Language of document : ECLI:EU:C:2021:998

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fid‑9 ta’ Diċembru 2021 (1)

Kawża C377/20

Servizio Elettrico Nazionale SpA,

ENEL SpA,

Enel Energia SpA

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

fil-preżenza ta’:

Eni Gas e Luce SpA

Eni SpA,

Axpo Italia SpA,

Gala SpA,

E.Ja SpA,

Green Network SpA,

Associazione Italiana di Grossisti di Energia e Trader  AIGET,

Ass.ne Codici – Centro per i Diritti del Cittadino,

Associazione Energia Libera,

Metaenergia SpA

(talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Sfruttament abbużiv– Artikolu 102 TFUE – Ftuħ għall-kompetizzjoni tas-suq tal-bejgħ tal-elettriku – Użu ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva fi ħdan il-grupp ta’ impriżi dominanti – Imputabbiltà tal-aġir tas-sussidjarja lill-kumpannija omm”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem numru konsiderevoli ta’ domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE fil-qasam ta’ prattiki ta’ esklużjoni abbużivi tal-impriżi dominanti.

2.        F’dan il-każ, l-aġir fil-kawża prinċipali, eżaminat mill-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (iktar ’il quddiem l-“AGCM”) (2) għandu bħala sfond il-ftuħ tas-suq tal-provvista tal-enerġija fl-Italja u jieħu l-forma ta’ allegata strateġija implimentata minn tliet kumpanniji tal-grupp ENEL SpA (l-operatur storiku) intiża, essenzjalment, li tirrendi iktar diffiċli d-dħul tal-kompetituri fis-suq illiberalizzat. B’mod iktar preċiż, din l-istrateġija kkonsistiet fl-użu diskriminatorju ta’ data dwar il-klijentela tas-suq protett, li, qabel il-liberalizzazzjoni tiegħu, kienet disponibbli għal Servizio Elettrico Nazionale SpA (iktar ’il quddiem “SEN”), waħda mill-kumpanniji tal-grupp ENEL, fil-kwalità tagħha ta’ ġestjonarja ta’ dan il-kuntratt. L-għan intiż kien li din id-data tintuża għat-tnedija ta’ offerti kummerċjali mal-klijentela ta’ dan is-suq sabiex din il-klijentela titmexxa fi ħdan il-grupp ENEL, jiġifieri minn SEN lejn is-sussidjarja tal-grupp attiva fis-suq liberu, jiġifieri Enel Energia SpA (iktar ’il quddiem “EE”). Dan evita t-tluq massiv ta’ din il-klijentela lejn fornituri terzi, b’antiċipazzjoni tal-eliminazzjoni tas-suq protett.

3.        Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika ċerti aspetti tal-kunċett ta’ “sfruttament abbużiv”, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, jiġifieri:

–        l-elementi li jikkostitwixxi aġir li jippermettu li tiġi stabbilita linja demarkatriċi bejn il-prattiki li jaqgħu taħt il-kompetizzjoni msejjħa “normali” u dawk li jaqgħu taħt il-kompetizzjoni “distorta”;

–        fuq livell iktar filosofiku, l-interessi protetti mill-Artikolu 102 TFUE, sabiex jiġu ddeterminati l-provi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ aġir abbużiv;

–        l-ammissibbiltà u r-rilevanza tal-provi prodotti ex post mill-impriżi dominanti li juru l-assenza ta’ effetti reali ta’ aġir allegatament abbużiv, sabiex tiġi kkontestata l-kapaċità ta’ dan l-aġir li jipproduċi effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni; u

–        ir-rilevanza tal-intenzjoni restrittiva tal-kompetizzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ aġir.

4.        Għalkemm il-ġurisprudenza eżistenti toffri punti ta’ gwida sabiex jingħataw risposti utli għal dawn id-domandi, din il-kawża għandha karatteristiċi li, minħabba fihom, hija ta’ interess partikolari.

5.        Qabelxejn, l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa, ġustament, deskritt bħala “atipiku” mill-qorti tar-rinviju, sa fejn huwa ma huwiex wieħed mit-tipi ta’ aġir elenkati fl-Artikolu 102 TFUE u ma jikkostitwixxix tip ta’ aġir li kien sistematikament is-suġġett ta’ analiżi fil-prattika deċiżjonali nazzjonali jew tal-Kummissjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, nosserva li l-qrati tal-Unjoni kellhom l-opportunità japplikaw l-Artikolu 102 TFUE fil-kuntest tas-swieq illiberalizzati sabiex jiġi żgurat aċċess ekwu għall-impriżi l-ġodda tas-suq illiberalizzat. Madankollu, dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw fil-parti l-kbira tagħhom aġir implimentat fil-kuntest ta’ kawżi marbuta mal-industriji ta’ network mill-operatur storiku, li kien jikkostitwixxi prattiki ta’ esklużjoni abbażi ta’ prezz (3). Għalhekk, din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità teżamina kwistjoni iktar wiesgħa tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għas-swieq illiberalizzati, jiġifieri meta l-aġir abbużiv ikun ibbażat fuq vantaġġ kompetittiv li operatur storiku “wiret” leġittimament mill-monopolju legali preċedenti tiegħu, bħalma huma l-immaġni tat-trade mark, ir-reputazzjoni jew il-klijentela (4).

6.        Sussegwentement, din il-kawża tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkristalizza l-ġurisprudenza reċenti tagħha li tirriżulta mis-sentenziTeliaSonera (5), Post Danmark I u II (6), Intel (7), Generics (UK) (8) u Deutsche Telekom II, li fihom hija dehret miftuħa għal approċċ inqas formali biex tevalwa n-natura abbużiva ta’ aġir, fuq il-bażi ta’ eżami tal-effetti, u b’teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-karatteristiċi legali tal-aġir inkwistjoni kif ukoll tal-kuntest ekonomiku li fih iseħħ. B’mod iktar speċifiku, din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità tispeċifika jekk ċerti prinċipji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza reċenti dwar il-prattiki ta’ esklużjoni bbażati fuq prezz, u b’mod partikolari, il-kriterju tal- “kompetitur daqstant effikaċi” jistgħux japplikaw fil-kuntest ta’ aġir ta’ esklużjoni li ma huwiex ibbażat fuq prezz, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

7.        Fl-aħħar nett, din il-kawża hija ta’ interess partikolari peress li hija relatata ma’ tip ta’ aġir marbut mal-użu abbużiv ta’ database, li sar indikatur importanti ħafna ta’ poter f’ċerti swieq, anki iktar mill-ekonomija diġitali. Il-gwida pprovduta tista’ għalhekk tkun utli fil-futur għall-evalwazzjoni tal-aġir marbut mal-użu ta’ data fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE.

II.    Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.        Din il-kawża saret fil-kuntest tal-proċess progressiv tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-provvista bl-imnut tal-enerġija elettrika fl-Italja.

9.        Fl-ewwel lok, il-ftuħ ta’ dan is-suq kien ikkaratterizzat b’distinzjoni bejn, minn naħa, il-klijenti msejħa “eliġibbli” li jagħżlu fornitur fis-suq liberu differenti mid-distributur territorjalment kompetenti tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-klijenti msejħa “maqbudin”, konsistenti f’individwi u impriżi żgħar li, peress li jiġu kkunsidrati bħala li ma humiex f’pożizzjoni li jinnegozjaw il-prodotti enerġetiċi b’għarfien sħiħ tal-fatti u f’pożizzjoni ta’ saħħa, ibbenefikaw minn sistema rregolata, jiġifieri s-“servizio di maggior tutela” (is-servizz ta’ protezzjoni aħjar), jiġifieri suq protett suġġett għall-kontroll ta’ awtorità settorjali regolatorja nazzjonali għal dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ.

10.      Fit-tieni lok, il-klijenti “maqbudin” ġew huma wkoll progressivament awtorizzati jieħdu sehem fis-suq liberu. Il-leġiżlatur Taljan ippjana t-tranżizzjoni definittiva mis-suq protett għas-suq liberu – fejn dawn tal-aħħar setgħu jagħżlu liberament l-offerta meqjusa l-iktar xierqa għall-bżonnijiet tagħhom lil hinn minn kull protezzjoni ‑ billi ffissa d-data li b’effett minnha l-protezzjonijiet speċjali fil-qasam tal-prezzijiet ma jibqgħux disponibbli iktar. Wara diversi posponimenti, id-data għat-tranżizzjoni ġiet stabbilita għall‑1 ta’ Jannar 2021 għall-impriżi żgħar u medji u għall‑1 ta’ Jannar 2022 għall-familji..

11.      Huwa f’dan il-kuntest li ENEL, l-impriża vertikalment integrata li għandha l-monopolju fuq il-produzzjoni tal-enerġija elettrika fl-Italja u hija attiva fid-distribuzzjoni tal-istess enerġija, kienet ġiet suġġetta għal proċedura ta’ dissoċjazzjoni (“unbundling”), sabiex ikunu ggarantiti kundizzjonijiet ta’ aċċess trasparenti u nondiskriminatorji għall-infrastrutturi essenzjali tal-produzzjoni u ta’ distribuzzjoni. Wara din il-proċedura, id-diversi fażijiet tal-proċess ta’ distribuzzjoni ġew allokati lil impriżi distinti, jiġifieri, E-Distribuzione, konċessjonarja tas-servizz ta’ distribuzzjoni, EE, fornitriċi tal-elettriku fis-suq liberu, u SEN, ġestjonarja b’mod partikolari tas-“servizz ta’ protezzjoni aħjar” li fih E-Distribuzione hija l-konċessjonarja tas-servizz ta’ distribuzzjoni.

12.      Din il-kawża għandha l-oriġini tagħha f’ilment li wasal għand l-AGCM, imressaq mill-Associazione Italiana di Grossisti di Energia e Trader (l-Assoċjazzjoni Taljana tal-grossisti u kummerċjanti tal-enerġija, iktar ’il quddiem l-“AIGET”), u r-rapporti tal-konsumaturi individwali intiżi li jirrapportaw l-użu illeċitu ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva min-naħa tal-operaturi li għandhom din id-data minħabba li jappartjenu lill-grupp Enel. Huwa b’dan il-mod li fl‑4 ta’ Mejju 2017, l-AGCM fetħet investigazzjoni kontra Enel, SEN, u EE sabiex tivverifika jekk l-aġir konġunt tal-kumpanniji inkwistjoni kienx jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

13.      Din l-investigazzjoni ġiet konkluża bl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li permezz tagħha l-AGCM ikkonstatat li SEN u EE, bil-koordinazzjoni tal-kumpannija omm Enel, kienu ħatja, b’effett mix-xahar ta’ Jannar 2012 u sax-xahar ta’ Mejju 2017, ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE fis-swieq tal-bejgħ tal-enerġija elettrika lill-utenti domestiċi u mhux domestiċi konnessi man-network ta’ vultaġġ baxx, fiż-żoni fejn il-grupp Enel kien imexxi l-attività ta’ distribuzzjoni (iktar ’il quddiem is-“suq inkwistjoni”). Konsegwentement, l-AGCM imponiet solidarjament fuq il-kumpanniji ċċitati iktar ’il fuq multa fl-ammont ta’ EUR 93 084 790.50.

14.      L-aġir ikkontestat ikkonsista fl-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ esklużjoni mis-suq inkwistjoni bil-għan li “jmexxu” l-klijentela ta’ SEN (ġestjonarja tas-suq protett) lejn EE (attiva fis-suq liberu). L-għan tal-grupp Enel kien, b’mod partikolari, li jevita tluq massiv tal-utenti ta’ SEN lejn fornituri terzi, b’antiċipazzjoni tal-eliminazzjoni (li għadha ma seħħitx) tas-suq protett, li, skont il-modalitajiet diskussi fl-abbozzi ta’ liġi sa mis-sena 2015, seta’ jinvolvi riallokazzjoni ta’ dawn l-utenti permezz tal-“irkant”.

15.      Għal dan il-għan, skont l-AGCM, fl-ewwel lok, SEN ġabret il-kunsens tal-klijenti tagħha tas-suq protett biex jirċievu offerti kummerċjali fis-suq liberu permezz ta’ “modalitajiet diskriminatorji”, billi talbet dan il-kunsens b’mod separat għall-kumpanniji tal-grupp ENEL, minn naħa, u għal terzi, min-naħa l-oħra. B’dan il-mod, il-klijenti kkuntattjati kien ikollhom it-tendenza, minn naħa, li jagħtu l-kunsens tagħhom lil kumpanniji tal-grupp Enel, peress li kienu effettivament jitwasslu sabiex jemmnu li l-għoti ta’ tali kunsens kien neċessarju u utli għall-ġestjoni tar-rapport kuntrattwali mal-fornitur tagħhom u, min-naħa l-oħra, jirrifjutaw li jagħtu l-kunsens tagħhom lil operaturi oħra. Għaldaqstant SEN applikat b’dan il-mod limitu kwantitattiv għall-ammont ta’ data personali aċċessibbli għall-operaturi kompetituri ta’ EE fis-suq liberu, fejn in-numru ta’ kunsensi għal offerti kummerċjali proposti anki mill-operaturi kompetituri kienu jirrappreżentaw biss 30 % mill-kunsensi kollha miksuba. L-ismijiet tal-klijenti tas-suq protett li aċċettaw li jirċievu offerti kummerċjali tniżżlu fuq listi speċifiċi (iktar ’il quddiem il-“listi SEN”).

16.      Fit-tieni lok, l-istrateġija ta’ esklużjoni mmaterjalizzat ruħha bl-użu min-naħa ta’ EE tal-listi SEN biex tniedi offerti kummerċjali għall-klijentela protetta (jiġifieri l-offerta “Sempre con Te”), bil-għan li tmexxiha mis-suq protett lejn suq liberu. Għaldaqstant, permezz ta’ SEN, ENEL ittrasferiet għas-sussidjarja tagħha EE, il-listi SEN taħt kundizzjonijiet inaċċessibbli għall-kompetituri. Skont l-AGCM, dawn il-listi SEN għandhom “valur strateġiku imprezzabbli” minħabba l-informazzjoni, li ma tinstabx banda oħra, jiġifieri l-appartenenza tal-utenti għas-“servizz ta’ protezzjoni aħjar”, li tippermetti lil EE li tipproponi offerti mmirati biss għal din il-kategorija ta’ klijenti. Barra minn hekk, l-użu tal-imsemmija listi SEN kien ikollu “sempliċi potenzjal restrittiv” inkwantu kien jippermetti lil EE li tieħu mingħand il-kompetituri tagħha parti sinjifikattiva (ogħla minn 40 %) tad-“domanda disputabbli” tal-klijenti li jitilqu mis-suq protett għas-suq liberu.

17.      Il-kumpanniji tal-grupp Enel ippreżentaw rikorsi separati kontra d-deċiżjoni kontenzjuża quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), il-qorti tal-ewwel istanza.

18.      Permezz tas-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2019, din il-qorti, filwaqt li kkonstatat l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, laqgħet parzjalment ir-rikorsi ippreżentati minn EE u minn SEN għal dak li jikkonċerna d-dewmien tal-abbuż allegat u l-kriterji użati għall-kalkolu tal-multa. B’eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi, l-AGCM naqqset l-ammont tal-multa ta’ EUR 27 529 786.46 Għall-kuntrarju, l-imsemmija qorti ċaħdet kompletament ir-rikors ippreżentat minn Enel u kkonfermat ukoll is-sanzjoni imposta.

19.      Dawn it-tliet kumpanniji appellaw separatament minn dawn is-sentenzi quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, biex jiksbu l-annullament tad-deċiżjonijiet li jimponu l-multi, jew, sussidjarjament, tnaqqis ieħor tal-multa.

20.      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti invokaw, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, l-assenza ta’ prova tan-natura abbużiva tal-aġir tagħhom, u b’mod partikolari tal-kapaċità (potenzjali) li jipproduċi effetti ta’ esklużjoni.

21.      L-ewwel nett, is-sempliċi inklużjoni ta’ isem klijent fuq lista ta’ telemarketing għal skopijiet ta’ promozzjoni tas-servizzi ta’ kumpanniji sussidjarji ma tikkostitwixxix aġir abbużiv, peress li ma tinvolvi ebda impenn fir-rigward tal-provvista u ma tipprekludix lill-klijent li jitniżżel f’listi oħrajn, li jirċievi messaġġi kummerċjali u li jagħżel jew ibiddel f’kull ħin, inkluż diversi drabi, lill-fornitur.

22.      Imbagħad, skont l-appellanti, l-użu tal-listi SEN ma setax jippermetti trasferiment mgħaġġel u ta’ massa ta’ klijenti minn SEN għal EE. Fil-fatt, bejn Marzu u Mejju 2017, l-uniċi xahrejn li għaddew bejn it-tnedija tal-offerta “Sempre con Te” u l-għeluq tal-bejgħ bit-telefon (“teleselling outbound”), EE kisbet, bl-użu tal-listi SEN, bilkemm 478 klijenti, jiġifieri 0.002 % tal-utenti tas-“Servizz ta’ protezzjoni aħjar” u 0.001 % mit-total ta’ utenti tal-elettriku. Barra minn hekk, l-AGCM ma eżaminatx il-provi ekonomiċi prodotti mill-appellanti li juru li l-aġir ikkonstatat ma setax jipproduċi u ma pproduċiex effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, ir-riżultati pożittivi rreġistrati minn EE fil-kisba ta’ klijenti li jaqgħu taħt is-“Servizz ta’ protezzjoni aħjar” huma dovuti għal żewġ fatturi perfettament legali li jistgħu jipprovdu spjegazzjoni alternattiva u iktar konvinċenti minn dik irrakkomandata mill-AGCM, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li l-prestazzjoni fis-suq liberu kien aħjar għall-kumpanniji tal-grupp ENEL li minnu jifforma parti d-distributur territorjalment kompetenti tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-kapaċità ta’ attrazzjoni tat-trade mark ENEL.

23.      Fl-aħħar nett, il-listi SEN la huma strateġiċi u lanqas imprezzabbli, peress li jeżistu fis-suq listi simili ta’ klijenti tas-“Servizz ta’ protezzjoni aħjar”, iktar kompluti u inqas onerużi mil-listi SEN.

24.      Fit-tieni lok, ENEL ikkontestat l-applikazzjoni mill-AGCM ta’ preżunzjoni sempliċi li tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha bħala kumpannija omm. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, b’effett mis-sena 2014, saret operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni organika qawwija tal-grupp Enel, li in segwitu għaliha l-proċess deċiżjonali ġie ddeċentralizzat. F’dan il-kuntest organizzazzjonali mmodifikat, il-kumpannija omm kellha s-sempliċi funzjoni li tippromwovi s-sinerġiji u l-aħjar prattiki bejn id-diversi kumpanniji operazzjonali, filwaqt li tabbanduna r-rwol deċiżjonali tagħha.

25.      Skont il-qorti tar-rinviju, li għaqqdet it-tliet rikorsi, ma hemmx dubju li l-grupp ENEL għandu pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ “sfruttament abbużiv”, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-abbużi “atipiċi”, bħal dak tal-kawża prinċipali li huwa intiż li jipprekludi t-tkabbir jew id-diversifikazzjoni tal-offerta tal-kompetituri, iqajjem problemi ta’ interpretazzjoni, inkwantu, minn naħa, l-Artikolu 102 TFUE ma joffrix parametri ta’ definizzjoni eżawrjenti u, inkwantu, min-naħa l-oħra, id-distinzjoni tradizzjonali magħmula bejn l-abbużi ta’ sfruttament u l-abbużi ta’ esklużjoni ma hijiex rilevanti.

26.      Fil-fatt, sabiex jiġi kkonstatat abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, inter alia, sa fejn għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-istrateġija tal-grupp Enel, li, kif jirriżulta mid-dokumenti miġbura mill-AGCM, kienet intiża li tipprekludi t-tluq ta’ klijenti minn SEN għal għand il-kompetituri jew mill-fatt li l-aġir ta’ dan il-grupp huwa minnu nnifsu legali inkwantu l-listi SEN inkisbu b’mod legali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk huwiex suffiċjenti li l-aġir inkwistjoni jista’ jeskludi lill-kompetituri mis-suq rilevanti peress li l-imsemmi grupp ipproduċa, matul l-investigazzjoni, studji ekonomiċi li huma intiżi li juru li l-aġir tiegħu ma kellux, b’mod konkret, effetti ta’ esklużjoni. Fl-aħħar nett, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ grupp ta’ impriżi jqajjem il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tinġieb prova ta’ koordinazzjoni attiva bejn il-kumpanniji differenti li joperaw fi ħdan il-grupp jew jekk l-appartenenza għal dan il-grupp hijiex biżżejjed biex tiġi kkonstatata l-parteċipazzjoni fil-prattika abbużiva, anki jekk minn impriża tal-grupp li ma implimentatx l-aġir abbużiv.

27.      F’dan il-kuntest, minħabba d-dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 102 TFUE, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ħames domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-aġir li jimmaterjalizza l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti […] jista’ jkun perfettament legali u jiġi kklassifikat biss bħala ‘abbużiv’ minħabba l-effett (potenzjalment) restrittiv prodott fis-suq ta’ referenza; jew għandu jkun ikkaratterizzat wkoll minn komponent speċifiku ta’ illegalità, ikkostitwit bl-użu ta’ ‘metodi (jew mezzi) kompetittivi oħra’ li ma humiex metodi jew mezzi ‘normali’[?]; u, f’dan l-aħħar każ, abbażi ta’ liema kriterji nistgħu nistabilixxu linja demarkatriċi bejn kompetizzjoni ‘normali’ u kompetizzjoni ‘distorta’?

2)      L-għan tar-regola li tippenalizza l-abbuż huwa li jimmassimizza l-benesseri tal-konsumaturi, li tiegħu l-qorti għandha l-obbligu li tkejjel it-tnaqqis (jew ir-riskju ta’ tnaqqis); jew is-sanzjoni tal-prattika antikompetittiva għandha l-kompitu li tippreserva fiha nnifisha l-istruttura kompetittiva tas-suq, sabiex tipprevjeni l-ħolqien ta’ aggregazzjonijiet ta’ poter ekonomiku, meqjusa fi kwalunkwe każ bħala ta’ ħsara għall-komunità?

3)      Fil-każ ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fit-tentattiv ta’ preklużjoni taż-żamma tal-livell eżistenti ta’ kompetizzjoni jew l-iżvilupp tagħha, l-impriża dominanti madankollu hija ammessa li tipprova li - minkejja l-kapaċità astratta li tipproduċi l-effett restrittiv - l-aġir ikun irriżulta nieqes minn kwalunkwe dannu konkret [?]; u, fil-każ ta’ tweġiba affermattiva, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ abbuż b’esklużjoni atipika, l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Awtorità tal-Kompetizzjoni għandha l-obbligu li teżamina fid-dettall l-analiżi ekonomiċi prodotti mill-parti rigward il-kapaċità konkreta tal-aġir taħt investigazzjoni biex jiġu esklużi kompetituri mis-suq?

4)      L-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti għandi jiġi evalwat biss mill-perspettiva tal-effetti tiegħu fuq is-suq (anke jekk biss dawk potenzjali) mingħajr ma jitqies il-motiv suġġettiv tal-operatur; jew l-prova ta’ intenzjoni restrittiva tikkostitwixxi parametru li jista’ jintuża (inkluż fuq bażi esklużiva) biex tiġi evalwata n-natura abbużiva tal-aġir tal-kumpanija dominanti; jew din il-prova tal-element suġġettiv isservi biss biex jiċċaqlaq l-oneru tal-prova għall-impriża dominanti (li jkun meħtieġ, f’dan l-istadju, biex tipprovdi prova li l-effett eskludenti ma seħħx)?

5)      Fil-każ ta’ pożizzjoni dominanti li tinvolvi pluralità ta’ kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp ta’ kumpanniji, l-appartenenza f’dan il-grupp hija biżżejjed sabiex jiġi preżunt li anke kumpanniji li ma wettqux l-aġir abbużiv ikkontribwixxew għall-prattika antikompetittiva – b’tali mod li għall-Awtorità tal-Kompetizzjoni jkun suffiċjenti li turi operazzjoni konxja, għalkemm mhux kollużiva, parallela ta’ kumpanniji li joperaw fi ħdan il-grupp dominanti kollettivament [?] - jew (kif inhu l-każ bil-projbizzjoni ta’ akkordji) huwa meħtieġ fi kwalunkwe każ li tiġi pprovduta prova, anke indiretta, ta’ sitwazzjoni konkreta ta’ koordinazzjoni u strumentalizzazzjoni bejn il-kumpanniji varji tal-grupp li jokkupaw pożizzjoni dominanti, b’mod partikolari sabiex jintwera l-involviment tal-kumpannija omm?”

28.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn SEN, EE, ENEL, minn naħa, u mill-AGCM, min-naħa l-oħra, bħala rikorrenti u konvenuta rispettivament fil-kawża prinċipali, mill-AIGET, minn Green Network SpA., bħala intervenjenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Taljan u Norveġiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, SEN, EE u l-Gvern Norveġiż iffokaw fuq l-ewwel sar-raba’ domanda u ENEL eżaminat biss il-ħames domanda.

29.      Ħlief għal ENEL, il-partijiet kollha ttrattaw ukoll waqt is-seduta li nżammet fid‑9 ta’ Settembru 2021. Il-Gvern Ġermaniż u l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), li ma kinux ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, ittrattaw ukoll oralment waqt din is-seduta.

III. Analiżi

A.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

30.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk prattika meqjusa li hija “perfettament legali” lil hinn mid-dritt tal-kompetizzjoni u implimentata minn impriża b’pożizzjoni dominanti tistax tkun ikklassifikata bħala “abbużiva” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, minħabba biss l-effett (potenzjalment) restrittiv, jew jekk dan l-aġir għandux ikun ikkaratterizzat ukoll minn komponent speċifiku ta’ “illegalità oġġettiva”, ikkostitwit bl-użu ta’ mezzi oħra li ma humiex mezzi li jirregolaw “kompetizzjoni normali”. F’dan l-aħħar każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tindika l-kriterji li jistabbilixxu b’mod konkret il-linja demarkatriċi bejn kompetizzjoni “normali” u kompetizzjoni “distorta” (9).

31.      Din id-domanda preliminari fiha, fir-realtà, erba’ partijiet, li huma instrinsikament relatati ma’ xulxin, iżda li, għal semplifikazzjoni, ser nittratta individwalment skont l-ordni li fih tressqu:

–        l-ewwel parti hija intiża li tistabbilixxi r-rilevanza tal-legalità ta’ aġir fid-dawl tal-partijiet mid-dritt li ma huwiex id-dritt tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE;

–        it-tieni waħda hija intiża li tivverifika jekk aġir jistax ikun ikklassifikat bħala abbużiv minħabba l-fatt biss li jipproduċi effetti potenzjalment restrittivi;

–        it-tielet waħda hija intiża li tiddetermina jekk, għal tali klassifikazzjoni, dan l-aġir għandux, barra minn hekk, ikun ikkaratterizzat b’element ta’ illegalità komplementari, jiġifieri bl-użu ta’ metodi jew mezzi kompetittivi oħra li ma humiex dawk li jaqgħu taħt “kompetizzjoni normali”, u;

–        ir-raba’ waħda hija intiża li tiddistingwi bejn il-prattiki li jikkostitwixxu sfruttament abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, inkwantu jikkonstitu fl-użu ta’ mezzi kompetittivi minbarra dawk li jaqgħu taħt “kompetizzjoni normali”, u prattiki li ma jagħtux lok għal tali sfruttament abbużiv.

1.      Fuq l-ewwel parti

32.      Permezz tal-ewwel parti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għall-iskopijiet tal-Artikolu 102 TFUE, abbuż minn pożizzjoni dominanti jistax jiġi kkonstatat fil-preżenza ta’ aġir legali fid-dawl tal-partijiet mid-dritt li ma huwiex id-dritt tal-kompetizzjoni.

33.      Din il-kwistjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju li abbażi tagħha l-modalitajiet ta’ kisba tal-kunsens tal-listi SEN kienu inkontestabbilment legali fuq il-livell tad-dritt ċivili sa fejn l-ebda lment ma ġie ppreżentat fir-rigward ta’ ksur allegat tar-regoli speċifiċi li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali u sa fejn dawn il-lista nkisbu minn EE bil-prezz tas-suq.

34.      B’mod preliminari, infakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ “sfruttament abbużiv” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, huwa “kunċett oġġettiv li jkopri l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq fejn, preċiżament wara l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà dgħajjef, għandu bħala effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali ta’ prodotti jew ta’ servizzi fuq il-bażi ta’ servizzi tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni li għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni” (10).

35.      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “sfruttament abbużiv” huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni oġġettiva tal-kapaċità ta’ aġir li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, mingħajr ma tkun deċiżiva l-klassifikazzjoni legali ta’ dan l-aġir taħt partijiet oħra mid-dritt.

36.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-illegalità ta’ aġir abbuż fid-dawl tal-Artikolu [102 TFUE] ma għandhiex rabta mal-konformità jew in-nuqqas ta’ konformità tagħha ma’ regoli legali oħra u li l-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti jikkonsistu, fil-parti l-kbira tal-każi, f’aġir li altrimenti jkun legali fir-rigward ta’ oqsma oħra tad-dritt apparti d-dritt tal-kompetizzjoni” (11).

37.      Fil-fatt, kieku jkunu biss il-prattiki li jkunu kemm oġġettivament restrittivi fuq il-kompetizzjoni kif ukoll ġuridikament illegali, li jitqiesu bħala abbużivi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, dan ikun jimplika li l-aġir, minħabba biss il-legalità tiegħu, għalkemm potenzjalment restrittiv fuq il-kompetizzjoni, ma jkunx jista’ jiġi ssanzjonat taħt l-Artikolu 102 TFUE. Issa, tali riżultat ifisser li hemm ir-riskju li abbuż minn pożizzjoni dominanti prattikament qatt ma jkun jista’ jiġi kkonstatat, ħaġa li tippreġudika l-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta fis-suq intern. Fil-każ kuntrarju, aġir li ma huwiex konformi mar-regoli legali ta’ settur partikolari ma jikkostitwixxix neċessarjament abbuż min-naħa tal-impriża dominanti, meta huwa ma jkunx jista’ jikkawża preġudizzju, anki potenzjali, lill-kompetizzjoni (12).

38.      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-legalità tal-kisba tal-kunsens tal-listi SEN fir-rigward tar-regoli tad-dritt ċivili ma tistax teskludi l-klassifikazzjoni tal-aġir bħala abbużiv fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-kuntest leġiżlattiv li jirregola l-ipproċessar tad-data personali, il-modalitajiet ta’ kisba tal-kunsens setgħux ikunu “diskriminatorji”, kif issostni l-AGCM (13). F’dan is-sens, il-kuntest legali speċifiku applikabbli (u l-konformità miegħu) jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza fattwali rilevanti tal-evalwazzjoni globali tan-natura abbużiva tal-aġir (14).

2.      Fuq it-tieni parti

39.      Permezz tat-tieni parti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk aġir jistax ikun ikklassifikat bħala abbużiv minħabba biss l-effett (potenzjalment) restrittiv li jkollu fuq is-suq ta’ referenza.

40.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-kunċett ta’ “sfruttament abbuż”, deskritt iktar ’il fuq, jimplika li l-aġir issanzjonat mill-Artikolu 102 TFUE huwa dak li jostakola ż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq jew l-iżvilupp tagħha (15). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-Artikolu 102 TFUE, hija l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (16).

41.      B’mod iktar preċiż, fil-kuntest ta’ prattiki ta’ esklużjoni, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (17), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, minn naħa, li n-natura abbużiva ta’ aġir tippreżumi li dan kellu l-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni kkontestati (18), fejn din l-evalwazzjoni għandha ssir fir-rigward taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha relatati mal-imsemmi aġir (19). Min-naħa l-oħra, sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ tali prattika, l-effett antikompetittiv tagħha fis-suq ma għandux ikun purament ipotetiku (20), u għalhekk għandu jeżisti, iżda ma għandux neċessarjament ikun konkret, peress li huwa suffiċjenti li jkun hemm dimostrazzjoni ta’ effett antikompetittiv potenzjali ta’ natura li jeskludi lill-kompetituri li huma tal-inqas daqstant effikaċi daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti (21).

42.      Minn dan isegwi li l-kapaċità li jipproduċi effett (potenzjalment) restrittiv fuq is-suq rilevanti, bħalma huwa l-effett ta’ esklużjoni antikompetittiva, tikkostitwixxi l-element essenzjali biex aġir jiġi kklassifikat bħala abbużiv.

43.      Madankollu, f’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li effett ta’ esklużjoni ma jippreġudikax neċessarjament il-kompetizzjoni u għaldaqstant mhux dejjem ikun “ “restrittiv […] fis-suq ta’ referenza”, biex nuża l-kliem użat fil-formulazzjoni tad-domanda. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li ċertu aġir ikollu l-kapaċità li jqaċċat kompetitur ma jrendix lis-suq inqas kompetittiv u, a fortiori, dan l-aġir abbużiv fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Hemm lok għalhekk li ssir distinzjoni bejn ir-riskju ta’ esklużjoni u r-riskju ta’ esklużjoni antikompetittiva, filwaqt li huwa unikament dan tal-aħħar li jista’ jiġi ssanzjonat abbażi tal-Artikolu 102 TFUE (22).

44.      Fil-fatt, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Intel, “l-Artikolu 102 TFUE bl-ebda mod ma għandu bħala għan li jimpedixxi lil impriża li tikseb, fuq mertu tagħha stess, il-pożizzjoni dominanti f’suq. Din id-dispożizzjoni lanqas ma hija intiża li tiżgura li kompetituri inqas effettivi mill-impriża f’pożizzjoni dominanti jibqgħu fis-suq. […] Għalhekk, mhux kull effett ta’ esklużjoni neċessarjament jippreġudika l-kompetizzjoni. Mid-definizzjoni tagħha stess, il-kompetizzjoni fuq il-mertu tista’ twassal għat-telf tas-suq jew għall-marġinalizzazzjoni tal-kompetituri inqas effettivi u għalhekk inqas interessanti għall-konsumaturi mill-perspettiva b’mod partikolari tal-prezzijiet, tal-għażla, tal-kwalità jew tal-innovazzjoni” (23). Għalhekk, impriża hija permessa turi li l-prattika tagħha, għalkemm tipproduċi effett ta’ esklużjoni, tibqa’ oġġettivament (ekonomikament) iġġustifikata abbażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami (24) jew li l-effetti huma kkumpensati, jew anki maqbuża, permezz tal-vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effikaċja li minnhom jibbenefika wkoll il-konsumatur (25). Tali bbilanċjar tal-effetti, vantaġġużi u żvantaġġużi għall-kompetizzjoni, tal-prattika kkontestata jista’ jsir biss wara analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni tal-kompetituri li huma tal-inqas daqstant effikaċi, inerenti għall-prattika inkwistjoni (26).

45.      Il-premessa li fuqha huwa bbażat ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa għaldaqstant li jekk kull aġir li għandu effett ta’ esklużjoni (attwali jew potenzjali) jiġi awtomatikament ikklassifikat bħala antikompetittiv u, għaldaqstant, bħala abbużiv fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, din id-dispożizzjoni tkun tikkostitwixxi mezz ta’ protezzjoni għall-impriżi inqas kapaċi u inqas effikaċi u bl-ebda mod ma tkun qegħda tipproteġi dawk l-iktar meritevoli jistgħu jservu ta’ stimulu għall-kompetittività tas-suq.

46.      Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, biex aġir, bħalma huwa prattika ta’ esklużjoni, jiġi kklassifikat bħala abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, jeħtieġ li dan ikun antikompetittiv b’tali mod li jkun jista’ jipproduċi effett (attwalment jew potenzjalment) restrittiv fis-suq ta’ referenza. Madankollu, sabiex tiġi evalwata n-natura antikompetittiva ta’ dan l-aġir, għandu jiġi stabbilit jekk l-impriżi dominanti użatx mezzi oħra li ma humiex dawk li jaqgħu taħt kompetizzjoni “normali”. Hija preċiżament din l-evalwazzjoni li hija s-suġġett tat-tielet u tar-raba’ parti.

3.      Fuq it-tielet parti

47.      Permezz tat-tielet parti, il-qorti tar-rinviju tagħmel domanda ta’ natura metodoloġika, jiġifieri jekk in-neċessità li jintwera li impriża dominanti użat mezzi apparti dawk li jaqgħu taħt kompetizzjoni “normali” tirreferix għal “element ta’ illegalità komplementari” meta mqabbel mal-wiri ta’ effett ta’ esklużjoni antikompetittiva, b’tali mod li “l-kapaċità ta’ ħolqien ta’ restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni” u “l-użu ta’ mezzi li ma humiex dawk li jaqgħu taħt kompetizzjoni normali” huma rekwiżiti distinti li għandhom ikunu ssodisfatti biex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ abbuż.

48.      F’dan ir-rigward, nikkonstata li l-pożizzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, tal-gvernijiet u tal-Kummissjoni huma diverġenti (27). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi l-prova li impriża dominanti rrikorriet għal mezzi li ma humiex dawk li jaqgħu taħt kompetizzjoni “normali” ma tikkostitwixxix rekwiżit li għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni distinta minn dik tal-effett restrittiv tal-aġir.

49.      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-analiżi tal-aġir tal-impriża għandha rwol determinanti għall-klassifikazzjoni tal-effetti bħala antikompetittivi. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ elementi jaqgħu fil-kuntest tal-istess analiżi waħdanija. B’mod iktar preċiż, biex jiġi evalwat jekk l-effett ta’ esklużjoni huwiex (attwalment jew potenzjalment) restrittiv fuq il-kompetizzjoni, jeħtieġ ukoll li jiġi eżaminat jekk il-mezzi jammontawx għall-kompetizzjoni “normali”. Bl-istess mod, biex jiġi identifikat jekk il-mezzi jammontawx għal tali kompetizzjoni, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-prattiki jkunu kapaċi li jeskludu lill-kompetituri, jiġifieri jikkawżaw effetti (attwali jew potenzjali) ta’ esklużjoni f’dan is-suq. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni bħala “antikompetittiv” ta’ aġir ma tistax tkun parti minn eżami separat tal-effetti ta’ dan l-aġir. I ż-żewġ rekwiżiti huma għalhekk intrinsikament marbutin u għandhom ikunu evalwati fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha relatati mal-imsemmi aġir (28).

50.      Minn dan jista’ jiġi konkluż li l-kapaċità ta’ prattika biex tipproduċi effett antikompetittiv, u l-użu ta’ mezzi li ma jikkostitwixxux kompetizzjoni normali, huma rekwiżiti li huma s-suġġett tal-istess eżami li jikkonsisti fl-istabbiliment, ta’ jekk l-imsemmija prattika hijiex abbużiva.

51.      F’dan il-każ, mill-elementi fattwali inklużi fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li l-AGCM tqis li l-aġir inkwistjoni tal-grupp ENEL ipproduċa effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni, sa fejn l-istrateġija implimentata mir-rikorrenti kienet intiża, essenzjalment, li tipprekludi jew li tirrendi iktar diffiċli d-dħul tal-kompetituri ta’ EE fis-suq liberu. Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-aġir li allegatament jikkonkretizza din l-istrateġija setax, tal-inqas potenzjalment, jipproduċi effetti ta’ esklużjoni tal-kompetituri ta’ EE u li tevalwa jekk dan l-effett ta’ esklużjoni setax jippreġudika l-kompetizzjoni, bl-istabbiliment ta’ jekk dan l-aġir jistax jiġi kklassifikat jew le bħala kompetizzjoni “normali”.

4.      Fuq ir-raba’ parti

52.      Permezz tar-raba’ parti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, tistabbilixxi linja ta’ demarkazzjoni bejn il-prattiki li jaqgħu u dawk li ma jaqgħux taħt kompetizzjoni msejħa “normali”. Din il-kwistjoni hija għaldaqstant ċentrali għal dak li jikkostitwixxi sfruttament abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, u hija intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix tali sfruttament.

53.      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li meta l-qorti tar-rinviju tirreferi għall-“kompetizzjoni normali”, hija tuża t-terminu ripetutament użat mill-Qorti tal-Ġustizzja (29) Issa, irrid ninnota li jeħtieġ li l-aġġettiv “normali” jingħata l-istess tifsira bħal dik ta’ formuli oħra użati biex tiddeskrivi din il-kompetizzjoni, b’mod partikolari, “il-kompetizzjoni leali” (30), “il-kompetizzjoni bbażata fuq l-effikaċja” (31) u “l-kompetizzjoni fuq il-mertu” (32), li nipproponi li tintuża minn hawn ’il quddiem (33). Din il-multitudni ta’ formuli tiżvela diffikultà oġġettiva biex jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi l-aġir abbużiv. Fil-fatt, il-formulazzjoni tar-regoli li jippermettu li ssir distinzjoni b’mod ċar bejn l-aġir li jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni, li huwa għalhekk abbużiv, la hija evidenti u lanqas intuwittiva. Din il-kumplessità hija marbuta, inevitabbilment, mad-diffikultà oġġettiva li ssir distinzjoni minn qabel bejn l-aġir li jaqa’ taħt kompetizzjoni aggressiva imma leġittima u l-aġir antikompetittiv (34).

54.      Konxju indubbjament minn din id-diffikultà, il-leġiżlatur tal-Unjoni inkluda, fl-Artikolu 102 TFUE, lista ta’ prattiki abbużivi indikattiva li ma teżawrixxix il-modi ta’ abbuż mill-pożizzjoni dominanti pprojbiti mid-dritt tal-Unjoni (35), li tippermetti għalhekk li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tiġi adattata għad-differenti prattiki kummerċjali tul iż-żmien... Għaldaqstant, prattika deskritta mill-qorti tar-rinviju bħala “atipika”, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma hijiex prattika elenkata fl-Artikolu 102 TFUE, tista’, hija stess, tikkostitwixxi prattika abbużiva. Fil-fatt, sa fejn l-analiżi hija bbażata fuq l-effetti kompetittivi u mhux abbażi tal-forma tal-aġir, awtorità tal-kompetizzjoni titwassal sabiex twettaq verifika rigoruża tal-fatti rilevanti kollha, mingħajr ma tagħmel l-ebda preżunzjoni (36), peress li n-natura “tipika” jew “atipika” ma hijiex għalhekk determinanti.

55.      Peress li l-kunċett ta’ “kompetizzjoni fuq il-mertu” ma huwiex relatat ma’ forma preċiża ta’ prattiki, dan jibqa’ għalhekk astratt, u ma jistax jiġi ddefinit b’mod li jippermetti li jiġi ddeterminat, minn qabel, jekk aġir għandux jiġi kklassifikat jew le bħala tali kompetizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-kunċett ta’ “abbuż fih innifsu” (per se), jiġifieri l-eżistenza ta’ prattiċi intrinsikament abbużivi, indipendentement mill-effett antikompetittiv tagħhom (37). Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “kompetizzjoni fuq il-mertu” jesprimi ideal ekonomiku, fl-isfond tat-tendenza attwali tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li tiffavorixxi analiżi tal-effetti antikompetittivi tal-aġir (“effects-based approach”), minflok analiżi bbażata fuq il-forma tiegħu (“form-based approach”) (38).

56.      Minn dan isegwi li l-punt dwar jekk prattika ta’ esklużjoni taqax taħt mezzi li huma konformi mal-kompetizzjoni fuq il-mertu huwa strettament marbut mal-kuntest fattwali, legali u ekonomiku ta’ din il-prattika. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-responsabbiltà partikolari li taqa’ fuq impriża dominanti jkollha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ (39).

57.      Minkejja n-natura astratta tal-kunċett ta’ “kompetizzjoni fuq il-mertu”, jistgħu jinsiltu xi elementi komuni mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, inqis li l-elementi li ġejjin jistgħu jkunu utli.

58.      Fl-ewwel lok, nirrileva li il-“kompetizzjoni fuq il-mertu” għandha tiġi interpretata b’korrelazzjoni mill-qrib mal-prinċipju, ikkonsolidat ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li l-impriża f’pożizzjoni dominanti hija mgħobbija b’“responsabbiltà partikolari” li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (40). Madankollu, din ir-“responsabbiltà partikolari” ma tistax iċċaħħad impriża li tkun tinsab f’ pożizzjoni dominanti mid-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi kummerċjali proprji tagħha (41). F’dan is-sens, ir-referenza għal “mezzi oħra li ma humiex dawk li huma bbażati fuq il-kompetizzjoni fuq il-mertu” isservi biex tippreċiża l-kontenut ta’ din ir-“responsabbiltà partikolari” li għandha l-impriża dominanti, li tiddetermina l-marġni ta’ azzjoni awtorizzata.

59.      Il-konsegwenza loġika ta’ din ir-“responsabbiltà partikolari” hija li aġir aċċettabbli għal impriża li ma hijiex f’pożizzjoni dominanti jista’ jiġi kklassifikat bħala abbużiv meta jkun implimentat minn impriża f’pożizzjoni dominanti, minħabba l-effett tal-aġir tagħha fis-suq rilevanti. Fil-fatt, prattika ġeneralment segwita jew attivitajiet kummerċjali li normalment jikkontribwixxu biex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti u li għandhom effett pożittiv fuq il-kompetizzjoni jistgħu jirrestrinġu din il-kompetizzjoni meta dawn jiġu eżerċitati minn impriża dominanti (42).

60.      F’dan ir-rigward, f’dan il-każ, nenfasizza li kif jirriżulta mill-punt 49 iktar ’il fuq, il-forma jew it-tip ta’ metodu jew ta’ aġir implimentat mill-impriża dominanti ma huwiex fih innifsu deċiżiv. Dak li huwa rilevanti huwa l-punt dwar jekk l-aġir għandux tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew huwa tali jew kapaċi li r-“responsabbiltà partikolari” tapplika għall-impriżi dominanti kollha, inkluż l-operaturi storiċi li preċedentement kellhom monopolju, bħal ENEL, jew li għandhom obbligu ta’ servizz pubbliku, bħal SEN. Fil-fatt, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja “il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ma timplikax fiha nnifisha kritika fil-konfront tal-impriża kkonċernata, iżda tfisser biss li din għandha, indipendentement mir-raġunijiet għal tali pożizzjoni, responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax permezz tal-aġir tagħha kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni” (43). Għaldaqstant, fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-suq, il-grupp ENEL huwa suġġett għall-Artikolu 102 TFUE, u b’mod partikolari għar-rekwiżit tar-“responsabbiltà partikolari”, bl-istess mod bħall-impriżi l-oħra.

61.      Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-forma jew it-tip ta’ aġir implimentat mill-impriża dominanti ma huwiex deċiżiv fih innifsu. Dak li huwa importati huwa jekk l-aġir jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew huwa ta’ natura li jista’ jkollu tali effett (44). Madankollu, aġir li jitbiegħed manifestament mill-prattiki abitwali tas-suq jista’ jiġi kkunsidrat bħala element fattwali rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva (pereżempju, l-istess bħall-eżistenza ta’ prova tal-intenzjoni (45)).

62.      Fit-tielet lok, mingħajr ma nkun eżawrjenti, nosserva li l-aġir li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kompetizzjoni fuq il-mertu” huwa kkaratterizzat ġeneralment mill-fatt li dan ma jkunx ibbażat fuq raġunijiet ekonomiċi evidenti (46) jew oġġettivi (47). li jistgħu jiġġustifikawh. Għaldaqstant jitqies bħala eżempju ta’ kompetizzjoni fuq il-mertu, l-aġir ta’ tnaqqis tal-ispejjeż tal-impriża dominanti, permezz taż-żieda tal-effikaċja mod ieħor, li għandu l-effett li jwessa’ l-għażla tal-konsumaturi bit-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ġodda jew biż-żieda fil-kwantità jew fil-kwalità offruti sa dakinhar. Għall-kuntrarju, jekk l-aġir ma jirrifletti ebda ġustifikazzjoni barra minn dik li toħloq preġudizzju lill-kompetituri, l-aġir mhux bilfors ikun jaqa’ taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu (48).

63.      Fir-raba’ lok, nirrileva li “kompetizzjoni fuq il-mertu”, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għall-prattiki ta’ esklużjoni, tinkludi, b’mod ġenerali, sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fejn il-konsumaturi jibbenefikaw minn prezzijiet iktar baxxi, kwalità aħjar u għażla iktar wiesgħa ta’ oġġetti u servizzi ġodda jew iktar effiċjenti (49).

64.      Issa, f’dan il-każ, l-iskop stess tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija huwa l-ftuħ ta’ dan is-suq għall-kompetizzjoni sabiex jintlaħqu preċiżament l-effetti benefiċi tal-proċess kompetittiv għall-konsumaturi, kemm fuq il-livell tal-prezz, tal-kwalità kif ukoll tal-għażla tas-servizzi offruti. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ tali proċess, l-aġir tal-operatur storiku ma għandux ikun ta’ natura li jipprekludi jew li jirrendi iktar diffiċli d-dħul fis-suq tal-kompetituri li għandhom ikunu jistgħu joperaw b’mod ugwali fis-suq liberu. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta tista’ tiġi ggarantita biss meta l-ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi tkun żgurata (50).

65.      F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-grupp ENEL, li kellu l-monopolju tal-klijentela tas-suq protett jistax b’mod leġittimu jixtieq li jżomm din il-klijentela fi ħdan il-grupp, minkejja l-proċess ta’ liberalizzazzjoni ta’ dan is-suq. Naħseb li għandha tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda.

66.      Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 102 TFUE bl-ebda mod ma għandu l-għan li jipprekludi li impriża tikseb jew iżżomm, fuq mertu esklużivament tagħha, il-pożizzjoni dominanti fis-suq. Minn dan isegwi li anki l-operaturi storiċi, peress li huma suġġetti għall-kompetizzjoni libera, għandhom jimmassimizzaw il-profitti tagħhom b’mod partikolari biż-żamma tal-klijentela tagħhom. Fil-fatt, il-kisba ta’ klijenti hija element essenzjali tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-grupp ENEL huwa ċertament awtorizzat, saħansitra huwa mistenni, li jimplimenta prattiki intiżi għat-titjib tal-prodotti u tas-servizzi tiegħu sabiex, b’mod partikolari, jibqa’ kompetittiv u jżomm il-klijentela tiegħu. Għalhekk jidhirli li huwa assolutament konformi ma’ kompetizzjoni normali li impriża dominanti, bħal ENEL, tkun tixtieq iżżomm il-klijentela tagħha, anki fil-kuntest ta’ liberalizzazzjoni. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni ta’ “strateġija” għaż-żamma tal-klijentela, ma tistax, fiha nnifisha, tikkostitwixxi abbuż, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

67.      F’dan il-kuntest, jidhirli li l-ġbir tad-data, fil-kuntest tar-relazzjoni mal-klijentela, jibqa’ bħala prinċipju sfruttament normali fi proċess kompetittiv “normali”. Madankollu, fil-kuntest ta’ tali sfruttament, minħabba preċiżament il-fatt li hija dominanti, ENEL għandha “responsabbiltà partikolari” li tadotta prattiki ta’ kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu li ma jwasslux għal frammentazzjoni tas-suq. Għalhekk, ENEL ma għandhiex tadotta prattiki li, minħabba l-isfruttament tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-monopolju legali, jistgħu jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri ġodda meqjusa li huma daqstant effikaċi bħalha (51).

68.      Huwa f’dan ir-rigward li, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi evalwata, fil-ħames lok, il-kapaċità tal-kompetituri li jimitaw l-aġir tal-impriża dominanti. Din l-evalwazzjoni hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prattika inkwistjoni taqax taħt kompetizzjoni fuq il-mertu u għaldaqstant, in-natura restrittiva tal-kompetizzjoni.

69.      Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma fl-opinjoni tiegħi li l-prattiki ta’ esklużjoni ta’ impriża dominanti li jistgħu jkunu rreplikati minn kompetituri daqstant effikaċi, ma jirrapreżentawx, bħala prinċipju, aġir li jista’ jwassal għal esklużjoni antikompetittiva u jaqgħu għalhekk taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu (52).

70.      Minn naħa, fil-kuntest tal-prattiki ta’ esklużjoni bbażati fuq il-prezz – bħal dawk tat-tnaqqis għal fedeltà, il-prattiki ta’ prezzijiet baxxi fil-forma ta’ prezzijiet selettiva jew ta’ prezzijiet predatorji, kif ukoll ta’ kompressjoni tal-marġni(53) – tali replikabbiltà hija evalwata, bħala regola ġenerali, iżda mhux dejjem, fuq il-bażi tat-test imsejjaħ tal-“kompetitur daqstant effikaċi” (iktar ’il quddiem it-“test KDE”) (54). Il-modalitajiet partikolari ta’ dan it-test ivarjaw abbażi tat-tip ta’ prattika inkwistjoni, iżda l-punt komuni jikkonsisti fl-eżami dwar jekk prattika bbażata fuq il-prezz hijiex ekonomikament vijabbli għall-kompetitur ta’ impriża dominanti, permezz tal-użu bħala element ta’ referenza, bħala prinċipju u b’mod prijoritarju, tar-relazzjoni bejn il-prezz u l-ispejjeż, ta’ din tal-aħħar (55). Fi kliem ieħor, l-imsemmi test jikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ jekk dan l-aġir jistax ikun irreplikat minn kompetitur daqstant effikaċi bit-tqegħid tal-impriża dominanti f’post il-kompetitur daqstant effikaċi sabiex jiġi vverifikat jekk dan iġarrabx l-effetti ta’ esklużjoni tal-prattika inkwistjoni. Dan it-test huwa konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali sa fejn jippermetti lil impriża dominanti tevalwa minn qabel il-legalità ta’ aġir fuq il-bażi tal-ispejjeż proprji tagħha (56).

71.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prattiki ta’ esklużjoni li ma humiex ibbażati fuq il-prezz – pereżempju, il-każijiet ta’ rifjut ta’ provvista – il-ġurisprudenza tidher li tikkonferma r-rilevanza tal-kriterju ta’ replikabbiltà, sa fejn l-għażla ta’ impriża dominanti li tirriżerva għaliha nnifisha n-network ta’ distribuzzjoni tagħha ma tikkostitwixxix rifjut ta’ provvista li jmur kontra l-Artikolu 102 TFUE meta huwa possibbli għal kompetitur li joħloq network ieħor għad-distribuzzjoni ta’ daqs komparabbli. Fi kliem ieħor, ma hemmx abbuż jekk il-provvisti rrifjutati mill-impriża dominanti jistgħu jiġu dduplikati mill-kompetituri daqstant effikaċi billi jixtruhom mingħand fornituri oħrajn jew billi jiżviluppawhom huma stess (57). Bl-istess mod, fil-kuntest tal-bejgħ marbut u abbinat (“tying and mixed bundling”), l-element tar-riproduzzjoni ta’ prodott għandu importanza partikolari għad-determinazzjoni tal-każ ta’ esklużjoni antikompetittiva potenzjali jew reali (58).

72.      F’dan il-każ, l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont l-AGCM, ma jikkonċernax prattika abbażi ta’ prezz, iżda strateġija illegali kumplessa li hija kkaratterizzata mill-isfruttament ta’ data li għaliha l-grupp ENEL kellu aċċess minħabba l-monopolju legali u preċedenti tiegħu. Għalhekk jidher li din il-prattika ma hijiex marbuta ma’ teorijia ta’ esklużjoni abbażi ta’ prezz, u li, minħabba l-monopolju legali, kien oġġettivament impossibbli għall-kompetituri, qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq, li jirriproduċu l-istrateġija attribwita lir-rikorrenti. Minn dan isegwi li t-test KDE ċertament ma huwiex il-kriterju l-iktar xieraq għall-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-kompetituri daqstant effikaċi li jimitaw l-aġir tal-impriża dominanti.

73.      Madankollu, il-loġika li fuqha huwa bbażat it-test KDE, li huwa intiż essenzjalment għall-evalwazzjoni ta’ jekk impriża dominanti setgħetx tipprevedi, abbażi tad-data magħrufa lilha, jekk kompetitur setax, minkejja l-aġir inkwistjoni, jopera b’mod ekonomikament vijabbli billi jibqa’ kompetittiv fis-suq, tibqa’, fl-opinjoni tiegħi dejjem rilevanti. Għalhekk, test ibbażat fuq il-loġika ta’ dan it-test ikun jikkonsisti fil-verifika dwar jekk, abbażi tal-informazzjoni li hija preżunta magħrufa mill-impriża, il-kompetituri setgħux ikollhom aċċess, b’mod ekonomikament vijabbli għal listi paragunabbli, fir-rigward tal-utilità tagħhom, għal-listi SEN. Dan l-approċċ jikkoinċidi mal-importanza li hija attribwita għall-kriterju ta’ replikabbiltà fil-kuntest tal-prattiki ta’ esklużjoni li ma humiex ibbażati fuq prezz.

74.      Għalhekk, nikkunsidra li l-impossibbiltà oġġettiva tal-kompetituri sabiex jirriproduċu eżattament l-istess strateġija ta’ ENEL ma tipprekludix il-kapaċità reali tal-kompetituri daqstant effikaċi li jirreplikaw, taħt kundizzjonijiet ekonomikament raġonevoli u f’termini aċċettabbli, il-prattiki tal-impriża dominanti, pereżempju, b’użu tal-listi li kienu inkontestabbilment disponibbli fis-suq u li kienu jinkludu data simili għal dik tal-listi SEN. Dan l-eżami jista’, fl-opinjoni tiegħi, juri l-kapaċità tal-grupp ENEL li jipproduċi jew le effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi u, għaldaqstant, il-konformità tiegħu ma’ kompetizzjoni fuq il-mertu.

75.      Fil-kuntest ta’ tali eżami, li għandu jitwettaq mill-qorti tar-rinviju, l-elementi li ġejjin għandhom rilevanza partikolari.

76.      L-ewwel, għandu jiġi evalwat, b’ċertu ħsieb, l-importanza li l-listi SEN għandhom mill-perspettiva tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward nirreleva li l-aċċess għal data fuq il-klijentela huwa ċertament ta’ interess fil-kuntest ta’ proċess ta’ liberalizzazzjoni, kemm fuq livell astratt, li jippermetti għarfien aħjar tas-suq, kif ukoll fuq livell konkret, peress li jippermetti li “tinqabad” din il-klijentela bil-preżentazzjoni ta’ offerti qabel il-fornituri oħrajn. Madankollu, l-importanza ta’ din id-data għandha titqies b’mod prudenti, sa fejn teżisti l-possibbiltà li klijent jiġi kkuntattjat għal, skont il-każ, preżentazzjoni ta’ offerta, li ma jfissirx neċessarjament li dan il-klijent “jinqabad”, peress li, minn naħa, l-imsemmi klijent mhux bilfors jintrabat għal tali offerti (59) u, min-naħa l-oħra, xejn ma jipprekludi lil dawn il-klijenti jintrabtu għal offerti ppreżentati minn fornituri oħrajn fi stadju sussegwenti, b’mod partikolari, meta l-ewwel kuntratt ma jkunx jorbot lill-klijenti għal żmien determinat. Issa, infakkar li l-effetti antikompetittivi għandu jkollhom rabta kawżali mal-prattika inkwistjoni, peress li għandhom ikunu attribwibbli lill-impriża dominanti u ma għandhomx ikunu ta’ natura purament ipotetika (60).

77.      It-tieni, il-qorti tar-rinviju tkun inevitabbilment imwassla tikkjarifika jekk il-listi SEN effettivament tqegħdux għad-dispożizzjoni tal-kompetituri b’mod diskriminatorju, kemm fuq livell prattiku kif ukoll fuq livell ta’ prezz, fatt li jkun jikkostitwixxi, essenzjalment, prattika ta’ favoritiżmu fil-konfront ta’ EE. F’dan l-istess kuntest, jidhirli li huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk it-talba għal kunsens ġietx ippreżentata minn SEN b’mod nondiskriminatorju u trasparenti fir-rigward tal-konsegwenti konkreti, b’mod partikolari mill-perspettiva taż-żamma tar-relazzjoni eżistenti ta’ provvista u tal-possibbiltà li jirċievu offerti għal provvista mingħand il-kompetituri ta’ EE. Tali diskriminazzjoni pprovata tista’ tikkorrobora l-pożizzjoni tal-AGCM li l-aġir ta’ ENEL ma kienx konformi ma kompetizzjoni fuq il-mertu, sa fejn l-ugwaljanza tal-opportunitajiet ma hijiex żgurata bejn id-differenti operaturi ekonomiċi (61).

78.      It-tielet, inqis li, indipendentement mill-analiżi tan-natura diskriminatorja tal-aġir, il-qorti tar-rinviju tkun ukoll imwassla tevalwa r-replikabbiltà tal-listi SEN. Għalkemm, ċertament, il-kontenut preċiż ta’ dawn il-listi ma jistax ikun riprodott mill-kompetituri ta’ EE, peress li dawn il-listi tfasslu fil-kuntest tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ SEN, mill-atti tal-proċess jirriżulta li listi li fihom kontenut simili kienu disponibbli wkoll fis-suq Taljan, peress li jeżistu ħafna impriżi li huma professjonalment responsabbli għall-ħolqien ta’ listi għal telemarketing. Issa, jekk l-eżistenza ta’ tali listi alternattivi hija pprovata, dawn ikunu effettivament ippermettew lill-kompetituri ta’ EE jagħmlu proposti ta’ provvista ta’ enerġija b’mod immirat lill-klijentela tas-suq protett. F’tali każ, inqis li l-qorti tar-rinviju jkollha tqabbel dawn il-listi alternattivi mal-listi SEN, fir-rigward tad-disponibbiltà tagħhom, tal-prezz tagħhom, tal-kontenut tagħhom, u tal-portata ġeografika tagħhom, sabiex jiġi evalwat jekk kompetitur, minkejja li jkun ta’ daqs ekonomiku iżgħar sew minn dak tal-grupp ENEL, bl-użu ta’ tali listi kienx effettivament kapaċi jidħol, b’mod ekonomikament vijabbli, f’kompetizzjoni effikaċi ma’ EE fir-rigward tal-istess parti tal-klijentali inkwistjoni tas-suq protett.

79.      Jekk il-qorti tar-rinviju tqis li dawn il-listi alternattivi kienu kapaċi joffru l-istess possibiltajiet bħal-listi SEN, abbażi tal-preżuppost li ENEL bilfors kellha għarfien kemm tal-eżistenza kif ukoll tal-kontenut ta’ dawn il-listi alternattivi, naħseb li jista’ jiġi konkluż li eventwali riskju ta’ esklużjoni mis-suq rilevanti kien ikun dovut, mhux għall-aġir ta’ ENEL, iżda għan-negliġenza tal-kompetituri tagħha li ma aġixxew b’mod kompetittiv sabiex jiksbu l-klijentela tas-suq protett. Fi kliem ieħor, il-listi SEN ma kinux xierqa sabiex jagħtu lill-grupp ENEL il-vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv irrilevat mill-AGCM minħabba r-replikabbiltà tagħhom. F’tali każ, il-kapaċità tal-aġir inkwistjoni li tirrestrinġi l-kompetizzjoni ma tistax tiġi pprovata, b’tali mod li l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu.

80.      Għall-kuntrarju, jekk mill-analiżi tal-qorti nazzjonali jirrizulta li l-possibbiltà ta’ sfruttament kummerċjali ta’ dawn il-listi alternattivi kienet inqas u li huma biss il-listi SEN li kienu jippermettu, pereżempju, l-identifikazzjoni immedjata ta’ klijent bħala parti mis-suq protett, l-effett ta’ esklużjoni (potenzjali) ikun jaqa’ prinċipalment fuq ENEL, li, jekk jiġi deċiż li hija aġixxiet b’mod diskriminatorju u mhux trasparenti, tkun effettivament aġixxiet b’mod li ma jaqax taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-fatt li l-kompetituri jistgħu “jillimitaw jew jevitaw” l-effetti tal-aġir ta’ ENEL permezz tal-użu ta’ listi alternattivi, ma jeskludix li, fid-dawl tas-saħħa fis-suq ta’ ENEL, l-aġir inkwistjoni xorta waħda seta’ jkollu effetti antikompetittivi. Fi kliem ieħor, il-fatt li jeżistu alternattivi huwa ċertament rilevanti, iżda ma huwiex, fih innifsu, deċiżiv.

81.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta għall-ewwel domanda fis-sens li prattika implimentata minn impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti, indipendentement mil-legalità tagħha fir-rigward tal-partijiet mid-dritt li ma humiex id-dritt tal-kompetizzjoni, ma tistax tkun ikklassifikata bħala abbużiva, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, biss minħabba l-kapaċità li tipproduċi effett ta’ esklużjoni fis-suq rilevanti, peress li dan l-aġir ma għandux jiġi assimilat ma’ effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni, sakemm ma jintweriex li din l-impriża użat mezzi li ma humiex dawk li jaqgħu taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu. Bħala prinċipju, prattika ta’ esklużjoni li tista’ tiġi rreplikata minn kompetituri b’mod ekonomiku vijabbli, ma tikkostitwixxix aġir li jista’ jwassal għal esklużjoni antikompettiva u taqa’ għalhekk taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu.

B.      Fuq it-tieni domanda preliminari

82.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, biex tippreċiża jekk l-Artikolu 102 TFUE huwiex intiż li jipproteġi lill-konsumaturi jew ukoll l-istruttura kompetittiva tas-suq u, skont ir-risposta mogħtija, biex tistabbilixxi s-suġġett tal-prova meħtieġa sabiex prattika ta’ esklużjoni tiġi kklassifikata bħala waħda abbużiva.

1.      Fuq l-ammissibbiltà

83.      AIGET tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda fuq żewġ bażijiet. Minn naħa, ir-risposta toħroġ b’mod evidenti minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, l-istess domanda ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża, inkwantu l-aġir inkwistjoni affettwa kemm l-istruttura tas-suq, jiġifieri lill-fornituri kompetituri, kif ukoll lill-konsumaturi, jiġifieri l-klijenti tas-suq protett, li spiċċaw preklużi milli jagħżlu bejn is-servizzi pprovduti fis-suq liberu.

84.      Dawn l-oġġezzjonijiet – sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi tittrattahom espliċitament fl-assenza ta’ talba formali biex tikkonstata l-inammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari – għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu miċħuda.

85.      Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li minkejja l-fatt li tkun teżisti ġurisprudenza li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompletament liberi li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun xieraq (62) Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà, preċedentement, interpretat l-Artikolu 102 TFUE ma jistax għalhekk minnu nnifsu jwassal għall-inammissibbiltà tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssostni li r-risposta ma hijiex evidenti inkwantu ngħataw interpretazzjonijiet diverġenti mill-Kummissjoni li, fil-fehma tagħha, l-Artikolu 102 TFUE huwa intiż li jimmassimizza l-benesseri tal-konsumaturi (63), u mill-Qorti tal-Ġustizzja, li fil-fehma tagħha dan l-artikolu huwa intiż li jikkonserva l-istruttura tal-kompetizzjoni, indipendentement mill-preġudizzju kkawżat lill-konsumaturi (64).

86.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rilevanza tad-domanda, jeħtieġ li jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula (65). Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tiġġustifika n-neċessità tat-tieni domanda billi tispjega, essenzjalment, li r-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda tiddetermina s-suġġett tal-prova meħtieġa (66). Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-imsemmija domanda għandha relazzjoni diretta mas-suġġett tal-kawża prinċipali, ma hijiex ipotetika.

2.      Fuq il-mertu

87.      It-tieni domanda preliminari fiha żewġ partijiet:

–        l-ewwel waħda hija intiża li tiddetermina l-interess protett mill-Artikolu 102 TFUE, billi tikkontempla żewġ soluzzjonijiet possibbli ppreżentati bħala li huma għanijiet alternattivi, jiġifieri l-“massimizzazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi” jew il-“preservazzjoni tal-istruttura kompetittiva tas-suq”; u

–        it-tieni waħda hija intiża li tislet il-konsegwenzi f’termini probatorji tar-rabta bejn dawn iż-żewġ għanijiet tal-Artikolu 102 TFUE.

a)      Fuq l-ewwel parti

88.      Qabel ma nidħol fil-mertu tal-ewwel parti fuq il-mertu, jeħtieġ li jsiru xi rimarki preliminari.

89.      L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, id-domanda tqum fil-kuntest tal-prattiki ta’ esklużjoni, li huma intiżi b’mod partikolari biex jeskludu lill-kompetituri mis-suq rilevanti, u mhux fil-kuntest tal-prattiki ta’ sfruttament, bħalma huma, b’mod partikolari, l-impożizzjoni tal-prezzijiet tal-akkwist jew tal-bejgħ jew ta’ kundizzjonijiet inġusti oħra tat-tranżazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 102(a) TFUE (67). Fil-fatt, għalkemm dawn l-aħħar prattiki jinvolvu ħsara diretta għall-benesseri tal-konsumaturi (pereżempju minħabba prezzijiet eċċessivi), bħala regola ġenerali, huma ma jbiddlux l-istruttura tas-suq (68).

90.      Imbagħad, għandu jitfakkar li l‑Artikolu 102 TFUE huwa espressjoni tal-għan ġenerali mogħti permezz tal-Artikolu 3(1)(b) TFUE lill-azzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-istabbiliment ta’ regoli tal-kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament ta-suq intern (69). Dan l-għan jitfakkar fil-Protokoll (Nru 27) dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni, li jinsab anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE u li, skont l-Artikolu 51 TUE, jifforma parti integrali minnu.

91.      Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu kkunsidrati ż-żewġ għanijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi u dik tal-istruttura kompetittiva tas-suq.

92.      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel għan, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Artikolu 102 TFUE jappartjeni għan-numru ta’ regoli tal-kompetizzjoni li għandhom preċiżament l-għan li jevitaw li l-kompetizzjoni tiġi distorta b’detriment tal-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal-konsumaturi, u b’hekk, jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat il-benesseri fl-Unjoni (70). Għaldaqstant, il-benesseri tal-konsumaturi tifforma inkontestabbilment parti mill-għanijiet imfittxija minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament l-għan tat-Trattat li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumatur permezz ta’ kompetizzjoni mhux distorta (71). B’mod konkret, l-interessi tal-konsumaturi huma, barra minn hekk, imsemmija espressament fl-Artikolu 102(b) TFUE, fir-rigward tal-prattiki li magħhom huma marbutin il-prattiki abbużivi ta’ esklużjoni, jiġifieri l-“limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew ta’ l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi” (enfasi miżjud minni).

93.      Għal dak li jirrigwarda t-tieni għan, jeħtieġ li jitfakkar li l-ewwel sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti indikaw b’mod ċar li l-effetti fuq “l-istruttura tas-suq” kienu fil-qalba tal-Artikolu 102 TFUE. Pereżempju, fis-sentenza Hoffmann-La Roche, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-sfruttament abbużiv “jirrigwarda l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li huwa tali li jinfluwenza l-istruttura ta’ suq fejn, […], il-livell tal-kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef” (72). Ir-riferiment għall-“istruttura tas-suq” indubbjament influwenzat mill-ħsieb ordoliberali ta’ dak iż-żmien, ġie inizjalment interpretat bħala intiż li jiggarantixxi l-“libertà ekonomika”. F’dan is-sens, dan l-għan tal-protezzjoni tal-istruttura tas-suq jista’ jinkludi l-“protezzjoni tal-kompetituri” li jifformaw parti minn dan is-suq. Madankollu, jirriżulta minn ġurisprudenza llum stabbilita li l-Artikolu 102 TFUE ma jirrigwardax, jew pjuttost ma għadux jirrigwarda, b’mod assolut, il-protezzjoni tal-kompetituri kontra impriża f’pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, wara r-reviżjoni tal-politika tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-abbuż magħmula mill-Kummissjoni matul is-sena 2005 (73), il-Qorti tal-Ġustizzja llum tirrikonoxxi li l-Artikolu 102 TFUE ma jipprojbixxix impriża milli takkwista, bil-mertu tagħha stess, pożizzjoni dominanti fuq is-suq u li, għaldaqstant, dan lanqas ma huwa intiż li jiżgura li l-kompetituri inqas effikaċi mill-impriża li tokkupa pożizzjoni dominanti jibqgħu fis-suq (74). Dan l-approċċ ġie adottat fis-sentenza Intel, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “il-kompetizzjoni fuq il-mertu tista’ twassal għat-telf tas-suq jew għall-marġinalizzazzjoni tal-kompetituri inqas effettivi” (75). Il-perċezzjoni li l-Artikolu 102 TFUE ma għandux il-prijorità li jipproteġi lill-kompetituri (li ma humiex daqstant effikaċi), li taqbel magħha wkoll il-Kummissjoni (76), tidher li llum tifforma parti mill-acquis tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

94.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li jeħtieġ li tiġi evalwata r-rabta bejn dawn iż-żewġ għanijiet, u b’mod partikolari, jekk il-protezzjoni ta’ struttura kompetittiva tistax tikkostitwixxi għan awtonomu, u għaldaqstant, alternattiva għall-protezzjoni tal-benesseri tal-konsumaturi, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju.

95.      Din id-domanda, fil-fehma tiegħi, jixraqilha risposta fin-negattiv.

96.      Fl-ewwel lok, nikkonstata li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 102 TFUE, l-istess bħall-Artikolu 101 TFUE (77), jipprevedi mhux biss il-prattiki li jistgħu jikkawżaw dannu dirett immedjat lill-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom dannu indirett billi jippreġudikaw l-istruttura ta’ kompetizzjoni (78). B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, ħolqot rabta ta’ inseparabbli bejn iż-żewġ għanijiet. Fil-fatt, is-salvagwardja ta’ struttura ta’ kompetizzjoni effettiva hija intrinsikament marbuta ma’ għan aħħari, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi (79). F’dan is-sens, dawn ir-regoli li huma intiżi li jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta fis-suq intern għandhom bħala għan aħħari li jżidu l-benesseri tal-konsumaturi. Loġikament, ma hemmx għalhekk raġunijiet biex is-suq kompetittiv ikun protett in abstracto jekk ma jkun jeżisti ebda riskju (reali jew potenzjali) ta’ preġudizzju tal-konsumaturi.

97.      Fit-tieni lok, infakkar li skont il-ġurisprudenza iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dannu lill-konsumaturi jikkostitwixxi element indispensabbli għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, fis-sentenza Post Danmark I, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kompożizzjoni ta’ Awla Manja, fakkret li dan l-artikolu jikkonċerna l-aġir ta’ impriża dominanti, li, “għandu bħala effett, għad-dannu tal-konsumaturi, li jipprekludi, permezz tal-użu ta’ miżuri differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali […] li jinżamm livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq […]” (80). Bl-istess mod, fis-sentenza Intel, il-Qorti tal-Ġustizzja, dejjem fil-kompożizzjoni tagħha ta’ Awla Manja, approvat dan l-approċċ, billi enfasizzat in-natura indispensabbli tal-protezzjoni tal-konsumaturi fl-applikazzjoni tar-regoli li jirrigwardaw l-abbuż minn pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, hija fakkret li “[i]l-kompetizzjoni fuq il-mertu tista’ twassal għat-telf tas-suq jew għall-marġinalizzazzjoni tal-kompetituri inqas effettivi u għalhekk inqas interessanti għall-konsumaturi mill-perspettiva b’mod partikolari tal-prezzijiet, tal-għażla, tal-kwalità jew tal-innovazzjoni” (81). Minn dan niddeduċi li d-dannu lill-konsumaturi jikkostitwixxi prerekwiżit għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, u li l-benesseri tal-konsumaturi jikkostitwixxi l-għan aħħari li jiġġustifika l-intervent tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-prattiki ta’ esklużjoni.

98.      Fit-tielet lok, ir-rwol essenzjali tal-protezzjoni tal-konsumaturi joħroġ mill-fatt li, inkwantu l-Artikolu 102 TFUE ma jipprovdix deroga ekwivalenti għal dik stabbilita fl-Artikolu 101(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-vantaġġi tal- effikaċja jistgħu wkoll jinnewtralizzaw il-ħsara tal-aġir abbużiv, peress li l-vantaġġi huma riflessi fuq il-konsumaturi. Fil-fatt, impriża li tokkupa pożizzjoni dominanti tista’ tiġġustifika aġir li jista’ jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE billi turi, b’mod partikolari, li “l-effett ta’ esklużjoni li jirriżulta […] tista’ tiġi kkumpensata, jew anki maqbuża, permezz tal-vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effikaċja li minnhom japprofitta wkoll il-konsumatur” (82).

99.      Fir-raba’ lok, din il-prevalenza tal-protezzjoni tal-“benesseri tal-konsumaturi” tidher li hija koerenti mal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, li abbażi tagħha l-protezzjoni tal-konsumaturi tikkostitwixxi l-leitmotiv ta’ kull intervent tal-Artikolu 102 TFUE (83) u tad-dritt tal-kompetizzjoni b’mod ġenerali (84).

100. Abbażi ta’ din l-analiżi tar-rabta bejn iż-żewġ għanijiet, inqis li, fil-kuntest tal-prattiki abbużivi ta’ esklużjoni, l-Artikolu 102 TFUE huwa intiż fl-aħħar mill-aħħar li jimmassimizza l-benesseri tal-konsumaturi, b’mod partikolari, billi jipproteġi l-istruttura kompetittiva tas-suq. Għaldaqstant, din il-protezzjoni tista’ effettivament tikkostitwixxi għan taħt l-Artikolu 102 TFUE, mhux b’mod awtonomu, imma biss meta, f’każ konkret, hija tifforma parti mill-għan aħħari tal-protezzjoni (diretta jew indiretta) tal-konsumaturi. Għaldaqstant, iż-żewġ għanijiet li l-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra bħala kontradittorji fir-realtà ma humiex.

b)      Fuq it-tieni parti

101. Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, kif ir-rabta bejn iż-żewġ għanijiet iċċitati iktar ’il fuq hija riflessa f’termini probatorji.

102. Skont ir-raġunament tal-qorti tar-rinviju, jekk l-interess protett mill-Artikolu 102 TFUE huwa dak li jimmassimizza l-benesseri tal-konsumaturi, il-qorti (u a fortiori l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni) ikollha, b’xi mod, tkejjel it-tnaqqis (jew ir-riskju ta’ tnaqqis) tal-benesseri li jirriżulta mill-aġir inkwistjoni (meta jitqabbel, pereżempju, il-benesseri tal-konsumaturi qabel u wara l-implimentazzjoni ta’ dan l-aġir. Għall-kuntrarju, jekk l-interess protett huwa dak li tkun protetta l-istruttura kompetittiva tas-suq, il-qorti jkollha tastjeni milli tevalwa jekk l-aġir tal-impriża dominanti kkawżax dannu lill-konsumaturi u jkollha tillimita ruħha sempliċement biex teżamina jekk l-aġir jistax ikollu impatt fuq l-istruttura, id-diversità, il-kwalità u l-innovazzjoni.

103. Jiena ma nistax naqbel ma’ dan ir-raġunament tal-qorti tar-rinviju inkwantu, kif ġie sostnut iktar ’il fuq, iż-żewġ għanijiet ma humiex kontradittorji.

104. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, peress li l-Artikolu 102 TFUE ma jirrigwardax biss il-prattiki li jistgħu jikkawżaw ħsara immedjata għall-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jistgħu jikkawżawlhom ħsara billi jippreġudikaw is-sistema ta’ kompetizzjoni effettiva, l-awtorità tal-kompetizzjoni jew, jekk ikun il-każ, il-qorti, ma għandhiex l-obbligu li teżamina jekk l-aġir inkwistjoni kienx effettivament ikkawża “ħsara għall-konsumaturi”, fis-sens tal-Artikolu 102(b) TFUE, iżda għandha tivverifika jekk l-aġir inkwistjoni kellux effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni (85). Fil-fatt, in-natura potenzjalment dannuża ta’ aġir, normalment, tittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi kkonstatat l-abbuż minn pożizzjoni dominanti, mingħajr ma hemm il-ħtieġa li jintwera effett konkret, partikolarment fil-livell tal-konsumaturi (86).

105. Peress li huwa l-obbligu tal-awtorità tal-kompetizzjoni u, f’dan il-każ, il-qorti nazzjonali, li tevalwa l-effett dannuż ta’ prattika ta’ esklużjoni, u b’mod partikolari, jekk din il-prattika hijiex tali li tagħmel ħsara lill-istruttura tas-suq, u minħabba f’hekk, lill-konsumaturi wkoll, jidhirli li jkun utli li nagħmel il-preċiżazzjonijiet segwenti.

106. Fl-ewwel lok, peress li huwa l-benesseri tal-konsumaturi u mhux il-protezzjoni ta’ struttura partikolari tas-suq bħala tali li hija s-suġġett tal-protezzjoni aħħarija, il-prova ta’ effett restrittiv fuq l-istruttura tas-suq hija suffiċjenti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ abbuż biss sa fejn din ir-restrizzjoni tista’ taffettwa, kemm jekk direttament jew indirettament, lill-konsumaturi. Issa, għalkemm l-effett fuq l-istruttura kompetittiva tas-suq jikkostitwixxi indikatur tajjeb (proxy) tal-konsegwenzi li prattika ta’ esklużjoni jista’ jkollha fuq il-konsumaturi (87), dan ma huwiex dejjem il-każ. Fil-fatt, l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti ma għandux jitqies bħala abbużiv fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE meta, indipendentement mid-dannu kkawżat lill-istruttura tas-suq, l-aġir ma jistax jikkawża wkoll, attwalment jew potenzjalment, dannu għall-konsumaturi affettwati. Għaldaqstant, jidhirli li ma jkunx komplut li wieħed jinterpreta l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala li tindika sempliċement li, għall-produzzjoni ta’ prova tal-prattika ta’ esklużjoni abbużiva, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-prattika inkwistjoni tista’ taffettwa l-istruttura tas-suq. Effettivament l-effett dannuż fuq l-istruttura kompetittiva tas-suq ma jwassalx, la neċessarjament u lanqas awtomatikament, għat-tnaqqis potenzjali tal-benesseri tal-konsumaturi. Għalkemm tali preżunzjoni ta’ dannu teżisti fir-rigward tal-akkordji, dan ma huwiex il-każ fil-każ ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti (88). Pereżempju, kif ġie indikat fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta l-istruttura tas-suq tinbidel bl-esklużjoni ta’ kompetitur, dan ma jfissirx neċessarjament li dan l-aġir huwa antikompetittiv b’mod li jista’ jagħmel ħsara lill-konsumaturi.

107. Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li teżisti diffikultà oġġettiva fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tat-tibdil li jaffettwa l-benesseri tal-konsumaturi F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li d-definizzjoni ta’ “konsumatur” fid-dritt tal-kompetizzjoni tinkludi kemm il-konsumaturi intermedji kif ukoll il-konsumaturi finali. Issa, meta l-konsumaturi intermedji jkunu kompetituri attwali jew potenzjali tal-impriża dominanti, l-evalwazzjoni tirrigwarda essenzjalment l-effetti ta’ dan l-aġir fuq il-klijenti sussegwenti (89). Imbagħad, nirrileva li l-kunċett stess ta’ “benesseri tal-konsumaturi” jinkludi element suġġettiv inerenti, sa fejn dan il-benesseri jista’ jiġi evalwat mhux biss abbażi ta’ prezz, iżda, skont il-prodott jew is-servizz inkwistjoni, anki abbażi ta’ għażla, ta’ kwalità u ta’ innovazzjoni (90). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 102 TFUE jirrigwarda prattiki li l-effett tagħhom fuq is-suq mhux neċessarjament jimmanifestaw ruħu. Fil-fatt, l-analiżi tal-effetti antikompetittivi, kif ser jiġi spjegat fil-kuntest tat-tielet domanda, tista’ tkun ukoll ta’ natura prospettiva. Għaldaqstant, il-fatt li tkun meħtieġa, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, prova konkreta tat-tnaqqis fil-benesseri tal-konsumaturi matul iż-żmien, ikun imur kontra l-loġika u l-effikaċja ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-livell tal-provi meħtieġa li jikkonċernaw l-effett fuq il-konsumaturi jvarja skont it-tip ta’ abbuż, u d-data tal-aġir matul iż-żmien (91).

108. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-tieni domanda fis-sens li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż li jipprojbixxi mhux biss il-prattiki ta’ esklużjoni li jistgħu jikkawżaw dannu immedjat lill-konsumaturi, li jikkostitwixxi l-għan aħħari ta’ din id-dispożizzjoni, imma wkoll l-aġir li jista’ jippreġudikahom indirettament, minħabba l-effett tiegħu fuq l-istruttura tas-suq. Huwa l-obbligu tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li juru li tali prattika ta’ esklużjoni tippreġudika l-istruttura ta’ kompetizzjoni effettiva, filwaqt li jivverifikaw li hija tista’ wkoll tikkawża preġudizzju attwali jew potenzjali lil dawn il-konsumaturi.

C.      Fuq it-tielet domanda preliminari

109. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, sabiex tiġi tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, għandhiex titqies rilevanti l-prova miġjuba minn impriża f’pożizzjoni dominanti li turi li, minkejja l-kapaċità astratta tagħha li tipproduċi effetti restrittivi, l-aġir inkwistjoni ma pproduċiex effettivament tali effetti u, fil-każ affermattiv, jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni hijiex obbligata teżamina l-provi miġjuba minn din l-impriża fir-rigward tal-kapaċità konkreta ta’ dan l-aġir biex jipproduċi l-effetti inkwistjoni.

110. Fl-ewwel lok, infakkar li ma huwiex neċessarju sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, li jintwera li l-aġir inkwistjoni effettivament kellu effetti antikompetittivi fil-każ konkret, peress li l-wiri li dan kien kapaċi jipproduċihom huwa suffiċjenti (92). L-awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata biss turi l-potenzjal dannuż tal-aġir ikkontestat, indipendentement mit-twettiq konkret tal-effetti antikompetittivi. Fil-fatt, ikun kontra l-loġika inerenti ta’ din id-dispożizzjoni, li hija ta’ natura preventiva u prospettiva wkoll, li wieħed ikollu jistenna li l-effetti antikompetittivi jseħħu fis-suq biex ikun jista’ legalment jikkonstata l-abbuż.

111. Ċerti eżempji mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jkunu indikattivi f’dan ir-rigward.

112. Fis-sentenza TeliaSonera, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat espressament li “[i]ċ-ċirkustanza li r-riżultat mixtieq, jiġifieri l-esklużjoni ta’ dawn il-kompetituri ma jinkisibx definittivament ma jistax jeskludi l-kwalifika bħala abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE” (93). Bl-istess mod, fis-sentenza Tomra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur […], huwa biżżejjed li jintwera li l-aġir abbużiv tal-impriża […] dominanti għandu tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir kapaċi jkollu tali effett” (94). Skont l-istess loġika, fir-rigward ta’ aġir li jirrigwarda sistema ta’ tnaqqis, fis-sentenza Post Danmark II, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ sistema ta’ tnaqqis sabiex tirrestrinġi l-kompetizzjoni hija intiża li “tistabbilixxi jekk l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jwassalx għall-esklużjoni effettiva jew probabbli tal-kompetituri, li tippreġudika l-kompetizzjoni u, għalhekk, lill-interessi tal-konsumaturi” (95). F’dan ir-rigward “l-istabbiliment ta’ kriterju tal-apprezzabbiltà (de minimis) sabiex jiġi determinat sfruttament abbużiv tal-pożizzjoni dominanti ma huwiex iġġustifikat. Fil-fatt, din il-prattika antikompetittiva tista’, min-natura tagħha stess, toħloq restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni li ma humiex negliġibbli”, u, konsegwentement, “sabiex jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu [102 TFUE], l-effett antikompetittiv ta’ sistema ta’ tnaqqis użata minn impriża f’pożizzjoni dominanti, […] għandu jkun probabbli, mingħajr ma jkun meħtieġ li jintwera li huwa ta’ natura gravi jew notevoli” (96). Barra minn hekk, fis-sentenza Intel, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet referenza speċifika għall-ħtieġa li tiġi evalwata l-“kapaċità [tat-tnaqqis] li jirrestrinġi l-kompetizzjoni”, filwaqt li elenkat diversi elementi rilevanti għal tali evalwazzjoni (97). Fl-aħħar nett, fis-sentenza reċenti Generics (UK), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “li n-natura abbużiva ta’ aġir tippreżupponi li dan kellu l-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni kkontestati” (98).

113. Għalkemm xi kultant hija tiġi fformulata f’termini differenti – peress li t-termini “kapaċità” u “probabbiltà” għandhom essenzjalment l-istess tifsira (99) – din il-ġurisprudenza tippermetti li jiġi kkonfermat li awtorità tal-kompetizzjoni ma hijiex obbligata turi li l-effetti antikompetittivi effettivament seħħew biex tikklassifika l-aġir bħala abbużiv.

114. F’dan is-sens, il-provi prodotti ex post minn impriża sabiex tindika l-assenza ta’ effetti antikompetittivi, bħalma huma l-analiżijiet ekonomiċi jew oħrajn, ma jistgħux ikollhom l-effett li jeżoneraw u lanqas li jaqilbu l-oneru tal-prova fuq l-awtorità tal-kompetizzjoni, b’mod li hija tkun obbligata turi l-materjalizzazzjoni konkreta tad-dannu li jirriżulta mill-aġir ikkontestat(100), anki meta jkun għadda ħafna żmien, mit-twettiq tal-aġir abbużiv(101). Barra minn hekk, bħala regola prinċipali, in-natura antikompetittiva ta’ aġir għandha tiġi evalwata fil-mument meta dan l-aġir ikun twettaq (102), li huwa fil-fatt konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, peress li l-impriżi dominanti għandha tkun tista’ tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha fuq il-bażi ta’ elementi eżistenti (103).

115. Fit-tieni lok, din l-istess ġurisprudenza tikkonferma madankollu l-obbligu li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ sabiex jiġi stabbilit jekk aġir huwiex effettivament kapaċi li jipproduċi l-allegati effetti antikompetittivi (kemm jekk dawn l-effetti sussegwentement effettivament seħħew u kemm jekk le).

116. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, jidhirli, li huwa inkontestabbli li, mill-aspett proċedurali, il-provi ta’ assenza ta’ effetti antikompetittivi prodotti ex post għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta dawn il-provi jikkonċernaw aġir li jkun intemm sew qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-abbuż. Fil-fatt, fis-sentenza Intel, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, fil-każ fejn l-impriża dominanti ssostni, matul il-proċedura amministrattiva u abbażi ta’ provi ta’ sostenn, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina diversi elementi sabiex tevalwa l-kapaċità tal-aġir inkwistjoni “ta’ esklużjoni tal-kompetituri li tal-inqas huma daqstant effettivi” (104). Barra minn hekk, il-kapaċità ta’ esklużjoni hija rilevanti wkoll għall-evalwazzjoni dwar jekk l-aġir jistax ikun oġġettivament iġġustifikat jew jekk l-effetti restrittivi jistgħux ikunu kkumpensati b’vantaġġi f’termini ta’ effikaċja (105). F’dan il-kuntest, prova ekonomika li turi, wara li jingħata temm għall-aġir ikkontestat, l-assenza ta’ effetti ta’ esklużjoni trid titqies ammissibbli meta l-impriża dominanti tkun tixtieq tipprova l-assenza ta’ kapaċità ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-effett antikompetittiv ta’ prattika partikolari ma għandux ikun ta’ natura purament ipotetika (106), u provi li jikkontestaw il-kapaċità ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni jistgħu jikkorroboraw tali natura ipotetika. Għaldaqstant, mill-aspett proċedurali, inkwantu l-oneru tal-prova dwar l-effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi jaqa’ fuq l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, jidhirli li dawn l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li bir-reqqa jieħdu inkunsiderazzjoni l-provi ppreżentati mill-impriża dominanti, anki ex post, fil-kuntest tal-analiżi tagħhom fuq l-eżistenza tal-abbuż.

117. Imbagħad, għal dak li jirrigwarda l-valur probatorju ta’ din it-tip ta’ provi fir-rigward tal-eżistenza tal-abbuż, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-assenza ta’ materjalizzazzjoni tal-effetti restrittivi ta’ aġir tista’ tkun ir-riżultat ta’ diversi affarijiet. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż mill-ewwel li l-assenza ta’ tali effetti hija dovuta għall-fatt li l-aġir inkwistjoni ma kellux, min-natura tiegħu stess, il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. F’dan is-sens, awtorità tal-kompetizzjoni, skont il-kuntest partikolari, għandha tieħu inkunsiderazzjoni dan it-tip ta’ provi bħala element li jikkorrobora potenzjalment l-assenza ta’ tali kapaċità.

118. F’dan ir-rigward, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx fil-ġurisprudenza tagħha l-livell ta’ intensità mitlub mill-probabbiltà ta’ effett ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni, jew, fi kliem ieħor, il-portata tal-kapaċità ta’ esklużjoni (107). Tali rekwiżit jiddependi evidentement mill-kuntest, legali, ekonomiku u fattwali ta’ kull kawża, iżda jidhirli li din il-kapaċità għandha tirreferi għal elementi konkreti, bħalma huma t-tul u l-kopertura suffiċjenti tas-suq rilevanti.

119. F’dan il-kuntest, l-importanza li għandha tingħata għal provi ta’ assenza ta’ effetti restrittivi ex post tvarja skont jekk il-kapaċità astratta li tipproduċi effetti restrittivi hija bbażata fuq riskju ta’ esklużjoni li għandu effetti attwali jew potenzjali, peress li n-nuqqas ta’ effetti reali fuq il-kompetizzjoni huma inqas rilevanti fit-tieni każ. Għall-kuntrarju, l-assenza tal-effetti reali fis-suq jista’ jkun rilevanti, irrispettivament minn jekk it-teorija ta’ esklużjoni hija bbażata fuq riskju potenzjali jew le, meta l-aġir ikun antik u, bħal f’dan il-każ, jintemm ferm qabel l-investigazzjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, skont il-Linji Gwida, “[j]ekk l-imġiba ilha sseħħ għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti, ir-rendiment fis-suq tal-impriża dominanti u l-kompetituri tagħha jistgħu jipprovdu evidenza diretta dwar esklużjoni antikompetittiva” (108). Fil-każ kuntrarju, fil-fehma tiegħi, l-ineżistenza ta’ effetti reali tista’ tippermetti li wieħed jaħseb li l-prattika ma kinitx ta’ natura, anki teorika, li tikkawża ħsara lill-kompetituri, b’tali mod li t-teorija ta’ dannu tkun purament ipotetika. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta jintwera li l-assenza ta’ tali effetti reali ma tistax ma tistax tkun affettwata minn fatturi sussegwenti oħrajn, li ma humiex relatati mal-aġir inkwistjoni.

120. Fl-aħħar nett, għall-finijiet ta’ kompletezza, infakkar li l-assenza ta’ effetti huwa rilevanti wkoll fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, ħaġa li tista’ tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tas-sanzjonijiet li jiġu imposti fuq l-impriża awtriċi tal-abbuż.

121. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li tingħata risposta għat-tielet domanda fis-sens li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata turi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti u meħud kont b’mod partikolari tal-provi prodotti mill-impriża dominanti, li l-aġir ta’ din l-impriża kellu l-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, billi tanalizza, jekk ikun il-każ u f’dan ir-rigward, anki l-provi li juru li l-aġir inkwistjoni ma kellux effetti antikompetittivi fis-suq rilevanti.

D.      Fuq ir-raba’ domanda preliminari

122. Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar ir-rilevanza tal-intenzjoni restrittiva tal-kompetizzjoni tal-impriża dominanti sabiex jiġi evalwat jekk aġir huwiex abbużiv.

1.      Fuq l-ammissibbiltà

123. Green Network tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda preliminari. Mingħajr ma titlob madankollu li hija tiġi ddikjarata inammissibbli, hija tikkonstata li, peress li l-AGCM analizzat effettivament in-natura intenzjonali tal-aġir abbużiv, ma hijiex meħtieġa risposta għal din id-domanda. Barra minn hekk, ir-risposta toħroġ inkontestabbilment mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

124. Dawn l-oġġezzjonijiet għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu miċħuda, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 85 u 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tiġġustifika n-neċessità tagħha billi tispjega, essenzjalment li l-ġurisprudenza ma hijiex ċara u twassal għal konfużjoni (109). Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domanda għandha rapport dirett mas-suġġett tal-kawża prinċipali u ma hijiex ipotetika, inkwantu, f’dan il-każ, l-AGCM ġabret dokumenti tal-investigazzjoni li huma intiżi li juru l-eżistenza tar-rieda strateġika tal-grupp Enel li jinnewtralizzaw it-tluq tal-klijenti billi jinkoraġġuhom jiċċaqalqu għas-suq liberu ma’ EE.

2.      Fuq il-mertu

125. Ir-raba’ domanda preliminari għandha żewġ partijiet:

–        L-ewwel parti hija intiża li tiddetermina jekk l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li aġir għandu jiġi kklassifikat bħala abbużiv esklużivament minħabba l-effetti restrittivi (potenzjali) tiegħu, jew jekk l-intenzjoni restrittiva tal-kompetizzjoni tikkostitwixxix kriterju utli (anki esklużiv) għal din l-evalwazzjoni, u

–        It-tieni parti hija intiża sabiex jiġi stabbilit jekk il-prova ta’ din l-intenzjoni għandiex titqies li hija suffiċjenti sabiex l-aġir inkwistjoni jitqies li għandu l-effetti antikompetittivi kkontestati jew jekk sempliċement titfa’ l-oneru tal-prova fuq l-impriża dominanti, li tkun obbligata, f’dan l-istadju, turi li ma kien hemm l-ebda effett ta’ esklużjoni.

a)      Fuq l-ewwel parti

126. Permezz ta’ din l-ewwel parti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prova tal-intenzjoni ta’ esklużjoni f’moħħ l-impriża dominanti tikkostitwixxix prova neċessarja jew suffiċjenti għall-finijiet tal analiżi tal-eżistenza ta’ abbuż.

127. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat ripetutament li l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE huwa kunċett oġġettiv (110), anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ħtija (111), u li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, bl-ebda mod ma huwa meħtieġ li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva f’moħħ l-impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti (112). Minn dan isegwi li, minbarra f’każijiet eċċezzjonali (113), il-motiv suġġettiv tal-impriża dominanti ma hijiex fost l-elementi li jikkostitwixxu l-abbuż, b’mod li l-awtorità tal-kompetizzjoni ma hijiex obbligata turi l-prova tiegħu biex tikkonstata l-eżistenza ta’ tali abbuż.

128. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-prova ta’ tali intenzjoni, għalkemm ma hijiex suffiċjenti waħidha, tikkostitwixxi ċirkustanza fattwali li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti u għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ abbuż possibbli minn tali pożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha li jikkaratterizzaw dan l-aġir u li dan l-eżerċizzju jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-istrateġija kummerċjali mfittxija. F’dan il-kuntest, jidher li huwa normali li l-Kummissjoni ssemmi fatturi ta’ natura suġġettiva, jiġifieri l-motivi li fuqhom hija bbażata l-istrateġija kummerċjali inkwistjoni. Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza tal-eventwali intenzjoni antikompetittiva tikkostitwixxi biss waħda mill-ħafna ċirkustanzi fattwali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ tali abbuż (114).

129. Tali intenzjoni antikompetittiva, jekk tkun ċara u stabbilita, tista’ effettivament tirriżulta rilevanti għall-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat li l-“evidenza diretta ta’ strateġija għall-esklużjoni” tikkostitwixxi wieħed mill-fatturi ġeneralment meqjusa għall-finijiet tal-evalwazzjoni mhux biss dwar jekk aġir abbużiv preżunt jirriskjax li jwassal għal esklużjoni antikompetittiva, imma wkoll “fl-interpretazzjoni tal-imġiba tal-impriża dominanti”. Tali provi jistgħu jikkonsistu, f’“dokumenti interni li fihom evidenza diretta ta’ strateġija għall-esklużjoni ta’ kompetituri, bħal pjan dettaljat għal impenn f’ċerta imġiba sabiex jiġi eskluż kompetitur, għall-prevenzjoni ta’ dħul jew ta’ antiċipazzjoni ta’ suq li jkun se jinħoloq, jew evidenza ta’ theddid konkret ta’ azzjoni esklużjonarja” (115).

130. Fir-realtà, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-prattiki ta’ esklużjoni abbużiva ma humiex ibbażati fuq il-prova tal-intenzjoni suġġettiva speċifika tal-impriża dominanti biex tirrestrinġi l-kompetizzjoni, imma fuq il-loġika ekonomika tal-aġir inkwistjoni, kif tirriżulta oġġettivament mill-karatteristiċi ta’ dan l-aġir u mill-kuntest tagħhom. Tali loġika antikompetittiva ta’ aġir tista’, pereżempju, tkun dedotta min-“nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni ekonomika oġġettiva” (116). Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ tali loġika, l-użu ta’ provi suġġettivi jista’ jirriżulta li huwa partikolarment utli. Fil-fatt, dan it-tip ta’ provi intuża kemm fil-każ ta’ prattiki tariffarji (117), kif ukoll fil-każ ta’ prattiki mhux tariffarji (118).

131. Fir-rigward, għaldaqstant, ta’ waħda mill-ħafna ċirkustanzi fattwali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ abbuż, hija biss l-awtorità tal-kompetizzjoni li għandha tevalwa l-valur probatorju tal-provi diretti ta’ strateġija ta’ esklużjoni. F’dan ir-rigward, huma rilevanti l-punti li ġejjin.

132. L-ewwel, biex dawn il-provi jkunu rilevanti, anki jekk bħala indizji, fir-rigward tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva ta’ esklużjoni, l-intenzjoni ta’ esklużjoni għandha twassal ukoll għal kapaċità ta’ esklużjoni (119). L-analiżi tal-intenzjoni ma tistax għaldaqstant tissostitwixxi l-analiżi tal-effetti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat espressament li meta l-impriża dominanti tikkontesta li l-aġir tagħha kellu l-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija, fost l-oħrajn, “obbligata wkoll tevalwa l-eżistenza eventwali ta’ strateġija intiża li teskludi l-kompetituri li tal-inqas huma daqstant effettivi” (120).

133. It-tieni, tali provi jistgħu jagħtu indikazzjonijiet importanti dwar in-natura tal-aġir inkwistjoni u, konsegwentement, dwar it-tendenza tiegħu li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Pereżempju, dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jikkonsistu fi provi li juru li l-impriża dominanti ppretendiet b’mod ċar li l-aġir tagħha jkollu effett antikompetittiv, abbażi tal-analiżi tagħha jew tal-għarfien tagħha tas-suq, peress li dawn it-tip ta’ indikazzjonijiet huma rilevanti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għarfien espert tal-impriża dominanti dwar l-istruttura tas-suq li topera fih. Għaldaqstant, jekk din l-impriża tadotta strateġija partikolari bil-għan li teskludi lill-kompetituri tagħha mis-suq jew timmarġinalizzahom, minn dan jista’ jiġi dedott li dan l-aġir huwa tali li jipproduċi tali effetti.

134. It-tielet, il-valur probatorju ta’ prova tal-intenzjoni jiddependi fuq il-kuntest fattwali. Kliem dwar esklużjoni li jintqalu mill-persunal tad-direzzjoni – responsabbli sabiex teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-prattiki tal-impriża – jew li ntqalu fil-kuntest ta’ preżentazzjonijiet formali huma iktar rilevanti minn kliem spontanju (121). F’dan ir-rigward, infakkar li l-għan stess tal-kompetizzjoni huwa li tinkoraġġixxi lill-impriżi biex jaqbżu waħda lill-oħra. Għaldaqstant, dikjarazzjonijiet li jirrigwardaw jew imaqdru lill-kompetituri huma komuni f’ambjent ikkaratterizzat mill-kompetizzjoni fuq il-mertu u għandhom jitqiesu bħala rilevanti biss meta jifformaw parti minn strateġija ta’ esklużjoni. Fl-aħħar nett, jidhirli evidenti li tali provi għandhom jirrigwardaw il-perijodu tal-aġir inkwistjoni.

135. Ir-raba’, l-eżistenza ta’ provi li jistgħu juru li impriża dominanti ma kellhiex l-intenzjoni li teskludi l-kompetituri tagħha tista’ tkun rilevanti wkoll għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, u tikkostitwixxi fattur mitiganti, b’mod partikolari fir-rigward tal-punt dwar jekk il-ksur seħħx intenzjonalment jew b’mod negliġenti (122).

 b)      Fuq it-tieni parti

136. Fir-rigward tat-tieni parti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prova tal-intenzjoni ta’ esklużjoni għandhiex il-funzjoni li taqleb l-oneru tal-prova dwar l-effett ta’ esklużjoni antikompetittiv tal-aġir, billi din tinqaleb fuq l-impriża dominanti.

137. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa loġiku li wieħed jaħseb li ma għandux ikun hemm konsegwenzi f’dan is-sens marbutin mal-konstatazzjoni ta’ intenzjoni suġġettiva sabiex tkun ristretta l-kompetizzjoni peress li tali prova, li tikkostitwixxi sempliċi ċirkustanza fattwali, ma hijiex suffiċjenti biex tistabbilixxi, fiha nnifisha, li tali aġir jikser l-Artikolu 102 TFUE (123). Għalhekk, din il-konstatazzjoni ma hijiex ibbażata fuq preżunzjoni konfutabbli ta’ tali aġir peress li tali approċċ ma jidhirx li huwa kompatibbli man-natura oġġettiva tal-kunċett ta’ abbuż, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, tali preżunzjoni legali ta’ dan it-tip tista’ twassal biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ abbuż sempliċiment fid-dawl tal-intenzjoni tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, ħaġa li tkun tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u ċċitata iktar ’il fuq.

138. Madankollu, jidhirli li huwa loġiku li, jekk l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu jużaw dan it-tip ta’ provi sabiex jikkorroboraw l-eżistenza ta’ abbuż, l-impriżi kkonċernati għandhom, huma wkoll, ikunu jistgħu jużaw id-dokumenti interni insostenn tal-assenza ta’ intenzjoni għall-esklużjoni (124). Madankollu, tali prova, li hija ta’ natura negattiva, hija evidentement diffiċli li tinġieb, u, anki jekk wieħed jippreżumi li tinġieb, ma tistax, minnha nfisha, turi l-assenza ta’ abbuż (125).

139. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta għar-raba’ domanda fis-sens li, biex prattika ta’ esklużjoni ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti tiġi kklassifikata bħala abbużiva, ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita l-intenzjoni suġġettiva tagħha biex teskludi lill-kompetituri tagħha. Madankollu, din l-intenzjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza fattwali, b’mod partikolari, biex jiġi kkonstatat li dan l-aġir huwa kapaċi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Il-prova ta’ intenzjoni ta’ esklużjoni preżunta ma twassal għall-ebda inverżjoni tal-oneru tal-prova dwar in-natura abbużiva tal-imsemmi aġir.

E.      Fuq il-ħames domanda preliminari

140. Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-appartenenza għall-istess grupp ta’ kumpanniji li pparteċipaw direttament għall-aġir abbużiv hijiex suffiċjenti biex timputa r-responsabbiltà lill-kumpannija omm li hija proprjetarja tal-kapital kollu ta’ dawn il-kumpanniji, mingħajr ma jkun meħtieġ li tinġieb il-prova tal-involviment ta’ din tal-aħħar fil-prattika abbużiva jew, tal-inqas, ta’ koordinazzjoni attiva bejn il-kumpanniji differenti li joperaw fi ħdan il-grupp (126).

1.      Fuq l-ammissibbiltà

141. L-AGCM u l-AIGET għandhom dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda, li tirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni tar-responsabbiltà tal-kumpannija omm (127), minħabba n-nuqqas ta’ rilevanza għas-soluzzjoni tal-kawża, peress li l-AGCM ma bbażatx ir-responsabbiltà ta’ ENEL fuq il-preżunzjoni li tirriżulta mill-kontroll sħiħ ta’ SEN u EE, imma fuq l-involviment dirett fil-prattiki meqjusa bħala abbużivi. L-investigazzjoni tal-AGCM żvelat, fil-fatt, l-eżistenza ta’ strateġija vera tal-grupp – u għaldaqstant imputabbli wkoll lil ENEL – intiża li tittrasferixxi l-ikbar numru ta’ klijenti possibbli tal-kumpannija li topera fis-suq protett (SEN) lejn il-kumpannija responsabbli mis-suq liberu (EE).

142. ENEL, għall-kuntrarju, tirrileva li fid-deċiżjoni kontenzjuża tagħha, l-AGCM ikkunsidrat li hija kienet koresponsabbli mill-ksur, kemm minħabba l-involviment attiv tagħha fl-istrateġija abbużiva kif ukoll minħabba l-preżunzjoni tal-influwenza determinanti. F’dan ir-rigward, minħabba r-ristrutturazzjoni tal-organizzazzjoni fi ħdan il-grupp, hija uriet b’mod suffiċjenti li ma kienx għad għandha l-kontroll deċiżjonali tas-sussidjarji tagħha u, għaldaqstant, ikkonfutat il-preżunzjoni tal-influwenza determinanti.

143. Peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni huma, skont il-konstatazzjonijiet tal- qorti tar-rinviju, parti mid-dibattitu quddiemha, u li, fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali biss li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq din id-domanda (128).

144. Barra minn hekk, jidhirli li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti jistgħu jkunu rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, ENEL issostni quddiem il-qorti tar-rinviju li l-AGCM ikkonstatat li hija kienet attivament involuta fl-aġir ikkontestat mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni d-dokumenti li hija kienet ipproduċiet biex tikkorrobora l-fatt li hija kienet abbandunat il-kompetenzi deċiżjonali tagħha wara r-ristrutturazzjoni tal-grupp. Issa, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li dawn il-provi huma konvinċenti, hija xorta waħda jkollha tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni. Għalhekk jixraq li wieħed ikun jaf jekk l-imsemmija preżunzjoni tistax tibqa’ tapplika abbażi biss tal-appartenenza għall-grupp. Għaldaqstant, il-kwistjoni ma hijiex ipotetika (129).

2.      Fuq il-mertu

145. Biex tingħata risposta għall-ħames domanda fil-mertu, jeħtieġ li jsir riferiment għal kunċetti stabbiliti tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħalma huma l-kunċetti ta’ “impriża” u tal-“preżunzjoni ta’ influwenza determinanti”, li fuqhom hija bbażata l-loġika tal-imputabbiltà tar-responsabbiltà ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (130).

146. L-ewwel nett, infakkar li l-awturi tat-trattati għażlu li jużaw il-kunċett ta’ “impriża” biex jindikaw l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (131). Dan il-kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni jkopri kull entità kkostitwita minn elementi personali, materjali u immaterjali li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha. B’hekk, l-imsemmi kunċett għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal unità ekonomika mill-perspettiva tal-għan tal-prattika antikompetittiva inkwistjoni, anki jekk, mill-perspettiva legali, din l-unità ekonomika hija kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew morali (132).

147. Minn din l-għażla jirriżulta, minn naħa, li, meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha tkun responsabbli, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, għal dan il-ksur u, min-naħa l-oħra, li persuna ġuridika tista’, f’ċerti kundizzjonijiet, tinżamm personalment u in solidum responsabbli għall-aġir antikompetittiv ta’ persuna ġuridika oħra li tkun tappartjeni lil din l-istess entità ekonomika (133).

148. Minn dan isegwi li r-responsabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm b’mod partikolari meta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija omm, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (134). Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u jifformaw għaldaqstant impriża waħda, deċiżjoni li timponi multi tista’ tiġi indirizzata lill-kumpannija omm mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (135).

149. F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ partikolari, bħalma huwa dak tal-kawża prinċipali, fejn kumpannija omm għandha (direttament jew indirettament) 100 % mill-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija omm tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli (imsejħa wkoll “sempliċi”) li skontha l-imsemmija kumpannija omm teżerċita effettivament tali influwenza, sakemm il-kumpannija omm ma tipprovax bil-kontra (136).

150. Tali preżunzjoni timplika, sakemm ma tkunx ikkonfutata, li l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha titqies ipprovata b’mod li l-ewwel waħda tinżamm responsabbli għall-aġir tat-tieni, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li tinġieb xi evidenza addizzjonali (137). Il-kumpannija omm li jiġi imputat lilha l-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur tiġi personalment ikkundannata għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li hija titqies li wettqet, minħabba l-influwenza determinanti li hija kienet teżerċita fuq is-sussidjarja tagħha u li ppermettitilha tiddetermina l-aġir ta’ din tal-aħħar (138).

151. Minn dan isegwi li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa suffiċjenti li l-awtorità tal-kompetizzjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa proprjetà tal-kumpannija omm biex ikun jista’ jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Din l-awtorità tkun f’pożizzjoni, imbagħad, li tikkunsidra l-kumpannija omm bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija omm, li fuqha jaqa’ l-obbligu li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti tali li juri li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (139). Għaldaqstant, l-implimentazzjoni tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti ma hijiex, għaldaqstant, suġġetta għall-produzzjoni ta’ indizji addizzjonali dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija omm (140).

152. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-appartenenza lill-istess grupp ta’ kumpanniji li pparteċipaw direttament fl-aġir abbużiv hija suffiċjenti biex timputa r-responsabbiltà lill-kumpannija omm li hija proprjetarja tal-kapital kollu ta’ dawn il-kumpanniji, mingħajr ma huwa meħtieġ li tinġieb kwalunkwe prova addizzjonali, sakemm din il-kumpannija omm ma tipproduċix provi suffiċjenti tali li juru li dawn il-kumpanniji aġixxew b’mod awtonomu fis-suq.

153. Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li ENEL hija proprjetarja 100 % tal-kapital tas-sussidjarji tagħha SEN u EE. Għaldaqstant, ENEL tikkontesta mhux l-applikabbiltà tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti, imma biss ċerti aspetti ta’ din l-applikazzjoni.

154. Fl-ewwel lok, hija ssostni li s-sempliċi eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kontroll ma hijiex biżżejjed minnha nnifisha biex tissanzjona kumpannija omm minħabba l-aġir ta’ sussidjarja, anki f’każ ta’ kontroll totali. Fil-fehma tagħha, anki f’tali konfigurazzjoni, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kumpannija omm għandha s-setgħa li teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq is-sussidjarja.

155. Fil-fehma tiegħi, tali argument ma jistax ireġġi. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta ċar li l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti timplika preċiżament li l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti jkun stabbilit, mingħajr l-obbligu li tiġi prodotta kwalunkwe prova. Interpretazzjoni kuntrarja tkun tmur kontra l-effett utli ta’ din il-preżunzjoni li hija bbażata fuq l-premessa li ż-żamma ta’ kontroll totali fuq is-sussidjarja tippreżumi neċessarjament il-kapaċità (ekonomika) li teżerċita tali influwenza (141). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li ma hijiex is-sempliċi żamma tal-kapital tas-sussidjarja fiha nnifisha li tikkostitwixxi l-bażi ta’ din il-preżunzjoni, iżda l-livell ta’ kontroll li din iż-żamma tinvolvi (142).

156. Fit-tieni lok, ENEL issostni li, għal dak li jirrigwardja l-preżunzjoni konfutabbli, jekk il-kumpannija omm tipproduċi provi tali li juru li s-sussidjarja aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq, hija l-awtorità tal-kompetizzjoni li jkollha l-obbligu li timmotiva b’mod adegwat il-pożizzjoni differenti tagħha. F’dan il-każ, ENEL tikkontesta l-fatt li hija eżerċitat influwenza determinanti peress li, wara r-ristrutturazzjoni organika tal-grupp li seħħet matul is-sena 2014, hija ma baqgħetx teżerċita rwol deċiżjonali jew operazzjonali, imma llimitat ruħha biex tippromwovi s-sinerġiji u l-aħjar prattiki bejn is-sussidjarji operazzjonali differenti. F’dan ir-rigward, hija pproduċiet dokumenti li, madankollu, ma ttieħdux inkunsiderazzjoni jew li ġew irrifjutati mingħajr motivazzjoni adegwata mill-AGCM.

157. Dawn l-argumenti jeħtieġu tliet settijiet ta’ rimarki.

158. L-ewwel, għal dak li jirrigwardja l-oneru tal-prova, peress li l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti hija konfutabbli, huwa paċifiku li huwa l-obbligu tal-kumpannija omm li tipproduċi provi li juru l-assenza tagħha (143). Madankollu, il-fatt biss li jitressqu dawn il-provi ma huwiex suffiċjenti biex jinqaleb ipso facto l-oneru tal-prova. Fil-fatt, hija l-awtorità tal-kompetizzjoni biss li tista’ tikkonstata jekk kumpannija omm jirnexxilhiex tirribatti l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti billi turi l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha. Jekk dan ikun il-każ, ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm ma tkunx tista’ tiġi imputata lilha minħabba l-fatt biss li hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja(144) u, jekk din l-awtorità tiddeċiedi tfittex lill-kumpannija omm, ikollha tibbaża r-responsabbiltà fuq elementi konkreti oħra ta’ influwenza determinanti. Fil-fatt, bħal f’dan il-każ, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni spiss jagħmlu l-għażla li jikkorroboraw din il-preżunzjoni abbażi ta’ elementi fattwali oħra (145).

159. It-tieni, għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li deċiżjoni ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni għandu jkun fiha motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, partikolarment fir-rigward ta’ dawk fosthom li jkollhom ibatu l-konsegwenzi ta’ dan il-ksur. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ kumpannija omm miżmuma bħala responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, tali deċiżjoni għandha, ikun fiha espożizzjoni dettaljata tal-motivi tali li tiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur għal din il-kumpannija (146). Jekk tali deċiżjoni tkun ibbażata esklużivament fuq il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti, awtorità tal-kompetizzjoni hija – taħt piena li trendi din il-preżunzjoni de facto inkonfutabbli – obbligata li tipprovdi b’mod adegwat ir‑‑raġunijiet li għalihom il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati ma kinux biżżejjed sabiex jirribattu din il-preżunzjoni (147).

160. Dan l-obbligu biex awtorità tal-kompetizzjoni timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha fuq dan il-punt jirriżulta b’mod partikolari min-natura konfutabbli tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti. Fil-fatt, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-preżunzjoni hija intiża li tibbilanċja l-importanza, minn naħa, tal-għan li jikkonsisti fl-ikkastigar tal-aġir li jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, u li ma titħalliex ir-repetizzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, tar-rekwiżiti ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħalma huma, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ individwalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Huwa b’mod partikolari għal din ir-raġuni li l-preżunzjoni hija konfutabbli (148). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-fatt li huwa diffiċli li tinġieb il-prova kuntrarja biex tirribatti l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti ma jimplikax, minnu nnifsu, li din hija, de facto, inkonfutabbli u għaldaqstant kontra l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza (149).

161. Dan premess, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa f’tali kuntest li tieħu pożizzjoni dwar elementi li huma manifestament irrilevanti, mingħajr tifsira jew b’mod ċar sekondarji (150). Barra minn hekk, dan id-dmir ta’ motivazzjoni ma jitlobx neċessarjament l-obbligu li tiġi pprovduta espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jidentifikaw ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni u lil awtorità ġudizzjarja li jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (151). Dawn il-prinċipji jistgħu japplikaw b’analoġija wkoll għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

162. It-tielet, mingħajr ma rrid nindaħal fuq l-evalwazzjoni li ser tiġi definittivament adottata fil-kawża prinċipali mill-qorti tar-rinviju, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża, l-ewwel nett, li l-fatt li l-kumpanniji (kompletament) ikkontrollati kienu jgawdu minn ċerta awtonomija għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet industrijali tagħhom, li l-kumpannija omm kellha rwol ta’ sempliċi koordinatriċi teknika u finanzjarja jew li hija kienet tipprovdi lil dawn il-kumpanniji assistenza finanzjarja u patrimonjali ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, biex jirribatti l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti (152). Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-fatt li entità tkun “holding finanzjarja”, nieqsa mill-kwalità ta’ impriża, ma jistax jaffettwa l-applikazzjoni, fil-konfront tagħha, ta’ din il-preżunzjoni (153). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li jgħid li l-applikazzjoni tal-imsemmija preżunzjoni għal “holding ta’ parteċipazzjoni” tkun tikser l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni
tad-Drittijiet tal-Bniedem, iffirmat f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, l-Artikoli 17 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 345 TFUE inkwantu din twassal għal differenza fit-trattament li hija arbitrarja u inġustifikata bejn is-sistemi ta’ proprjetà differenti (154).

163. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta għall-ħames domanda fis-sens li l-appartenenza ta’ kumpannija omm għal grupp ta’ kumpanniji magħmul b’mod partikolari minn sussidjarji 100 % proprjetà tagħha li pparteċipaw direttament fl-aġir abbużiv fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, hija suffiċjenti biex jiġi preżunt li din il-kumpannija omm eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika ta’ dawn is-sussidjarji, b’mod li awtorità tal-kompetizzjoni tista’ timputalha r-responsabbiltà għal dan l-aġir mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi prodotta l-prova tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-prattika abbużiva. L-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni konfutabbli, billi tipproduċi provi li jippermettu li juru li s-sussidjarji ġabu ruħhom b’mod awtonomu fis-suq, jaqa’ fuq l-imsemmija kumpannija omm. F’tali każ, din l-awtorità għandha l-obbligu li tesponi b’mod adegwat ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li dawn l-elementi ma humiex suffiċjenti biex jirribattu l-imsemmija preżunzjoni, sakemm ma tqisx li dawn l-elementi huma manifestament irrilevanti, mingħajr tifsira jew b’mod ċar sekondarji.

F.      Konklużjoni

164. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja):

1)      L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li prattika implimentata minn impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti, indipendentement mil-legalità tagħha fir-rigward tal-partijiet mid-dritt li ma humiex id-dritt tal-kompetizzjoni, ma tistax tkun ikklassifikata bħala abbużiva fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE biss minħabba l-kapaċità li tipproduċi effett ta’ esklużjoni tagħha fis-suq rilevanti, peress li dan l-aġir ma għandux jiġi assimilat ma’ effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni, sakemm ma jintweriex li din l-impriża użat mezzi li ma humiex dawk li jaqgħu taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu. Bħala prinċipju, prattika ta’ esklużjoni li tista’ tiġi rreplikata minn kompetituri b’mod ekonomiku vijabbli, ma tikkostitwixxix aġir li jista’ jwassal għal esklużjoni antikompettiva u taqa’ għalhekk taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu.

2)      L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż li jipprojbixxi mhux biss il-prattiki ta’ esklużjoni li jistgħu jikkawżaw dannu immedjat lill-konsumaturi, li jikkostitwixxi l-għan aħħari ta’ din id-dispożizzjoni, imma wkoll l-aġir li jista’ jippreġudikahom indirettament, minħabba l-effett tiegħu fuq l-istruttura tas-suq u, għaldaqstant, fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva. Huwa l-obbligu tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li juru li tali prattika ta’ esklużjoni tippreġudika l-istruttura ta’ kompetizzjoni effettiva, filwaqt li jivverifikaw li hija tista’ wkoll tikkawża preġudizzju attwali jew potenzjali lil dawn il-konsumaturi.

3)      L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, l-awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata turi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti u meħud kont b’mod partikolari tal-provi invokati mill-impriża dominanti, li l-aġir ta’ din l-impriża kellu l-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, billi tanalizza, jekk ikun il-każ u f’dan ir-rigward, anki l-provi li juru li l-aġir inkwistjoni ma kienx ikollu effetti antikompetittivi fis-suq rilevanti.

4)      L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li biex prattika ta’ esklużjoni ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti tiġi kklassifikata bħala abbużiva, ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita l-intenzjoni suġġettiva tagħha biex teskludi lill-kompetituri tagħha. Madankollu, din l-intenzjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza fattwali, b’mod partikolari, biex jiġi kkonstatat li dan l-aġir huwa kapaċi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Il-prova ta’ intenzjoni ta’ esklużjoni preżunta ma twassal għall-ebda inverżjoni tal-oneru tal-prova dwar in-natura abbużiva tal-imsemmi aġir.

5)      L-appartenenza ta’ kumpannija omm għal grupp ta’ kumpanniji magħmul b’mod partikolari minn sussidjarji 100 % proprjetà tagħha li pparteċipaw direttament fl-aġir abbużiv fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, hija suffiċjenti biex jiġi preżunt li din il-kumpannija omm eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika ta’ dawn is-sussidjarji, b’mod li awtorità tal-kompetizzjoni tista’ timputalha r-responsabbiltà għal dan l-aġir mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi prodotta l-prova tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-prattika abbużiva. L-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni konfutabbli, billi tipproduċi provi li jippermettu li juru li s-sussidjarji ġabu ruħhom b’mod awtonomu fis-suq, jaqa’ fuq l-imsemmija kumpannija omm. F’tali każ, din l-awtorità għandha l-obbligu li tesponi b’mod adegwat ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li dawn l-elementi ma humiex suffiċjenti biex jirribattu l-imsemmija preżunzjoni, sakemm ma tqisx li dawn l-elementi huma manifestament irrilevanti, mingħajr tifsira jew b’mod ċar sekondarji.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      L-Awtorità Nazzjonali għall-Kompetizzjoni u għas-Suq, l-Italja.


3      Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑202/07 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza France Télécom”, EU:C:2009:214); tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Deutsche Telekom I ”, EU:C:2010:603); tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Post Danmark I”, EU:C:2012:172); tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑152/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Deutsche Telekom II”, EU:C:2021:238); kif ukoll tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni(T‑336/07, EU:T:2012:172), u tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Orange Polska vs Il-Kummissjoni (T‑486/11, EU:T:2015:1002). Dawn il-kawża jirrigwardaw ta’ spiss anki ksur tal-Artikolu 106(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE (ara, is-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2015, Slovenská pošta vs Il-Kummissjoni (T‑556/08, EU:T:2015:189), u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, DEI vs Il-Kummissjoni (T‑169/08 RENV, EU:T:2016:733).


4      Għal eżempju li joriġini mill-prassi deċiżjonali nazzjonali, ara d-Deċiżjoni Nru 13-D-20, tas‑17 ta’ Diċembru 2013 tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża dwar prattiki implimentati minn EDF fis-settur tas-servizzi intiżi għall-produzzjoni ta’ elettriku fotovoltajku (punti 286 sa 293, u 294 sa 296).


5      Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, iktar ’il quddiem “TeliaSonera,” EU:C:2011:83,).


6      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark (C‑23/14, iktar ’il quddiem “Post Danmark II” EU:C:2015:651).


7      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Intel”, EU:C:2017:632).


8      Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Generics (UK)”, EU:C:2020:52).


9      Għal kjarifika terminoloġija dwar il-kunċett ta’ kompetizzjoni “normali”, ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Sentenzi Generics (UK) (punt 148), u Deutsche Telekom II (punt 24). Ara, ukoll, is-sentenzi tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, iktar ’il quddiem “Hoffmann-La Roche” EU:C:1979:36, punt 91), tat‑3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni (C‑62/86, iktar ’il quddiem is-“sentenza AKZO”, EU:C:1991:286, punt 69), tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (C‑457/10 P,, iktar ’il quddiem is-“sentenza AstraZeneca” EU:C:2012:770, punt 74), kif ukoll Post Danmark II (punt 26).


11      Sentenza AstraZeneca (punt 132). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:293, punt 78).


12      Ara, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, il-Ġermanja) B6-22/15 tas‑6 ta’ Frar 2019, li permezz tagħha aġir mhux konformi mar-regoli legali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data personali ġie kkunsidrat li jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (kawża li wasslet għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) fit‑22 ta’ April 2021, fi-Kawża C‑252/21, Facebook Inc. et vs Bundeskartellamt).


13      Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, iktar ’il quddiem “Michelin I”, EU:C:1983:313, punt 57), Post Danmark I (punt 23), u Intel (punt 135).


17      Tradizzjonalment, issir distinzjoni bejn il-“prattiki ta’ esklużjoni” (jiġifieri t-tenattivi illegali biex jiġu esklużi mis-suq l-impriżi kompetituri) u l-“prattiki ta’ sfruttament” (jiġifieri l-isfruttament dirett tal-konsumaturi minħabba, pereżempju, prezzijiet eċċessivi). Fuq din id-distinzjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawżi magħquda Sot. Lélos kai Sia et (C‑468/06 sa C‑478/06, EU:C:2008:180, punt 74).


18      Ara s-sentenzi TeliaSonera (punt 64), Intel (punt 138), u Generics (UK) (punt 154).


19      Ara s-sentenzi TeliaSonera (punt 68), u Generics (UK) (punt 154).


20      Sentenza Post Danmark II (punt 65).


21      Sentenza TeliaSonera (punti 64 u 66).


22      Ara, f’dan is-sens, il-punt 19 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti” (ĠU 2009, C 45, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”).


23      Sentenza Intel (punti 133 u 134, enfasi miżjud minni). Ara wkoll is-sentenza Post Danmark I (punti 21 sa 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara s-sentenzi TeliaSonera (punti 75 u 76), u Intel (punt 140).


25      Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza British Airways” EU:C:2007:166, punt 86), Post Danmark I (punti 40 u 41), u Intel (punt 140).


26      Sentenza Intel (punt 140).


27      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, SEN, EE u l-Kummissjoni, jipproponu li tingħata risposta għal din id-domanda li l-effett (potenzjalment) restrittiv tal-kompetizzjoni ma huwiex suffiċjenti minnu nnifsu biex jikklassifika prattika bħala abbużiva fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, u li jkun jeħtieġ element ta’ illegalità komplementari, magħmul mill-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu. Għall-kuntrarju, l-AGCM, l-AIGET, Green Network, kif ukoll il-Gvern Taljan u Norveġiż jaqblu meta jgħidu li l-kunċett ta’ sfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti ma jeżiġix il-prova ta’ komponent speċifiku ta’ illegalità li jiżdied mal-effett restrittiv jew potenzjali tal-aġir ta’ din l-impriża.


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Post Danmark II (punt 29), u Generics (UK) (punti 151 u 154).


29      Sentenzi Hoffmann-La Roche (punt 91) u Deutsche Telekom II (punt 41).


30      Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1978, (27/76, iktar ’il quddiem is-“sentenza United Brands”, EU:C:1978:22, punt 189), u tal‑1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni (T‑65/89, EU:T:1993:31, punt 94).


31      Sentenzi tal-1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni (T‑65/89, EU:T:1993:31, punt 113), u tas‑7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni (T‑228/97, EU:T:1999:246, punt 111).


32      Kliem inizjalment użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AKZO (punt 70). Ara, iktar reċentement, is-sentenzi Deutsche Telekom (punti 83, 176 u 177), u Intel (punti 135 u 136).


33      Il-kompetizzjoni “normali” huwa terminu li jista’ jagħti lok għal konfużjoni, inkwantu prattiki normalment legali, ordinarji u konformi mal-morali tajba tas-suq, li jistgħu għaldaqstant jiġu deskritti bħala “normali”, jistgħu madankollu jiksru l-Artikolu 102 TFUE, jekk dawn jiġu implimentati minn impriża f’pożizzjoni dominanti, minħabba r-“responsabbiltà partikolari” ta’ din tal-aħħar (ara l-punti 58 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


34      Pereżempju, l-applikazzjoni ta’ prezz irħis, jekk ikun suffiċjentement irħis, jista’ jelimina kompetitur imma jkun koerenti mat-tħaddim tal-kompetizzjoni peress li jkun għall-benefiċċju tal-konsumatur. Madankollu, il-prezz jista’ jkun tant irħis (predatorju) li jista’ jkun ta’ preġudizzju għall-konsumaturi fuq żmien twil, wara li l-kompetitur jiġi eskluż.


35      Sentenzi Continental Can (punt 26), Deutsche Telekom I (punt 173), u TeliaSonera (punt 26).


36      Sa fejn naf jien, l-uniku tip ta’ aġir li għalih teżisti preżunzjoni sempliċi ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tagħti lok għal inverżjoni tal-oneru tal-prova, huwa dak tat-tnaqqis esklużiv għal fedeltà, jiġifieri tnaqqis marbut mal-fatt li l-klijent, irrispettivament mill-ammont tax-xiri, jakkwista l-bżonnijiet tiegħu, kollha jew parti sostanzjali minnhom, esklużivament mingħand l-impriża dominanti (ara s-sentenza Intel, punt 137).


37      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza AstraZeneca (punt 106)


38      Għal ħarsa ġenerali tal-applikazzjoni tal-“effects-based approach” fid-dritt tal-kompetizzjoni, ara, Bourgeois, J. u Waelbroeck, D., Ten years of effects-based approach in EU competition law: state of play and perspectives, Bruylant, 2013; kif ukoll Ibáñez Colomo, P., Anticompetitive Effects in EU Competition Law, Journal of Competition Law & Economics, vol. 17, Nruo 2, 2021, p. 309 sa 363.


39      Sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (C‑333/94 P, EU:C:1996:436, punt 24), u tas‑16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni (C‑395/96 P u C‑396/96 P, EU:C:2000:132, punt 114).


40      Sentenzi Michelin I (punt 57), Post Danmark I (punti 21 sa 23), u Intel (punt 135).


41      Sentenza United Brands (punt 189).


42      Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni (T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punti 1124 u 1460), tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni (T‑65/98, EU:T:2003:281, punt 159).


43      Sentenza Michelin I (punt 57, enfasi miżjud minni).


44      Sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tomra”, EU:C:2012:221, punt 68).


45      Ara l-punt 128 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Sentenzi TeliaSonera (punt 88) u AKZO (punt 71).


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza AstraZeneca (punt 130).


48      Sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Lietuvos geležinkeliai vs Il-Kummissjoni (T‑814/17, EU:T:2020:545, punti 292 sa 299.)


49      Ara, f’dan is-sens, Linji Gwida, punt 5.


50      Sentenza Deutsche Telekom I (punt 230 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa għalhekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ dissoċjazzjoni tal-operatur storiku, huwa essenzjali li titwettaq separazzjoni stretta bejn l-attivitajiet marbuta mal-monopolju u dawk marbuta mas-suq liberu, filwaqt li tali separazzjoni għandha tkun ġuridika, materjali, kontabbli, finanzjarjua u kummerċjali


51      Sentenza Intel (punt 136).


52      Din ir-regola ma hijiex madankollu assoluta, peress li jeżistu sitwazzjonijiet fejn, minn naħa, aġir li ma jistax jiġi rreplikat minn kompetitur daqshekk effikaċi jaqa’ xorta waħda taħt il-kunċett ta’ kompetizzjoni fuq il-mertu (ara, pereżempju, ir-rifjut ta’ provvista ta’ entrant essenzjali lil klijent li ma jkunx jista’ jħallas b’mod xieraq, jew l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp li jippermettu lil impriża li tibbrevetta u tuża invenzjoni unika u mhux riproduċibbli). Min-naħa l-oħra, f’każijiet partikolari, aġir li jista’ jkun rriprodott minn kompetitur daqstant effikaċi mhux bilfors jaqa’ taħt kompetizzjoni fuq il-mertu (ara, pereżempju, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa lil awtoritajiet pubbliċi (sentenza AstraZenecs (punt 18)).


53      Sentenza Post Danmark II (punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Ara, f’dan is-sens, Linji Gwida, punti 23 sa 27. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li ma hemmx obbligu legali li wieħed jibbaża ruħu sistematikament fuq it-test KDE għall-konstatazzjoni tan-natura abbużiva ta’ prattika, peress li dan it-test huwa kkunsidrat bħala strument fost oħrajn. Fil-fatt, dan it-test huwa irrilevanti meta l-istruttura tas-suq tirrendi prattikament impossibbli d-dħul ta’ kompetitur daqstant effikaċi, minn naħa, minħabba ż-żamma mill-proprjetarju tiegħu ta’ monopolju legali fuq parti mis-suq kbir ħafna u, min-naħa l-oħra, minħabba aċċess protett minn ostakoli sinjifikattivi (sentenza Post Danmark II (punti 57 sa 61)).


55      Sentenza Post Danmark II (punt 53). Madankollu, l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-kompetituri f’dan l-istess suq jistgħu jkunu rilevanti meta ma huwiex possibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li jsir riferiment għal prezzijiet tal-impriża dominanti, b’mod partikolari, meta l-istruttura tal-ispejjeż tal-impriża dominanti ma hijiex identifikabbli għal raġunijiet oġġettivi (sentenza TeliaSonera (punt 45)).


56      Sentenza TeliaSonera (punti 42 sa 44).


57      Sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569, punti 44 u 45).


58      Ara l-Linji Gwida punti 54 u 61.


59      Fil-fatt, f’dan il-każ, EE kisbet, permezz tal-użu tal-listi SEN, bilkemm 0.002 % tal-utenti tas-suq protett (ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


60      Sentenza Post Danmark II (punti 47 u 65) u punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


61      Ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62      Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország (C‑75/18, EU:C:2020:139, punt 34).


63      Il-qorti tar-rinviju tikkwota, f’dan ir-rigward, il-Linji Gwida, punt 19.


64      Il-qorti tar-rinviju tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenzi British Airways (punti 66 u 106), France Télécom (punti 104 sa 107), kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza GSK”, EU:C:2009:610, punt 63).


65      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et (C‑179/16, EU:C:2018:25, punti 44 u 45, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


66      Ara, b’mod partikolari, il-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


67      Ara l-Linji Gwida, punt 7, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


68      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni (6/72, iktar ’il quddiem is-“sentenza Continental Can”, EU:C:1973:22, punt 26). Madankollu, jista’ jkun hemm koinċidenza bejn il-prattiki ta’ esklużjoni u ta’ sfruttament, peress li kwalunkwe strateġija ta’ esklużjoni tista’, fl-aħħar mill-aħħar, twassal għal sfruttament (ara, f’dan ir-rigward, Petit, N., Droit européen de la concurrence, 3e édition, LGDJ, 2020, punti 1000 à 1002).


69      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Continental Can (punt 26), Hoffmann-La Roche (punt 38), France Télécom (punt 103), Deutsche Telekom I (punt 170).


70      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera (punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


71      Sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et (C‑468/06 sa C‑478/06, EU:C:2008:504, punt 68), kif ukoll Deutsche Telekom I (punt 180).


72      Sentenza Hoffmann-La Roche (punt 91, enfasi miżjud minni), ikkonfermata ripetutament fil-ġurisprudenza (ara, b’mod partikolari, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 10).


73      Ara d-“dokument ta’ diskussjoni tad-DĠ Kompetizzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE fuq il-prattiki abbużivi ta’ esklużjoni”, ta’ Diċembru 2005.


74      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Deutsche Telekom I (punt 177), TeliaSonera (punti 31 sa 33, 39, 40, 43, 63, 64, 70 u 73), kif ukoll Post Danmark I (punt 21).


75      Sentenza Intel (punt 134, enfasi miżjud minni).


76      Ara l-Linji gwida, punti 6 u 23.


77      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Continental Can (punt 25), u GSK (punt 63).


78      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Continental Can (punt 26), Hoffmann-La Roche (punt 125), British Airways (punti 106 u 107), France Télécom (punt 105), Deutsche Telekom I (punt 176), TeliaSonera (punt 24), u Post Danmark I (punt 20).


79      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża T‑Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punt 71) u s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2006, Österreichische Postsparkasse und Bank für Arbeit und Wirtschaft vs Il-Kummissjoni (T‑213/01 u T‑214/01, EU:T:2006:151, punt 115). Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni (T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, EU:T:2006:396, punt 99), li rrilevat li, fil-kuntest tal-Artikolu 101 TFUE, dan l-għan aħħari joħroġ, b’mod partikolari, mit-termini tal-Artikolu 101(3) TFUE.


80      Sentenza Post Danmark I (punt 24, enfasi miżjud minni).


81      Sentenza Intel (punt 134, enfasi miżjud minni).


82      Sentenzi Post Danmark I (punti 40 u 41, enfasi miżjud minni) u Intel (punt 140).


83      Ara l-Linji Gwida, punti 5 u 6.


84      Ara l-Komunikazzjoni dwar il-Linji gwida li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikolu [101(3) TFUE] (ĠU 2004, C 101, p. 97), li tgħid li “l-Artikolu [101(1) TFUE], għandu bħala għan li jippreserva l-kompetizzjoni fis-suq sabiex iżid il-benesseri tal-konsumatur u jiżgura t-tqassim effikaċi tar-riżorsi” (punt 13), kif ukoll il-Komunikazzjoni dwar il-Linji gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ amalgamazzjonijiet mhux orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 265, p. 6), punt 16. Ara wkoll id-diskors tal-kummissarju N. Kroes tal-15 ta’ Settembru 2005, intitolat “European Competition Policy – Delivering Better Markets and Better Choices”, fil-kuntest tal-“European Consumer and Competition Day”.


85      Sentenza British Airways (punti 106 u 107). Madankollu, għal ċertu tip ta’ abbuż, il-prova marbuta ma’ dannu immedjat lill-konsumaturi tagħmel parti mill-evalwazzjoni tan-natura abbużiva. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “sabiex ir-rifjut ta’ impriża li hija proprjetarja ta’ drittijiet tal-awtur, li tagħti aċċess għal prodott jew servizz li huwa indispensabbli sabiex tiġi eżerċitata attività partikolari, jiġi kklassifikat bħala abbuż huwa biżżejjed li tliet kundizzjonijiet kumulattivi jiġu sodisfatti, jiġifieri li dan ir-rifjut jostakola l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid li għalih teżisti domanda potenzjali mill-konsumaturi, li ma jkunx iġġustifikat u li jkun tali li jeskludi kwalunkwe kompetizzjoni f’suq derivati” (ara f’dan is-sens is-sentenza tas‑6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, imsejħa “sentenza Magill” (C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98), kif miġbura fil-qosor fil-punti 32 sa 38 tas-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, IMS Health (C‑418/01, EU:C:2004:257, enfasi miżjud minni)).


86      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Telefónica”, EU:C:2014:2062, punt 124).


87      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża British Airways vs Il-Kummissjoni (C-95/04 P, EU:C:2006:133, punt 68).


88      F’dan ir-rigward, nikkonstata li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Novembru 2014, dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1), jipprovdi li huwa biss il-ksur imwettaq fil-kuntest ta’ akkordju li huwa preżunt li jikkawża preġudizzju.


89      Ara l-Linji Gwida, punt 19, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.


90      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Intel (punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-Linji Gwida, punt 6.


91      Pereżempju, fil-prattika tal-prezzijiet predatorji, l-istabbiliment ta’ prezzijiet irħas mill-ispiża jiffavorixxi b’mod ċar lill-konsumaturi (ċertament fiż-żmien qasir), sakemm it-telf ma jiġix irkuprat permezz ta’ prezzijiet ogħla fi stadju sussegwenti. Iżda prattika ta’ prezzijiet predatorji tista’ tiġi kkundannata taħt l-Artikolu 102 TFUE mingħajr prova ta’ rkupru tat-telf, peress li hija tista’ tipprovoka tluq jew marġinalizzazzjoni tal-kompetituri li tbiddel l-istruttura tal-kompetizzjoni b’mod li jista’ jiġi kkawżat preġudizzju lill-konsumaturi (ara s-sentenza France Télécom (punti 110 sa 112).


92      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi British Airways (punti 106 u 107), kif ukoll Telefónica (punt 124). Ara wkoll il-punti 41 u 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


93      Sentenza TeliaSonera (punt 65). Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Deutsche Telekom I (punt 254) u tat‑30 ta’ Jannar 2020, České dráhy vs Il-Kummissjoni (C‑538/18 P u C‑539/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:53, punt 70).


94      Sentenza Tomra (punt 68, enfasi miżjud minni).


95      Sentenza Post Danmark II, (punt 69, enfasi miżjud minni).


96      Sentenza Post Danmark II, (punti 73 u 74, enfasi miżjud minni).


97      Sentenza Intel (punti 138 u 139, enfasi miżjud minni).


98      Sentenza Generics (UK) (punt 154, enfasi miżjud minni).


99      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Intel Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2016:788, punt 115).


100      Ara wkoll il-konklużjonijiet Mazák fil-kawża AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:293, punt 64).


101      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 272).


102      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza AstraZeneca (punt 110).


103      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera (punt 44).


104      Sentenza Intel (punti 138 u 139).


105      Sentenza Intel (punt 140).


106      Sentenza Post Danmark II (punt 65) u punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


107      Din il-kwistjoni ġiet eżaminata mill-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Intel Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2016:788, punti 117 u 118). Fil-fehma tiegħu, l-evalwazzjoni tal-kapaċità antikompetittiva hija intiża li tistabbilixxi jekk, x’aktarx, l-aġir ikkontestat jipproduċix effett ta’ esklużjoni mill-kompetizzjoni. Dan ifisser li l-probabbiltà għandha tkun kunsiderevolment iktar minn sempliċi possibbiltà li ċerta mġiba tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għall-kuntrarju, il-fatt li effett ta’ esklużjoni jkun jidher iktar probabbli milli n-nuqqas tagħha sempliċement ma huwiex biżżejjed. Ara, madankollu, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:343, punt 82).


108      Linji gwida, punt 20. Ninnota, madankollu, li dan it-test huwa limitat li jiddefinixxi l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għażla tal-kawżi li hija trid issegwi bħala kwistjoni ta’ prijorità, b’tali mod li l-prassi amministrattiva segwita minn din tal-aħħar ma jkollhiex effett vinkolanti fuq l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u fuq il-qrati nazzjonali.


109      Il-qorti tar-rinviju tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, EU:T:2003:250, punt 241), u tat‑30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni (T‑340/03, EU:T:2007:22, punt 195).


110      Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


111      Ara s-sentenzi Continental Can (punt 29) u tad-9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni (T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 141).


112      Sentenza Tomra (punt 21).


113      L-intenzjoni tal-impriża dominanti li teskludi lil kompetitur tista’ b’mod eċċezzjonali tikkostitwixxi prova neċessarja tal-eżistenza tal-ksur. Dan huwa l-każ, minn naħa, f’ċerti każijiet ta’ prattiki ta’ prezzijiet predatorji meta l-prezzijiet ta’ bejgħ ikunu inqas mill-medja tal-ispejjeż totali li jinkludu l-ispejjeż fissi u l-ispejjeż varjabbli, iżda jkunu għolja mill-medja tal-ispejjeż varjabbli, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dawn il-prezzijiet għandhom jitqiesu li huma abbużivi “meta jkunu ffissati fil-kuntest ta’ pjan li għandu l-għan li jelimina kompetitur” (ara, is-sentenzi AKZO (punt 72); Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (punt 41), u France Télécom (punt 109)), u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ tilwimiet imsejħa “vessatorji”, fejn il-Kummissjoni stabbilixxiet żewġ kriterji kumulattivi biex tkun tista’ tiddetermina l-każijiet meta azzjoni ġudizzjarja tkun abbużiva, fejn it-tieni wieħed minn dawn il-kriterji huwa dak dwar jekk l-azzjoni hijiex “maħsuba fil-kuntest ta’ pjan li għandu l-għan li jelimina l-kompetizzjoni” (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni (T‑111/96, EU:T:1998:183, punt 55)). Madankollu, anki f’dawn il-każijiet eċċezzjonali, l-element suġġettiv ma huwiex biżżejjed waħdu biex tiġi stabbilita l-illegalità tal-aġir.


114      Sentenzi Tomra (punti 18 sa 21), kif ukoll Generics (UK) (punti 162 u 164).


115      Ara l-Linji gwida, punt 20.


116      Sentenza TeliaSonera (punt 88) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


117      Bħalma huma l-prattiki tal-prezzijiet predatorji (sentenza AKZO (punt 72), it-tnaqqis għall-fedeltà (ara s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni (C‑395/96 P u C‑396/96 P, EU:C:2000:132), kif ukoll fil-kuntest ta’ akkordji ta’ esklużività (ara s-sentenza Tomra (punti 19 u 21).


118      B’mod partikolari, meta l-impriża dominanti tressaq azzjonijiet quddiem qrati nazzjonali għal finijiet vessatorji (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni (T‑111/96, EU:T:1998:183, punt 55)), jew tinganna lill-awtoritajiet pubbliċi bil-għan li teskludi lill-produtturi ġeneriċi (ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 359)); kif ukoll il-kawżi msejħa “pay for delay” (ara s-sentenza Generics (UK) (iċċitata iktar ’il fuq, punt 161).


119      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Intel Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2016:788, punt 128)


120      Sentenza Intel (punt 139, u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjud minni.


121      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni (T‑340/03, EU:T:2007:22, punt 202).


122      Sentenza Tomra (punt 12). Ara, wkoll, il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, punti 27 u 29).


123      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Intel Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2016:788, punt 128).


124      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:55, punt 10).


125      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tomra (punt 22).


126      Nosserva li d-domanda, kif magħmula, tikkonċerna lil kull kumpannija li tappartjeni lill-istess grupp, indipendentement mir-rabta ta’ kontroll mal-kumpanniji li pparteċipaw fl-aġir abbużiv. Inkwantu, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, din id-domanda saret biss fir-rigward tar-responsabbiltà tal-kumpannija omm tal-grupp, nipproponi li din terġa tiġi fformulata b’mod li tirrigwarda r-regoli li jirrigwardaw l-imputabbiltà tar-responsabbiltà ta’ kumpannija omm li, bħal f’dan il-każ, hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarji li wettqu l-ksur.


127      Skont din il-preżunzjoni, kumpannija omm li għandha 100 % mill-kapital tas-sussidjarji tagħha li wettqu ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ dawn tal-aħħar u tista’ tinżamm responsabbli għal dan il-ksur l-istess bħas-sussidjarji tagħha (iktar ’il quddiem il-“preżunjoni ta’ influwenza determinanti”, ara l-punt 149 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


128      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2020, Schenker (C-655/18, EU:C:2020:157, punt 22).


129      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 260 u 261 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-verżjoni pubblika tagħha hija disponibbli (fil-lingwa Taljan) fuq is-sit internet tal-AGCM


130      Ir-regoli ta’ imputazzjoni tfakkru b’mod partikolari fis-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536) u tas-27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314).


131      Sentenza tas-27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


132      Sentenza Deutsche Telekom II (punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


133      Sentenza Deutsche Telekom II (punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).


134      Sentenza Deutsche Telekom II (punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).


135      Sentenza tal-15 ta’ April 2021, Italmobiliare et vs Il-Kummissjoni (C-694/19 P, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-sentenza “Italmobiliare”, EU:C:2021:286, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, EU:C:1972:70, punt 140), u Deutsche Telekom II (punt 94).


136      Ara s-sentenza Italmobiliare (punti 47 u 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).


137      Sentenza Italmobiliare (punt 55). Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni (C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punt 30).


138      Sentenza Italmobiliare (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


139      Sentenza Italmobiliare (punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


140      Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2021, The Goldman Sachs Group vs il-Kummissjoni (C‑595/18 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Goldman Sachs”, EU:C:2021:73, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


141      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni (T‑566/08, EU:T:2013:423, punti 501 u 502).


142      Sentenza Goldman Sachs (punt 35).


143      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni (C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punti 32 sa 34).


144      Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2020, Pirelli & C. vs Il-Kummissjoni (C‑611/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:868, punt 74).


145      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Goldman Sachs (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


146      Ara, b’analoġija s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni (C‑196/99 P, EU:C:2003:529, punti 93 sa 101).


147      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 153), tal-14 ta’ Settembru 2017, LG Electronics u Koninklijke Philips Electronics vs Il-Kummissjoni (C‑588/15 P u C‑622/15 P, EU:C:2017:679, punt 87) u tat-28 ta’ Ottubru 2020, Pirelli & C. vs Il-Kummissjoni (C‑611/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:868, punt 45).


148      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni (C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punti 57 sa 59), u Italmobiliare (punt 57).


149      Sentenza Italmobiliare (punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


150      Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-28 ta’ Ottubru 2020, Pirelli & C. Vs Il-Kummissjoni (C‑611/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:868, punt 46).


151      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punti 37 sa 39).


152      Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni (C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 64).


153      Sentenza Italmobiliare (punt 41).


154      Sentenza Italmobiliare (punti 62 u 63).