Language of document : ECLI:EU:T:2013:307

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

7 ta’ Ġunju 2013 (*)

“FAEGG — Taqsima ʻGaranzijaʼ — FEAG u FAEŻR — Infiq eskluż mill-finanzjament — Infiq imwettaq fil-kuntest tal-miżura POSEI (snin finanzjarji 2005, 2006 u 2007)”

Fil-Kawża T‑2/11,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u J. Saraiva de Almeida, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Guerra e Andrade u P. Rossi, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/668/UE, tal-4 ta’ Novembru 2010, li teskludi ċertu nfiq mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR), minn finanzjament mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 288, p. 24), sa fejn din tapplika korrezzjoni finanzjarja fir-rigward tar-Repubblika Portugiża fil-kuntest tal-miżura POSEI għas-snin finanzjarji 2005 sa 2007 rappreżentanti, l-ammont totali ta’ EUR 743 251.25,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-finanzjament tal-politika agrikola komuni

1        Il-leġiżlazzjoni bażika relatata mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni hija kkostitwita, fir-rigward tal-infiq imwettaq mill-1 ta’ Jannar 2000, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414) li ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal-21 ta’ April 1970, relatat mal-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU L 94, p. 13), li kien applikabbli għall-infiq imwettaq qabel dik id-data.

2        Skont l-Artikolu 1(2)(b) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1258/1999, it-taqsima “Garanzija” tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) tiffinanzja l-interventi maħsuba għar-regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli adottati skont ir-regoli tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli.

3        L-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar in-nefqa li trid tiġi eskluża mill-finanzjament Komunitarju riferit fl-Artikoli 2 u 3 fejn issib illi n-nefqa ma tkunx ġiet effettwata skond ir-regoli Komunitarji.

Qabel ma tittieħed deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-kontrolli tal-Kummissjoni kif ukoll it-tweġibiet mill-Istati Membri ineressati għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub u, wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jilħqu ftehim dwar l-azzjoni li trid tittieħed.

Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, l-Istat Membru jista’ jitlob li tinfetaħ proċedura bil-għan ta’ medjazzjoni bejn il-pożizzjonijiet rispettivi f’perjodu taż-żmien ta’ erba’ xhur, li r-riżultati tagħha għandhom jiġu ddikjarati f’rapport li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni u jiġi eżaminat minnha, qabel ma tittieħed deċiżjoni illi jiġi rrifjutat il-finanzjament.

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi filwaqt li tqis b’mod partikolari il-livell misjub tan-nuqqas ta’ konformità. Il-Kummissjoni għandha tqis in-natura u l-gravità tal-kontravenzjoni u tat-telf finanzjarju sofrut mill-Komunità.

Rifjut għall-finanzjament ma jistax jinvolvi:

a)      in-nefqa riferita fl-Artikolu 2 effettwata qabel l-24 xahar li jippreċiedu l-kominikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli, lill-Istat Membru interessat;

b)      in-nefqa għal miżura jew għal azzjoni riferiti fl-Artikolu 3 li dwarhom l-ħlas finali kien effettwat qabel l-24 xahar li jippreċiedu l-komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli lill-Istat Membru interessat.

Madankollu, il-ħames sub-paragrafu ma għandux japplika għall-konsegwenzi finanzjarji:

a)      dwar l-irregolaritajiet riferiti fl-Artikolu 8(2);

b)      li jirrigwardaw il-għajnuniet nazzjonali, jew il-kontravenzjonijiet, li dwarhom ikunu nbdew il-proċeduri riferiti fl-Artikoli 88 u 226 tat-Trattat.”

4        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1258/1999 jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom, skond id-disposizzjonijiet nazzjonali stabiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex:

a)      ikunu sodisdfatti illi t-transazzjonijiet iffananzjati mill-[FAEGG] ikunu attwalment imwettqa u mwettqa korrettement;

b)      jipprevjienu l-irregolaritajiet u jittrattawhom;

ċ)      jirkupraw is-somom mitlufa bħala riżultat ta’ l-irregolaritajiet jew tan-negliġenza.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda għal dawn il-għanijiet u b’mod partikolari dwar l-istat ta’ l-amministrazzjoni u l-proċeduri ġudizzjarji.

2.      Fin-nuqqas ta’ rkupru totali, il-konsegwenzi finanzjarji dwar l-irregolaritajiet jew in-negliġenza għandhom ikunu miġrura mill-Komunità, bl-eċċezzjoni tal-konsegwenzi ta’ l-irregolaritajiet jew in-negliġenza attribwiti lill-awtoritàjiet amministrattivi jew lil korpi oħra fl-Istati Membri.

Is-somom irkuprati għandhom jitħallsu lill-aġenziji akkreditati tal-ħlas u mnaqqsa minnhom (l-aġenziji) min-nefqa ffinanzjati mill-[FAEGG]. L-imgħax fuq is-somom irkuprati jew imħhallsa tard għandu jitħallas lill-[FAEGG].

3.      Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabilixxi r-regoli ġenerali sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu.”

5        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1258/1999 jippreċiża:

“1.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni t-tagħrif kollu meħtieġ għat-tħaddim xieraq tal-[FAEGG] u għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiffaċilitaw is-sorveljanza li l-Kummissjoni tista’ tikkonsidra meħtieġa li tidħol għaliha fil-qafas tal-maniġġjar tal-finanzjament Komunitarju, inklużi l-ispezzjonijiet fuq il-post.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva li jkunu adottaw sabiex jiġu applikati l-atti legali Komunitarji li għandhom x’jaqsmu msal-politika komuni agrikola, safejn u sakemm dawn l-atti jkollhom konsegwenzi finanzjarji fuq il-[FAEGG].

2.      Mingħajr preġudizzju għas-sorveljanza effettwata mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali stabiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 248 tat-Trattat, jew dwar kull spezzjoni organizzat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 279 (ċ) tat-Trattat, ir-rappreżentanti awtorizzati maħtura mill-Kummissjoni biex iwettqu l-ispezzjonijiet fuq il-post għandu jkollhom aċċess għar-reġistri u għad-dokumenti l-oħra kollha, inkluż it-tagħrif maħluq jew maħżun f’għamla elettronika, li għandu x’jaqsam man-nefqa ffinanzjata mill-[FAEGG].

Huma jistgħu, b’mod partikolari, jikkontrollaw:

a)      jekk il-prattiċi amministrattivi jkunux skont ir-regoli Komunitarji;

b)      jekk jeżistux id-dokumenti ta’ appoġġ meħtieġa u jekk jaqblux mat-transazzjoni ffinanzjata mill-[FAEGG];

ċ)      il-kondizzjonijiet li bihom it-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEGG jiġu mwettqa u kkontrollati.

Il-Kummissjoni għandha tagħti avviż xieraq lill-Istat Membru interessat qabel ma tkun twettqet l-ispezzjoni, jew lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dan irid jitwettaq. L-uffiċcjali ta’ l-Istat Membru interessat jistgħu jieħdu sehem fl-ispezzjoni.

Fuq it-talba tal-Kummissjoni u bil-qbil ta’ l-Istat Membru, l-ispezzjonijiet jew l-inkjesti li jirrigwardaw it-transazzjonijiet riferiti f’dan ir-Regolament għandhom jiġu mwettqa mill-awtoritàjiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru. L-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw ukoll.

Biex il-verifika tintgħamel aktar effettiva, il-Kummissjoni tista’, bil-qbil ta’ l-Istati Membri interessati, tirranġa sabiex l-awtoritàjiet amministrattivi ta’ dawn l-Istati jipparteċipaw f’ċerti spezzjonijiet jew inkjesti.

3.      Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu safejn u sakemm ikun meħtieġ, jistabilixxi r-regoli ġenerali sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu.”

6        Ir-Regolament Nru 1258/1999 ġie mħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 286M, 4.11.2010, p. 1), li daħal fis-seħħ, skont l-Artikolu 49 tiegħu, fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit-18 ta’ Awwissu 2005.

7        Madankollu, l-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1290/2005 ippreċiża li “ir-Regolament […] Nru 1258/1999 għandu jkompli japplika sal-15 ta’ Ottubru 2006 għall-infiq imwettaq mill-Istati Membri u sal-31 ta’ Diċembru 2006 għall-infiq imwettaq mill-Kummissjoni”.

8        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1663/95, tas-7 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEEG (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 31), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/1999, tat-22 ta’ Ottubru 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 335) jipprovdi fl-Artikolu 8(1) tiegħu li:

“Jekk, bħala riżultat ta’ inkjesta, il-Kummissjoni tikkunsidra illi n-nefqa ma ġietx effettwata skond ir-regoli Komunitarji, għandha tinnotifika lill-Istati Membri fil-kwistjoni bir-riżultati tal-kontrolli tagħha u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-konformità fil-futur.

Il-komunikazzjoni għandha tirreferi għal dan ir-Regolament. L-Istat Membru għandu jwieġeb fi żmien xahrejn u l-Kummissjoni tista’ timmodifika l-pożizzjoni tagħha bħala konsegwenza. F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu taż-żmien permess għat-tweġiba.

Wara li jiskadi ż-żmien permess għat-tweġiba, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal diskussjoni bilaterali u l-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom li jilħqu ftehim dwar il-miżuri li jridu jittieħdu u dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u t-telf finanzjarju lill-Komunità. Wara din id-diskussjoni u kull temma taż-żmien ta’ wara ddiskussjoni ffissata mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri, għall-provvediment ta’ iżjed tagħrif jew, fejn l-Istat Membru ma jaċċettax l-istedina għal laqgħa qabel it-temma taż-żmien iffissat mill-Kummissjoni, wara li tkun għaddiet din it-temma taż-żmien, il-Kummssijoni għandha formalment tikkomunika l-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru, filwaqt li tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/442/KE. Mingħajr preġudizzju għar-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, din il-komunikazzjoni għandha tinkludi evalwazzjoni ta’ kull nefqa li l-Kummissjoni jkun beħsiebha li teskludi skond l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament […] Nru 729/70.

L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli dwar il-miżuri korrettivi adottati sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tar-regoli Komunitarji u dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Il-Kummissjoni għandha, kif approprjat, tadotta waħda jew iktar mid-deċiżjonijiet skond l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament [...] Nru 729/70 sabiex teskludi n-nefqa affettwata minn-nuqqas ta’ ħarsien tar-regoli Komunitarji sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri korrettivi.”

9        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 332M p. 162), jipprovdi fl-Artikolu 11 tiegħu li:

“1.      Fejn, minħabba kwalunkwe stħarriġ, il-Kummissjoni tqis li l-infiq ma sarx skond ir-regoli Komunitarji, hija għandha tikkomunika s-sejbiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat u għandha tindika l-miżuri korrettivi meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità futura ma’ dawk ir-regoli.

Il-komunikazzjoni għandha tirreferi għal dan l-Artikolu. L-Istat Membru għandu jirrispondi fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-komunikazzjoni u l-Kummissjoni tista’ timmodifika l-pożizzjoni tagħha b’konsegwenza ta’ dan. F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ taqbel li testendi l-perjodu għar-risposta.

Wara li jiskadi l-perjodu għar-risposta, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħa bilaterali u ż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu ftehim dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-baġit Komunitarju.

2.      Fi żmien xahrejn mid-data meta jiġu riċevuti l-minuti tal-laqgħa bilaterali msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jikkomunika kwalunkwe informazzjoni mitluba matul dik il-laqgħa jew kwalunkwe informazzjoni oħra li jqis li tkun utli għall-eżami li jkun għaddej.

F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni, fuq talba raġunata ta’ l-Istat Membru, tista’ tawtorizza estensjoni għall-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni qabel ma jiskadi dak il-perjodu.

Wara li jiskadi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkomunika formalment il-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni riċevuta fil-qafas tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità. Il-komunikazzjoni għandha tevalwa l-infiq li l-Kummissjoni qed tipprevedi li se teskludi mill-finanzjament Komunitarju skond l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 u għandha tagħmel riferenza għall-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament.

3.      L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-miżuri korrettivi li jkun ħa biex jiżgura l-konformità mar-regoli Komunitarji u bid-data effettiva ta’ l-implimentazzjoni tagħhom.

Wara li tkun eżaminat kwalunkwe rapport imħejji mill-Korp ta’ Konċiljazzjoni skond il-Kapitolu 3 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta, jekk ikun meħtieġ, deċiżjoni waħda jew aktar skond l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 sabiex teskludi mill-finanzjament Komunitarju l-infiq li sar minħabba n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli Komunitarji sakemm l-Istat Membru jkun effettivament implimenta l-miżuri korrettivi.

Meta tevalwa l-infiq li għandu jiġi eskluż mill-finanzjament Komunitarju, il-Kummissjoni tista’ tqis kwalunkwe informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru wara li jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 2, jekk dan ikun meħtieġ għal stima aħjar tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-baġit Komunitarju, sakemm it-trażmissjoni tard ta’ l-informazzjoni tkun iġġustifikata minn ċirkostanzi eċċezzjonali.

4.      Fir-rigward tal-FAEG, it-tnaqqis mill-finanzjament Komunitarju għandu jsir mill-Kummissjoni mill-ħlasijiet mensili relatati ma’ l-infiq li sar fit-tieni xahar ta’ wara d-deċiżjoni skond l-Artikolu 31 tar-Regolament […] Nru 1290/2005.

Fir-rigward tal-FAEŻR, it-tnaqqis mill-finanzjament Komunitarju għandu jsir mill-Kummissjoni mill-ħlas intermedju ta’ wara jew mill-ħlas finali.

Madankollu, fuq it-talba ta’ l-Istat Membru u fejn ikun iġġustifikat mill-materjalità tat-tnaqqis, u wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, il-Kummissjoni tista’ tiffissa data differenti għat-tnaqqis.

5.      Dan l-Artikolu għandu japplika, mutatis mutandis, għad-dħul assenjat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 34 tar-Regolament […] Nru 1290/2005.”

10      Mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 885/2006 jirriżulta li r-regolament 1663/95 jibqa’ applikabbli għall-clearance tal-kontijiet tas-sena finanzjarja 2006 skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament 1258/1999.

11      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1453/2001, tat-28 ta’ Ġunju 2001, li jintroduċi miżuri speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli għall-Azores u l-Madeira u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1600/92 (Poseima) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 149), jistabbilixxi programm ta’ miżuri speċifiċi favur dawk ir-reġjuni periferiċi tal-Unjoni.

12      Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 43/2003, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġu applikati r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001 u (KE) Nru 1454/2001 f’dak li jirrigwardja l-għajnuna għall-produzzjoni lokali ta’ prodotti minn uċuħ tar-raba fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 38, p. 31), jimplementa għajnuna favur produzzjonijiet lokali ta’ prodotti veġetali fir-reġjuni l-iktar periferiċi tal-Unjoni.

13      Il-premessa 26 tar-Regolament Nru 43/2003 tipprovdi li “[In]-numru minimu ta’ koltivaturi li jkollhom verifiki fuq il-post permezz tal-varji skemi ta’ għajnuna għandu jkun iddeterminat”.

14      Il-premessa 27 ta’ dan ir-regolament tiddikjara li:

“Il-kampjun għar-rata minima ta’ verifiki fuq il-post għandu jkun meħud parzjalment fuq il-bażi ta’ l-analiżi tar-riskju u parzjalment mingħajr ordni partikolari. Il-fatturi ewlenija li għandhom ikunu meqjusa għall-analiżi tar-riskju għandhom ikunu speċifikati.”

15      Il-premessa 28 tar-Regolament Nru 43/2003 tippreċiża li “Meta rregolaritajiet sinifikanti jkunu misjuba, il-livell tal-verifiki fuq il-post għandu jkun miżjud matul is-sena kurrenti u segwenti sabiex ikun akwistat livell aċċettabbli għall-assigurazzjoni li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna konċernati jkunu korretti”.

16      L-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 43/2003 jipprovdi:

“Il-verifiki għandhom jitwettqu permezz ta’ verifiki amministrattivi u fuq il-post. Verifiki amministrattivi għandhom ikunu eżawrenti u għandhom jinkludu trans-verifiki kull meta xieraq bi, inter alia, dettalji minn amministrazzjoni integrata u sistemi ta’ kontroll. Ibbażati fuq l-analiżi tar-riskju, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu verifiki fuq il-post bil-kampjunar ta’ mill-anqas 10 % ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

Fil-każi xierqa kolla, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-amministrazzjoni ntegrata u s-sistema ta’ kontroll stabbilita bir-Regolament (KEE) Nru 3508/92.”

17      L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 43/2003, intitolat “L-għażla tal-applikazzjoni għall-verifika fuq il-post”, jippreċiża:

“1.      Il-koltivaturi għandhom ikunu magħżula sabiex ikollhom verifika fuq il-post mill-awtorità kompetenti fuq il-bażi ta’ l-analiżi tar-riskju u r-rapreżentanza ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna kif ippreżentata. L-analiżi tar-riskju għandu jieħu akkont ta’:

a)      l-ammont ta’ għajnuna nvoluta;

b)      in-numru ta’ oqsma agrikoli, iż-żona koperta bl-applikazzjoni jew il-kwantità prodotta, ttrasportata, pproċessata jew ikkumerċjalizzata;

ċ)      tibidliet mis-sena preċedenti,

d)      is-sejbiet tal-verifiki magħmula fi snin imgħoddija;

e)      il-parametri l-oħrajn għandhom ikunu ddeterminati mill-Istati Membri.

Sabiex jipprovdu element ta’ rapreżentanza, l-Istati Membri għandhom jgħażlu, mingħajr ordni partikolari, bejn 20 % u 25 % tan-numru minimu ta’ koltivaturi li għandhom ikunu suġġetti għal verifiki fuq il-post.

2.      L-awtorità kompetenti għandha żżomm rekord tar-raġunijiet għall-għażla tal-kontrolli fuq il-post għal kull bidwi. ta’ kull koltivatur għal verifika fuq ilpost. L-ispettur li jwettaq il-verifika fuq il-post għandu jkun informat b’dawk ir-raġunijiet qabel ma jibda bil-verifika.”

 Il-linji gwida tal-Kummissjoni

18      Il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji ġew iddefiniti fid-dokument Nru VI/5330/97 tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida li jikkonċernaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija”.

19      L-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97, relatat mal-konsegwenzi finanzjarji, għall-clearance tal-kontijiet tat-taqsima “Garanzija” tal-FAEGG, ta’ nuqqasijiet ta’ verifiki mwettqa mill-Istati Membri, jiddikjara, fil-parti tiegħu intitolata “Introduzzjoni”:

“Meta l-Kummissjoni tikkonstata li nefqa speċifika tikkonċerna talba li ma tissodisfax ir-regoli Komunitarji, il-konsegwenzi finanzjarji huma ċari: ħlief fil-każ li l-pagament irregolari jkun diġà ġie nnotat mill-entitajiet nazzjonali ta’ verifika u dan ikun wassal għal miżuri adegwati ta’ korrezzjoni u ta’ rkupru (ara l-Anness 4), il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-finanzjament tiegħu mill-baġit Komunitarju. Meta l-konsegwenzi finanzjarji jirriżultaw mill-eżami tal-infiq li jkunu jikkonċernaw numru kbir ta’ fajls, l-ammont eskluż mill-finanzjament Komunitarju għandu jiġi kkalkluat, sa fejn ikun possibbli, abbażi ta’ estrapolazzjoni tar-riżultati riżultanti mill-istudju tal-kampjun rappreżentattiv tal-fajls. L-istess metodu ta’ estrapolazzjoni għandu jiġi applikat għall-Istati Membri kollha, inkluż fir-rigward tal-livell ta’ affidabbiltà u l-portata tal-ineżattezzi, l-istratifikazzjoni tal-popolazzjoni, id-daqs tal-kampjun u l-evalwazzjoni tal-iżbalji waqt it-teħid tal-kampjun b’kont meħud tal-konsegwenzi finanzjarji globali.

Meta Stat Membru ma josservax ir-regoli Komunitarji intiżi sabiex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tat-talbiet, dan in-nuqqas waħdu għandu jimplika li l-pagamenti jmorru kontra d-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli għall-miżura kkonċernata u kontra l-obbligu ġenerali, tal-Istati Membri, ta’ detezzjoni u ta’ prevenzjoni ta’ irregolaritajiet previsti mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 729/70. Dan ma jfissirx neċessarjament li t-talbiet kollha sodisfatti jikkostitwixxu irregolaritajiet, iżda r-riskju li l-[FAEGG] jkollha tbati l-ispejjeż indebiti huwa wieħed aċċentwat. Għalkemm huwa veru li, f’ċerti każijiet flagranti, il-Kummissjoni tista’ tkun awtorizzata tirrifjuta l-ispejjeż kollha kkonċernati meta l-verifiki rikjesti minn regolament ma jitwettqux, f’ċertu numru ta’ każijiet l-ammont tal-ispejjeż li għandhom jiġu skartati jkun jeċċedi, skont kull probabbiltà, it-telf finanzjarju subit mill-Komunità. Għaldaqstant jeħtieġ li ssir stima tat-telf waqt l-evalwazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji.

[...]”

20      L-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97 jippreċiża, fil-parti tiegħu intitolata “Evalwazzjoni abbażi tal-iżbalji inklużi fil-fajls individwali”:

“Abbażi tal-proċeduri diġà stabbiliti skont id-direttivi interni, il-kalkoli relatati mal-korrezzjoni finanzjarja għandhom jitwettqu abbażi ta’ waħda mis-segwenti tekniki:

a)      rifjut ta’ talba individwali li ma ġietx suġġetta għall-verifika meħtieġa;

b)      rifjut ta’ somma kkalkulata permezz tal-estrapolazzjoni tar-riżultati tal-verifiki mwettqa fuq il-kampjun rappreżentattiv tal-fajls flimkien mal-fajls li minnhom ittieħed il-kampjun, iżda li hija limitata għal settur amministrattiv li fih hemm riskju li jiġi riprodott l-istess nuqqas. L-Istat Membru għandu jingħata l-possibbilità li jipproduċi l-prova li r-riżultati tal-estrapolazzjoni ma jikkorrispondux għal dawk miksuba wara l-eżami tal-fajls kollha li minnhom ittieħed il-kampjun.

[…]”

21      L-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97 jippreċiża, fil-parti tiegħu intitolata “Evalwazzjoni bbażata fuq ir-riskji tat-telf finanzjarju: Korrezzjonijiet b’rata fissa”:

“Peress li l-prassi tal-verifika tas-sistemi hija regolari ħafna, id-dipartimenti tal-Kummissjoni b’iktar regolarità wettqu evalwazzjoni tar-riskju li jġibu magħhom in-nuqqasijiet tas-sistemi. Meta l-livell reali tal-infiq irregolari, u għalhekk l-ammont tat-telf finanzjarju subit mill-Komunità, ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, il-Kummissjoni għandha tapplika, wara l-clearance tal-kontijiet tas-sena finanzjarja 1990, korrezzjonijiet b’rata fissa fl-ammont ta’ 2 %, 5 % jew 10 % tal-infiq iddikjarat, skont l-entità tar-riskju tat-telf. F’każijiet eċċezzjonali, jistgħu jiġu deċiżi rati ta’ korrezzjoni superjuri, sa 100 %. Il-prerogattiva tal-Kummissjoni li tapplika korrezzjonijiet ta’ dan it-tip ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ azzjonijiet ippreżentati kontra deċiżjonijiet ta’ clearance annwali tal-kontijiet (pereżempju sentenza C‑50/94).

[…]”

22      L-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97 jiddikjara, fil-parti tiegħu intitolata “Linji gwida għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet b’rata fissa”:

“Jistgħu jsiru korrezzjonijiet b’rata fissa meta l-informazzjoni provduta mill-investigazzjoni ma tkunx tippermetti lill-kontrollur li jevalwa t-telf billi juża l-estrapolazzjoni tat-telf iddeterminat, b’mezzi tal-istatistika, jew b’riferiment għal informazzjoni oħra verifikabbli, iżda li madankollu tkun tippermettilu li jikkonkludi li l-Istat Membru naqas mill-obbligu tiegħu li jivverfika b’mod adegwat l-eliġibbiltà ta’ ċerti talbiet sodisfatti.

[…]

Il-korrezzjonijiet b’rata fissa ma humiex rilevanti meta l-irregolaritajiet ikunu ġew ikkonstatati mid-dipartimenti tal-Istati Membri, fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Anness 4.

[…]

Meta ma jiġux imwettqa wieħed jew aktar mill-kontrolli prinċipali jew jiġu mwettqa ħażin tant li ma jkunux effettivi sabiex jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ talba jew sabiex jipprevjenu l-irregolaritajiet, għandu jiġi applikat aġġustament ta’ 10 %, peress li huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li hemm riskju għoli ta’ telf kbir għall-FAEGG.

Meta jkunu twettqu l-kontrolli ewlenin kollha iżda ma jkunux saru skond in-numru, il-frekwenza u d-dettal meħtieġ mir-regolamenti, għandu jiġi applikat aġġustament ta’ 5% peress li jkun jista’ jiġi raġonevolment konkluż li dawn il-kontrollii ma jipprovdux il-livell mixtieq ta’ garanzija ta’ regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG huwa sinifikanti.

Meta Stat Membru jwettaq il-kontrolli prinċipali korrettament iżda jonqos kompletament milli jwettaq wieħed jew aktar mill-kontrolli sekondarji, għandu jiġi applikat aġġustament ta’ 2% peress li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG huwa aktar baxx u l-ksur huwa inqas serju.

Korrezzjoni ta’ 2 % hija wkoll iġġustifikata meta Stat Membru jonqos milli jadotta miżuri bil-għan li jtejjeb l-applikazzjoni tal-verifiki sekondarji jew tal-miżuri dedotti mir-regolamenti Komunitarji u meta l-Kummissjoni tkun innotifikatu, partikolarment b’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95, li dawk il-miżuri għandhom jiġu applikati bil-għan li jintlaħaq l-għan segwit mir-regolamenti jew sabiex jiġi żgurat livell raġjonevoli ta’ protezzjoni mil-frodi u l-irregolaritajiet jew sabiex tiġi żgurata verifika adegwata tal-fondi Komunitarji.

[…]

Ir-rati ta’ korrezzjoni għandhom jiġu applikati fir-rigward tal-parti mill-fondi li għalihom in-nefqa tikkostitwixxi riskju. Meta n-nuqqas jirriżulta min-nuqqas ta’ adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ sistema ta’ verifika adegwata minn Stat Membru, il-korrezzjoni għandha tiġi applikata għall-infiq kollu li għalih kienet applikabbli din is-sistema ta’ verifika. Meta jkunu jeżistu raġunijiet sabiex jiġi preżunt li n-nuqqas huwa limitat għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ verifika adottata mill-Istat Membru f’żona jew reġjun, il-korrezzjoni għandha tiġi applikata għall-infiq imwettaq mill-imsemmija żona jew l-imsemmi reġjun.

[…]”

23      Il-Kummissjoni tindika wkoll, fl-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97, fil-parti tiegħu intitolata “Każijiet limitati”:

“[…]

Meta n-nuqqasijiet jkunu jirriżultaw minn diffikultajiet fl-estrapolazzjoni tat-testi Komunitarji, ħlief fil-każ meta jkun raġjonevoli li wieħed jaħseb li l-Istat Membru ser iqajjem dawk id-diffikultajiet mal-Kummissjoni, u meta l-awtoritajiet nazzjonali jkunu għamlu dak kollu possibbli sabiex jirrimedjaw in-nuqqasijiet li dawn tal-aħħar ikunu skoprew, dawk il-fatturi ta’ konsiderazzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u jagħtu lok għall-applikazzjoni ta’ rata iktar baxxa jew għan-nuqqas ta’ korrezzjoni.

[…]”

24      Fl-aħħar, l-Anness 4 tad-dokument Nru VI/5330/97, intitolat “Trattament riżervat fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet għall-konklużjonijiet tal-entitajiet ta’ verifika tal-Istati Membri”, jippreċiża:

“[…]

Il-konstatazzjoniijet tal-entitajiet nazzjonali ta’ verifika m’għandhomx waħidhom iwasslu għal konsegwenzi finanzjarji għall-clearance tal-kontijiet. Il-konstatazzjonijiet għandhom jiġu ttrattati bħala provi li għandhom jintużaw mill-proċeduri nazzjonali ta’ verifika b’mod konformi mar-regoli u għandhom jintużaw b’mod effettiv. Madankollu, l-Istat Membru huwa mistenni li jislet il-konsegwenzi neċessarji mill-konklużjonijiet tar-rapporti, inkluż li jirrimedja kull difett fil-proċeduri applikati minn dipartiment nazzjonali, li jeżamina mill-ġdid it-tranżazzjonijiet affettwati minn dak id-difett u li huwa jirkupra l-ammont kollu mħallas b’mod anormali jew iddikjarat irregolari. Huwa evidenti li, jekk dawk ir-rapporti ma jiġux debitament segwiti, il-konklużjonijiet tal-verifika jsiru irrilevanti u huwa proprju minħabba f’hekk, f’dawk iċ-ċirkustanzi, iżda f’dawk iċ-ċirkustanzi biss, li d-dipartiment tal-clearance tal-kontijiet għandu jipprevedi li jislet il-konsegwenzi finanzjarji minnhom.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

25      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej informat, skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 729/70 u skont ir-Regolament Nru 1258/1999, lill-awtoritajiet Portugiżi li kienet ser titwettaq missjoni ta’ verifika fil-11 u fil-15 ta’ April 2005, li kienet ikkonċentrata fuq is-snin 2003 u 2004 u kienet tirrigwarda l-kuntest tal-verifika, inklużi l-proċeduri ta’ verifika stabbiliti u l-verifiki effettivament imwettqa. Il-Kummissjoni talbet ukoll it-trażmissjoni ta’ informazzjoni relatata mal-imsemmija snin.

26      Bejn il-11 u l-15 ta’ April 2005, id-dipartimenti tal-Kummissjoni wettqu dik il-missjoni fil-Portugall bil-għan li jivverifikaw l-implementazzjoni ta’ miżuri speċifiċi, previsti mir-Regolament Nru 1453/2001, dwar ċerti prodotti agrikoli favur Açores u Madeira (il-Portugall).

27      Wara l-imsemmija verifika, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra rreġistrata li ġiet riċevuta fil-5 ta’ Diċembru 2006 (iktar ʼil quddiem l-“ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006”), informat lill-awtoritajiet Portugiżi bir-riżultat tal-missjoni ta’ verifika mwettqa u ppreċiżat li l-imsemmija ittra ntbagħtet b’applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006. Ma’ dik l-ittra kien hemm anness intitolat “Osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet”, li kien jinkludi l-konklużjonijiet tal-missjoni ta’ verifika mwettqa fi ħdan l-awtoritajiet ċentrali ta’ Lisbona (il-Portugall) u fi ħdan l-awtoritajiet lokali, relatati mal-iskema ta’ għajnuna għal miżuri speċifiċi li jikkonċernaw ċerti prodotti agrikoli favur Açores u Madeira (Poseima).

28      Jirriżulta mill-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet Portugiżi ma kinux osservaw totalment ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u li kienu neċessarji miżuri korrettivi sabiex fil-futur tkun żgurata l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti. Il-Kummissjoni talbet li tkun informata dwar il-miżuri korrettivi li diġà ġew adottati kif ukoll dwar il-pjan kalendarju previst għall-implementazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li kienet proposta l-esklużjoni tal-finanzjament Komunitarju fir-rigward ta’ parti minn jew tal-infiq kollu ffinanzjat mill-FAEGG, sezzjoni “Garanzija”, u li dik l-esklużjoni setgħet tikkonċerna l-infiq imwettaq matul il-perijodu li jibda 24 xahar qabel id-data tal-ewwel riċezzjoni tal-imsemmija ittra. Barra minn hekk, ġie ppreċiżat li n-nuqqasijiet irrilevati ntużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji relatati mal-infiq imwettaq sal-implementazzjoni ta’ miżuri korrettivi adegwati.

29      Fl-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness tal-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni indikat, partikolarment, fir-rigward tal-“verifiki tas-superfiċji”:

“L-introduzzjoni ta’ [sistema ta’ informazzjoni ġeografika] assoċjata man-nuqqas ta’ reġistru tal-artijiet kif ukoll mal-konfigurazzjoni estremament irregolari tal-artijiet li ma jippermettux il-kejl faċli meta l-art tkun imħawla parzjalment (fil-każ tat-tkabbir tal-patata), [fatt] li jista’ jillimita l-effikaċja tal-verifiki. Ġie kkonstatat li, waqt il-verifiki fuq il-post ta’ artijiet eliġibbli għall-għajnuna, l-ispetturi jibbażaw ruħhom biss fuq [is-sistema ta’ informazzjoni ġeografika]. L-użu ta’ din tal-aħħar jikkostitwixxi għodda tajba għall-verifiki ta’ artijiet, iżda għandha tkun akkumpanjata minn tkejjil fiżiku bil-għan li dawn tal-aħħar ikunu ċerti u affidabbli.

Il-verifiki tas-superfiċji mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Madeira saru abbażi ta’ kampjun li kien jirrappreżenta tal-inqas 10 % tat-talbiet għal għajnuna, kif previst mill-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 43/2003. Ir-riżultati ta’ dawk il-verifiki juru numru għoli ta’ talbiet għal għajnuna li ġew parzjalment jew totalment miċħuda. Fl-2004, pereżempju, fuq kampjun li jirrappreżenta 10.13 % minn 5 825 talba għal għanjuna għat-tkabbir tal-patata, 19.66 % tal-għajnuna ta’ dan il-kampjun ġew miċħuda totalment u 16.10 % ġew miċħuda parzjalment, u dan jirrappreżenta rata ta’ żbalji ta’ 36 % tas-superfiċji vverfikati (dawk ir-riżultati huma anki iktar skjaċċanti fil-każ tat-trobbija tal-qasab taz-zookor u tal-qasab). Abbażi ta’ dawk il-konstatazzjonijiet, jidher ċar li r-rati minimi ta’ verifiki żgurati mill-awtoritajiet Portugiżi ma kinux suffiċjenti [bil-għan] li jissalvagwardjaw [l-interessi] tal-[FAEGG]. Ġie kkunsidrat li n-nuqqas ta’ tkabbir matul l-2004 jikkostitwixxi defiċjenza fis-sistema ta’ verifika.

Fir-rigward tas-sistema ta’ verifika implementata għas-sena 2005, l-awtoritajiet Portugiżi huma mitluba li jipprovdu lista ta’ persuni li talbu l-għajnuna flimkien ma’ indikazzjoni ta’ dawk minnhom li huma suġġetti għal verifika fuq il-post (wara ssir selezzjoni tal-bullettini tal-verifika) u rikapitulazzjoni li tindika n-numru ta’ persuni li talbu l-għajnuna għal kull prodott, in-numru ta’ persuni vverifikati, in-numru ta’ irregolaritajiet stabbiliti flimkien ma’ korrelazzjoni bejn dawk li għalihom l-għajnuna ġiet miċħuda parzjalment u [dawk li għalihom l-għajnuna ġiet] miċħuda totalment. Tkun utli wkoll indikazzjoni tas-superfiċji sabiex tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni tal-iżbalji f’termini finanzjarji.”

30      Il-Kummissjoni indikat ukoll, fl-anness tal-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006, li l-awtoritajiet Portugiżi ngħataw parir li jirrikorru b’mod iktar frekwenti għal tkejjil fiżiku waqt il-verifiki tas-superfiċji, bħal GPS jew ir-rutella.

31      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2007, l-amministrazzjoni Portugiża rrispondiet billi sostniet li l-iżbalji nnotati waqt il-verifiki fuq il-post kienu marbuta ma’ porzjonijiet ta’ art żgħar ħafna ddedikati għal diversi użi agrikoli, u dan kien jirrendi iktar diffiċli d-dikjarazzjoni eżatta tas-superfiċji użati għall-agrikoltura li jkunu s-suġġett tal-għajnuna. L-awtoritajiet Portugiżi enfasizzaw ukoll li s-superfiċji medji ta’ esplojtazzjoni kien ta’ 0.4 ettari u li dan kien diviż f’erba’ jew ħames porzjonijiet: għalhekk is-superfiċji medji ta’ porzjon kien żgħir ħafna, 0.08 ettari, u numru kbir ta’ porzjonijiet kellhom superfiċji ta’ bejn 0.01 u 0.05 ettari. Minn dan jirriżulta li żball minimu fid-delimitazzjoni jew fid-daqs tal-porzjoni kien iwassal għal żball sinjifikattiv f’termini ta’ perċentwal inkonnessjoni mas-superfiċji reali. L-awtoritajiet Portugiżi enfasizzaw li, skont ir-Regolament Nru 43/2003, il-marġni ta’ żball ta’ verifika, li kien ta’ 3 %, kien dgħajjef wisq għall-iskema tar-reġistru tal-artijiet tar-Reġjun awtonomu ta’ Madeira. Bħala eżempju, fil-każ ta’ porzjon ta’ 0.01 ettari, irregolarità li twassal għal penalità totali (20 %) tikkorrispondi għal 0.002 ettari, superfiċji li huwa impossibbli li jiġi rreġistrat fis-sistema tal-informatika, b’tali mod li dan għandu jiġi kkunsidrat bħala negliġibbli. Flimkien ma’ din l-ittra ġie mehmuż ukoll l-Anness 1, li permezz tiegħu l-awtoritajiet Portugiżi kellhom jittrażmettu lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba minn din tal-aħħar fil-paragrafu 3 tal-Anness tal-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 (ara l-punt 29 iktar ʼil fuq).

32      Waqt laqgħa bilaterali bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet portugiżi li nżammet fi Brussell fil-5 ta’ Lulju 2007, li l-minuti tagħha ġew stabbiliti fil-25 ta’ Ottubru 2007 u mibgħuta lill-awtoritajiet Portugiżi fil-31 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni fuq ir-rata għolja ta’ żbalji rrilevati waqt verifiki fuq il-post imwettqa mill-awtoritajiet reġjonali ta’ Madeira u indikat li tali rata ta’ żbalji kellha twassal lill-awtoritajiet sabiex iżidu r-rata ta’ verifiki bil-għan li jiżguraw aħjar id-dritt u l-għoti tal-għajnuna Komunitarja b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi. L-awtoritajiet Portugiżi fakkru, min-naħa tagħhom, li, peress li s-superfiċji medju ta’ esplojtazzjoni f’Madeira kien żgħir ħafna, żball fil-kejl ta’ porzjon, għalkemm jibqa’ insinjifikattiv f’termini ta’ superfiċji, iwassal għal rata ta’ żbalji għolja ħafna. Huma enfasizzaw li r-rati ta’ verifika fuq il-post f’termini ta’ talbiet kienu ġew osservati. Dawk il-verifiki kienu jirrappreżentaw, f’termini ta’ superfiċji, rati li jvarjaw minn 25 sa iktar minn 50 %. Barra minn hekk, il-verifiki msemmija ġew eżegwiti qabel il-ħlas, b’tali mod li l-għajnuna kienet ġiet ridotta u s-sanzjonijiet applikati. Għalhekk, it-tbassir tar-rati ta’ żbalji sabiex jiġi ddeterminat ir-riskju eventwali għall-FAEGG ma huwiex fondat. Barra minn hekk, sa mill-2006, ir-riżultati tal-verifiki (tkejjil) kienu ġew integrati fis-sistema ta’ informazzjoni ġeografika (SIG) u dan ippermetta l-possibbiltà ta’ database iktar affidabbli tas-superfiċji reali.

33      Il-Kummissjoni, bil-għan li tevalwa aħjar is-sitwazzjoni, talbet lill-awtoritajiet Portugiżi, matul dik il-laqgħa tal-5 ta’ Lulju 2007, sabiex jikkomunikawlha skont is-settur (tkabbir) u skont iż-żona (sa mill-2005) in-numru ta’ talbiet għal għajnuna u ta’ superfiċji korrispondenti, il-perċentwal tal-benefiċjarji vverifikati fuq il-post, il-perċentwal tas-superfiċji koperti minn dawk il-verifiki, ir-rati ta’ żbalji u l-penalitajiet parzjali jew totali li rriżultaw minnhom kif ukoll il-perċentwal ta’ dawk l-iżbalji f’termini ta’ ħlasijiet li saru. Il-Kummissjoni żiedet li, abbażi tal-elementi pprovduti mill-awtoritajiet Portugiżi, hija kienet ser tiddetermina l-portata tar-riskju finanzjarju tal-anomaliji kkonstatati u l-livell ta’ infiq li għandu jiġi eskluż mill-finanzjament Komunitarju.

34      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2007, ir-Repubblika Portugiża bagħtet lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba, b’mod partikolari, tabella ta’ rikapitulazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ verifika li twettqu matul il-kampanji 2005 u 2006.

35      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni ttrażmettiet lir-Repubblika Portugiża komunikazzjoni formali. Wara l-laqgħa bilaterali, il-Kummissjoni, waqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni addizzjonali kkomunikata iktar tard mill-awtoritajiet Portugiżi, ikkonfermat il-pożizzjoni tagħha li l-għoti tal-għajnuna għas-snin finanzjarji 2005, 2006 u 2007, fir-rigward tal-miżuri speċifiċi li jikkonċernaw ċerti prodotti agrikoli favur Madeira, ma kinux twettqu skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji. Fl-anness tal-ittra tas-27 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni indikat li d-data pprovduta mill-amministrazzjoni Portugiża relatata mas-snin finanzjarji 2005 u 2006 kienet tippermetti, b’mod partikolari, li jiġi konkluż li r-“rata ta’ żbalji” li kienu taw lok għal ċaħda totali jew parzjali tal-finanzjament kienet, fil-każijiet kollha, ogħla minn 40 % f’termini ta’ superfiċji. Issa, verifika mwettqa preċedentement (investigazzjonijiet 2001/006 u 2001/09) kienet wasslet għal konklużjonijiet simili. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li r-rata ta’ żbalji relatati ma’ diversi snin kienet għolja ħafna, l-amministrazzjoni Portugiża kellha tgħolli r-rata ta’ verifiki fuq il-post, bil-għan li tipproteġi l-FAEGG mir-riskju ta’ ħlasijiet indebiti. Hija kkunsidrat li r-rata ta’ verifiki mwettqa, fuq il-livell ta’ statistika u fuq il-livell ġeografiku, kienet rappreżentattiva biżżejjed sabiex tippermetti d-deċifrar tar-riżultat inkonnessjoni mat-talbiet li ma kinux ġew issuġġettati għal verifika fuq il-post. Il-Kummissjoni pproponiet l-esklużjoni tas-somma ta’ EUR 743 251.25 ta’ nfiq u, konsegwentement, korrezzjoni finanzjarja fir-rigward tas-snin finanzjarji 2005, 2006 u 2007. Inġibdet l-attenzjoni tal-amministrazzjoni Portugiża dwar il-possibbiltà li tiġi ppreżentata talba ta’ konċiljazzjoni quddiem l-entità ta’ konċiljazzjoni, fid-dawl tat-termini tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 885/2006, li jipprevedu tali possibbiltà.

36      Ir-Repubblika Portugiża ma talbitx il-ftuħ ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni.

37      Fid-19 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni stabbilixxiet rapport ta’ sinteżi, li jirriproduċi r-riżultati tal-verifiki mwettqa, l-ilmenti tal-Kummissjoni kif ukoll ir-risposta tal-awtoritajiet Portugiżi.

38      Qabel xejn, dak ir-rapport ta’ sinteżi, li jirreferi għall-fatt li l-pożizzjoni tad-direttorat ġenerali (DĠ) “Agrikoltura” tal-Kummissjoni baqgħet inoltrata, ifakkar il-konstatazzjoni nnotifikata fl-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 li tirriżulta mill-eżami u mill-analiżi tar-riżultati ta’ verifika mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Madeira (ara l-punt 29 iktar ʼil fuq). Sussegwentement, fir-rigward tad-data tal-verifika pprovduta mir-Repubblika Portugiża għas-snin 2005 u 2006, il-Kummissjoni indikat li l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 43/2003 jipprovdi li l-verifiki fuq il-post għandhom isiru fuq tal-inqas 10 % tat-talbiet għal għajnuna u li dawk imwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi rrappreżentaw, skont is-setturi kkonċernati, rata ta’ 10 sa 30 % tat-talbiet għal għajnuna. F’termini ta’ superfiċji vverifikati, dawn jirrappreżentaw minn 8 sa 50 % tas-superfiċji li bbenefikaw minn intervent finanzjarju Komunitarju u r-rata ta’ żbalji li wasslu għal ċaħda totali jew parzjali tal-finanzjament fil-każijiet kollha kienet ogħla minn 40 % f’termini ta’ superfiċji. Minn dawn l-elementi, il-Kummissjoni ddeduċiet li r-rata ta’ verifika minima ma kinitx ta’ natura li tipprevjeni lill-FAEGG mir-riskju ta’ ħlasijiet indebiti. F’dan il-kuntest, hija fakkret il-premessi 26 sa 28 tar-Regolament Nru 43/2003 u kkonkludiet li, b’kont meħud tar-rati għoljin ħafna ta’ żbalji mwettqa matul diversi snin, l-awtoritajiet Portugiżi kellhom iżidu r-rata ta’ verifika fuq il-post bil-għan li tiġi kkorroborata r-rappreżentanza tar-riżultati miksuba. Fl-aħħar hija kkunsidrat li, peress li r-rati ta’ verifiki mwettqa kemm fuq il-livell ta’ statistika kif ukoll fuq il-livell ġeografiku (Madeira) kienu suffiċjentement rappreżentattivi, dawn kienu jippermettu t-tneħħija ta’ talbiet għal għajnuna li ma kinux suġġetti għal verifika fuq il-post.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2010/668/UE, tal-4 ta’ Novembru 2010, li teskludi ċertu nfiq mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR), minn finanzjament mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 288, p. 24, iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fosthom dawk imwettqa mir-Repubblika Portugiża fil-kuntest tal-miżura POSEI għas-snin finanzjarji 2005 sa 2007 fl-ammont totali ta’ EUR 743 251.25 inkwistjoni fil-kawża odjerna.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Jannar 2011, ir-Repubblika Portugiża fetħet din il-kawża.

41      Il-Kummissjoni ippreżentat ir-risposta tagħha fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Marzu 2011. Ir-Repubblika Portugiża ppreżentat replika fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Mejju 2011 u l-Kummissjoni kontroreplika fil-5 ta’ Lulju 2011.

42      Ir-Repubblika Portugiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tapplika fil-konfront tagħha korrezzjoni finanzjarja relatata mal-miżura POSEI għas-snin finanzjarji 2005 sa 2007 fl-ammont totali ta’ EUR 743 251.25;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

43      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

44      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ebda miżuri istruttorji preliminari. Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tas-12 ta’ Settembru 2012.

 Id-dritt

45      Ir-Repubblika Portugiża tinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha: l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, it-tieni wieħed huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 28 tar-Regolament Nru 43/2003 u fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, it-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u r-rabaʼ huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006

46      Skont ir-Repubblika Portugiża, l-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006, mibgħuta skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, ma kinitx tosserva totalment dik id-dispożizzjoni, sa fejn hija ma kinitx tindika r-riżultati tal-verifiki relattivi għas-snin 2005 u 2006. Barra minn hekk, l-awtoritajiet jikkonstataw li l-Kummissjoni informathom, permezz tal-ittra tat-8 ta’ Marzu 2005, li l-missjoni kienet ser tiffoka fuq is-snin 2003 u 2004. Issa, l-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006, fir-rigward tas-sena 2005, la kienet tinkludi r-riżultati tal-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni matul il-missjoni tagħha, la osservazzjonijiet f’dak ir-rigward, u lanqas l-inqas riżerva inkonnessjoni ma’ dik is-sena, elementi li barra minn hekk ġew inklużi mill-Kummissjoni fir-rapport ta’ sinteżi li fih hija tindika li hija kienet talbet lill-awtoritajiet Portugiżi sabiex jipprovduha bl-informazzjoni ta’ verifika li tikkorrispondi għas-snin 2005 u 2006. Fir-rigward tas-sena 2006, l-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 kienet silenzjuża u ma kienet tinkludi l-ebda osservazzjoni u l-ebda talba għal informazzjoni ta’ verifika relatati ma’ dik is-sena.

47      F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet Portugiżi indikaw ma kellhomx l-opportunità li juru l-ineżattezza tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tas-snin 2005 u 2006 u lanqas li jirrimedjaw id-defiċjenzi eventwali sabiex fil-futur josservaw ir-regoli tal-Unjoni, b’tali mod li skont il-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 2009, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑50/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), huma ma bbenefikawx mill-garanzija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006. Peress li l-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 ma kinitx tippermetti li wieħed jifhem perfettament ir-riżervi tal-Kummissjoni, hija ma setgħetx għaldaqstant tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ twissija, kif rikjest mill-ġurisprudenza.

48      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ssostnix li l-irregolaritajiet ikkonstatati matul is-snin 2005 u 2006 kienu konsekuttivi għal dawk ikkonstatati matul is-sena 2004. Peress li l-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 ġiet riċevuta biss f’Diċembru 2006, dan jimplika li l-awtoritajiet Portugiżi ma kienx fadlilhom ħin sabiex jadottaw l-inqas miżura korrettiva li jkollhom effett fl-2005 u 2006.

49      Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni ma wettqitx verifiki li jikkonċernaw is-snin 2005 u 2006, ir-Repubblika Portugiża tindika li hija ma setgħetx tkun taf jekk ir-riżervi maħruġa fl-2004 kinux dejjem validi għas-sentejn sussegwenti, li d-data relatata magħhom ġiet ikkomunikata lilha mhux qabel il-laqgħa tal-5 ta’ Lulju 2007, b’tali mod li r-Repubblika Portugiża ma setgħetx teżerċita d-drittijiet tagħha tad-difiża fir-rigward ta’ dawk is-sentejn.

50      Il-Kummissjoni tfakkar li, meta l-irregolaritajiet li jkunu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja persistenti wara d-data tal-komunikazzjoni bil-miktub tal-verifiki, hija jkollha dritt u anki l-obbligu li tikkunsidra dik is-sitwazzjoni meta tiġi sabiex tiddetermina l-perijodu li matulu għandha ssir il-korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni. Għaldaqstant hija tikkunsidra li l-kundizzjonijiet li jippermettulha li ma tagħtix l-għajnuna kienu sodisfatti.

51      Il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza, peress li l-verifika saret bejn il-11 u l-15 ta’ April 2005, hija ma kellhiex l-opportunità teżamina d-data tal-verifika tal-2005, li kinitx għadha saret disponibbli. Madankollu, hija talbet lill-awtoritajiet Portugiżi, fl-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006, sabiex tipprovdiha bid-data li tikkonċerna l-2005. Il-Kummissjoni tindika li d-data fornita mill-imsemmija awtoritajiet fl-20 ta’ Diċembru 2007 li tikkonċerna l-kampanji 2005 u 2006 kienet tikkonferma l-verifiki tal-Kummissjoni fir-rigward tad-data tal-2004, b’tali mod li l-problema kienet sistematika. Il-persistenza tar-rata ta’ żbalji għolja ħafna u l-fatt li għandha t-tendenza li taggrava jikkostitwixxu fil-fatt raġuni oġġettiva sabiex ma tingħatax l-għajnuna. Ma humiex involuti d-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Portugiża fir-rigward tad-data tal-verifika tas-snin 2005 u 2006, peress li kienet hija stess li forniethom lill-Kummissjoni.

52      Permezz ta’ dak il-motiv, ir-Repubblika Portugiża, essenzjalment tilmenta li l-Kummissjoni applikat korrezzjoni finanzjarja abbażi tal-kampanji 2005 u 2006 li seħħew qabel l-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006, anki meta, f’dik il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma indikatx li r-riżultati tal-verifiki relatati mal-imsemmija kampanja. Minħabba f’hekk, l-awtoritajiet Portugiżi ma bbenefikawx mill-garanzija proċedurali mogħtija lilhom mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u ma setgħux jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tad-difiża fir-rigward tal-imsemmija sentejn.

53      B’risposta għall-ewwel mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti rrikonoxxiet, dak li ġie nnotat fil-minuti tas-seduta, li dak il-motiv huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata unikament fir-rigward tal-korrezzjoni finanzjarja mwettqa għall-kampanji 2005 u 2006, jiġifieri għas-snin finanzjarji 2006 u 2007, għall-ammonti rispettivi ta’ EUR 239 045.63 u EUR 266 137.96. Għall-kuntrarju, il-korrezzjoni finanzjarja relatata mal-kampanja 2004, fl-ammont ta’ EUR 238 067.66, li tikkorrispondi għas-sena finanzjarja 2005, ma hijiex indirizzata fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

54      Jeħtieġ li jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li d-deċiżjoni finali u definittiva relatata mal-clearance tal-kontijiet għandha tiġi adottata fi tmiem proċedura kontradittorja speċifika li matulha l-Istati Membri kkonċernati għandu jkollhom il-garanziji kollha rikjesti sabiex jippreżentaw l-opinjoni tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 1998, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑61/95, Ġabra p. I‑207, punt 39, u tal-14 ta’ Diċembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑245/97, Ġabra p. I‑11261, punt 47).

55      Barra minn hekk, hemm lok ukoll li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva, fir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri, il-kundizzjonijiet li hija imponiet fuqha stess permezz tar-regolamenti ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawk il-kundizzjonijiet jista’, skont l-importanza tiegħu, jiżvesti mis-sustanza tagħha l-garanzija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 (sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ʼil fuq, punt 27).

56      Barra minn hekk, il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, minn naħa, u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 u l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, min-naħa l-oħra, jindirizzaw l-istess stadju tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, jiġifieri l-ħruġ tal-ewwel komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istat Membru, fi tmiem il-verifiki li tkun wettqet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 2002, Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑170/00, Ġabra p. I‑1007, punt 27; ara wkoll is-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ʼil fuq, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 kien jiddefinixxi l-istadji differenti li għandhom jiġu osservati matul il-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG. B’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-regolament jippreċiża l-kontenut tal-ewwel komunikazzjoni bil-miktub li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkomunika r-riżultat tal-verifiki tagħha lill-Istati Membri, qabel l-organizzazzjoni tad-diskussjoni bilaterali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑300/02, Ġabra p. I‑1341, punt 68, u tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑184/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40). Skont dik id-dispożizzjoni, l-ewwel komunikazzjoni għandha tippreċiża r-riżultat tal-verifiki tal-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata fil-futur l-osservanza tar-regoli Komunitarji inkwistjoni.

58      F’dak ir-rigward jeħtieġ li jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni ddeċidiet li l-komunikazzjoni bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 għandha tkun ta’ natura li tagħti lill-Istat Membru konoxxenza perfetta tar-riżervi tal-Kummissjoni, b’tali mod li b’hekk hija tkun tista’ tissodisfa l-funzjoni ta’ twissija li hija imposta fuqha bl-ewwel subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni u mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 (sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ʼil fuq, punt 39; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑153/01, Ġabra p. I‑9009, punt 93, u tat-3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑24/11 P, punt 27).

59      Isegwi li, fl-ewwel komunikazzjoni msemmija mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, il-Kummissjoni għandha tindika, b’mod preċiż biżżejjed, is-suġġett tal-investigazzjoni mmexxija mid-dipartimenti tagħha u n-nuqqasijiet ikkonstatati matul dik l-investigazzjoni, meta dawn ikunu jistgħu jiġu invokati ulterjorment bħala prova ta’ dubju serju u raġonevoli li hija jkollha fir-rigward tal-verifiki mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew ċifri trażmessi minn dawn tal-aħħar u, għalhekk, jiġġustifikaw il-korrezzjonijiet finanzjarji adottati fid-deċiżjoni finali li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq imwettaq mill-Istat Membru kkonċernat abbażi tal-FAEGG (sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ʼil fuq, punt 40).

60      Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija kundizzjoni imposta bl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 u bl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 jiżvesti mis-sustanza tagħha l-garanzija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri mill-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, li jillimita ratione temporis l-infiq li jista’ jiġi miċħud il-finanzjament tiegħu mill-FAEGG (ara s-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ʼil fuq, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 u l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 għandhom jinqraw flimkien mal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999. Skont dawk id-dispożizzjonijiet il-Kummissjoni ma tistax teskludi l-infiq li jkun sar iktar minn 24 xahar qabel ma tkun innotifikat bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat bir-riżultati tal-verifiki. Minn dan jirriżulta li l-komunikazzjoni bil-miktub previst fl-ewwel subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 8(1), għandha l-għan li twissi li l-infiq imwettaq matul il-perijodu ta’ 24 xahar qabel in-notifika ta’ dik il-komunikazzjoni jista’ jiġi eskluż mill-finanzjament mill-FAEGG u, għaldaqstant, din tal-aħħar tikkostitwixxi l-element ta’ riferiment għall-bidu tat-terminu ta’ 24 xahar previst għal dan il-għan (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ʼil fuq, punt 30).

62      Għaldaqstant, sabiex taqdi l-funzjoni tagħha ta’ twissija, b’mod partikolari fid-dawl tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, il-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 u fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 għandha, qabel kollox, tidentifika b’mod suffiċjentement preċiż l-irregolaritajiet kollha kkonstatati fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat li fl-aħħar mill-aħħar ikunu l-bażi tal-korrezzjoni finanzjarja magħmula. Hija biss tali komunikazzjoni li tista’ tiżgura konoxxenza perfetta tar-riżervi tal-Kummissjoni u tista’ tikkostitwixxi l-element ta’ riferiment għall-bidu tat-terminu ta’ 24 xahar previst fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ʼil fuq, punt 31).

63      Barra minn hekk, meta l-irregolaritajiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja jippersistu wara d-data tal-komunikazzjoni bil-miktub tar-riżultati tal-verifiki, il-Kummissjoni jkollha dritt u anki l-obbligu li tikkunsidra dik is-sitwazzjoni meta tiġi biex tiddetermina l-perijodu li matulu għandha ssir il-korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑157/00, Ġabra p. I‑153, punt 45).

64      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ʼil fuq, li, għalkemm huwa veru li la l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 u lanqas l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70 ma jipprekludu l-possibbiltà li l-perijodu li huwa suġġett għal korrezzjoni finanzjarja jiġi estiż lil hinn mid-data tal-komunikazzjoni bil-miktub tar-riżultati tal-verifiki lill-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li dawk id-dispożizzjonijiet ma jawtorizzawx b’mod espliċitu lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi perijodu li jmur lil hinn mid-data tal-komunikazzjoni bil-miktub tar-riżultati tal-verifiki lill-Istati Membri u għaldaqstant ma jipprovdux bażi legali suffiċjenti sabiex issir korrezzjoni b’rata fissa. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dik il-bażi legali kienet ipprovduta mill-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70 kif ukoll mill-Artikoli 2 u 3 ta’ dak l-istess regolament, liema artikoli kienu jobbligaw lill-Kummissjoni li tiċħad il-finanzjament tal-infiq imwettaq b’mod irregolari, peress li dawk id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-Kummissjoni li tirrendi lill-FAEGG responsabbli biss għal interventi mwettqa b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji, b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet validament tmexxi l-korrezzjoni finanzjarja fir-rigward ta’ perijodu li jmur lil hinn mill-komunikazzjoni bil-miktub (sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ʼil fuq, punti 43, 44 u 46).

65      Qabel xejn, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2006 tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, moqri flimkien mal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, u tikkostitwixxix, konsegwentement, komunikazzjoni regolari skont l-imsemmija dispożizzjonijiet. Għal dan il-għan, għandu jiġi vverifikat li, fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni identifikat b’mod suffiċjenti s-suġġett u r-riżultati tal-investigazzjoni, jiġifieri n-nuqqasijiet ikkonstatati li fuqhom hija bbażata l-korrezzjoni finanzjarja b’detriment għal Madeira għall-kampanji 2004, 2005 u 2006 (snin finanzjarji 2005, 2006 u 2007), u indikat il-miżuri korrettivi li kellhom jiġu adottati fil-futur.

66      Hemm lok li jitfakkar li, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni informat lil-awtoritajiet Portugiżi li bejn il-11 u l-15 ta’ April 2005 kienet ser issir missjoni ta’ verifika li tikkonċerna l-iskema ta’ għajnuna għal miżuri speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli favur Açores u Madeira, liema missjoni kellha tkun iffokata fuq is-snin 2003 u 2004 u kienet tirrigwarda l-kuntest ta’ verifika, inkluż fuq il-proċeduri ta’ verifika stabbiliti u fuq il-verifiki effettivament imwettqa.

67      Bil-għan li tipprepara l-imsemmija missjoni ta’ verifika, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Portugiżi li jibagħtulha preliminarjament ċerta informazzjoni relatata mas-sentejn imsemmija iktar ʼil fuq u mal-miżuri li kienu s-suġġett tal-verifika.

68      Ir-riżultati ta’ dik il-missjoni ta’ verifika ġew ikkomunikati lir-Repubblika Portugiża permezz tal-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006, ibbażata fuq l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006.

69      Il-Kummissjoni għamlet riferiment, fl-anness tal-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006, intitolat “Osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet”, taħt il-punt 1.1, “Verifiki tas-superfiċji”, għar-rata għolja ta’ żbalji u għall-assenza ta’ żieda fir-rata ta’ verifiki matul is-sena 2004 wara r-rata għolja ta’ għajnuna li ġiet totalment jew parzjalment miċħuda. Fil-fatt, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-introduzzjoni ta’ SIĠ assoċjata mal-assenza ta’ reġistru tal-artijiet kif ukoll mal-konfigurazzjoni estremament irregolari tal-artijiet u mal-fatt li l-artijiet li kienu biss imħawla parzjalment kien illimita l-effikaċja tal-verifiki. Hija kkonstatat li l-ispetturi kienu bbażaw ruħhom sempliċement fuq is-SIG u li ma wettqux tkejjil fiżiku fuq il-post li jirrendi l-verifiki tal-artijiet iktar żguri u affidabbli. Hija indikat, bħala eżempju, li, fl-2004, twettqu verifiki tas-superfiċji mill-awtoritajiet ta’ Madeira abbażi ta’ kampjun li kien jirrappreżenta tal-inqas 10 % tat-talbiet għal għajnuna, skont l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 43/2003, u li r-riżultati ta’ dawk il-verifiki kienu wrew rata ta’ żbalji ta’ 36 % għas-superfiċji vverifikati. Abbażi ta’ dawk il-konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rata minima ta’ verifiki mwettqa mill-amministrazzjoni Portugiża ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-FAEGG. Konsegwentement, il-Kummissjoni lmentat li l-awtoritajiet Portugiżi ma pproċedewx b’żieda tal-verifiki matul is-sena 2004, u li dan jikkostitwixxi nuqqas tas-sistema ta’ verifika.

70      Fir-rigward tal-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata, fil-futur, l-osservanza tar-regoli Komunitarji, il-Kummissjoni indikat, fl-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006, li l-awtoritajiet Portugiżi ngħataw il-parir li jużaw b’mod iktar frekwenti t-tkejjil fiżiku waqt il-verifiki tas-superfiċji, bħall-GPS jew ir-rutella.

71      Isegwi li, fir-rigward tas-sena 2004, l-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 tidentifika b’mod suffiċjentement preċiż l-irregolaritajiet kollha attribwiti lir-Repubblika Portugiża li jistgħu jservu bħala bażi għal korrezzjoni finanzjarja.

72      Fir-rigward tas-sena 2005, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġustament irrilevat ir-Repubblika Portugiża, peress li l-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 ma kienet tinkludi l-ebda riżultat relatat mal-verifiki li twettqu u l-ebda riżerva f’dak ir-rigward, dik il-komunikazzjoni ma kellha l-ebda għan ieħor ħlief dak li tinforma lir-Repubblika Portugiża bir-riżultati tal-verifiki mwettqa matul il-missjoni ta’ verifika li twettqet mill-11 sal-15 ta’ April 2005 u li kienet tirrigwarda biss is-snin 2003 u 2004.

73      Ċertament, jirriżulta mill-anness tal-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 li l-Kummissjoni talbet li, “[f]ir-rigward tas-sistema ta’ verifika implementata għas-sena 2005, l-awtoritajiet Portugiżi għandhom [jipprovdu] lista ta’ persuni li talbu l-għajnuna flimkien ma’ indikazzjoni ta’ dawk suġġetti għal verifika fuq il-post (sussegwentement [għandha ssir] selezzjoni ta’ bulettini ta’ verifika) u rikapitatulazzjoni sabiex jiġi indikat għal kull prodott in-numru ta’ persuni li talbu l-għajnuna, in-numru ta’ tali persuni vverifikati, in-numru ta’ irregolaritajiet stabbiliti flimkien ma’ korrelazzjoni bejn dawk li għalihom l-għajnuna ġiet miċħuda parzjalment u [dawk li għalihom l-għajnuna ġiet] miċħuda totalment”. Il-Kummissjoni żiedet ukoll li “Tkun utli wkoll indikazzjoni tas-superfiċji sabiex tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni tal-iżbalji f’termini finanzjarji”.

74      Madankollu, ma jistax jiġi sostnut validament, u barra minn hekk, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tippretendi, li dik it-talba ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni li tikkonċerna s-sena 2005 tista’ tiġi kkunsidrata bħala identifikazzjoni suffiċjentement preċiża tal-irregolaritajiet attribwiti lir-Repubblika Portugiża li servew bħala bażi għall-korrezzjoni finanzjarja fis-sens, b’mod partikolari, tas-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ʼil fuq.

75      Fir-rigward tas-sena 2006, l-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 ma tinkludi l-ebda osservazzjoni u l-ebda talba għal informazzjoni.

76      Minn dak li ntqal jirriżulta li, fir-rigward tas-snin 2005 u 2006 li huma indirizzati mill-kontestazzjonijiet tar-Repubblika Portugiża u li għalihom twettqu korrezzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 ma identifikatx, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 54 sa 60 iktar ʼil fuq, l-irregolaritajiet attribwiti lill-Istat Membru.

77      Madankollu l-Kummissjoni ssostni, fl-atti tagħha, li, fil-komunikazzjoni formali tas-27 ta’ Ottubru 2009, hija mmanifestat b’mod ċar l-intenzjoni tagħha li twettaq korrezzjoni finanzjarja permezz ta’ estrapolazzjoni u qieset l-ammont tal-infiq li għandu jiġi eskluż. Għalhekk, il-Kummissjoni indikat li hija eskludiet, abbażi tad-data tal-verifika tal-2005 u tal-2006, il-perijodu ta’ riferiment tal-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006, peress li d-data ta’ verifika tal-2005 u tal-2006, ikkomunikata mill-amministrazzjoni Portugiża nnifisha, ma kinitx differenti minn dik tal-2004 u kellha l-istess portata. Il-Kummissjoni żżid li d-data tal-2005 u tal-2006 kienet ukoll tindika tendenza li turi xaqliba għall-agħar peress li r-rata ta’ żbalji kienet żdiedet.

78      Dak l-argument ma jistax jintlaqa’ fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ʼil fuq.

79      Fil-fatt, l-ewwel komunikazzjoni għandha, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, wara investigazzjoni, tinkludi r-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni li jikkonċernaw l-infiq li ma kienx twettaq b’mod konformi mar-regoli Komunitarji mill-Istat Membru kkonċernat u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex fil-futur tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli kkonċernati. Barra minn hekk, huma dawk ir-riżultati li jikkostitwixxu l-bażi ta’ kull korrezzjoni u li għandhom jiġu kkomunikati lill-Istat Membru kkonċernat kemm jista’ jkun malajr bil-għan li dan tal-aħħar ikun jista’ jirrimedja d-defiċjenzi kkonstatati fl-inqas żmien possibbli u, konsegwentement, li jiġu evitati korrezzjonijiet ġodda fil-futur (sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ʼil fuq, punti 29 u 32).

80      Barra minn hekk, jirriżulta kemm mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95, kif emendat, kif ukoll mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 li, fl-assenza ta’ rimedju mill-Istat Membru kkonċernat għall-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni, din tal-aħħar tista’, sad-data effettiva tal-implementazzjoni tal-miżuri korrettivi imposti mill-Kummissjoni, teskludi l-infiq imwettaq b’nuqqas ta’ osservanza tar-regoli Komunitarji.

81      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-riżultati li jikkostitwixxu l-bażi tal-korrezzjoni ma ġewx ikkomunikati kemm jista’ jkun kmieni, peress li r-riżultati tal-investigazzjoni ġew ikkomunikati mill-Kummissjoni mhux qabel il-5 ta’ Diċembru 2006, u b’hekk ipprekludew lill-istess awtoritajiet Portugiżi milli jimplementaw miżuri korrettivi li jikkonċernaw il-kampanji 2005 u 2006, li kienu diġà spiċċaw.

82      Ċertament, skont il-ġurisprudenza, b’mod partikolari s-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ʼil fuq (punt 45) meta l-irregolaritajiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja jippersistu wara d-data tal-komunikazzjoni bil-miktub tar-riżultati tal-verifiki, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni dik is-sitwazzjoni meta tiġi sabiex tiddetermina l-perijodu li matulu għandha ssir il-korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni.

83      Madankollu, l-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni sitwazzjoni li fiha l-irregolaritajiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja jippersistu ma jistax jibqa’ jgħodd meta, bħal fil-każ inkwistjoni, il-komunikazzjoni bil-miktub tkun saret f’data li fiha jkun ormaj impossibbli li l-Istat Membru kkonċernat jirrimedja l-irregolaritajiet ikkonstatati, peress li huwa biss mill-mument meta l-imsemmi Stat Membru jkun ġie informat b’dik is-sitwazzjoni li jkun għadu jista’ jirrimedjaha.

84      Kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal sabiex il-Kummissjoni tkun awtorizzata tipproċedi b’korrezzjoni finanzjarja għal perijodu preċedenti għad-data tal-ewwel komunikazzjoni tal-verifiki meta l-Istat Membru ma jkunx ġie informat preliminarjament u ma jkunx tpoġġa f’pożizzjoni li jirrimedja l-imsemmija irregolaritajiet.

85      Isegwi li l-obbligu tal-Kummissjoni li tipproċedi b’tali korrezzjonijiet finanzjarji ma jistax jiġi estiż għal perijodu li ma jkunx kopert mill-missjoni ta’ verifika u li kien preċedenti għad-data tal-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006, sa fejn, peress li l-Istat Membru ġie informat bl-irregolaritajiet ikkonstatati biss wara l-għeluq tal-kampanji kkonċernati, ma seta’ jadotta l-ebda miżura korrettiva b’mod tempestiv.

86      Għalkemm huwa veru, kif issostni l-Kummissjoni, li din tal-aħħar ibbażat ruħha fuq data stess li ġiet ikkomunikata lilha mir-Repubblika Portugiża u li barra minn hekk hija ma kkontestathomx, jeħtieġ madankollu li jiġi kkonstatat li, fid-data tat-trażmissjoni tal-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006, l-awtoritajiet Portugiżi ma setgħux jirrimedjaw id-defiċjenzi sabiex fil-futur jiġu osservati r-regoli tal-Unjoni, iktar u iktar meta wieħed mill-għanijiet ta’ dik il-komunikazzjoni huwa preċiżament li l-Istat Membru jiġi permess jimplementa miżuri korrettivi bil-għan li jirrimedja n-nuqqasijiet ikkonstatati u li, fin-nuqqas tal-implementazzjoni ta’ tali miżuri, il-Kummissjoni tista’, mingħajr il-bżonn li tipproduċi prova addizzjonali, tipproċedi, fil-futur, b’korrezzjonijiet finanzjarji.

87      Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-estrapolazzjoni li hija għamlet hija awtomatika u hija distinta mill-operazzjonijiet ta’ verifika, mingħajr ma ssir ħsara għall-funzjoni nnifisha tat-twissija li hija inerenti għan-natura tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

88      F’dak ir-rigward, mill-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 jirriżulta li l-Kummissjoni lmentat li l-awtoritajiet jibbażaw ruħhom sempliċement fuq is-SIG, meta huma kellhom, skont il-Kummissjoni, iwettqu tkejjil fiżiku bil-għan li jirrendu l-verifiki tal-artijiet żguri u affidabbli. Isegwi li dik l-ewwel komunikazzjoni ssemmi miżuri maħsuba sabiex il-verifiki jsiru żguri u affidabbli u sabiex jiġu evitati wkoll ir-rati ta’ irregolaritajiet għoljin daqs dawk ikkonstatati mill-awtoritajiet Portugiżi u kkomunikati lill-Kummissjoni. L-implementazzjoni ta’ tali miżuri setgħet tippermetti lir-Repubblika Portugiża li tirrispondi għat-tħassib espress mill-Kummissjoni u għalhekk li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji futuri.

89      F’dik il-perspettiva, jeħtieġ li jitfakkar li l-funzjoni tat-twissija inerenti għan-natura tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 ġiet enfasizzata mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża li tat lok għas-sentenza Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, punt 47 iktar ʼil fuq. F’din l-aħħar kawża, għalkemm l-investigazzjoni kienet tirrigwarda l-kampanji 2002 u 2003, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 64 tal-imsemmija sentenza fir-rigward tal-kampanja tal-2003, li l-fatt li l-Kummissjoni, fl-Anness 1 tal-ittra mibgħuta lill-Istat Membru kkonċernat abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, kif emendat, għamlet riferiment għall-kampanja tal-2003 li ma kienx suffiċjenti sabiex juri li l-imsemmija ittra kienet tindirizza irregolaritajiet li jikkonċernaw l-imsemmija kampanja.

90      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 69 tas-sentenza Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, punt 47 iktar ʼil fuq, li, fl-assenza ta’ indikazzjoni tal-verifiki tagħha, l-Istat Membru kkonċernat ma setgħax juri li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux eżatti u lanqas jirrimedja d-defiċjenzi eventwali sabiex fil-futur jiġu osservati r-regoli Komunitarji, b’tali mod li ma bbenefikax mill-garanzija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, qieset, fil-punt 70 tal-imsemmija sentenza li, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet tar-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni li jikkonċernaw il-kampanja tal-2003, l-ittra ta’ din tal-aħħar li tikkomunika r-riżultati tal-verifiki ma setgħet tikkostitwixxi l-bażi għall-ebda korrezzjoni finanzjarja u, għaldaqstant, ma setgħetx tiġi kkwalifikata bħala l-ewwel komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95. Għalhekk, fil-punt 71 tas-sentenza Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, punt 47 iktar ʼil fuq, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

91      Bl-istess mod, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ʼil fuq, annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2010, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑113/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), abbażi tal-fatt li din tal-aħħar qieset li ittra tal-Kummissjoni kienet komunikazzjoni formali abbażi tar-Regolament Nru 1663/95, anki jekk l-ilment li kien iddikjarat fiha kontra l-Istat Membru kien imsemmi b’mod insuffiċjenti. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 kif ukoll il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70 u l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, peress li hija biss komunikazzjoni li tkun tidentifika, b’mod suffiċjentement preċiż, l-irregolaritajiet kollha attribwiti lill-Istat Membru kkonċernat li tista’ tiġi kkwalifikata bħala komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, liema komunikazzjoni tikkostitwixxi l-element ta’ riferiment għall-bidu tat-terminu ta’ 24 xahar imsemmi fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70 u fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 58 iktar ʼil fuq, punt 34).

92      F’dan il-każ, għalkemm l-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 tidentifika b’mod suffiċjentement preċiż l-irregolaritajiet attribwiti lir-Repubblika Portugiża abbażi tad-data ta’ verifika tal-2004, għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li din l-istess komunikazzjoni ma kienet tinkludi l-ebda osservazzjoni fir-rigward tas-snin 2005 u 2006, anki meta, fl-ewwel lok, in-natura tal-irregolaritajiet ikkonstatati matul dawk is-snin ma hijiex differenti minn dawk tal-irregolaritajiet kkonstatati fl-2004, fit-tieni lok, ir-Repubblika Portugiża ma tikkontestax id-data li tikkonċerna s-snin 2005 u 2006, li hija stess kienet ittrażmettiet lill-Kummissjoni, u, fit-tielet lok, dik id-data tenfasizza aggravazzjoni tas-sitwazzjoni meta mqabbla ma’ dik relatata mas-sena 2004 ikkonstatata mill-Kummissjoni.

93      Għalhekk, l-ewwel komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2006 ma tistax tiġi invokata insostenn tal-korrezzjonijiet finanzjarji abbażi tas-snin preċedenti 2005 u 2006 u li fir-rigward tagħhom dik il-komunikazzjoni ma setgħetx, b’mod partikolari, tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jirrimedja, fis-sens tal-ġurisprudenza suesposta, l-irregolaritajiet ikkonstatati waqt il-missjoni ta’ verifika li twettqet mill-11 sal-15 ta’ April 2005 u li kienet relatata mas-snin 2003 u 2004.

94      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’, b’tali mod li jeħtieġ li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata peress li l-Kummissjoni pproċediet b’korrezzjoni finanzjarja abbażi tal-kampanji 2005 u 2006, jiġifieri tas-snin finanzjarji 2006 u 2007, għall-ammonti rispettivi ta’ EUR 239 045.63 u ta’ EUR 266 137.96.

95      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, minħabba l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kampanji 2005 u 2006, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv mhux ser jiġu eżaminati ħlief fir-rigward tal-kampanja tal-2004.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 28 tar-Regolament Nru 43/2003 u fuq il-ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999

96      Skont ir-Repubblika Portugiża, matul il-kampanji kkonċernati, l-awtoritajiet nazzjonali żiedu r-rata ta’ verifika għal livell kunsiderevolment ogħla mil-livelli minimi aċċettabbli, anki jekk l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 43/2003 ma jeżiġix b’mod espliċitu żieda tal-verifiki. Għalhekk, il-verifiki kienu jirrigwardaw kampjuni li jilħqu t-tripplu tal-minimu ta’ verifiki aċċettabbli. Fl-ewwel lok, il-verifiki kienu jikkonċernaw kampjuni li jirrappreżentaw rata ta’ 10 sa 30 % tat-talbiet għal għajnuna, fit-tieni lok, għal 40 % tas-superfiċji, ir-rata ta’ żbalji tat lok għal ċaħda totali jew parzjali tal-finanzjament, fit-tielet lok, il-verifiki kienu jirrappreżentaw, f’termini ta’ superfiċji, rati li jvarjaw minn 25 sa iktar minn 50 % u, fir-raba’ lok, il-verifiki inkwistjoni twettqu qabel il-ħlas, b’tali mod li l-għajnuna tnaqqset u s-sanzjonijiet ġew applikati. L-awtoritajiet Portugiżi pprivileġġaw is-superfiċji eliġibbli peress li ż-żieda tal-verifiki saret l-iktar fuq is-superfiċji li huma ammissibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna, li ġew suġġetti għal rata ta’ bejn 25 u 50 % fosthom għal rata ta’ 40 %. Ir-Repubblika Portugiża tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li proċedura tista’ tiġi varjata ma jiġġustifikax, fih innifsu, korrezzjoni finanzjarja. Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha turi kif il-livell ta’ irregolarità jiġġustifika żieda fil-verifiki differenti jew superjuri għal dawk deċiżi mill-awtoritajiet nazzjonali, eżerċizzju li l-Kummissjoni ma għamlitx matul il-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet.

97      Ir-Repubblika Portugiża żżid li l-fatt li l-Kummissjoni ssostni fl-istadju tar-rikors li hija bbażat ruħha fuq l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 43/2003 sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, anki meta hija qatt qabel ma kienet invokat dik id-dispożizzjoni, jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża.

98      Fir-rigward tal-irkupru tas-somom mitlufa minħabba l-irregolaritajiet li l-Kummissjoni tirreferi għalihom, minn naħa, ir-Repubblika Portugiża tikkonferma li jirriżulta mill-proċess li l-awtoritajiet Portugiżi wettqu verifiki qabel il-ħlas, b’tali mod li ma kienx hemm lok li jsiru rkupri. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Portugiża tikkritika l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li, minn issa ʼl quddiem, jekk ir-rata medja ta’ irregolaritajiet kien ta’ 2 %, l-Istati Membri jkunu obbligati li jirkupraw l-ammont li jikkorrispondi għar-rata medja ta’ irregolaritajiet innotati fil-kampjun, jiġifieri l-istess 2 %, mingħand il-bdiewa kollha ammissibbli għal-benefiċċju tal-għajnuna. Issa, skont ir-Repubblika Portugiża, ir-regola li tirriżulta mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1258/1999 tgħid il-kuntrarju u tipprevedi sempliċiment l-obbligu li jiġu rkuprati l-ammonti mitlufa minħabba l-irregolaritajiet.

99      Jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-FAEGG jiffinanzja biss interventi mwettqa b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli. F’dak ir-rigward, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ ksur ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni hija obbligata tiġġustifika d-deċiżjoni li tikkonstata l-assenza jew id-defiċjenzi tal-verifiki implementati mill-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ʼil fuq, punt 15, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Madankollu, il-Kummissjoni hija obbligata mhux li tipprova b’mod eżawrjenti n-nuqqasijiet tal-kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri trażmessi minnhom, iżda li tippreżenta prova ta’ dubju serju u raġonevoli li hija ssib fir-rigward ta’ dawn il-kontrolli jew dawn iċ-ċifri (ara s-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Dan it-tnaqqis tal-oneru tal-prova li tgawdi minnu l-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG u li, bħala konsegwenza, għandu l-obbligu li jippreżenta l-prova l-aktar dettaljata u kompluta tal-veraċità tal-kontrolli tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    L-Istat Membru kkonċernat, min-naħa tiegħu, ma jistax jinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta’ elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll affidabbli u li taħdem. Jekk huwa ma jirnexxilux jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex eżatti, dawn jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji rigward l-implementazzjoni ta’ sistema xierqa u effettiva ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll (ara s-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Jeħtieġ li jitfakkar ukoll li l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 43/2003 jipprevedi, b’mod partikolari, minn naħa, li l-kontroll amministrattiv għandu jkun eżawrjenti u jinkludi verifiki konġunti, partikolarment, fil-każijiet kollha xierqa, mad-data tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u, min-naħa l-oħra, li, abbażi ta’ analiżi tar-riskji, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu verifiki fuq il-post permezz tat-teħid ta’ kampjuni fuq tal-inqas 10 % tat-talbiet għal għajnuna. Il-premessa 28 tal-imsemmi Regolament Nru 43/2003 tiddikjara li l-konstatazzjoni tal-irregolaritajiet sinjifikattivi għandha twassal għal żieda fil-livell ta’ verifiki fuq il-post matul dik is-sena u s-sena ta’ wara bil-għan li jinkisbu garanziji sodisfaċenti fir-rigward tal-eżattezza tat-talbiet għal għajnuna kkonċernati.

104    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni ppreċiżat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali li hija bbażat ruħha fuq l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 43/2003, ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat, qabel xejn, li, b’mod partikolari, dan l-aħħar regolament jissemma fil-motivi tar-rapport ta’ sinteżi tad-19 ta’ Lulju 2010, sussegwentement, li l-Artikolu 58 tal-imsemmi regolament huwa msemmi espressament fl-imsemmi rapport fir-rigward tal-analiżi tar-riskji u, fl-aħħar, li l-premessi 26 sa 28 tar-Regolament Nru 43/2003 ma jikkostitwixxux waħedhom il-bażi tal-analiżi tal-Kummissjoni.

105    Fil-fatt, huwa indikat fil-punt 1.1.1 tar-rapport ta’ sinteżi, wara l-konstatazzjoni li d-data ppreżentata mill-awtoritajiet Portugiżi tirrileva li r-rata ta’ kontroll minimu applikat (10 %) ma hijiex ta’ natura li tipproteġi l-FAEGG mir-riskju ta’ ħlasijiet indebiti, li, “f’dan il-kuntest, huwa partikolarment rilevanti li [jitfakkar il-] preambolu tar-regolament”. Huwa f’dak il-kuntest li l-Kummissjoni sussegwentement fakkret il-premessi 26 sa 28 tar-Regolament Nru 43/2003.

106    Permezz ta’ dik il-formulazzjoni, ma jistax jiġi validament sostnut li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tipprevalixxi ruħha mill-imsemmija premessi bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet infushom tal-istess regolament.

107    Isegwi li l-ebda lment ibbażat fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jista’ jintlaqa’ fil-konfront tal-Kummissjoni.

108    Fit-tieni lok, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 43/2003, moqri fid-dawl tal-premessa 28 tal-imsemmi regolament, jobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu verifiki fuq il-post bit-teħid ta’ kampjuni li jikkorrispondu għal tal-inqas 10 % tat-talbiet għal għajnuna. Madankollu, meta l-analiżi tar-riskji li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu jirrilevaw insuffiċjenza fir-rata ta’ kontroll sabiex jiġu evitati irregolaritajiet, dawn tal-aħħar għandhom iżidu dawn il-kontrolli, sa fejn ikun jeżisti riskju għoli ta’ telf b’detriment għall-FAEGG.

109    Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1258/1999, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw ruħhom dwar ir-realtà u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEGG, li jipprevjenu u jinvestigaw l-irregolaritajiet u li jirkupraw l-ammonti mitlufa minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi, anki jekk l-att Komunitarju speċifiku ma jkunx jipprevedi espressament l-adozzjoni ta’ miżura jew oħra ta’ kontroll (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑373/99, Ġabra p. I‑9619, punt 9; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T‑55/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li minn dik id-dispożizzjoni jirriżulta li dik id-dispożizzjoni, ikkunsidrata fid-dawl tal-obbligu ta’ kollaborazzjoni leali mal-Kummissjoni, stabbilita bl-Artikolu 4 TUE, b’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-użu korrett tar-riżorsi tal-Unjoni, li l-Istati Membri huma obbligati li jorganizzaw kollettività ta’ kontrolli amministrattivi u ta’ verifiki fuq il-post li jippermettu li jiġu żgurat li l-kundizzjonijiet materjali u formali tal-għoti tal-allowance inkwistjoni jkunu osservati direttament (ara s-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ʼil fuq, punt 11, u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Barra minn hekk, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, meta r-rata ta’ żbalji juru tendenza ta’ żieda, l-awtorità ta’ kontroll għandha neċessarjament tirreaġixxi billi ssaħħaħ il-livell ta’ kontroll. Għalhekk, jekk, għal kampjun ta’ 10 %, ir-rata ta’ żbalji tista’ tilħaq it-2 %, meta, bħal f’dan il-każ, tiġi kkonstatata, matul il-kampanja tal-2004, rata ta’ żbalji ta’ 36 % għas-superfiċji kkontrollati, ir-rata ta’ kontroll, u għalhekk il-kampjun ta’ kontroll, kellu konsegwentement jiżdied, peress li kien jeżisti riskju ta’ telf finanzjarju msaħħaħ għall-FAEGG, fatt li ma kienx jeżisti b’mod manifest f’dan il-każ, minkejja l-fatt li, għal ċerti oqsma tal-agrikoltura, ir-rata ta’ kontroll tat-talbiet għal għajnuna kienet notevolment ogħla minn 10 % tat-talbiet għal għajnuna.

111    Għandu jiġi kkonstatat li, meta ffaċċjati b’tali riskju għoli ta’ telf għall-FAEGG, identifikat b’mod ċar permezz tar-riżultati tal-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi, dawn tal-aħħar kienu obbligati li jirreaġixxu u n-nuqqas tagħhom jekwivali għal nuqqas li jadottaw miżuri ta’ kontroll neċessarji b’mod impliċitu sabiex jiggarantixxu l-osservanza korretta tal-kundizzjonijiet materjali u formali tal-għoti tal-allowances.

112    F’dak ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, jekk l-organizzazzjoni tal-kontrolli jew l-implementazzjoni tagħha tkun defiċjenti sal-punt li tkun tħalli dubji dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-allowances inkwistjoni, il-Kummissjoni ġustament ma tirrikonoxxix ċertu nfiq imwettaq mill-Istat Membru (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Settembru 2009, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, T‑368/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Għaldaqstant l-awtoritajiet Portugiżi ppretendew b’mod żbaljat li, billi kienu wettqu kontrolli f’livell sostanzjalment superjuri għall-livelli minimi aċċettabbli, kienu osservaw il-leġiżlazzjoni viġenti, u li ma kinux b’hekk naqsu mill-obbligi tagħhom skont ir-Regolament Nru 43/2003, peress li ma kinux naqsu milli jadottaw il-miżuri ta’ kontroll neċessarji b’mod impliċitu sabiex jiżguraw l-osservanza korretta tal-kundizzjonijiet materjali u formali tal-għoti tal-allowances.

114    Barra minn hekk, b’mod kuntrarju għal dak li tippretendi r-Repubblika Portugiża, hemm lok li jiġi rrilevat li, meta l-irregolaritajiet jiġu kkonstatati, pereżempju, fuq 40 % tas-superfiċji f’kampjun li jikkorrispondi għal 10 % tat-talbiet għal għajnuna, dik l-istess rata ta’ irregolaritajiet għandha, ħlief f’ċirkustanzi inerenti għal dak il-kampjun ikkontrollat, li għandhom jiġu sostnuti mill-Istat Membru kkonċernat, tifforma parti neċessarjament mill-kollettività tal-istatistika.

115    Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu, kif jirriżulta mill-atti tar-Repubblika Portugiża, li ċ-ċaħda tal-finanzjament li tirrigwarda unikament il-parti tal-kampjun ikkontrollat hija suffiċjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 109 u 112 iktar ʼil fuq, bil-għan li jiġi żgurat li t-tranżazzjonijiet irregolari ma jiġux iffinanzjati mill-FAEGG.

116    Ħlief għall-element li ġie invokat mill-awtoritajiet nazzjonali li jenfasizza l-partikolarità tal-kampjun li r-riżultat tiegħu ma jistax jinstab fil-livell tal-kollettività tal-istatistika, li r-Repubblika Portugiża lanqas ma pprevalixxietx ruħha minnu, għandu jiġi kkonstatat li ma teżisti l-ebda raġuni li ssostni d-dubju dwar l-eżistenza ta’ differenza bejn il-kampjun ikkontrollat u l-kollettività tal-istatistika.

117    Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Portugiża li l-awtoritajiet nazzjonali wettqu kontrolli qabel ma ħallsu, b’tali mod li ma kienx hemm lok għal irkupri, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-fatt li jsir tnaqqis tal-ħlas unikament fir-rigward tal-kampjun li l-kontroll tiegħu rriżulta negattiv, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li kien konformi mal-leġiżlazzjoni, peress li, kif ġie indikat fil-punt 115 iktar ʼil fuq, iċ-ċaħda tal-finanzjament li tirrigwarda biss il-parti mill-kampjun li l-kontroll tiegħu rriżulta negattiv hija insuffiċjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 109 u 112 iktar ʼil fuq.

118    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999

119    Skont ir-Repubblika Portugiża, billi wettqet estrapolazzjoni tal-irregolaritajiet ikkonstatati mill-awtoritajiet Portugiżi fuq is-superfiċji kkontrollati f’Madeira fir-rigward tat-talbiet kollha mressqa quddiemhom, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999. Għalhekk, il-Kummissjoni injorat l-orjentazzjonijiet stess inklużi fid-dokument Nru VI/5330/97. Ir-Repubblika Portugiża tfakkar li l-korrezzjonijiet finanzjarji permezz ta’ estrapolazzjoni jistgħu jiġu applikati mill-Kummissjoni biss jekk din tal-aħħar tkun hija stess wettqet evalwazzjoni abbażi tal-iżbalji inklużi fil-fajls individwali. Issa, il-Kummissjoni ma wettqet, fir-rigward tas-snin 2004, 2005 u 2006, l-ebda analiżi tal-fajl individwali, peress li hija bbażat ruħha, sabiex twettaq korrezzjoni b’rata fissa permezz ta’ estrapolazzjoni, mhux fuq l-analiżi tar-riżultati tal-fajls individwali li kienet tasal għalihom matul il-missjoni ta’ kontroll, iżda fuq ir-rata ta’ irregolaritajiet innotati mill-awtoritajiet Portugiżi fil-kampjun suġġett għal kontroll, rata li l-Kummissjoni sussegwentement applikat fir-rigward tat-talbiet kollha mressqa f’Madeira. Tali prassi li tikkonsisti fl-użu ta’ korrezzjoni permezz ta’ estrapolazzjoni mingħajr il-verifika ta’ ebda fajl individwali ma għandha l-ebda bażi legali fid-dokument Nru VI/5330/97. Id-dispożizzjonijiet tal-Anness 4 tad-dokument Nru VI/5330/97 ma jistgħux iservu bħala bażi għal deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, peress li l-entità responsabbli mill-ħlas irrifjutat, parzjalment jew totalment, li tħallas peress li kienu ġew innotati irregolaritajiet.

120    F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-dokument Nru VI/5330/97 jipprevedi, fl-Anness 2 tiegħu, li “għandhom jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji meta l-Kummissjoni tikkonstata li infiq partikolari jkun sar b’nuqqas ta’ osservanza tar-regoli Komunitarji”. Dak id-dokument jipprevedi wkoll li, “ħlief fil-każ li l-ħlas irregolari jkun diġà ġie nnotat mill-entitajiet nazzjonali ta’ kontroll u jkun ta’ lok għal miżuri adegwati ta’ korrezzjoni u ta’ rkupru, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-finanzjament tiegħu mill-baġit Komunitarju”. F’każ li jkun jista’ jiġi ddeterminat l-infiq irregolari, u għalhekk l-ammont tat-telf finanzjarju subit mil-Kummissjoni, huwa previst fid-dokument Nru VI/5330/97 li għandha tirriżulta, b’mod partikolari, iċ-ċaħda ta’ somma kkalkolata permezz tal-estrapolazzjoni tar-riżultati tal-verifiki mwettqa fuq kampjun rappreżentattiv tal-fajls flimkien mal-fajls li minnhom ikun ittieħed kampjun, iżda li huwa limitat għal settur amministrattiv li fih ikun hemm riskju raġonevoli ta’ riproduzzjoni tal-istess nuqqas.

121    Huwa indikat ukoll li, meta l-livell reali tal-infiq irregolari ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, għandhom jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar ʼil fuq, punt 183, u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Id-dokument Nru VI/5330/97 jippreċiża li jistgħu jiġu previsti korrezzjonijiet b’rata fissa meta l-informazzjoni pprovduta mill-investigazzjoni ma tkunx tippermetti lill-kontrollur li jevalwa t-telf permezz ta’ estrapolazzjoni tat-telf iddeterminat, b’mezzi statistiċi, jew b’riferiment għal data oħra verifikabbli. L-imsemmi dokument iżid li, kull darba li d-dipartimenti ta’ kontroll tal-Istati Membri jinnotaw dawk id-defiċjenzi fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Anness 4, il-korrezzjonijiet b’rata fissa ma jkunux adegwati. Meta l-Istat Membru ma jipproċedix bl-irkupru ta’ kull somma mħallsa indebitament jew b’mod irregolari, id-dipartiment tal-clearance tal-kontijiet ma jistax ma jipprevedix miżuri ta’ korrezzjoni finanzjarja.

123    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni bbażat ruħha, fir-rigward tal-kampanja tal-2004, l-unika kampanja inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan il-motiv, fuq il-verifiki tagħha u kkunsidrat li r-rata ta’ irregolaritajiet ikkonstatati fil-kampjun għandha tiġi estiża għall-istatistika kollha.

124    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-korrezzjonijiet b’rata fissa ma kinux adegwati fis-sens tad-dokument Nru VI/5330/97 peress li l-informazzjoni li rriżultat mill-investigazzjoni ma kinitx ippermettiet lill-awditur jevalwa t-telf permezz ta’ mezzi statistiċi jew b’riferiment għal data verifikabbli.

125    Madankollu, ir-Repubblika Portugiża tippretendi, f’din il-perspettiva, li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ir-riżultati tal-kontrolli tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex twettaq ir-regolarizzazzjoni, peress li dawn tal-aħħar kienu siltu l-konsegwenzi tal-irregolaritajiet li huma stess kienu kkonstataw.

126    Għalhekk, hija ppreċiżat li rrifjutat, parzjalment jew totalment, li tħallas fil-każijiet kollha ta’ irregolarità li kienu ġew innotati mill-entità responsabbli mill-ħlas. Hija kkunsidrat li f’dan il-każ ma setgħet tiġi deċiża l-ebda korrezzjoni finanzjarja peress li l-entità responsabbli mill-ħlas kienet siltet il-konsegwenzi kollha tal-irregolaritajiet li hija kienet ikkonstatat billi ppenalizzat totalment jew parzjalment it-talbiet irregolari kollha nnotati.

127    L-argument tar-Repubblika Portugiża ma jistax jintlaqa’.

128    Fil-fatt, fil-każ ta’ irregolarità kkonstatata, il-fatt li jiġi rrifjutat il-ħlas biss ta’ dawk it-talbiet li fir-rigward tagħhom l-irregolaritajiet kienu diġà ġew ikkonstatati ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jkun serva bħala rimedju għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas u li huwa ta’ natura li jiżgura l-finanzjament mill-FAEGG unikament tat-talbiet konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑413/92, Ġabra p. I‑3781, punti 11 sa 13).

129    Għaldaqstant, l-awtoritajiet Portugiżi kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-rata ta’ żbalji kkonstatata fir-rigward tal-kampjun ta’ kontroll u japplikaw l-istatistika kollha ddeterminata, li b’hekk tippermetti t-telf subit mill-FAEGG.

130    Isegwi li, billi rrifjutat il-ħlas unikament tat-talbiet li fir-rigward tagħhom l-irregolarità kienet diġà ġiet ikkonstatata, l-awtoritajiet Portugiżi ma siltux b’mod sħiħ il-konsegwenzi tal-irregolaritajiet li huma kienu kkonstataw.

131    Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, huma l-Istati Membri li għandhom juru, fejn xieraq, li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinsiltu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑130/99, Ġabra p. I‑3005, punt 90, u s-sentenza L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar ʼil fuq, punt 181).

132    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-ġestjoni tal-finanzjament tal-FAEGG hija msejsa prinċipalment fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali inkarigati sabiex jiżguraw l-osservanza stretta tar-regoli Komunitarji u hija bbażata fuq il-fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet Komunitarji. Huwa biss l-Istat Membru li huwa f’pożizzjoni li jkun jaf u li jiddetermina bi preċiżjoni d-data neċessarja għall-elaborazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG, peress li l-Kummissjoni ma tgawdix mill-prossimità neċessarja sabiex tikseb l-informazzjoni li għandha bżonn mill-aġenti ekonomiċi (ara s-sentenza L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar ʼil fuq, punt 182, u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Għaldaqstant huwa l-Istat Membru li għandu jippreżenta l-prova l-iktar ddettaljata u kompleta dwar ir-realtà tal-kontrolli tiegħu u dwar iċ-ċifri tiegħu bil-għan li juri li d-dubji tal-Kummissjoni ma kinux fondati (sentenza L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar ʼil fuq, punt 201).

134    Issa, ir-Repubblika Portugiża ma ppreżentat l-ebda element ta’ natura li juri li l-Kummissjoni kienet wettqet żball dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-irregolaritajiet ikkonstatati.

135    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità

136    Ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li, billi skartat l-applikazzjoni tad-dokument Nru VI/5330/97, li huwa intiż li jistabbilixxi, b’mod uniformi, l-orjentazzjonijiet applikabbli għall-korrezzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.

137    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ir-Repubblika Portugiża tippreċiża li, li kieku l-Kummissjoni osservat l-orjentazzjonijiet li hija kienet obbligat ruħha li ssegwi, hija kellha tagħżel il-korrezzjonijiet b’rata fissa. F’dan il-każ, ir-Repubblika Portugiża tqis li l-assenza ta’ żieda tar-rata ta’ kontroll għas-sena attwali u għas-snin segwenti fil-preżenza ta’ numru għoli ta’ irregolaritajiet setgħet tiġi assimilata ma’ kontroll prinċipali li ma twettaqx b’mod biżżejjed approfondit, b’tali mod li kellha tiġi applikata korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, kif kienet għamlet il-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni AA/2006/10. Għalhekk, ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li, billi ma ttrattatx l-investigazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata b’mod differenti minn kif ittrattat l-investigazzjoni AA/2006/10, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li żewġ sitwazzjonijiet identiċi ġew trattati b’mod differenti.

138    F’dak ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li kull każ għandu fil-prinċipju jiġi evalwat b’mod separat bil-għan li jiġi kkonstatat jekk l-Istat Membru inkwistjoni osservax jew le, waqt it-twettiq tat-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEGG, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju u, jekk naqas, sa liema punt (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2000, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑242/97, Ġabra p. I‑3421, punt 129, u tal-24 ta’ April 2008, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑418/06 P, Ġabra p. I‑3047, punt 91).

139    Dan ma jfissirx li Stat Membru ma huwiex awtorizzat jinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Madankollu, jista’ jagħmel hekk biss sa fejn il-każijiet invokati jkunu għall-inqas paragunabbli, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom, fosthom b’mod partikolari l-perijodu li matulu tkun ġiet effettwata n-nefqa, is-setturi kkonċernati u n-natura tal-irregolaritajiet allegati (sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2000, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 130, u tal-24 ta’ April 2008, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 138 iktar ʼil fuq, punt 92).

140    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jitfakkar, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jista’ jkun hemm diskriminazzjoni projbita fil-każ fejn sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat b’mod oġġettiv (ara s-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 138 iktar ʼil fuq, punt 93, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni, T‑197/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 89).

141    Għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqasijiet ikkonstatati fl-investigazzjoni AA/2006/10 ma humiex paragunabbli ma’ dawk tal-kawża odjerna. Għalhekk, mill-investigazzjoni AA/2006/10 jirriżulta li l-Kummissjoni kkontestat matul din tal-aħħar il-verifika fuq il-post. Hija kkunsidrat li l-fatt li l-miżuri fuq l-iskrin prevalixxew fuq il-miżuri mwettqa fuq it-terren wassal għal deċiżjonijiet skorretti, partikolarment fir-rigward tat-tnaqqis tal-elementi mhux ammissibbli, fatt li kellu effett negattiv fuq il-kwalità tal-verifiki fuq il-post u li twettqet permezz ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

142    Għall-kuntrarju fil-kawża odjerna, il-Kummissjoni tikkontesta, fir-rapport ta’ sinteżi, prinċipalment, il-fatt li l-awtoritajiet Portugiżi bbażaw ruħhom fuq is-SIG, l-assenza ta’ żieda tar-rata ta’ kontroll fil-preżenza ta’ numru għoli ta’ irregolaritajiet kif ukoll il-fatt li r-rata ta’ irregolaritajiet ma naqsitx bejn l-2004 u l-2007.

143    Isegwi li, peress li ż-żewġ sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

144    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-Repubblika Portugiża ssostni li, peress li s-superfiċji medja ta’ esplojtazzjoni f’Madeira kienet affidabbli, żball ta’ kejl ta’ porzjoni art, insinjifikanti f’termini ta’ superfiċji, iwassal għal rata ta’ żbalji partikolarment għolja. Għalhekk, kieku ġew segwiti l-orjentazzjonijiet tad-dokument Nru VI/5330/97, il-korrezzjoni kienet tkun ta’ 5 %, filwaqt li f’dan il-każ, il-korrezzjonijiet kienu jvarjaw minn 44.32 sa 90.48 %. Il-Kummissjoni kienet tagħżel l-estrapolazzjoni, soluzzjoni inqas sfavorevoli għar-Repubblika Portugiża, mingħajr il-bżonn li tipprovdi l-inqas ġustifikazzjoni dwar l-adegwatezza tal-għażla għall-għanijiet li hija tippretendi li tilħaq. L-estrapolazzjoni tar-rata ta’ irregolaritajiet tal-kampjun magħżul abbażi ta’ analiżi tar-riskji tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li dik ir-rata hija neċessarjament ogħla mill-irregolaritajiet tat-talbiet kollha. Ir-Repubblika Portugiża żżid li mill-verifiki li wettqu l-awtoritajiet nazzjonali ma jirriżultax li huma naqsu milli jagħżlu l-kampjun abbażi tal-analiżi tar-riskju.

145    Jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, sanċit fl-Artikolu 5 TUE, jeżiġi li l-atti ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171, punt 25; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2009, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑281/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 64, u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ʼil fuq, punt 117).

146    Issa, ġie stabbilit iktar ʼil fuq li l-orjentazzjonijiet tad-dokument Nru VI/5330/97 ġew osservati, peress li huma jirrakkomandaw li, meta l-informazzjoni inerenti għall-proċedura tkun tippermetti lill-awditur li jevalwa t-telf permezz tal-estrapolazzjoni, il-korrezzjoni għandha titwettaq skont tali metodu. Peress li dan kien il-każ tad-data tal-amministrazzjoni Portugiża li tirriżulta mill-proċedura, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikser l-imsemmija orjentazzjonijiet, twettaq il-korrezzjonijiet finanzjarji permezz tal-estrapolazzjoni.

147    Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni, minflok tiċħad it-totalità tal-infiq ikkonċernat mill-ksur, tipprova tistabbilixxi regoli maħsuba sabiex jistabbilixxu trattament iddifferenzjat f’każ ta’ irregolaritajiet, skont il-livell ta’ nuqqas ta’ kontrolli u l-grad tar-riskju assunt mill-FAEGG, l-Istat Membru għandu juri li dawk il-kriterji huma arbitrarji u inekwi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 1998, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑242/96, Ġabra p. I‑5863, punt 75, u tat-22 ta’ April 1999, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑28/94, Ġabra p. I‑1973, punt 56).

148    F’dak ir-rigward, minn naħa, jirriżulta mit-tabella tad-data fornuta fil-komunikazzjoni uffiċjali tas-27 ta’ Ottubru 2009 li l-Kummissjoni ddistingwiet l-ammont tas-sanzjonijiet skont is-snin, it-tip ta’ agrikoltura u r-rata ta’ żbalji fil-verifiki fuq il-post. Barra minn hekk, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li tippermettilha li tippreżumi l-istess defiċjenzi li jikkonċernaw l-Açores u għalhekk applikat il-korrezzjoni finanzjarja biss għall-infiq iddikjarat mir-reġjun ta’ Madeira. Għaldaqstant, ma jistax jiġi allegat li hija applikat, skont l-orjentazzjonijiet riprodotti fid-dokument Nru IV/5330/97, korrezzjoni sproporzjonata.

149    Min-naħa l-oħra, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-FAEGG tiffinanzja biss l-interventi mwettqa b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑278/98, Ġabra p. I-1501, punt 38, u tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2008, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑266/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 97). Ġaladarba l-leġiżlazzjoni Komunitarja tawtorizza l-ħlas ta’ għajnuna biss jekk jiġu osservati ċerti formalitajiet ta’ prova jew ta’ kontroll, għajnuna mħallsa bi ksur ta’ dik il-kundizzjoni ma tistax għalhekk tkun koperta mill-FAEGG (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Jannar 1992, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑197/90, Ġabra p. I‑1, punt 38, u s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 149 iktar ʼil fuq, punt 116).

150    Għaldaqstant, f’dan il-każ jeħtieġ li jinċaħad l-argument tar-Repubblika Portugiża li, peress li s-superfiċji medja ta’ esplojtazzjoni f’Madeira kienet affidabbli, żball ta’ kejl ta’ porzjoni art, insinjifikanti f’termini ta’ superfiċji, iwassal għal rata ta’ żbalji partikolarment għolja, b’tali mod li l-korrezzjonijiet permezz tal-estrapolazzjoni jkunu wkoll għoljin. Fil-fatt, peress li dik iċ-ċirkustanza ma teskludix ir-riskju ta’ preġudizzju għall-FAEGG, isegwi li l-Kummissjoni kellha dritt teskludi mill-finanzjament Komunitarju l-infiq li jikkorrispondi għall-miżuri POSEI f’Madeira.

151    Barra minn hekk, jeħtieġ li jinċaħad ukoll l-argument tar-Repubblika Portugiża li l-estrapolazzjoni tar-rati ta’ irregolaritajiet tal-kampjun magħżul abbażi ta’ analiżi tar-riskji tikser ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, f’dan il-każ, ir-Repubblika Portugiża ma pprovdiet l-ebda element li jsemmi l-metodu tad-determinazzjoni tal-kampjun kif ukoll il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni abbażi tal-analiżi tar-riskji.

152    Għaldaqstant isegwi li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’tali mod li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

153    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-Kummissjoni applikat fir-rigward tar-Repubblika Portugiża korrezzjoni finanzjarja relatata mal-miżura POSEI għas-snin finanzjarji 2006 u 2007 u li l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

154    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew iktar. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/668/UE, tal-4 ta’ Novembru 2010, li teskludi ċertu nfiq mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR), minn finanzjament mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 288, p. 24), hija annullata sa fejn din tapplika fir-rigward tar-Repubblika Portugiża korrezzjoni finanzjarja relatata mal-miżura POSEI għas-snin finanzjarji 2006 u 2007.

2)      Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Truchot

Martins Ribeiro

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Ġunju 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.