Language of document : ECLI:EU:C:2022:895

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Novembru 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 34 u 36 TFUE – Moviment liberu tal-merkanzija – Proprjetà intellettwali – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 15 – Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark – Tqegħid fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark – Post tal-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu – Prova – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dispożittiv tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li ma jidentifikawx il-prodotti msemmija – Diffikultajiet fl-eżekuzzjoni – Rikors limitat quddiem il-qorti kompetenti fil-qasam tal-eżekuzzjoni forzata – Smigħ xieraq – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet”

Fil-Kawża C‑175/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

Harman International Industries, Inc.

vs

AB S.A.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Harman International Industries, Inc., minn D. Piróg u J. Słupski, adwokaci,

–        għal AB S.A., minn K. Kucharski u K. Sum, radcowie prawni,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier, S. L. Kalėda u B. Sasinowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Harman International Industries, Inc., stabbilita fl-Istati Uniti (iktar ’il quddiem “Harman”), u AB S.A., stabbilita fil-Polonja, dwar il-vjolazzjoni ta’ diversi trade marks tal-Unjoni Ewropea.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament Nru 2017/1001

3        Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2017/1001, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trademark tal-[Unjoni Ewropea]”:

“1.      Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi kull parti terza, li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu, li tuża, fil-proċess normali tan-negozju, marbut mal-oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:

(a)      is-sinjal ikun identiku għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE;

(b)      is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, jew simili, għall-oġġetti jew is-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, jekk ikun hemm il-probabbiltà li ssir konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trademark;

(c)      is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE, irrispettivament minn jekk tintużax b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, simili jew mhux simili għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, meta din tal-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Unjoni u meta l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ inġust min-natura distintiva jew ir-reputazzjoni tat-trademark tal-UE, jew ikun ta’ detriment għaliha.

3.      Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti skont il-paragrafu 2:

[…]

(b)      l-offerta ta’ oġġetti, it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

(c)      l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti taħt is-sinjal;

[…]”

4        L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-eżawriment tad-drittijiet li jirriżultaw minn trademark tal-[Unjoni Ewropea]” kien jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Trademark tal-UE ma għandhiex tintitola lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ oġġetti li jkunu tqiegħdu fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea taħt dik it-trademark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.”

5        L-Artikolu 129 tar-Regolament, intitolat “Liġi applikabbli”, jipprevedi:

“1.      Il-qrati għat-trademarks tal-UE għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.      Dwar il-kwistjonijiet kollha relattivi għat-trademarks mhux koperti minn dan ir-Regolament, il-qorti rilevanti għat-trademark tal-UE għandha tapplika d-dritt nazzjonali.

3.      Sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor, il-qorti għat-trademarks tal-UE għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ azzjoni fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti.”

 IdDirettiva 2004/48/KE

6        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), intitolat “L-Oġġettiv u l-Firxa ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “drittijiet tal-proprjetà intellettwali” jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.”

7        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

8        Il-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Miżuri, il-Proċeduri u r-Rimedji”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, intitolat “Obbligu Ġenerali”, li jipprevedi kif ġej:

“Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

 Iddritt nazzjonali Pollakk

9        Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jipprevedi:

“Id-dispożittiv tas-sentenza għandu jinkludi l-isem tal-qorti, l-ismijiet tal-imħallfin, tar-reġistratur u tal-prosekutur pubbliku, jekk dan ikun intervjena fil-kawża, id-data u l-post tas-seduta u tal-għoti tas-sentenza, l-ismijiet tal-partijiet u s-suġġett tal-kawża, kif ukoll id-deċiżjoni tal-qorti dwar it-talbiet tal-partijiet.”

10      Skont l-Artikolu 758 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, is-Sądy Rejonowe (il-Qorti Distrettwali, il-Polonja) kif ukoll il-marixxalli marbuta ma’ dawn il-qrati għandhom il-kompetenza f’materji ta’ eżekuzzjoni forzata.

11      Skont l-Artikolu 767 ta’ dan il-kodiċi:

“1.      Sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, l-atti tal-marixxall jistgħu jiġu appellati quddiem is-Sąd Rejonowy (il-Qorti Distrettwali). Jista’ jiġi ppreżentat rikors ukoll kontra l-ommissjoni ta’ dokument mill-marixxall. Ir-rikors għandu jiġi eżaminat mill-qorti fil-ġurisdizzjoni tal-uffiċċju tal-marixxall.

2.      Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat minn parti jew minn persuna oħra li d-drittijiet tagħha ġew miksura jew mhedda bl-att jew in-nuqqas tal-marixxall.

[…]”

12      L-Artikolu 840(1) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“Id-debitur jista’ jitlob permezz ta’ rikors għal annullament totali jew parzjali jew il-limitazzjoni tal-effett eżekuttiv tat-titolu eżekuttiv meta:

(1)      jikkontesta l-fatti li ġġustifikaw l-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar, b’mod partikolari meta jikkontesta l-eżistenza tal-obbligu kkonstatat minn titolu eżekuttiv sempliċi li ma huwiex deċiżjoni ġudizzjarja jew meta jikkontesta t-trasferiment ta’ obbligu minkejja l-eżistenza ta’ dokument formali li jiċċertifika dan;

(2)      wara l-ħruġ ta’ titolu eżekuttiv sempliċi, seħħ fatt li wassal għall-estinzjoni tal-obbligu jew għall-impossibbiltà li jiġi eżegwit; Jekk it-titolu huwa deċiżjoni ġudizzjarja, id-debitur jista’ wkoll jibbaża r-rikors tiegħu fuq fatti li seħħew wara l-għeluq tad-dibattiti, fuq l-eċċezzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-benefiċċju, meta l-invokazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni fil-kawża inkwistjoni kienet inammissibbli ex lege, kif ukoll fuq l-eċċezzjoni ta’ kumpens. […]”

13      L-Artikolu 843(3) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“Fl-att tal-appell, l-appellant għandu jressaq it-talbiet kollha li jistgħu jitqajmu f’dan l-istadju, inkella jitlef id-dritt li jressaqhom fil-proċedura ta’ wara.”

14      L-Artikolu 1050 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi:

“1.      Meta d-debitur huwa obbligat iwettaq att li ma jistax jitwettaq minn persuna oħra u li t-twettiq tiegħu jiddependi esklużivament mir-rieda tiegħu, il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha għandu jitwettaq l-att, fuq talba tal-kreditur u wara li tkun semgħet lill-partijiet, għandha tiffissa terminu lid-debitur sabiex iwettaq l-att, taħt piena ta’ multa, jekk ma jagħmilx dan fit-terminu stabbilit.

[…]

3.      Jekk it-terminu mogħti lid-debitur sabiex iwettaq att jiskadi mingħajr ma d-debitur ikun wettqu, il-qorti, fuq talba tal-kreditur, timponi multa fuq id-debitur u fl-istess ħin tiffissa terminu ġdid għall-eżekuzzjoni tal-att, taħt piena ta’ multa ogħla.”

15      L-Artikolu 1051 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Meta d-debitur huwa marbut bl-obbligu li ma jagħmilx jew li ma jostakolax l-atti tal-kreditur, il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha d-debitur naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu, fuq talba tal-kreditur, tikkundannah iħallas multa, wara li tkun semgħet lill-partijiet u tkun ikkonstatat li d-debitur ma jkunx wettaq l-obbligu tiegħu. Il-qorti għandha tipproċedi bl-istess mod fil-każ ta’ talba ġdida mill-kreditur.”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

16      Harman tipproduċi materjal awdjoviżiv, b’mod partikolari loudspeakers, awdituri u sistemi awdjo. Hija kkonkludiet ftehim ma’ distributur għall-bejgħ fit-territorju Pollakk tal-prodotti tagħha, miksija bil-marki tal-Unjoni Ewropea JBL u HARMAN li hija l-proprjetarja tagħhom.

17      AB tiddistribwixxi fis-suq Pollakk prodotti ta’ Harman, mixtrija mingħand fornitur differenti mid-distributur awtorizzat minn Harman f’dan is-suq.

18      Harman adixxiet lis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, b’azzjoni intiża sabiex ittemm il-ksur tad-drittijiet mogħtija lilha mit-trade marks tagħha, billi tipprojbixxi lil AB, b’mod ġenerali, milli tintroduċi jew tqiegħed fis-suq, l-importazzjoni, l-offerta, għar-reklamar u l-ħażna għall-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ loudspeakers u ta’ headphones flimkien mal-ippakkjar tagħhom, indikati mill-imsemmija trade marks, li ma tqiegħdux preċedentement fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) minn Harman jew bil-kunsens tiegħu. Barra minn hekk, Harman talbet li AB tiġi ordnata tirtira mis-suq u li tiddistruġġi dawn il-prodotti kif ukoll l-ippakjar tagħhom.

19      Għad-difiża tagħha, AB invokat il-prinċipju tal-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark u tinvoka, essenzjalment, l-assigurazzjoni riċevuta mill-fornitur tagħha li l-importazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fis-suq Pollakk ma tippreġudikax it-trade marks ta’ Harman sa fejn dawn il-prodotti kienu tqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE minn Harman jew bil-kunsens tagħha.

20      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-sistemi ta’ mmarkar tal-prodotti użati minn Harman mhux dejjem huma biżżejjed sabiex jidentifikaw is-suq ta’ destinazzjoni ta’ kull wieħed mill-prodotti tagħha. Sabiex jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk prodott partikolari kienx intiż għas-suq taż-ŻEE, ikun neċessarju li tintuża database ta’ Harman.

21      Skont din il-qorti, AB jista’ teoretikament jindirizza ruħu lill-fornitur tiegħu sabiex jikseb informazzjoni dwar l-identità tal-operaturi li jkunu seħħew qabel il-katina ta’ distribuzzjoni. Madankollu, peress li l-fornituri normalment ma humiex disposti li jiżvelaw is-sorsi ta’ provvista tagħhom sabiex ma jitlifux il-bejgħ, huwa improbabbli li AB jirnexxielu jikseb din it-tip ta’ informazzjoni.

22      Issa, il-qrati Pollakki għandhom il-prassi, fid-dispożittiv tad-deċiżjonijiet tagħhom li jilqgħu azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, li jirreferu għall-“prodotti li ma kinux preċedentement imqiegħda fis-suq fiż-ŻEE mir-rikorrenti (proprjetarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea) jew bil-kunsens tagħha”. Din il-formulazzjoni ma tippermettix, fl-istadju tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, li jiġu identifikati l-prodotti koperti minn din il-proċedura, meta mqabbla ma’ dawk li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni dwar l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark. Għalhekk, id-dispożittiv ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma huwiex, fir-realtà, differenti mill-obbligu ġenerali li jirriżulta diġà mid-dispożizzjonijiet tal-liġi.

23      Minħabba din il-prattika ġudizzjarja, il-konvenut f’azzjoni għal kontrafazzjoni ma jkunx f’pożizzjoni li jeżegwixxi volontarjament deċiżjoni li tikkonstata l-ksur u jesponi ruħu għar-riskju ta’ sanzjoni abbażi tal-Artikoli 1050 u 1051 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Barra minn hekk, din il-prattika twassal, ħafna drabi, għas-sekwestru tal-prodotti kollha, inklużi dawk li jiċċirkulaw fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ksur tad-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark.

24      Bl-istess mod, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 767, 840 u 843 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, fil-kuntest ta’ proċeduri kawtelatorji u ta’ eżekuzzjoni forzata, il-konvenut f’azzjoni għal kontrafazzjoni jmur kontra diversi ostakoli ġuridiċi sabiex ikun jista’ jopponi, b’suċċess, il-miżuri ordnati u jkollu biss garanziji proċedurali limitati.

25      L-ewwel, skont l-Artikolu 767 ta’ dan il-kodiċi, rikors kontra att ta’ marixxall tal-qorti huwa possibbli biss meta l-uffiċjal ġudizzjarju eżekuttiv ma jkunx osserva r-regoli proċedurali li jirregolaw il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata. Għalhekk, tali rikors ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk prodott li għandu trade mark ikunx tqiegħed fis-suq fiż-ŻEE mill-proprjetarju ta’ din it-trade mark jew bil-kunsens tiegħu.

26      It-tieni, il-konvenut f’azzjoni għal kontrafazzjoni ma għandux il-fakultà li jippreżenta, abbażi tal-Artikolu 840 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, rikors għal oppożizzjoni, peress li dan it-tip ta’ appell ma jistax iservi sabiex jiċċara l-kontenut tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tikkostitwixxi t-titolu eżekuttiv.

27      It-tielet, skont opinjoni dominanti fid-duttrina Pollakka, il-qorti kompetenti għall-eżekuzzjoni forzata tista’ ċertament tisma’ lill-partijiet iżda, skont l-Artikolu 1051 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, hija ma tistax tipproċedi bil-produzzjoni tal-prova sabiex tiddetermina jekk il-konvenut fl-azzjoni għal kontrafazzjoni aġixxiex konformement mal-kontenut tat-titolu eżekuttiv.

28      Ir-raba’, skont l-Artikolu 843(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, meta jippreżenta rikors fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, id-debitur għandu jsemmi l-ilmenti kollha li huwa jista’ jinvoka, taħt piena li jitlef id-dritt li jqajmuhom fil-kumplament tal-proċedura.

29      Għaldaqstant, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, jeżisti riskju li l-protezzjoni ġudizzjarja tal-moviment liberu tal-merkanzija tkun ristretta minħabba din il-prattika ġudizzjarja relatata mal-formulazzjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjonijiet li jikkonstataw il-vjolazzjoni.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni sentenza tal-Artikolu 36 TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi tal-qrati nazzjonali tal-Istati Membri li skontha l-qrati:

-      meta jieħdu inkunsiderazzjoni l-pretensjonijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark intiżi sabiex jiġu pprojbiti l-introduzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-offerta, l-importazzjoni, ir-reklamar tal-prodotti li għandhom trade mark tal-Unjoni, sabiex tiġi ordnata t-tneħħija mis-suq jew sabiex tiġi ordnata d-distruzzjoni ta’ tali prodotti,

-      meta jordnaw, fi proċeduri kawtelatorji, il-qbid tal-prodotti li għandhom trade mark tal-Unjoni;

fid-deċiżjonijiet tagħhom jagħmlu riferiment għal “oġġetti li ma tqegħdux fis-suq fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu”, u konsegwentement id-determinazzjoni ta’ liema oġġetti li għandhom it-trade mark tal-Unjoni huma kkonċernati mill-ordnijiet u l-projbizzjonijiet imposti (jiġifieri d-determinazzjoni ta’ liema oġġetti ma tqegħdux fis-suq fit-territorju taż-[ŻEE] mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu) titħalla, fid-dawl tal-formulazzjoni ġenerali tal-kontenut tad-deċiżjoni, f’idejn l-awtorità li teżegwixxi, u b’hekk din l-awtorità, li twettaq id-determinazzjoni msemmija, tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-proprjetarju tat-trade mark jew fuq il-mezzi pprovduti mill-proprjetarju (fosthom mezzi informatiċi u databases) u l-ammissibbiltà tal-kontestazzjoni tad-determinazzjonijiet hawn fuq imsemmija tal-awtorità li teżegwixxi quddiem il-qorti fi proċeduri ta’ eżami hija eskluża jew limitata min-natura tar-rimedji legali disponibbli għall-konvenut fi proċedura kawtelatorja jew ta’ eżekuzzjoni?”

 Fuq iddomanda preliminari

31      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li tkun adita bihom. Minn din il-perspettiva, huwa l-kompitu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, RTL Television, C‑716/20, EU:C:2022:643, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fir-rigward tal-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għal rimedju effettiv jista’ jiġi invokat biss abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), mingħajr ma jkun meħtieġ li l-kontenut tiegħu jiġi speċifikat minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jew minn dispożizzjonijiet tad-dritt domestiku tal-Istati Membri, ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt, f’każ partikolari, b’hekk jassumi billi mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 jirriżulta li l-persuna li tinvokaha qed tiddependi fuq drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni [(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État Lussemburgiż (Dritt għal azzjoni legali kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 54 u 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata].

33      Barra minn hekk, għandu jitfakkar, minn naħa, li, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2004/48 tikkonċerna l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, li, skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, dawn japplikaw għal kull ksur ta’ dawn id-drittijiet, previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u/jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

34      Konformement mal-Artikolu 129(3) tar-Regolament Nru 2017/1001, qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandha tapplika r-regoli proċedurali applikabbli għall-istess tip ta’ azzjonijiet relatati ma’ trade mark nazzjonali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab din il-qorti. Minn dan isegwi li l-garanziji proċedurali li għandu konvenut f’azzjoni għal kontrafazzjoni fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, għandhom jiġu evalwati wkoll fid-dawl tad-Direttiva 2004/48.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 36 TFUE, mal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll mad-Direttiva 2004/48, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika ġudizzjarja li tipprovdi li d-dispożittiv tad-deċiżjoni li tilqa’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea huwa fformulat f’termini li, minħabba n-natura ġenerali tagħhom, iħallu lill-Awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni forzata ta’ din id-deċiżjoni biex tiddetermina għal liema prodotti l-imsemmija deċiżjoni tista’ tiġi applikata.

36      Din id-domanda għandha tinftiehem bħala li tkopri tliet partijiet. L-ewwel waħda tirrigwarda l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea u mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija. It-tieni waħda tirrigwarda r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti, skont id-Direttiva 2004/48, mill-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. It-tielet tikkonċerna l-obbligu, għall-Istati Membri, minn naħa, li jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jiżguraw il-kundizzjonijiet għal smigħ xieraq konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta.

37      Fir-rigward tal-ewwel parti, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001 jagħti lill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea dritt esklużiv li jippermettilu jipprojbixxi lil kull terz, b’mod partikolari, milli jimporta prodotti bit-trade mark tiegħu, milli joffrihom, milli jqegħedhom fis-suq jew li jżommuhom għal dawn il-finijiet fl-assenza tal-kunsens tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, TOP Logistics et, C‑379/14, EU:C:2015:497, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      L-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament jinkludi eċċezzjoni għal din ir-regola, sa fejn dan jipprevedi li d-dritt tal-proprjetarju jiġi eżawrit meta l-prodotti jkunu tqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE taħt din it-trade mark mill-proprjetarju stess jew bil-kunsens tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Viking Gas, C‑46/10, EU:C:2011:485, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Din id-dispożizzjoni hija redatta f’termini li jikkorrispondu għal dawk użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li, filwaqt li jinterpretaw l-Artikoli 30 u 36 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 28 u 30 KE, li huma stess saru l-Artikoli 34 u 36 TFUE), irrikonoxxew fid-dritt tal-Unjoni l-prinċipju ta’ eżawriment tad-dritt ta’ trade mark. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tirriproduċi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-proprjetarju ta’ dritt ta’ trade mark protett mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma jistax jinvoka din il-leġiżlazzjoni sabiex jopponi għall-importazzjoni jew għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott imqiegħed fis-suq fi Stat Membru ieħor minnu jew bil-kunsens tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schweppes, C‑291/16, EU:C:2017:990, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Din il-ġurisprudenza dwar il-prinċipju tal-eżawriment tad-dritt ta’ trade mark, ibbażat fuq l-Artikolu 36 TFUE, hija intiża, bħall-Artikolu 15 tar-Regolament 2017/1001, li tirrikonċilja l-interessi fundamentali tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ trade mark, minn naħa, u dawk tal-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern, min-naħa l-oħra, b’tali mod li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li għandhom l-għan li jaslu għall-istess riżultat, għandhom jiġu interpretati b’mod identiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schweppes, C‑291/16, EU:C:2017:990, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawn l-interessi fundamentali, il-possibbiltà li jiġi invokat l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea, bħala eċċezzjoni għal dan id-dritt, hija rregolata minn diversi aspetti.

42      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2017/1001, jistabbilixxi l-prinċipju tal-eżawriment tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark għal prodotti mqiegħda fis-suq mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, mhux irrispettivament mill-post fejn ikun sar it-tqegħid fis-suq, iżda biss fir-rigward tal-prodotti mqiegħda fis-suq taż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied, C‑355/96, EU:C:1998:374, punti 21, 26 u 31).

43      Billi jippreċiża li t-tqegħid fis-suq barra miż-ŻEE ma jeżawrixxix id-dritt tal-proprjetarju li jopponi għall-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti mingħajr il-kunsens tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta għaldaqstant lill-proprjetarju tat-trade mark jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE ta’ prodotti li jġibu t-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, C‑414/99 sa C‑416/99, EU:C:2001:617, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fit-tieni lok, prodotti li għandhom trade mark ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li ġew “imqiegħda fis-suq fiż-ŻEE” meta l-proprjetarju tat-trade mark importahom fiż-ŻEE bil-għan li jbiegħhom fiż-ŻEE jew meta jkun offriehom għall-bejgħ lil konsumaturi fiż-ŻEE, fil-ħwienet tiegħu stess jew f’dawk ta’ kumpannija relatata, iżda mingħajr ma rnexxielhom ibigħuhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2004, Peak Holding, C‑16/03, EU:C:2004:759, punt 44).

45      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunsens tal-proprjetarju għandu, barra minn hekk, jirrigwarda kull eżemplari tal-prodott li għalih jiġi invokat l-eżawriment. Għalhekk, il-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark diġà jikkummerċjalizza, fis-suq fiż-ŻEE, prodotti identiċi jew simili għal dawk li għalihom l-eżawriment huwa invokat ma huwiex biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 1999, Sebago u Maison Dubois, C‑173/98, EU:C:1999:347, punti 21 u 22).

46      Fir-raba’ lok, il-kunsens, li huwa ekwivalenti għal rinunzja tal-proprjetarju għad-dritt esklużiv tiegħu li jirriżulta mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2017/1001, li jipprojbixxi lil kull terz milli jimporta prodotti bit-trade mark tiegħu, għandu jiġi espress b’mod li juri b’mod ċert rieda li jirrinunzja għal dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, C‑414/99 sa C‑416/99, EU:C:2001:617, punti 41 u 45).

47      Rieda bħal din tirriżulta normalment minn formulazzjoni espressa tal-kunsens. Madankollu, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra li tali regola tista’ tieħu konjizzjoni tal-iżvilupp (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Makro Zelfbedieningsgroothandel et, C‑324/08, EU:C:2009:633, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      B’hekk, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet, anki fl-ipoteżi fejn l-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti inkwistjoni fiż-ŻEE jkun twettaq fl-assenza tal-kunsens espliċitu tal-proprjetarju tat-trade mark, ir-rieda li jirrinunzja għal dan id-dritt tista’ tirriżulta b’mod implicitu minn elementi u ċirkustanzi preċedenti, simultanji jew wara t-tqegħid fis-suq barra ż-ŻEE, li, evalwati mill-qorti nazzjonali, jittraduċu ruħhom ukoll, b’mod ċert, f’rinunzja tal-proprjetarju għad-dritt tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, C‑414/99 sa C‑416/99, EU:C:2001:617, punt 46, kif ukoll tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Makro Zelfbedieningsgroothandel et, C‑324/08, EU:C:2009:633, punti 25 sa 27).

49      Madankollu, kunsens taċitu ma jistax jirriżulta minn sempliċi silenzju tal-proprjetarju tat-trade mark. Bl-istess mod, tali kunsens ma jistax jirriżulta minn assenza ta’ komunikazzjoni, mill-proprjetarju tat-trade mark, tal-oppożizzjoni tiegħu għal kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE u lanqas minn assenza ta’ indikazzjoni, fuq il-prodotti, ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq fiż-ŻEE, ir-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tal-prova tal-eżistenza ta’ kunsens impliċitu li ma jagħmel ebda distinzjoni ta’ prinċipju skont jekk il-kummerċjalizzazzjoni inizjali tkunx seħħet barra miż-ŻEE jew fi ħdanha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, C‑414/99 sa C‑416/99, EU:C:2001:617, punti 55 u 56, kif ukoll tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Makro Zelfbedieningsgroothandel et, C‑324/08, EU:C:2009:633, punt 28).

50      Fil-ħames u l-aħħar lok, bħala prinċipju, huwa l-operatur li jinvoka l-eżawriment li għandu jipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eżawriment huma ssodisfatti. Madankollu, din ir-regola għandha tiġi żviluppata meta hija ta’ natura li tippermetti lid-detentur jikkompartimentalizza s-swieq nazzjonali, u b’hekk tiffavorixxi ż-żamma tad-differenzi fil-prezz bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schweppes, C‑291/16, EU:C:2017:990, punti 52 u 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Tali bidla fl-oneru tal-prova jkun impost, b’mod partikolari, fil-każ ta’ sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva (sentenza tat‑8 ta’ April 2003, Van Doren + Q, C‑244/00, EU:C:2003:204, punt 39).

52      B’hekk mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2017/1001, moqri fid-dawl tal-Artikolu 36 TFUE u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-operatur li huwa kkonfrontat b’azzjoni għal kontrafazzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandu d-dritt, sabiex jiddefendi ruħu, jinvoka u jipprova li l-prodotti b’din it-trade mark, koperti mill-azzjoni għal kontrafazzjoni, tqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE minn dan il-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-imsemmi operatur għandu wkoll ikun jista’ jibbenefika minn bidla fl-oneru tal-prova favurih, meta l-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jkunu ssodisfatti.

53      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 44 u 49 ta’ din is-sentenza ma jirriżultax li l-proprjetarju tat-trade mark huwa obbligat jadotta sistema ta’ mmarkar tal-prodotti tiegħu li tippermetti, għal kull prodott, li jiġi stabbilit jekk dan kienx intiż għas-suq taż-ŻEE.

54      Fil-fatt, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħha tista’ twassal għal tali soluzzjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kliem tagħha, il-kuntest li tinsab fih, kif ukoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti, sempliċi osservazzjoni dwar id-diffikultajiet esperjenzati mill-konvenuta f’azzjoni għal kontrafazzjoni biex tikseb informazzjoni dwar il-fornitur inizjali ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni parallela ma tistax tikkostitwixxi l-bażi legali li tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ tali obbligu fuq id-detentur.

55      Barra minn hekk, kull obbligu f’dan is-sens jillimita indebitament il-possibbiltà għall-proprjetarju li jbiddel, fl-aħħar minuta, is-suq tad-destinazzjoni inizjalment previst għal prodott partikolari.

56      F’dak li jirrigwarda t-tieni parti tad-domanda magħmula, għandu jiġi rrilevat li l-aspetti proċedurali tar-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inkluż tad-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001, huma rregolati, bħala prinċipju, mid-dritt nazzjonali, kif armonizzat bid-Direttiva 2004/48, li, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 1 sa 3 tagħha, tikkonċerna l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għaldaqstant, kull proċedura nazzjonali relatata ma’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tosserva d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

57      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-aspett proċedurali li huwa s-suġġett speċifiku tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża ma huwiex irregolat mid-Direttiva 2004/48, peress li din ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-formulazzjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji relatati ma’ azzjoni għal kontrafazzjoni. Din id-domanda taqa’, għaldaqstant, taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li huwa s-suġġett tat-tielet parti tad-domanda magħmula.

58      Fir-rigward tat-tielet parti, il-qorti tar-rinviju tidher li qed tirċievi rabta ta’ kawża u effett bejn il-formulazzjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni li għandha tittieħed sabiex tintemm il-kawża prinċipali u l-allegati inkonvenjenzi li l-konvenut jista’ jiffaċċja fl-istadju tal-eżekuzzjoni forzata tiegħu. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-inkonvenjenzi jirriżultaw minn din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, wara l-azzjoni għal kontrafazzjoni.

59      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li, fl-istadju tal-eżekuzzjoni forzata, il-konvenut għandux, skont id-dritt nazzjonali, rimedji ġudizzjarji u garanziji proċedurali limitati, jikkuntrasta mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva imposti mid-dritt tal-Unjoni u għalhekk l-unità kif ukoll l-effikaċja ta’ dan id-dritt.

60      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jiksbu mid-dritt tal-Unjoni, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u li huwa issa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Il-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jinkludi, fost elementi oħra, dak li jikkonsisti, għall-persuna li għandha dan id-dritt, fil-possibbiltà li jkollha aċċess għal qorti kompetenti sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantixxilu u, għal dan il-għan, sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex issolvi t-tilwima li jkollha quddiemha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Stat Lussemburgiż (Dritt għal azzjoni legali kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq u għandu l-għan li jiżgura l-bilanċ bejn il-partijiet fil-proċedura, billi jiggarantixxi li kull dokument ipprovdut lill-qorti jkun jista’ jiġi evalwat u kkontestat minn kull parti fil-proċedura, jifforma parti integrali mill-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Dan il-prinċipju jimplika, b’mod partikolari, l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni), C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Ikun hemm ksur ta’ dan il-prinċipju jekk deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u fuq dokumenti li l-partijiet innifishom, jew wieħed mill-partijiet, ma setgħux jieħdu inkunsiderazzjoni u li, għaldaqstant, qatt ma setgħu jadottaw pożizzjoni dwarhom (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2007, Land Oberösterreich et L-Awtrija vs Il-Kummissjoni, C‑439/05 P u C‑454/05 P, EU:C:2007:510, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Dan ingħad, bla ħsara għall-eżistenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, huwa l-ordinament ġudizzjarju intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli milli f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Jidher, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju, li d-dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali nazzjonali rilevanti ma jiksrux il-prinċipju ta’ ekwivalenza.

67      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma għandux l-effett li jġiegħel lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji legali differenti minn dawk stabbiliti mid-dritt intern, sakemm, madankollu, mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni ma jirriżultax li ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, jew li l-uniku mod ta’ aċċess għal qorti huwa li l-partijiet fil-kawża jiġu mġiegħla jiksru l-liġi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 62).

68      Barra dan, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania, C‑177/20, EU:C:2022:175, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      Issa, operatur li għandu prodotti mqiegħda fis-suq taż-ŻEE taħt trade mark tal-Unjoni Ewropea mill-proprjetarju ta’ din it-trade mark jew bil-kunsens tiegħu jislet drittijiet tal-moviment liberu tal-merkanzija, iggarantit mill-Artikoli 34 u 36 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2017/1001, li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 1968, Salgoil, 13/68, EU:C:1968:54, p. 676, u tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 105 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70      Madankollu, fid-dawl tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, irrikonoxxut fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jipprekludi prattika ġudizzjarja li tipprovdi li d-dispożittiv tad-deċiżjoni li tilqa’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea huwa redatt f’termini ġenerali, bil-kundizzjoni li l-konvenut ikollu protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huwa jallega li għandhom taħt l-Artikoli 34 u 36 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2017/1001.

71      Għalhekk, jekk il-qorti nazzjonali hija obbligata li tindika, fid-dispożittiv tad-deċiżjonijiet tagħha li jilqgħu azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, permezz ta’ formulazzjoni ġenerali, il-prodotti li ma jkunux tqiegħdu preċedentement fis-suq fiż-ŻEE mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, il-konvenut għandu jibbenefika, fl-istadju tal-eżekuzzjoni forzata, mill-garanziji kollha ta’ smigħ xieraq bil-għan li jkun tista’ jikkontesta b’mod effettiv l-eżistenza ta’ ksur jew theddida ta’ ksur tad-drittijiet esklussivi tad-detentur tat-trade mark kif ukoll biex jopponi l-qbid ta’ kopji tal-prodotti li għalihom id-drittijiet esklussivi tad-detentur ġew eżawriti u li għalhekk jistgħu jiċċirkolaw liberament fiż-ŻEE.

72      Fir-rigward taċ-ċirkustanza indikata mill-qorti tar-rinviju li, fin-nuqqas ta’ aċċess għad-databases ta’ Harman, ma huwiex oġġettivament possibbli għal AB li juri li l-prodotti li hija xtrat kienu tqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE minn Harman jew bil-kunsens tagħha, jista’ jirriżulta neċessarju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki fil-każ fejn l-eżistenza ta’ distribuzzjoni esklużiva ma hijiex stabbilita, li l-awtorità kompetenti, skont il-qorti kompetenti, twettaq l-eżekuzzjoni forzata jew, jekk ikun il-każ, il-qorti kompetenti biex tiddeċiedi fuq l-azzjonijiet kontra l-atti ta’ din l-awtorità, tipproċedi għal tibdil tal-oneru tal-prova, safejn dawn isibu, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi relatati mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati, li r-regola dwar l-oneru tal-prova, imsemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, hija tali li tippermetti lid-detentur li jikkompartimentalizza s-swieq nazzjonali, u b’hekk jiffavorixxi ż-żamma tad-differenzi fil-prezz bejn l-Istati Membri.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 36 TFUE, mal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll mad-Direttiva 2004/48, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix prattika ġudizzjarja li tipprovdi li d-dispożittiv tad-deċiżjoni li tilqa’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, huwa redatt f’termini li, minħabba n-natura ġenerali tagħhom, iħallu f’idejn l-awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni forzata ta’ din id-deċiżjoni l-kompitu li jiġi ddeterminat għal liema prodotti tapplika d-deċiżjoni msemmija, sakemm, fil-qafas tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, il-konvenut jitħalla jikkontesta d-determinazzjoni tal-prodotti koperti minn din il-proċedura u li qorti tkun tista’ teżamina u tiddeċiedi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48, liema prodotti tqiegħdu fil-fatt fis-suq fiż-ŻEE mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu.

 Fuq lispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 36 TFUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

li ma jipprekludix prattika ġudizzjarja li tipprovdi li d-dispożittiv tad-deċiżjoni li tilqa’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, huwa redatt f’termini li, minħabba n-natura ġenerali tagħhom, iħallu f’idejn l-awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni forzata ta’ din id-deċiżjoni l-kompitu li jiġi ddeterminat għal liema prodotti tapplika d-deċiżjoni msemmija, sakemm, fil-qafas tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, il-konvenut jitħalla jikkontesta d-determinazzjoni tal-prodotti koperti minn din il-proċedura u li qorti tkun tista’ teżamina u tiddeċiedi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48, liema prodotti tqiegħdu fil-fatt fis-suq fiż-ŻEE mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.