Language of document : ECLI:EU:C:2014:213

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

3 ta’ April 2014 (*)

“Appell — Settur finanzjarju — Taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru — Għajnuna mill-Istat favur grupp bankarju — Forma — Kontribuzzjoni ta’ kapital fil-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni — Deċiżjoni — Kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni — Kundizzjonijiet — Tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors tal-għajnuna — Kriterju tal-investitur privat”

Fil-Kawża C‑224/12 P,

li għandha bħala suġġett appell abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-11 ta’ Mejju 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, S. Noë u H. van Vliet, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. de Ree u C. Wissels kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti, assistiti minn P. Glazener, avukat,

ING Groep NV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn O. W. Brouwer u J. Blockx, avukati, kif ukoll minn M. O’Regan, solicitor,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

De Nederlandsche Bank NV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn S. Verschuur, u H. Gornall, avukati, kif ukoll minn M. Petite, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Settembru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep vs Il-Kummissjoni (T‑29/10 u T‑33/10, iktar ʼil quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din laqgħet it-talbiet għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/608/KE, tat-18 ta’ Novembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat C 10/09 (ex N 138/09) implimentata mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-faċilità ta’ sostenn ta’ assi mhux likwidi u l-pjan ta’ ristrutturar tal-ING (ĠU 2010, L 274, p. 139; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        ING Groep NV (iktar ’il quddiem, “ING”), hija istituzzjoni finanzjarja li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Amsterdam (Il-Pajjiżi l-Baxxi) u li toffri servizzi bankarji, ta’ investiment, ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u ta’ pensjoni tal-irtirar, lil individwi, lil kumpanniji u lil klijenti istituzzjonali f’iktar minn 40 pajjiż. ING hija proprjetarja ta’ 100 % tal-azzjonijiet ta’ ING Bank NV u ING Verzekeringen NV, żewġ kumpanniji sussidjarji li jeżerċitaw min-naħa tagħhom kontroll fuq is-sussidjarji ta’ ING, rispettivament, fil-qasam bankarju u dak tal-assigurazzjoni.

3        Minħabba l-kriżi finanzjarja dinjija li bdiet matul is-sena 2007 u li aggravat b’mod qawwi matul is-sena suċċessiva, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi adotta diversi miżuri ta’ għajnuna favur ING, li tnejn minnhom b’mod partikolari huma rilevanti fil-kuntest ta’ dan l-appell.

4        L-ewwel miżura ta’ għajnuna kienet tikkonsisti f’żieda fil-kapital, bil-ħruġ ta’ biljun titolu ING, li ma jagħtu la dritt għal vot u lanqas dritt għal dividendi, interament sottoskritti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bi prezz tal-ħruġ ta’ EUR 10 għal kull titolu. Din it-tranżazzjoni ppermettiet lil ING żżid il-kapital bażiku tagħha msejjaħ “Core Tier 1” (kategorija 1) b’EUR 10 biljun. Abbażi tal-kundizzjonijiet tar-rimbors inklużi fil-ftehim ta’ sottoskrizzjoni tal-kapital konkluż f’dan ir-rigward bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING, it-titoli kellhom, fuq inizjattiva ta’ ING, jew jinxtraw mill-ġdid bil-prezz ta’ EUR 15 għal kull titolu (li jirrappreżenta primjum ta’ rimbors ta’ 50 % fuq il-prezz tal-ħruġ), jew, wara tliet snin, jiġu kkonvertiti f’azzjonijiet ordinarji. Jekk ING tieħu l-għażla tal-konverżjoni, l-awtoritajiet Olandiżi madankollu jkollhom il-fakultà li jiksbu minn ING ix-xiri mill-ġdid tat-titoli bil-prezz unitarju ta’ EUR 10, flimkien mal-interessi li jkunu akkumulaw. Ċedola fuq it-titoli jkollha titħallas lill-Pajjiżi l-Baxxi biss f’każ li ING tħallas dividend fuq l-azzjonijiet ordinarji.

5        It-tieni miżura ta’ għajnuna kienet tikkonsisti fi skambju ta’ flussi ta’ kontanti fir-rigward tal-attivi ddepprezzati li jikkonċernaw portafoll ta’ titoli msejsa fuq ipoteki residenzjali mogħtija lill-Istati Uniti li l-valur tagħhom kien waqa’ b’mod kunsiderevoli.

6        Fit-22 ta’ Ottubru 2008, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi nnotifika l-ewwel miżura ta’ għajnuna lill-Kummissjoni u ż-żieda tal-kapital ta’ ING saret fil-11 ta’ Novembru 2008.

7        Fit-12 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2008) 6936, fil-Każ N 528/08, li tirrigwarda għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil ING (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni inizjali”). F’din id-deċiżjoni, hija kkunsidrat li x-xiri minn dan l-Istat Membru tat-titoli ING kien jinvolvi element ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Madankollu, il-Kummissjoni rrilevat li din il-miżura kienet konformi mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3)(b) KE sa fejn din kienet intiża sabiex tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru minħabba l-kriżi finanzjarja dinjija. Konsegwentement, hija approvat l-imsemmija miżura għal perijodu ta’ sitt xhur. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li, jekk l-awtoritajiet Olandiżi jressqu pjan kredibbli f’dan ir-rigward matul dan il-perijodu ta’ sitt xhur (iktar ’il quddiem, il-“pjan ta’ ristrutturazzjoni”), il-validità tad-deċiżjoni inizjali tiġi estiża awtomatikament sakemm hija tadotta deċiżjoni fuq dan il-pjan.

8        Fl-4 ta’ Marzu 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi nnotifika it-tieni miżura ta’ għajnuna lill-Kummissjoni.

9        Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ĠU C 158, p. 13), minħabba dubji dwar il-konformità ta’ ċerti aspetti tal-miżura relatata ma’ assi ddepprezzati mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Trattament ta’ Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità (ĠU 2009, C 72, p. 1). Madankollu, permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija awtorizzat l-imsemmija miżura għal perijodu ta’ sitt xhur. Fiha kien hemm indikat li l-awtoritajiet Olandiżi kienu obbligati li jinkludu l-miżura ta’ salvataġġ tal-attivi ddepprezzati fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni li huma kellhom jippreżentaw skont id-deċiżjoni inizjali.

10      Fit-12 ta’ Mejju 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkomunika lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturazzjoni li jikkonċerna lil ING. Wara diversi xhur ta’ diskussjoni, dan l-Istat Membru ppreżenta lill-Kummissjoni, fit-22 ta’ Ottubru 2009, pjan rivedut ta’ ristrutturazzjoni, li kien jinkludi, b’mod partikolari, tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-11 ta’ Novembru 2008 (iktar ʼil quddiem il-“kontribuzzjoni ta’ kapital”).

11      Fit-18 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

12      Fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li tifforma parti mill-punt 2 ta’ din tal-aħħar, intitolata “Deskrizzjoni tal-fatti”, il-Kummissjoni ppreżentat is-segwenti tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors:

“Fil-qafas tal-pjan ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni] il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew emenda għall-ftehim tal-ħlas lura [tar-rimbors] tat-titoli tat-Tier 1 minn ING. Skont it-termini emendati ING tista’ tixtri lura sa 50 % tat-titoli Core-Tier 1 bil-prezz tal-ħruġ [ta’] ([EUR] 10), kif ukoll l-imgħax [interessi] akkumulat[i] fir-rigward taċ-ċedola annwali ta’ 8.5 % (madwar [EUR] 253 miljun), kif ukoll penali ta’ ħlas lura bikri [rimbors antiċipat] meta il-prezz tal-ishma [azzjonijiet] tal-ING huwa ta’ iktar minn [EUR] 10. Il-penali għall-ħlas lura bikri [rimbors antiċipat] tiżdid mal-prezz tal-ishma [azzjonijiet] tal-ING. Għall-iskop tal-kalkolu tal-primjum tal-ħlas lura bikri [ħlas addizzjonali għar-rimbors antiċipat] iż-żieda fil-prezz tal-ishma [azzjonijiet] għandha limitu ta’ [EUR] 12.45. F’dak il-livell il-penali hija ekwivalenti għal 13 % fuq bażi annwali. Il-penali tal-ħlas lura bikri [tar-rimbors antiċipat] tista’ tammonta għal massimu ta’ [EUR] 705 miljun b’suppożizzjoni li l-[EUR] 5 biljun ikunu mħallsa lura [jiġu rrimborsati] wara 400 jum mid-data tal-ħruġ. Barra minn hekk il-primjum tal-penali [ħlas addizzjonali] għandu livell minimu ta’ [EUR] 340 miljun, filwaqt li jiżgura rata interna minima ta’ rendiment għall-Pajjiżi l-Baxxi ta’ 15 %. Fi kliem ieħor, b’kunsiderazzjoni li ING normalment ikollha tħallas [EUR] 2.5 biljun primjum ta’ ħlas lura din l-emenda tirriżulta f’vantaġġ addizzjonali għal ING ta’ bejn [EUR] 1.79 u 2.2 biljun skont il-prezz tas-suq tal-ishma [azzjonijiet] tal-ING. [...]”

13      Wara li kkonstatat, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan it-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital iwassal għal “għajnuna addizzjonali ta’ madwar [EUR] 2 biljun”, il-Kummissjoni madankollu qieset, fil-premessa 157 ta’ din id-deċiżjoni, li l-imsemmija miżura ta’ għajnuna addizzjonali kellha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(b) KE.

14      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata kienet tipprovdi fl-Artikolu 2 tagħha li:

“L-għajnuna ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni] pprovduta mill-Pajjiżi l-Baxxi lill-ING tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

L-għajnuna hija kumpatibbli mas-suq komuni, soġġetta għall-impenji stabbiliti fl-Anness II.

Il-limitazzjoni temporanja fuq it-tkabbir tal-karta tal-bilanċ stabbilita fid-deċiżjoni [inizjali], tneħħiet.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

15      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Jannar 2010, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING ippreżentaw ir-rikorsi tagħhom, rispettivament, fil-Kawżi T-29/10 u T-33/10.

16      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2010, il-Kawżi T-29/10 u T-33/10 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

17      Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Lulju 2010, il-Qorti Ġenerali ppermettiet l-intervent ta’ De Nederlandsche Bank NV (iktar ʼil quddiem “DNB”) insostenn tat-talbiet imressqa minn ING.

18      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tliet motivi invokati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-ewwel motiv invokat minn ING. Konsegwentement, hija annullat l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-Anness II ta’ din tal-aħħar.

19      Waqt li eżaminat dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari li ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tevita l-obbligu tagħha li teżamina r-razzjonalità ekonomika tat-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors fid-dawl tal-prinċipju tal-investitur privat minħabba s-sempliċi raġuni li l-kontribuzzjoni ta’ kapital li kienet is-suġġett tar-rimbors kienet fiha nfisha diġà tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

 L-iżviluppi suċċessivi għall-għoti tas-sentenza

20      B’konjizzjoni tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni adottat, fil-11 ta’ Mejju 2012, id-Deċiżjoni C(2012) 3150 finali — Għajnuna mill-Istat SA.28855 (N 373/2009) (ex-C/10/2009 u N528/2009) — Il-Pajjiżi l-Baxxi vs ING — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni l-ġdida”). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid it-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat u kkonkludiet li investitur privat fl-ekonomija tas-suq ma kienx jaċċetta dawn il-kundizzjonijiet il-ġodda. Għaldaqstant il-Kummissjoni ddeċidiet li l-imsemmi tibdil kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, iżda li, fil-dawl tal-impenji meħuda mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq komuni.

21      Permezz ta’ żewġ rikorsi ppreżentati fit-23 ta’ Lulju 2012 quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawżi T-325/12 u T-332/12), ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING talbu l-annullament tad-deċiżjoni l-ġdida, peress li, b’mod partikolari, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-kriterju tal-investitur privat. Madankollu dawn iż-żewġ partijiet abbandunaw ir-rikorsi tagħhom u, permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep vs Il-Kummissjoni (T-325/12 u T-332/12), dawn il-kawżi tħassru mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

22      Konsegwentement, id-deċiżjoni l-ġdida saret definittiva.

 It-talbiet tal-partijiet

23      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lil ING għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u li tibgħat lura l-kawżi magħquda quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tagħti deċiżjoni fuq it-tieni u t-tielet motivi invokati minn ING fil-Kawża T-33/10 kif ukoll li tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi, u,

–        iktar sussidjarjament, tannulla t-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lil ING għall-ispejjeż tal-appell.

24      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad l-aggravji kollha tal-Kummissjoni kif ukoll tikkundanna lil din tal-aħħar għall-ispejjeż, u

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ wieħed jew iktar mill-aggravji invokati mill-Kummissjoni u tannulla s-sentenza appellata, li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

25      ING titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell inammissibbli u/jew bla effett fuq il-punti indikati;

–        sussidjarjament, ġaladarba l-appell jiġi ddikjarat ammissibbli u jkollu effett, li tiċħdu fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, kemm tal-proċedura tal-appell kif ukoll tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        iktar sussidjarjament, ġaladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha jew parzjalment, li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u li tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

26      DNB titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-ewwel u t-tieni aggravji tal-Kummissjoni.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball tal-Qorti Ġenerali sa fejn din iddeċidiet li l-kriterju tal-investitur privat kien applikabbli għat-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors ta’ għajnuna mill-Istat

 L-argumenti tal-partijiet

27      Il-Kummissjoni ssostni li ma huwiex xieraq li jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat għall-aġir tal-awtoritajiet pubbliċi ħlief meta dawn tal-aħħar ikun f’pożizzjoni komparabbli ma’ dik li jistgħu jsibu ruħhom fiha l-operaturi privati. Issa, investitur privat ma jista’ qatt isib ruħu f’sitwazzjoni li fiha huwa jkun pprovda għajnuna mill-Istat lil ING.

28      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ING u DNB iqisu li l-ewwel aggravju huwa infondat. B’mod partikolari, huma jsostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod żbaljat, mill-fatt li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet miżura ta’ għajnuna mogħtija minn dan l-Istat Membru fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika li kwalunkwe att ieħor li joriġina mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi marbut ma’ din il-kontribuzzjoni ma setax iktar jiġi evalwat skont il-kriterju tal-investitur privat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-diskussjoni quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinitx tikkonċerna l-applikazzjoni konkreta tal-kriterju tal-investitur privat għat-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, iżda l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju.

30      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li fil-punt 92 tas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C-124/10 P), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’kunsiderazzjoni tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 87(1) KE kif ukoll mill-kriterju tal-investitur privat, vantaġġ ekonomiku, anki jekk mogħti permezz ta’ mezzi ta’ natura fiskali, għandu jiġi evalwat, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat jekk wara l-evalwazzjoni globali, jidher li minkejja l-użu ta’ tali mezzi li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika l-Istat Membru kkonċernat ta l-imsemmi vantaġġ fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist tal-impriża li hija l-proprjetà tiegħu.

31      Isegwi li l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat għal intervent pubbliku ma tiddependix fuq il-forma li fiha jingħata l-vantaġġ, iżda fuq il-klassifikazzjoni tal-imsemmi intervent bħala deċiżjoni adottata minn azzjonist tal-impriża inkwistjoni.

32      Barra minn hekk, dan il-kriterju huwa wieħed mill-elementi li l-Kummissjoni hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna u għaldaqstant ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq it-talba ta’ Stat Membru, meta jkun ġie kkonstatat li ġew issodisfatti l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, inkluż fl-Artikolu 87(1) KE (ara, s-sentenza Il-Kummissjoni vs EDF, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 103).

33      Konsegwentement, meta jkun jidher li l-kriterju tal-investitur privat jista’ jkun applikabbli, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdilha l-informazzjoni rilevanti kollha li tkun tippermettilha tivverifika jekk humiex issodisfatti il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà u ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kriterju (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs EDF, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 104).

34      L-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi ppreġudikata mis-sempliċi fatt li, f’dan il-każ, hija kkontestata l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat għal tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ xiri mill-ġdid ta’ titoli akkwistati permezz ta’ għajnuna mill-Istat.

35      Fil-fatt, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, kull detentur ta’ titoli, fi kwalunkwe ammont u ta’ kwalunkwe natura, jista’ jkun jixtieq jew jaqbel illi jerġa’ jinnegozja l-kundizzjonijiet tal-fidi tagħhom. Għalhekk huwa importanti li f’dan ir-rigward jiġi pparagunat l-aġir tal-Istat ma’ dak ta’ investitur privat ipotetiku f’pożizzjoni simili.

36      Dak li huwa determinanti fil-kuntest ta’ dan il-paragun hija l-kwistjoni dwar jekk it-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital kienx konformi ma’ kriterju ta’ razzjonalità ekonomika, b’tali mod li investitur privat seta’ wkoll ikun f’pożizzjoni li jaċċetta tali tibdil, b’mod partikolari billi jżid il-prospetti li jikseb ir-rimbors ta’ dik il-kontribuzzjoni.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kienet ħielsa minn kull żball ta’ liġi d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tiddevja mill-obbligu tagħha li teżamina r-razzjonalità ekonomika tat-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat sempliċiment minħabba l-fatt li l-kontribuzzjoni ta’ kapital li kienet is-suġġett ta’ rimbors kienet diġà fiha nnifisha tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant hija ddeċidiet, ġustament, li huwa biss wara li twettaq tali eżami li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludi dwar jekk ingħatax vantaġġ addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

38      Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tat-telf ta’ dħul għall-Istat Membru riżultanti mill-kundizzjonijiet ta’ rimbors mibdula

 L-argumenti tal-partijiet

39      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi inkwantu hija kkonstatat li, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li, minħabba t-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ssubixxa telf ta’ dħul, hija ma ddeterminatx b’mod korrett l-ammont ta’ dan l-allegat telf ta’ dħul inkwantu hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għoti ta’ ċedola rappreżentanti l-interessi akkumulati li kien sar obbligatorju u inkondizzjonali fil-kuntest tal-kundizzjonijiet mibdula.

40      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING jikkunsidraw li din hija kwistjoni li tirrikjedi evalwazzjoni tal-fatti li ma tistax tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ appell.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, l-analiżi de facto mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 126 sa 142 tas-sentenza appellata, dwar it-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital.

42      Fil-punt 135 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, wara t-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, l-għoti ta’ ċedola rappreżentanti l-interessi akkumulati fil-mument tar-rimbors antiċipat ma kienx jiddependi iktar, kif kien il-każ skont il-kundizzjonijiet inizjali, mill-ħlas ta’ dividendi lid-detenturi tal-azzjonijiet ordinarji.

43      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-kundizzjonijiet tar-rimbors inizjali, ING kienet diġà obbligata tħallas lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi l-interessi akkumulati fil-mument meta hija tirrimborsa l-kontribuzzjoni ta’ kapital.

44      Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tagħha, id-diskussjoni fuq il-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet tar-rimbors mibdula ġewx deskritti b’mod korrett fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni rivedut, u l-punt sa fejn dawn setgħu kienu differenti mill-kundizzjonijiet inizjali, jaqgħu barra l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

45      Fil-fatt, skont l-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal punti ta’ dritt. Għalhekk, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti, u kif ukoll li tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u dawn il-provi ma tikkostitwixxix, sakemm ma jkunux ġew żnaturati, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

46      Peress li l-Kummissjoni ma sostniet l-ebda żnaturament, isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball tal-Qorti Ġenerali sa fejn din ma setgħetx tannulla, fl-intier tiegħu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

47      Il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk hija kienet żbaljata meta qieset il-kundizzjonijiet ta’ rimbors mibdula bħala għajnuna mill-Istat jew meta kkwantifikat l-ammont tal-għajnuna kif hija għamlet, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tannulla fl-intier tiegħu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

48      Fil-fatt, peress li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kinitx tiddistingwi bejn l-elementi differenti ta’ din l-għajnuna u li, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat relatata mal-kontribuzzjoni ta’ kapital u mal-miżura tal-attivi ddeprezzati ddikjarata fl-imsemmija deċiżjoni ma ġietx ikkontestata mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tqis li din tal-aħħar kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi annullat fl-intier tiegħu l-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 2.

49      Il-Kummissjoni tallega wkoll li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tannulla l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din id-dispożizzjoni kienet tinkludi biss atti konfermatorji.

50      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li tannulla fl-intier tiegħu l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata peress li dik id-dispożizzjoni kienet tirreferi biss f’termini ġenerali għall-“għajnuna ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni]” li kienet tifforma parti minnha l-allegata għajnuna riżultanti mit-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-evalwazzjoni ta’ dak it-tibdil ma setgħetx tiġi separata mill-partijiet l-oħra tal-att.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51      Bil-għan li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza ta’ dan l-aggravju, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali evalwatx b’mod korrett il-konsegwenzi eventwali fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar, tal-iżball li fl-opinjoni tagħha kienet ivvizzjata bih din id-deċiżjoni, sa fejn din tal-aħħar ikkonstatat li t-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital kien jinkludi għajnuna addizzjonali.

52      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, l-“għajnuna ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni] pprovduta mill-Pajjiżi l-Baxxi lill-ING tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat [...]”.

53      Abbażi tat-tweġibiet ipprovduti mill-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar stabbiliet li l-għajnuna ta’ EUR 17-il biljun imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata kienet maqsuma kif ġej: fl-ewwel lok, l-ammont tal-għajnuna marbuta mal-kontribuzzjoni ta’ kapital, jiġifieri EUR 10 biljun, fit-tieni lok, l-ammont tal-għajnuna marbuta mat-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors, jiġifieri EUR 2 biljun u, fit-tielet lok, l-ammont tal-għajnuna marbuta mal-miżura relatata mal-attivi ddeprezzati, jiġifieri EUR 5 biljun.

54      Għaldaqstant, kien b’mod ġust li, fil-punt 152 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-għajnuna addizzjonali, jiġifieri dik li tikkorrispondi għat-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors, kienet element li jikkostitwixxi l-“għajnuna ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni]” imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li ma jagħmilx distinzjoni bejn l-elementi differenti ta’ din l-għajnuna.

55      Abbażi ta’ dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-iżbalji li jivvizzjaw il-klassifikazzjoni bħala għajnuna addizzjonali mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni kellu jiġi annullat fl-intier tiegħu, peress li dan tal-aħħar kien ibbażat fuq il-konstatazzjoni li t-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors kien jinkludi għajnuna addizzjonali li tammonta għal EUR 2 biljun.

56      Il-Kummissjoni essenzjalment tikkritika lil Qorti Ġenerali dwar il-fatt li ma llimitatx ruħha għall-annullament parzjali tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fl-opinjoni tagħha, tali annullament kien possibbli peress li l-evalwazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna marbuta mat-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors kienet separabbli mill-evalwazzjoni tal-elementi l-oħra li jikkostitwixxu l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

57      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss jekk l-elementi li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-bqija tal-att. Dan ir-rekwiżit ta’ separabbiltà ma jkunx issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jibdel is-sustanza ta’ dan tal-aħħar (sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑244/03, Ġabra p. I‑4021, punti 12 u 13, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C-441/11 P, punt 38).

58      Issa, f’dan il-każ, l-annullament parzjali tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu l-effett li jbiddel is-sustanza ta’ dan tal-aħħar, u dan b’kont meħud tal-impossibbiltà li jiġi stabbilit l-ammont eżatt tal-għajnuna addizzjonali.

59      Fil-fatt, fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ammont tat-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital ikun jirrappreżenta, għal ING, vantaġġ addizzjonali ta’ bejn EUR 1.7 biljun u 2.2 biljun, skont il-prezz tas-suq tal-azzjonijiet ta’ ING.

60      Min-naħa tagħha, għall-kuntrarju, fil-punt 140 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, anki jekk jiġi preżunt li l-klassifikazzjoni tal-għajnuna addizzjonali magħmula mill-Kummissjoni hija korretta, it-telf ta’ dħul tal-Istat Olandiż minħabba t-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors ma jistax jekwivali għal ammont ta’ madwar EUR 2 biljun, iżda għal somma neċessarjament inferjuri bi proporzjon mal-ammont ta’ interessi akkumulati fil-mument tar-rimbors.

61      Issa, huwa abbażi tal-ammont globali ta’ EUR 17-il biljun li l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ ING kienet tirrappreżenta 5 % tar-RWA [assi stmati skont ir-riskju (risk weighted assets)] ta’ ING. Barra minn hekk, huwa bl-użu ta’ dan il-limitu ta’ 5 % tar-RWA, bħala indikatur tad-dimensjoni tal-għajnuna, li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata, li ING irċeviet “ammont ta’ għajnuna kunsiderevoli”.

62      Fil-punti 154 u 156 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-għajnuna addizzjonali kienet tifforma parti integrali mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni u, b’mod partikolari, dwar id-determinazzjoni tal-livell ta’ impenji rikjest sabiex ikun permess li l-għajnuna tiġi ddikjarata kompatibbli.

63      Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-portata tal-miżuri kumpensatorji fid-dawl tal-effetti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni komposta mill-għajnuna marbuta mal-kontribuzzjoni ta’ kapital, mill-għajnuna marbuta mat-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors u mill-għajnuna marbuta mal-miżura relatata mal-assi ddeprezzati, jiġifieri fid-dawl ta’ għajnuna li tammonta għal EUR 17-il biljun.

64      Għaldaqstant kien b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien impossibbli li tissepara l-għajnuna addizzjonali mid-dispożittiv u mir-raġunijiet li huwa msejjes fuqhom.

65      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tallega li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi annullat inkwantu din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi biss att konfermatorju tad-deċiżjoni inizjali.

66      Issa, f’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni inizjali jirriżulta li l-Kummissjoni approvat “ix-xiri mill-Istat Olandiż tal-assi ING”, bħala “miżura ta’ urġenza fid-dawl tal-kriżi finanzjarja, għal perijodu ta’ 6 xhur”. Fl-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-miżura għandha tiġi eżaminata mill-ġdid.

67      Għaldaqstant, fir-rigward ta’ miżura temporanja li kienet iġġustifikata minn ċirkustanzi eċċezzjonali u li l-validità tagħha kienet ikkondizzjonata mill-preżentazzjoni mill-awtoritajiet Olandiżi ta’ pjan ta’ vijabbiltà ta’ ING fuq il-bażi ta’ żmien twil. Jekk tali pjan jiġi ppreżentat, dik il-miżura tiġi estiża awtomatikament sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni fuq dan il-pjan.

68      Barra minn hekk, id-deċiżjoni inizjali kellha bħala suġġett ewlieni tagħha, il-miżura ta’ għajnuna marbuta mal-għoti ta’ EUR 10 biljun ta’ kapital, mingħajr ebda riferiment għall-miżuri l-oħra li jikkonċernaw l-għajnuna addizzjonali u l-assi ddepprezzati.

69      Għalkemm huwa veru li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, att purament konfermatorju ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Greencore, C‑123/03 P, Ġabra p. I-11647, punt 39), xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li att ikun purament konfermatorju ta’ att eżistenti meta ma jkun jinkludi l-ebda element ġdid meta mqabbel ma’ dan tal-aħħar (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il-Kummissjoni, 23/80, Ġabra p. 3709, punt 18, u tal-14 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Fernández Gómez, C-417/05 P, Ġabra p. I-8481, punt 46).

70      Issa, billi approvat għajnuna globali għar-ristrutturazzjoni ta’ ING, li tinkludi tliet miżuri ta’ għajnuna u li l-ammont tagħhom huwa ta’ EUR 17-il biljun, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex limitata sabiex tikkonferma dak li ġie approvat fid-deċiżjoni inizjali.

71      Fil-fatt, eżami preliminari ta’ miżura waħda ta’ għajnuna mwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni eċċezzjonali ta’ kriżi finanzjarja dinjija li imponiet l-adozzjoni ta’ miżuri urġenti ma jistax ikun suġġett għall-istess kriterji bħal dawk li għandhom jirregolaw deċiżjoni definittiva dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ tliet miżuri ta’ għajnuna li jammontaw għal somma sinjifikattivament superjuri.

72      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tippreżenta diversi elementi ġodda meta mqabbla mad-deċiżjoni inizjali li jostakolaw il-klassifikazzjoni tagħha bħala “att konfermatorju”.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddikjarat l-illegalità tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata peress li l-Kummissjoni kklassifikat, b’mod żbaljat, bħala “għajnuna mill-Istat” il-kundizzjonijiet ta’ rimbors mibdula

 L-argumenti tal-partijiet

74      Il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali inferiet mill-konstatazzjoni ta’ żball li jinċidi fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-għajnuna addizzjonali l-eżistenza ta’ effett fuq l-impenji rikjesti bil-għan li jkun permess li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li, ġaladarba l-għajnuna marbuta mal-modalitajiet tar-rimbors mibdula ġiet sopravalutata, l-impenji proposti mill-awtoritajiet Olandiżi setgħu eċċedew il-minimu rikjest sabiex l-għajnuna favur ING tkun kompatibbli mas-suq komuni.

75      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li hija ma għandhiex is-setgħa li tirrifjuta impenji meħuda minn Stat Membru inkonnessjoni ma’ miżura nnotifikata, peress li dawn imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex għajnuna mill-Istat issir kompatibbli mas-suq komuni. Skont il-Kummissjoni, peress li l-impenji proposti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huma suffiċjenti sabiex jirrendu kompatibbli, fl-intier tagħhom, il-kontribuzzjoni ta’ kapital, il-miżura relatata mal-assi deprezzati u t-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors, huma suffiċjenti, konsegwentement, sabiex jirrendu kompatibbli tnejn minn dawk il-miżuri.

76      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING, sostnuti f’dan ir-rigward minn DNB, ifakkru li, huma pproponew l-impenji inkwistjoni peress li l-Kummissjoni ddikjarat li hija ma kinitx ser tagħti deċiżjoni favorevoli jekk ma kinux ser jiġu adottati dawn il-miżuri kumpensatorji minimi. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tippretendi li hija ma hijiex responsabbli għall-imsemmija impenji.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

77      Qabel xejn, hemm lok li jiġi kkunsidrat, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tagħha, li mill-preżentazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 9 sa 37 tas-sentenza appellata, tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet diversi drabi l-miżuri li hija kienet tikkunsidra bħala neċessarji, filwaqt li spjegat li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ma kienx ser jiġi approvat mingħajr dawk il-miżuri.

78      Fil-fatt, fil-punt 14 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, waqt laqgħa li saret fl-24 ta’ April 2009 bejn il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ING u DNB, il-Kummissjoni indikat li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni “ma humiex ser jiġu approvati” jekk ING ma hijiex disposta “taċċetta miżuri importanti fil-qasam tar-ristruturazzjoni bil-għan li tiġi rrestawrata l-vijabbiltà tagħha u li jitnaqqsu id-distorzjonijiet tal-kompetizzjoni li nħolqu”.

79      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li, fit-12 ta’ Ottubru 2009, ING ippreżentat quddiem il-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturazzjoni ieħor li “kien jirreferi diversi drabi għall-proposti esposti mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 2009. B’mod partikolari dan il-pjan kien jipprevedi diversi trasferimenti li jwasslu għal tnaqqis tal-karta tal-bilanċ ta’ ING b’45 %, jiġifieri kważi tliet darbiet iktar minn dak li ġie propost fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni ppreżentat fit-12 ta’ Mejju 2009, projbizzjoni fir-rigward ta’ kull akkwist u obbligi komportamentali, kif rikjesti mill-Kummissjoni”.

80      Minn din l-evalwazzjoni fattwali jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni, l-impenji enumerati fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata ma kinux sempliċiment ir-riżultat ta’ proposti unilaterali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ ING, li l-Kummissjoni kienet estranja għalihom. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, għall-kuntrarju, l-imsemmija impenji, fil-maġġoranza tagħhom, kienu joriġinaw mir-rikjesti imposti mill-Kummissjoni fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u fuq ING matul il-proċedura amministrattiva.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-teżi sostnuta mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, li ssostni li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkondizzjona l-impenji offruti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u minn ING, ma jaqblux mal-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali.

82      Għalhekk, l-analiżi ta’ dan l-aggravju fuq il-mertu timplika evalwazzjoni ġdida tal-fatti inkwistjoni. Issa, peress li l-Kummissjoni ma invokatx l-iżnaturament tagħhom mill-Qorti Ġenerali, u minħabba r-raġunijiet imfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, tali evalwazzjoni ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

83      Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ne ultra petita

 L-argumenti tal-partijiet

84      Il-Kummissjoni ssostni li, fir-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u minn ING, fil-kuntest rispettivament tal-Kawżi T-29/10 u T-33/10, ma kienx hemm it-talba għall-annullament tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-Anness ta’ din tal-aħħar. Billi annullat dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali illegalment estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikors ippreżentat quddiemha u, konsegwentement, iddeċidiet ultra petita.

85      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING jikkontestaw din il-konklużjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

86      Qabel xejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel motiv tagħha fil-Kawża T-33/10, ING kienet talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tal-aħħar kienet tikkunsidra li “it-tibdil tal-Ftehim CT1 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (addizzjonali)”.

87      Issa, mir-rikors għal annullament ippreżentat minn ING quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li, minn naħa, il-“ftehim CT1” kien jikkorrispondi mal-ftehim konkluż bejn ING u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li kellu bħala suġġett l-għoti ta’ EUR 10 biljun ta’ kapital CT1 (Core Tier 1) u, min-naħa l-oħra, it-tibdil ta’ dan il-ftehim kien jikkonsisti fit-tibdil tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital.

88      Isegwi li, permezz tal-ewwel motiv tagħha, ING talbet lil Qorti Ġenerali li tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tal-aħħar kienet tqis li l-imsemmi tibdil kien jinkludi għajnuna addizzjonali. Għaldaqstant, din it-talba ma kinitx tirrigwarda artikolu jew paragrafu partikolari tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

89      Barra minn hekk, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, “permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ING, sostnuta minn DNB, essenzjalment titlob l-annullament tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll tal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tinkludi għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun.”

90      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-aggravju mqajjem mill-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li, billi annullat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-Anness II ta’ din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita ma jistax jintlaqa’.

91      Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat, sussidjarjament, fuq il-fatt li, għalkemm il-Qorti Ġenerali kienet fondata meta annullat l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kellha bl-istess mod tannulla t-tielet paragrafu tal-Artikolu 2

 L-argumenti tal-partijiet

92      Il-Kummissjoni tosserva li, fil-premessa 30 tad-deċiżjoni inizjali, ġie rreġistrat l-impenn meħud mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u minn ING li jistabbilixxi li din tal-aħħar għandha tillimita l-espansjoni tad-daqs tal-karta tal-bilanċ tagħha bil-għan li tnaqqas id-distorzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-kontribuzzjoni ta’ kapital. Madankollu, fil-dawl tal-impenji li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern adottata fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet, fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni, li tneħħi l-limitazzjoni temporanja tat-tkabbir tal-karta tal-bilanċ ta’ ING.

93      Skont il-Kummissjoni, kieku l-Qorti kienet fondata meta annullat l-analiżi u l-impenji li fuqhom huwa bbażat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u l-Anness II ta’ din tal-aħħar, dan kien ikollu neċessarjament l-effett li ING ma kellhiex tiġi lliberata mill-obbligi li jikkonċernaw it-tkabbir tal-karta tal-bilanċ li kien ta’ piż fuqha qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, il-konstatazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern fid-dawl tal-obbligi speċifikati fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata u t-tneħħija tal-limitazzjonijiet tat-tkabbir tal-karta tal-bilanċ jifformaw totalità li ma tistax tiġi sseparata.

94      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-kwistjoni dwar jekk l-annullament tal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandux ukoll jirriżulta konsegwentement fl-annullament tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 timplika evalwazzjoni fuq il-mertu li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx twettaq mingħajr ma tkun intalbet tagħmel dan. Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax twettaq tali evalwazzjoni fil-kuntest ta’ appell peress li dan jinvolvi evalwazzjoni tal-fatti.

95      ING tqis li dan l-aggravju huwa manifestament inammissibbli, peress li l-Kummissjoni qatt ma ressqet talba f’dan is-sens quddiem il-Qorti Ġenerali u li għaldaqstant ma tistax tressaqha f’dan l-istadju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96      Permezz ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma qajmitx ex officio motiv relatat mal-annullament tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, wara l-annullament tal-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ dan l-artikolu.

97      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, sa fejn il-kwistjoni invokata mill-Kummissjoni ma tistax tiġi meqjusa bħala ta’ ordni pubbliku, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tevalwaha ex officio, u dan biex ma tiġix ikkunsidrata bħala deċiżjoni ultra petita [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2006, P&O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C-442/03 P u C-471/03 P, Ġabra p. I-4845, punt 45, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C-272/12 P, punt 28].

98      Minn dan isegwi li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

99      Billi l-ebda wieħed mis-sitt aggravji invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’, dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

101    Peress li l-Kummissjoni tilfet fl-aggravji tagħha u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll ING talbu l-kundanna ta’ din tal-aħħar, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

102    Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli tal-proċedura, applikabbli wkoll għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1), għandu jiġi deċiż li DNB għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      De Nederlandsche Bank NV għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż u l-Ingliż.