Language of document : ECLI:EU:C:2018:257

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ April 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Differenza fit-trattament ibbażata fuq reliġjon jew twemmin – Attivitajiet professjonali fi knejjes jew organizzazzjonijiet oħrajn li l-etos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin – Reliġjon jew twemmin li jikkostitwixxu rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etos tal-organizzazzjoni – Kunċett – Natura tal-attivitajiet u l-kuntest li fih jitwettqu – Artikolu 17 TFUE – Artikoli 10, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑414/16

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

Vera Egenberger

vs

Evangelisches Werk für Diakonie und Entwicklung eV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas, F. Biltgen (Relatur), M. Vilaras u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: K. Malacek, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Lulju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal V. Egenberger, minn K. Bertelsmann, Rechtsanwalt, kif ukoll minn P. Stein,

–        għal Evangelisches Werk für Diakonie und Entwicklung eV, minn M. Sandmaier, Rechtsanwalt, kif ukoll minn M. Ruffert u G. Thüsing,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon, M. Browne, L. Williams u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn C. Toland, SC, u S. Kingston, BL,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Vera Egenberger u l-Evangelisches Werk für Diakonie und Entwicklung eV (iktar ’il quddiem l-“Evangelisches Werk”), dwar talba għal kumpens imressqa minn V. Egenberger minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon li hija tallega li kienet vittma tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 4, 23, 24 u 29 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedu:

“(4)      Id-dritt tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni minn diskriminazzjoni jikonstitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Elimazzjoni tal-Forom Kollha tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, mill-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet, iffirmata mill-Istati Membri kollha. Il-Konvenzjoni Nru 111 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol.

[…]

(23)      F’ċirkostanzi limitati ħafna, differenza ta’ trattament tista’ tkun ġustifikata fejn karatteristika marbuta ma’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali [ġenwin] u determinanti, meta l-objettiv huwa leġittimu u l-ħtieġa proporzjonata. Dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu inklużi fl-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(24)      L-Unjoni Ewropea fid-Dikjarazzjoni Nru 11 tagħha dwar l-istatus tal-knejjes u l-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, annessa ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam, irrikonoxxiet espliċitament li tirrispetta u ma tippreġudikax l-istat taħt il-liġi nazzjonali tal-knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri u li ugwalment tirrispetta l-istat ta’ l-organizzazzjonijiet filosofiċi u dawk mhux konfessjonali. B’dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jistabilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar rekwiżiti tax-xogħol ġenwini, leġittimi u ġġustifikati, li jistgħu jkunu meħtieġa biex tiġi eżerċitata attività professjonali.

[…]

(29)      Persuni li kienu soġġetti għal diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali għandhom ikollhom mezzi adegwati ta’ protezzjoni legali. Sabiex jingħata livell tal-protezzjoni aktar effettiv, l-assoċjazzjonijiet jew l-entijajiet legali għandhom ukoll ikunu awtorizzati biex jidħlu fi proċeduri, kif stabbilit mill-Istati Membri hekk tistabbilixxi, jew għan-nom jew in sostenn ta’ xi vittma, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta’ proċedura dwar ir-rappreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jiddisponi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5        L-Artikolu 2(1), (2) u (5) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

[…]

5.      Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

6        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.

2.      L-Istati Membri jistgħu jżommu leġislazzjoni nazzjonali fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva jew jipprovdu għal-leġislazzjoni futura li tinkorpora prattiċi nazzjonali eżistenti fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva li skond liema, fil-kaz ta’ attivitajiet tax-xogħol fi knejjes u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħrajn li l-ethos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin, differenza ta’ trattament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin ta’ persuna m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ dawn l-attivitajiet jew l-kuntest li fihom jitwettqu, ir-reliġjon jew it-twemmin ta’ persuna jikkostitwixxu rekwiżit ġenwin, leġittimu u ġġustifikat tax-xogħol meta jitqies l-ethos ta’ l-organizzazzjoni. Din id-differenza ta’ trattament għandha tiġi implimentata fir-rispett tad-dispożizzjonijiet u l-prinċipji kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, u m’għandhiex tiġġustifka diskriminazzjoni fuq xi bażi oħra.

Sakemm id-dispożizzjonijiet tagħha huma f’kull każ irrispettati, din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika d-dritt tal-knejjes u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, li l-ethos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin, li konformement mal-kostituzzjoni u l-liġijiet nazzjonali, jesiġu mingħand persuni li jaħdmu għalihom illi jaġixxu in buonafede u b’lealtà lejn l-etika [etos] ta’ l-organizzazzjoni.”

7        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.”

8        L-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw lilhom infushom milquta ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat lilhom, jippruvaw quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom wieħed jista’ jippresumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, il-prova li ma kienx hemm ksur prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tgħaddi fuq il-konvenut.”

 Id-dritt Ġermaniż

 Il-GG

9        L-Artikolu 4(1) u (2) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Bażika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“GG”) jiddisponi:

“(1)      Il-libertà tal-kuxjenza u tal-fidi u l-libertà tat-twemmin reliġjuż u filosofiku huma invjolabbli.

(2)      Il-libertà tal-qima hija ggarantita.”

10      Konformement mal-Artikolu 140 tal-GG, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 136 sa 139 u 141 tal-Weimarer Reichsverfasssung (il-Kostituzzjoni ta’ Weimar), tal‑11 ta’ Awwissu 1919 (iktar ’il quddiem il-“WRV”), jagħmlu parti integrali mill-GG.

11      L-Artikolu 137 tal-WRV jipprevedi:

“1.      Ma teżistix knisja tal-Istat.

2.      Hija ggarantita l-libertà li jiġu fformati soċjetajiet reliġjużi. Huma jistgħu jingħaqdu mingħajr ebda restrizzjoni fit-territorju tar-Reich.

3.      Kull soċjetà reliġjuża għandha tirregola u tamministra l-affarijiet tagħha b’mod indipendenti fi ħdan il-konfini tal-liġi li tapplika għal kulħadd. Hija tikkonferixxi l-karigi tagħha mingħajr l-involviment tal-Istat jew tal-komunità ċivili.

[…]

7.      Assoċjazzjonijiet li għandhom l-iskop li jrawmu twemmin filosofiku fil-komunità għandu jkollhom l-istess status bħal soċjetajiet reliġjużi.”

12      Skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja), id-detenturi tad-dritt tal-knejjes għall-awtodeterminazzjoni ggarantit fl-Artikolu 140 tal-GG, moqri flimkien mal-Artikolu 137(3) tal-WRV, huma mhux biss il-knejjes infushom bħala komunitajiet reliġjużi, iżda wkoll l-istituzzjonijiet kollha affiljati magħhom b’mod speċifiku, jekk u sa fejn dawn tal-aħħar huma msejħa, skont l-identità proprja tal-knisja u konformement mal-għan tagħha jew mal-missjoni tagħha, sabiex jassumu t-twettiq tal-kompiti u tal-missjonijiet tal-knisja.

 L-AGG

13      L-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament), tal‑14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”), hija intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Ġermaniż.

14      L-Artikolu 1 tal-AGG, li jiddetermina l-għan tal-liġi, jistabbilixxi:

“Din il-liġi għandha l-għan li tipprekludi jew li telimina kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew fuq l-oriġini etnika, is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.”

15      L-Artikolu 7(1) tal-AGG jiddisponi:

“Il-ħaddiema ma għandhom ikunu suġġetti għal ebda diskriminazzjoni abbażi ta’ wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1; din il-projbizzjoni tapplika wkoll meta l-persuna li tkun wettqet id-diskriminazzjoni sempliċement tassumi li jeżisti wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1.”

16      Skont l-Artikolu 9 tal-AGG:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 [ta’ din il-liġi], differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin hija ammissibbli wkoll fil-każ tal-impjieg minn soċjetajiet reliġjużi, minn istituzzjonijiet affiljati magħhom, irrispettivament mill-forma ġuridika, jew minn assoċjazzjonijiet li għandhom l-iskop li jrawmu reliġjon jew twemmin fil-komunità, meta reliġjon jew twemmin partikolari jikkostitwixxu rekwiżit professjonali ġġustifikat filwaqt li jittieħed kont tal-perċezzjoni proprja ta’ min jimpjega, fid-dawl tad-dritt tiegħu għal awtonomija jew minħabba n-natura tal-attivitajiet tiegħu.

2.      Il-projbizzjoni ta’ differenzi fit-trattament abbażi ta’ reliġjon jew ta’ twemmin ma jippreġudikax id-dritt tal-komunitajiet reliġjużi msemmija fil-paragrafu 1, ta’ istituzzjonijiet affiljati ma’ dawn tal-aħħar, irrispettivament mill-forma legali tagħhom, jew ta’ assoċjazzjonijiet li għandhon l-għan li jrawmu reliġjon jew twemmin fil-komunità, milli jirrikjedu mill-impjegati tagħhom li jaġixxu b’bona fide u b’lealtà skont il-kuxjenza tagħhom stess.”

17      L-Artikolu 15 tal-AGG huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, il-persuna li timpjega għandha tagħmel tajjeb għad-danni li jirriżultaw. Din ir-regola ma tapplikax fil-każ li l-persuna li timpjega ma tkunx responsabbli għall-ksur ta’ tali obbligu.

2.      Għal dannu mhux patrimonjali, il-ħaddiem jista’ jitlob kumpens pekunjarju xieraq. F’każ ta’ nuqqas ta’ reklutaġġ, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn tliet xhur salarju meta l-ħaddiem ma kienx ġie rreklutat f’każ ta’ għażla mhux diskriminatorja.

[…]”

 Id-dritt ekkleżjastiku tal-Evangelische Kirche in Deutschland

18      Il-Grundordnung der Evangelischen Kirche in Deutschland (ir-Regolament Bażiku tal-Knisja Protestanta fil-Ġermanja), tat‑13 ta’ Lulju 1948, kif emendat l-aħħar bil-Kirchengesetz (il-Liġi tal-Knisja) tat‑12 ta’ Novembru 2013, jikkostitwixxi l-bażi tad-dritt ekkleżjastiku tal-Evangelische Kirche in Deutschland (il-Knisja Protestanta fil-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“KPĠ”).

19      Adottat skont l-Artikolu 9(b) ta’ dan ir-Regolament Bażiku, kif emendat, ir-Richtlinie des Rates der Evangelischen Kirche in Deutschland über die Anforderungen der privatrechtlichen beruflichen Mitarbeit in der Evangelischen Kirche in Deutschland und des Diakonischen Werkes (id-Direttiva tal-Kunsill tal-KPĠ dwar ir-Rekwiżiti Applikabbli għall-Kollaborazzjoni Professjonali taħt id-Dritt Privat fil-KPĠ u fix-Xogħol tad-Djakunat, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kollaborazzjoni Professjonali mal-KPĠ”) tal‑1 ta’ Lulju 2005 tipprevedi, fl-Artikolu 2(1) tagħha:

“Is-servizz ekkleżjastiku huwa ddeterminat mill-missjoni ta’ xiehda tal-vanġelu bil-kliem u bl-atti. In-nisa u l-irġiel kollha li jaħdmu fi ħdan il-Knisja u fid-djakonija jikkontribwixxu b’modi differenti li jippermettu t-twettiq ta’ din il-missjoni. Din il-missjoni tikkostitwixxi l-bażi tad-drittijiet u tal-obbligi tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-kollaboraturi.”

20      L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Kollaborazzjoni Professjonali mal-KPĠ jiddisponi:

“1.      L-attività professjonali fi ħdan il-Knisja Protestanta u fid-djakonija tagħha tippreżupponi bħala prinċipju s-sħubija f’waħda mill-knejjes membri tal-[KPĠ] jew ma’ knisja f’għaqda ma’ din.

2.      Tista’ ssir deroga mill-paragrafu 1 għall-kompiti li ma jaqgħux taħt il-proklamazzjoni [tal-vanġelu], tal-pastorali, tat-tagħlim jew tat-tmexxija jekk ma jkunx possibbli li kollaboraturi oħra xierqa jiġu rreklutati. F’dan il-każ, huwa possibbli wkoll li jiġu impjegati persuni msieħba fi knisja oħra membru tal-Kooperattiva tal-Knejjes Kristjani fil-Ġermanja jew tal-Assoċjazzjoni tal-Knejjes Protestanti Ħielsa. Ir-reklutaġġ ta’ persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 għandu jiġi eżaminat każ b’każ billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-importanza tas-servizz jew tal-istituzzjoni u tan-numru ta’ kollaboraturi oħra tagħhom kif ukoll il-kompiti li għandhom jitwettqu u tal-ambjent rispettiv. [Din id-dispożizzjoni] hija bla ħsara għat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(1).”

21      Intitolat “Missjoni ekkleżjastika u djakonali”, l-Artikolu 2 tad-Dienstvertragsordnung der Evangelischen Kirche in Deutschland (ir-Regolament dwar il-Kuntratti ta’ Servizz tal-KPĠ) tal‑25 ta’ Awwissu 2008 li jirregola l-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol tal-kollaboraturi impjegati mill-KPĠ skont id-dritt privat, tal-uffiċċju ċentrali tax-Xogħol tad-Djakunat u xogħlijiet u istituzzjonijiet oħra, jistabbilixxi:

“Is-servizz ekkleżjastiku huwa ddeterminat mill-missjoni ta’ proklamazzjoni tal-vanġelu ta’ Ġesù Kristu bil-kliem u bl-atti. Is-servizz djakonali hija l-espressjoni tal-eżistenza u tan-natura tal-Knisja Protestanta.”

22      Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Kuntratti ta’ Servizz tal-KPĠ, intitolat “Obbligi ġenerali”:

“Il-kollaboraturi jikkontribwixxu fl-issodisfar tal-missjonijiet ekkleżjastiċi u djakonali tagħhom skont it-talenti tagħhom, il-kompiti tagħhom u l-oqsma tagħhom ta’ responsabbiltà. L-imġiba ġenerali tagħhom waqt u barra mis-servizz għandha tkun konformi mar-responsabbiltà tagħhom li huma aċċettaw bħala kollaboratur fis-servizz tal-Knisja.”

23      Kemm id-Direttiva dwar il-Kollaborazzjoni Professjonali mal-KPĠ kif ukoll ir-Regolament dwar il-Kuntratti ta’ Servizz tal-KPĠ huma applikabbli għall-Evangelisches Werk.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24      Fix-xahar ta’ Novembru 2012, l-Evangelisches Werk ippubblikat offerta ta’ impjieg għal żmien determinat għal proġett dwar ir-redazzjoni ta’ rapport parallell dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali. Konformement ma’ din l-offerta ta’ impjieg, il-kompiti jinkludu li ssegwi l-proċess ta’ redazzjoni tar-rapporti tal-Istati dwar l-imsemmija Konvenzjoni fir-rigward tal-perijodu 2012 sa 2014, it-tfassil tar-rapport parallel dwar ir-rapport tal-Istat Ġermaniż kif ukoll kummenti u kontribuzzjonijiet speċjalizzati, ir-rappreżentanza, fil-kuntest tal-proġett, tad-djakonija tal-Ġermanja fir-rigward tad-dinja politika, tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll il-kooperazzjoni f’ċertu istanzi, l-informazzjoni u l-koordinazzjoni tal-proċess ta’ formazzjoni ta’ opinjonijiet fil-qasam tal-assoċjazzjoni kif ukoll l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u r-redazzjoni ta’ rapporti tekniċi fil-qasam tax-xogħol.

25      Barra minn hekk, l-imsemmija offerta ta’ impjieg ippreċiżat il-kundizzjonijiet li l-applikanti kellhom jissodisfaw. Waħda minnhom kienet tipprovdi kif ġej:

“Neżiġu s-sħubija fi Knisja Protestanta jew fi knisja li hija membru tal-Arbeitsgemeinschaft Christlicher Kirchen in Deutschland (il-Kooperattiva tal-Knejjes Kristjani fil-Ġermanja) u l-identifikazzjoni mal-missjoni tal-għajnuna. Jekk jogħġbok indika s-sħubija tiegħek fil-curriculum vitae.”

26      V. Egenberger, mingħajr fidi konfessjonali, applikat għal din il-pożizzjoni. Minkejja li l-kandidatura tagħha kienet baqgħet ikkunsidrata wara l-ewwel għażla magħmula mill-Evangelisches Werk, il-persuna kkonċernata ma ġietx mistiedna għal intervista. Min-naħa tiegħu, il-kandidat li finalment intgħażel indika, fir-rigward tal-affiljazzjoni reliġjuża tiegħu, li huwa “kristjan Protestant issoċjalizzat fil-Knisja reġjonali ta’ Berlin”.

27      Peress li l-kandidatura tagħha ġiet miċħuda minħabba n-nuqqas ta’ fidi konfessjonali tagħha, V. Egenberger ippreżentat rikors quddiem l-Arbeitsgericht Berlin (il-Qorti Industrijali ta’ Berlin, il-Ġermanja), sabiex l-Evangelisches Werk tiġi kkundannata tħallasha, skont l-Artikolu 15(2) tal-AGG, is-somma ta’ EUR 9 788.65. Il-persuna kkonċernata sostniet li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-reliġjon fil-proċedura ta’ reklutaġġ, identifikat fl-offerta ta’ impjieg inkwistjoni, ma kinitx konformi mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista mill-AGG, kif interpretata konformement mad-dritt tal-Unjoni, u li l-Artikolu 9(1) tal-AGG ma jistax jiġġustifika d-diskriminazzjoni li hija kienet vittma tagħha.

28      L-Evangelisches Werk sostniet li, f’dan il-każ, differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon kienet iġġustifikata skont l-Artikolu 9(1) tal-AGG. Id-dritt li tiġi imposta s-sħubija fi knisja Kristjana tirriżulta, skont l-Evangelisches Werk, mid-dritt tal-knejjes għall-awtodeterminazzjoni protett mill-Artikolu 140 tal-GG, moqri flimkien mal-Artikolu 137(3) tal-WRV. Issa, tali dritt huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, minħabba, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 TFUE. Barra minn hekk, is-sħubija reliġjuża tikkostitwixxi, minħabba n-natura tal-attività msemmija fl-offerta ta’ impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali, rekwiżit professjonali ġġustifikat fid-dawl tal-identità proprja tal-Evangelisches Werk.

29      L-Arbeitsgericht Berlin (il-Qorti Industrijali ta’ Berlin) laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ V. Egenberger. Hija ddeċidiet li din tal-aħħar kienet vittma ta’ diskriminazzjoni, iżda llimitat l-ammont ta’ kumpens għas-somma ta’ EUR 1 957.73. Peress li l-appell ippreżentat minn V. Egenberger kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mil-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Berlin-Brandenburg, il-Ġermanja), il-persuna kkonċernata ressqet rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju bil-għan li tikseb il-ħlas ta’ kumpens xieraq.

30      Il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) ikkunsidrat li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi fuq il-punt dwar jekk id-distinzjoni abbażi tas-sħubija reliġjuża li wettqet l-Evangelisches Werk hijiex leċita, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-AGG. Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-eżitu ta’ din it-tilwima jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, li l-Artikolu 9 tal-AGG kellu suppost jittrasponi fid-dritt nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din id-differenza fit-trattament għandha barra minn hekk titwettaq fl-osservanza tad-disposizzjonijiet u tal-prinċipji kostituzzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tal-Artikolu 17 TFUE.

31      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-volontà espressa tal-leġiżlatur Ġermaniż, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 ġie traspost fid-dritt Ġermaniż fl-Artikolu 9 tal-AGG b’tali mod li d-dispożizzjonijiet u l-prattiki ġuridiċi fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva jinżammu. L-imsemmi leġiżlatur ħa din id-deċiżjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) dwar il-privileġġ ta’ awtodeterminazzjoni tal-knejjes. Skont din il-ġurisprudenza, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għal stħarriġ tal-plawżibbiltà fuq il-bażi tal-identità proprja tal-knisja. Minn dan jirriżulta li, fil-każ fejn l-identità proprja tal-knisja tistabbilixxi hija stess distinzjoni bejn l-attivitajiet “ta’ prossimità” mal-proklamazzjoni tal-messaġġ tal-knisja u mal-attivitajiet “mingħajr prossimità” magħha, ma għandux jiġi vverifikat jekk u sa fejn din id-distinzjoni hija ġġustifikata. Anki jekk l-identità proprja tal-knisja kellha timplika li l-impjiegi kollha kellhom jimtlew billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sħubija reliġjuża, u dan indipendentement min-natura ta’ dawn l-impjiegi, hemm lok li dan jiġi aċċettat mingħajr stħarriġ ġudizzjarju fil-fond. Madankollu, tqum il-kwistjoni jekk din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tal-AGG hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

32      Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi dedott, la mill-kliem tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 u lanqas mill-premessi ta’ din id-direttiva li persuna li timpjega bħall-Evangelisches Werk tista’ tiddetermina hija stess, b’mod definittiv, li r-reliġjon tikkostitwixxi, indipendentement min-natura tal-attività inkwistjoni, rekwiżit professjonali ġġustifikat fid-dawl tal-etos tal-persuna li timpjega, u li l-qrati nazzjonali jistgħu biss iwettqu, f’dan ir-rigward, sempliċi stħarriġ tal-plawżibbiltà. Għall-kuntrarju, ir-referenza, f’din id-dispożizzjoni, għall-fatt li r-reliġjon għandha tikkostitwixxi “rekwiżit ġenwin, leġittimu u ġġustifikat tax-xogħol meta jitqies l-ethos ta’ l-organizzazzjoni” jista’ jargumenta favur ġurisdizzjoni u obbligu ta’ stħarriġ mill-qrati nazzjonali li jmur lil hinn minn sempliċi stħarriġ tal-plawżibbiltà.

33      Il-qorti tar-rinviju tosserva madankollu li, fl-opinjoni ta’ parti mid-duttrina Ġermaniża, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt primarju, b’mod partikolari mad-Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-istatus tal-knejjes u l-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni Nru 11”), jew mal-Artikolu 17 TFUE.

34      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li hija għandha, kif xieraq, b’kont meħud tar-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u fl-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, tiddeċiedi jekk u sa fejn l-Artikolu 9(1) tal-AGG jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma jkun hemm interpretazzjoni contra legem, jew jekk din id-dispożizzjoni tal-AGG ma għandhiex tiġi applikata.

35      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, min-naħa, jekk il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tagħtix dritt suġġettiv lil individwu, li dan tal-aħħar jista’ jinvoka quddiem il-qrati nazzjonali u li, f’tilwim bejn persuni privati, jobbliga lil dawk il-qrati joqogħdu lura milli japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali mhux konformi ma’ din il-projbizzjoni.

36      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ċċaratx jekk l-obbligu li tastjeni milli tapplika dispożizzjonijiet nazzjonali mhux konformi mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, japplikax ukoll fil-każ fejn persuna li timpjega, bħall-Evangelisches Werk, tinvoka, sabiex tiġġustifika differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon, mhux biss dispożizzjonijiet tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali iżda wkoll ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri f’dan il-każ l-Artikolu 17 TFUE.

37      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tindika li hija għandha wkoll, jekk ikun il-każ, tirrispondi għall-kwistjoni dwar, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, liema rekwiżiti marbuta mar-reliġjon, min-natura stess tal-attività kkonċernata jew mill-kuntest li fih jitwettaq, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etos tal-organizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78.

38      Ċertament, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet, f’kawżi li kienu jinvolvu kunflitti ta’ lealtà, stabbiliet kriterji individwali, billi rreferiet b’mod partikolari għad-Direttiva 2000/78, iżda dawn il-kriterji kienu jikkonċernaw relazzjonijiet ta’ impjieg eżistenti u essenzjalment kienu jirrigwardaw każijiet individwali.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk tali kriterji humiex rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 fil-każ fejn id-differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon isseħħ fir-reklutaġġ u jekk l-Artikolu 17 TFUE huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni.

40      Tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk qrati nazzjonali għandhomx jagħmlu stħarriġ fil-fond, sempliċi stħarriġ tal-plawżibbiltà jew sempliċi stħarriġ tal-abbużi meta dawn jintalbu jivverifikaw jekk, fid-dawl tan-natura tal-attività kkonċernata jew tal-kuntest li fih titwettaq, ir-reliġjon tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etos tal-organizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [2000/78] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li timpjega, bħall-konvenuta f’din il-kawża, jew inkella l-Knisja għaliha, tista’ tiddeċiedi hija stess, b’mod vinkolanti, li r-reliġjon speċifika ta’ kandidat tikkostitwixxi, minħabba n-natura tal-attività jew il-kuntest li fih hija eżerċitata, rekwiżit professjonali essenzjali [ġenwin], leċitu [leġittimu] u ġġustifikat fid-dawl tal-etos tagħha?

2)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 9(1), l-ewwel ipoteżi, tal-liġi ġenerali dwar l-ugwaljanza fit-trattament (AGG), li tipprovdi li inugwaljanza fit-trattament bbażata fuq ir-reliġjon f’każ ta’ impjieg minn komunitajiet reliġjużi u l-isituzzjonijiet affiljati ma’ dawn tal-aħħar hija wkoll leċita jekk, b’kunsiderazzjoni għall-identità proprja ta’ din il-komunità reliġjuża fid-dawl tad-dritt tagħha ta’ awtodeterminazzjoni, reliġjon partikolari tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġġustifikat, għandha tibqa’ mhux applikata f’kawża bħal dik preżenti?

3)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

Liema rekwiżiti għandhom jiġu imposti, bħala rekwiżit professjonali essenzjali [ġenwin], leċitu [leġittimu] u ġġustifikat, għan-natura tal-attività jew għall-kuntest li fih hija eżerċitata, fid-dawl tal-etos tal-organizzazzjoni, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [2000/78]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

42      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li knisja jew organizzazzjoni oħra li l-etos tagħha huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin, li biħsiebha tipproċedi għal reklutaġġ, tista’ tiddeċiedi hija stess, b’mod definittiv, l-attivitajiet professjonali li fil-kuntest tagħhom ir-reliġjon tikkostitwixxi, minħabba n-natura tal-attività kkonċernata jew il-kuntest li fih titwettaq, rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etos ta’ din il-knisja jew organizzazzjoni.

43      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li ċ-ċaħda tal-kandidatura ta’ V. Egenberger minħabba n-nuqqas ta’ fidi konfessjonali tagħha tikkostitwixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78.

44      Dan premess, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti u, b’mod partikolari, mill-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 30).

45      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li knisja jew organizzazzjoni oħra li l-etos tagħha huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin tista’ tispeċifika rekwiżit marbut mar-reliġjon jew mat-twemmin jekk, fid-dawl tan-natura tal-attività kkonċernata jew tal-kuntest li fih din titwettaq, reliġjon jew twemmin jikkostitwixxu rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etos tal-organizzazzjoni.

46      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, li kieku l-istħarriġ tal-osservanza ta’ dawn il-kriterji kellu, f’każ ta’ dubju f’dan ir-rigward, ikun fdat f’idejn il-knisja jew l-organizzazzjoni li beħsiebha twettaq differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, u mhux f’idejn awtorità indipendenti, bħal qorti nazzjonali, dan ikun imċaħħad minn kull effettività.

47      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-għan tad-Direttiva 2000/78 u tal-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 4(2) tagħha, għandu jitfakkar li din id-direttiva, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq ir-reliġjon jew it-twemmin f’dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, sabiex jiġi implimentat, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għalhekk, din id-direttiva tikkonkretizza, fil-qasam li hija tkopri, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta.

48      Sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan il-prinċipju ġenerali, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-premessa 29 tagħha, jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu proċeduri, b’mod partikolari ġudizzjarji, intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tal-istess direttiva jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji, konformement mas-sistemi ġudizzjarji tagħhom, sabiex jiżguraw li, meta persuna tħoss li sar nuqqas fir-rigward tagħha minħabba li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma kienx applikat għaliha u meta din il-persuna tistabbilixxi, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jkun preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ikun il-konvenut li għandu jipproduċi l-prova li ma kienx hemm ksur ta’ dan il-prinċipju.

49      Barra minn hekk, il-Karta, li hija applikabbli għal kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li, minn naħa, l-AGG jirrikjedi l-implimentazzjoni, fid-dritt Ġermaniż, tad-Direttiva 2000/78, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, li din il-kawża tikkonċerna persuna li kienet is-suġġett ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon fil-kuntest tal-aċċess għal impjieg, tistabbilixxi, fl-Artikolu 47 tagħha, id-dritt għal parti f’kawża għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li tgawdi taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 50).

50      Għalkemm id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan li tipproteġi d-dritt fundamentali tal-ħaddiema sabiex ma jkunux is-suġġett ta’ diskriminazzjoni minħabba r-reliġjon tagħhom jew it-twemmin tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, permezz tal-Artikolu 4(2) tagħha, l-imsemmija direttiva għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni tad-dritt għall-awtonomija tal-knejjes u tal-organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati l-oħra li l-etos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin, hekk kif irrikonoxxut fl-Artikolu 17 TFUE u fl-Artikolu 10 tal-Karta, li jikkorrispondi għall-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.

51      L-għan tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 għalhekk huwa li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn, minn naħa, id-dritt għall-awtonomija tal-knejjes u tal-organizzazzjonijiet l-oħra li l-etos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin u, min-naħa l-oħra, id-dritt tal-ħaddiema li ma jkunux is-suġġett, b’mod partikolari waqt ir-reklutaġġ tagħhom, għal diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, f’sitwazzjonijiet li fihom dawn id-drittijiet jistgħu jkunu kunfliġġenti.

52      F’din il-perspettiva, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandu jsir biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawn id-drittijiet potenzjalment kunfliġġenti.

53      Madankollu, f’każ ta’ tilwima, tali bbilanċjar għandu jkun is-suġġett, jekk ikun il-każ, ta’ stħarriġ minn awtorità indipendenti u, fl-aħħar nett, minn qorti nazzjonali.

54      F’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 jagħmel riferiment għal-liġijiet nazzjonali fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija direttiva kif ukoll għall-prattiki nazzjonali eżistenti f’dik l-istess data ma tistax tiġi interpretata bħala li tawtorizza lill-Istati Membri jeżentaw minn stħarriġ ġudizzjarju effettiv l-osservanza tal-kriterji stabbiliti minn din id-dispożizzjoni.

55      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li, meta knisja jew organizzazzjoni oħra li l-etos tagħha huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin issostni, insostenn ta’ att jew ta’ deċiżjoni bħaċ-ċaħda ta’ kandidatura għal impjieg magħha, li, minħabba n-natura tal-attivitajiet ikkonċernati jew il-kuntest li fih dawn l-attivitajiet jitwettqu, ir-reliġjon tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etos ta’ din il-knisja jew organizzazzjoni, tali allegazzjoni għandha, skont il-każ, tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv li jirrikjedi li jiġi żgurat, fil-każ inkwistjoni, li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 huma ssodisfatti.

56      L-Artikolu 17 TFUE ma huwiex ta’ natura li jinvalida din il-konklużjoni.

57      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik tad-Dikjarazzjoni Nru 11. Issa, il-fatt li din tal-aħħar hija ċċitata espliċitament fil-premessa 24 tad-Direttiva 2000/78 juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni neċessarjament ħa inkunsiderazzjoni l-imsemmija dikjarazzjoni waqt l-adozzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari tal-Artikolu 4(2) tagħha, peress li din id-dispożizzjoni tirreferi preċiżament għal-liġijiet u għall-prattiki nazzjonali fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ dik id-direttiva.

58      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 17 TFUE jesprimi n-newtralità tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni mill-Istati Membri tar-rapporti tagħhom mal-knejjes u mal-assoċjazzjonijiet jew mal-komunitajiet reliġjużi. Għall-kuntrarju, dan l-artikolu ma huwiex ta’ natura li jeżenta l-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 minn stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikoli 9 u 10 tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta knisja jew organizzazzjoni oħra li l-etos tagħha huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin issostni, insostenn ta’ att jew ta’ deċiżjoni bħaċ-ċaħda ta’ kandidatura għal impjieg magħha, li, minħabba n-natura tal-attivitajiet ikkonċernati jew il-kuntest li fih dawn l-attivitajiet jitwettqu, ir-reliġjon tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etos ta’ din il-knisja jew organizzazzjoni, tali allegazzjoni għandha, skont il-każ, tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv li jirrikjedi li jiġi żgurat, fil-każ inkwistjoni, li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 huma ssodisfatti.

 Fuq it-tielet domanda

60      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata qabel it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, abbażi ta’ liema kriterji għandu jiġi vverifikat f’kull każ partikolari jekk, fid-dawl tal-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni inkwistjoni, ir-reliġjon jew it-twemmin jikkostitwixxu, fid-dawl tan-natura tal-attività kkonċernata jew tal-kuntest li fih titwettaq, rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78.

61      F’dan ir-rigward, għalkemm, fil-kuntest tal-ibbilanċjar previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, imfakkar fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom, b’mod partikolari dawk ġudizzjarji, għandhom, ħlief f’każijiet eċċezzjonali ħafna, jastjenu ruħhom milli jevalwaw il-leġittimità tal-etos tal-istess knisja jew organizzazzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 12 ta’ Ġunju 2014, Fernández Martínez vs Spanja, CE:ECHR:2014:0612JUD005603007, punt 129), madankollu, huma għandhom l-obbligu li jiżguraw li ma jiġix ippreġudikat id-dritt tal-ħaddiema li ma jkunux is-suġġett ta’ diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq ir-reliġjon jew it-twemmin. Għalhekk, skont l-istess Artikolu 4(2), dan l-eżami għandu jivverifika jekk ir-rekwiżit professjonali impost mill-knisja jew mill-organizzazzjoni inkwistjoni huwiex, minħabba n-natura tal-attivitajiet ikkonċernati jew tal-kuntest li fih jitwettqu, ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl ta’ din l-etos.

62      F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat” li jinsab fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, jirriżulta espressament minn din id-dispożizzjoni li huwa b’riferiment għan-“natura” tal-attivitajiet ikkonċernati jew tal-“kuntest” li fihom jitwettqu li r-reliġjon jew it-twemmin jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkostitwixxu tali rekwiżit professjonali.

63      Għalhekk, il-legalità, mill-perspettiva ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin hija suġġetta għall-eżistenza oġġettivament verifikabbli ta’ rabta diretta bejn ir-rekwiżit professjonali impost mill-persuna li timpjega u l-attività kkonċernata. Tali rabta tista’ tirriżulta jew min-natura ta’ din l-attività, pereżempju meta din tinvolvi l-parteċipazzjoni fid-determinazzjoni tal-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni inkwistjoni jew f’kollaborazzjoni mal-missjoni tagħha ta’ proklamazzjoni, jew tal-kundizzjonijiet li fihom l-imsemmija attività għandha titwettaq, bħall-ħtieġa li tiġi żgurata rappreżentazzjoni kredibbli tal-knisja jew tal-organizzazzjoni esterna tagħha.

64      Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit professjonali, hekk kif meħtieġ mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, għandu jkun “ġenwin, leġittimu u ġġustifikat” fid-dawl tal-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni. Għalkemm, kif ġie enfasizzat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, bħala prinċipju l-qrati nazzjonali ma għandhomx il-kompitu li jiddeċiedu dwar l-etos bħala tali li fuqu huwa bbażat ir-rekwizit professjonali invokat, madankollu huma għandhom jiddeterminaw, każ b’każ, jekk, fid-dawl ta’ dan l-etos, dawn it-tliet kriterji humiex issodisfati.

65      Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, għandu jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna n-natura “ġenwina” tar-rekwiżit, li l-użu ta’ dan l-aġġettiv ifisser li, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, is-sħubija għar-reliġjon jew għat-twemmin li fuqhom huwa bbażat l-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni inkwistjoni għandha tidher neċessarja minħabba l-importanza tal-attività professjonali inkwistjoni għall-affermazzjoni ta’ dan l-etos jew għall-eżerċizzju minn din il-knisja jew minn din l-organizzazzjoni tad-dritt tagħha għall-awtonomija.

66      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, in-natura “leġittima” tar-rekwiżit, l-użu ta’ dan it-terminu juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura li r-rekwiżit dwar is-sħubija għal reliġjon jew għat-twemmin li fuqhom huwa bbażata l-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni inkwistjoni ma tintużax għal finijiet oħra mhux relatati ma’ dan l-etos jew mal-eżerċizzju minn din il-knisja jew din l-organizzazzjoni tad-dritt tagħha għal awtonomija.

67      Fir-rigward, fit-tielet lok, tan-natura “ġġustifikata” tar-rekwiżit, dan it-terminu jimplika mhux biss li l-istħarriġ tal-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 jista’ jitwettaq minn qorti nazzjonali, iżda wkoll li l-knisja jew l-organizzazzjoni li imponiet dan ir-rekwiżit għandha l-obbligu li turi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ kull każ partikolari, li l-allegat riskju ta’ ksur ta’ etos tagħha jew tad-dritt tagħha għal awtonomija huwa probabbli u serju, b’tali mod li l-impożizzjoni ta’ tali rekwiżit hija effettivament meħtieġa.

68      F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix espressament, b’differenza mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, li dan ir-rekwiżit għandu jkun “proporzjonat” hija lanqas ma tiddisponi li kwalunkwe differenza fit-trattament għandha titwettaq b’osservanza, b’mod partikolari, tal-“prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju”. Peress li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 51), il-qrati nazzjonali għandhom jivverifikaw jekk ir-rekwiżit inkwistjoni huwiex xieraq u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

69      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat, imsemmi fih, jirreferi għal rekwiżit neċessarju u li huwa oġġettivament meħtieġ, fid-dawl tal-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni kkonċernata, min-natura jew mill-kundizzjonijiet li fih titwettaq l-attività professjonali inkwistjoni u ma jistax ikopri kunsiderazzjonijiet li ma humiex relatati ma’ dan l-etos jew mad-dritt għall-awtonomija ta’ din il-knisja jew ta’ din l-organizzazzjoni. Dan ir-rekwiżit għandu jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq it-tieni domanda

70      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk qorti nazzjonali għandhiex l-obbligu, fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi, li ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali li ma tistax tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma l-qrati nazzjonali li għandhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u fl-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, jiddeċiedu jekk u sa fejn dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 9(1) tal-AGG, tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 mingħajr interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tikkunsidra li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 34).

74      F’dan il-każ, hija għaldaqstant il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi interpretata b’mod li tkun konformi mad-Direttiva 2000/78.

75      Fil-każ li jkun impossibbli għaliha li tipproċedi għal tali interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li d-Direttiva 2000/78 ma tistabbilixxix minnha nnifisha il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, li għandu s-sors tiegħu f’diversi strumenti internazzjonali u fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, iżda għandha biss l-għan li tistabbilixxi, f’dan l-istess qasam, qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq diversi raġunijiet, fosthom ir-reliġjon jew it-twemmin, hekk kif jirriżulta mit-titolu u mill-Artikolu 1 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2011, Römer, C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin hija ta’ natura imperattiva inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, din il-projbizzjoni hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tikkonferixxi lill-individwi dritt invokabbli bħala tali f’tilwima bejniethom f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni (ara, għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 47).

77      Fir-rigward tal-effett mandatorju tiegħu, l-Artikolu 21 tal-Karta ma jiddistingwixxix ruħu, bħala prinċipju, minn diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati fundaturi li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bbażata fuq diversi raġunijiet, anki meta tali diskriminazzjonijiet jirriżultaw minn kuntratti konklużi bejn individwi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, EU:C:1976:56, punt 39; tas‑6 ta’ Ġunju 2000, Angonese, C‑281/98, EU:C:2000:296, punti 33 sa 36; tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini, C‑411/98, EU:C:2000:530, punt 50, kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, EU:C:2007:772, punti 57 sa 61).

78      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, bħal fil-każ tal-Artikolu 21 tal-Karta, l-Artikolu 47 tagħha, dwar id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux għalfejn jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali.

79      Għaldaqstant, fl-ipoteżi msemmija fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mill-Artikoli 21 u 47 tal-Karta u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ dawn l-artikoli waqt li tħalli mhux applikati, jekk ikun meħtieġ, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

80      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata miċ-ċirkustanza li qorti tista’ tintalab, f’tilwima bejn individwi, tibbilanċja drittijiet fundamentali kunfliġġenti li l-partijiet f’din il-kawża jisiltu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE jew mill-Karta u li hija tkun saħansitra obbligata, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha, li tiżgura li l-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa osservat. Fil-fatt, tali obbligu li jinkiseb bilanċ bejn l-interessi differenti preżenti ma għandu bl-ebda mod jaffettwa l-invokabbiltà, f’din il-kawża, tad-drittijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, EU:C:2003:333, punti 77 sa 80, kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, EU:C:2007:772, punti 85 sa 89).

81      Barra minn hekk, meta l-qorti nazzjonali tintalab tiżgura l-osservanza tal-Artikoli 21 u 47 tal-Karta, filwaqt li tipproċedi għal eventwali bbilanċjar ta’ diversi interessi involuti, bħall-osservanza tal-istatus tal-knejjes stabbilit fl-Artikolu 17 TFUE, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-bilanċ stabbilit bejn dawn l-interessi mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 2000/78, sabiex jiġu ddeterminati l-obbligi li jirriżultaw mill-Karta f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 76, u d-digriet tat‑23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punt 31).

82      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn żewġ individwi, hija marbuta, meta hija ma tkunx tista’ tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mill-Artikoli 21 u 47 tal-Karta u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ dawn l-artikoli waqt li tħalli mhux applikati, jekk ikun meħtieġ, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

 Fuq l-ispejjeż

83      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, moqri flimkien mal-Artikoli 9 u 10 tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta knisja jew organizzazzjoni oħra li l-etos tagħha huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin issostni, insostenn ta’ att jew ta’ deċiżjoni bħaċ-ċaħda ta’ kandidatura għal impjieg magħha, li, minħabba n-natura tal-attivitajiet ikkonċernati jew il-kuntest li fih dawn l-attivitajiet jitwettqu, ir-reliġjon tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etos ta’ din il-knisja jew organizzazzjoni, tali allegazzjoni għandha, skont il-każ, tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv li jirrikjedi li jiġi żgurat, fil-każ inkwistjoni, li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 huma ssodisfatti.

2)      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat, imsemmi fih, jirreferi għal rekwiżit neċessarju u li huwa oġġettivament meħtieġ, fid-dawl tal-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni kkonċernata, min-natura jew mill-kundizzjonijiet li fih titwettaq l-attività professjonali inkwistjoni u ma jistax ikopri kunsiderazzjonijiet li ma humiex relatati ma’ dan l-etos jew mad-dritt għall-awtonomija ta’ din il-knisja jew ta’ din l-organizzazzjoni. Dan ir-rekwiżit għandu jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

3)      Qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn żewġ individwi, hija marbuta, meta hija ma tkunx tista’ tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mill-Artikoli 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ dawn l-artikoli waqt li tħalli mhux applikati, jekk ikun meħtieġ, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.