sommarju

1.      Rikors tal-uffiċjali – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Limiti – Projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita

2.      Proċedura ġudizzjarja – Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat – Possibbiltà li tittieħed deċiżjoni mingħajr proċedura orali – Ksur tad-drittijiet tad-difiża – Assenza – Kontestazzjoni – Kundizzjonijiet – Obbligu li tiġi kkontestata l-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

1.      Peress li l-qorti tal-Unjoni li tkun ġiet adita b’rikors għal annullament ma tistax tiddeċiedi ultra petita, hija la tista’ tiddefinixxi mill-ġdid is-suġġett prinċipali tar-rikors, u lanqas ma tista’ tqajjem motiv ex officio ħlief f’każijiet partikolari fejn l-interess pubbliku jeħtieġ li hija tintervjeni.

(ara l-punt 22)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Il-Belġju u Il‑Kummissjoni vs Genette, T‑90/07 P u T‑99/07 P, Ġabra EU:T:2008:605, punti 72 sa 75 u tal-5 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Roodhuijzen, T‑58/08 P, Ġabra EU:T:2009:385, punt 34

2.      L-applikazzjoni fiha nnfisha tal-proċedura prevista fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tippermetti li tittieħed deċiżjoni permezz ta’ digriet mingħajr ma tinżamm seduta, ma tippreġudikax id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja regolari u effettiva, peress li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-kawżi li fihom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jkollux, manifestament, il-kompetenza li jieħu konjizzjoni tar-rikors jew ta’ wħud mit-talbiet tiegħu, jew meta r-rikors ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt.

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku la għandu l-obbligu li javża lill-awtur ta’ rikors li r-rikors tiegħu huwa vvizzjat minn inammissibbiltà manifesta u lanqas li jawtoriżża skambju ieħor ta’ noti. Barra minn hekk, mill-kliem innifsu ta’ dan l-artikolu jirriżulta li ż-żamma ta’ seduta bl-ebda mod ma tikkostitwixxi dritt inderogabbli tar-rikorrenti.

Jekk appellant jikkunsidra li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma applikax korrettament dan l-artikolu, huwa għandu jikkontesta l-evalwazzjoni tal-qorti tal-ewwel istanza tal-kundizzjonijiet li għalihom l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta.

(ara l-punti 28, 29, 32 sa 36 u 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: diġrieti tat-8 ta’ Lulju 1999, Goldstein vs Il‑Kummissjoni, C‑199/98 P, Ġabra EU:C:1999:379, punt 18; tat-3 ta’ Ġunju 2005, Killinger vs Il-Ġermanja et, C‑396/03 P, Ġabra EU:C:2005:355, punt 9; u sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament, C‑308/07 P, Ġabra EU:C:2009:103, punt 36

Il-Qorti Ġenerali: sentenza tat-8 ta’ Settembru 2008, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑222/07 P, ĠabraSP EU:T:2008:314, punt 33; u digriet tas-16 ta’ Diċembru 2010, Meister vs UASI, T‑48/10 P, ĠabraSP EU:T:2010:542, punti 28 u 29