Language of document : ECLI:EU:T:2010:399

Kawża T-292/08

Industria de Diseño Textil (Inditex), SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali OFTEN — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti OLTEN — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Xebh tas‑sinjali — Xebh tal-prodotti — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Prova tal‑użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell — Artikoli 61 u 62 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikoli 63 u 64 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet minn terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Neċessità li tiġi rregolata din il-kwistjoni, meta titqajjem mill-applikant, qabel id-deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni — Konsegwenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 43(2))

2.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet minn terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Nuqqas ta’ tressiq ta’ motiv ibbażat fuq insuffiċjenza tal-prova ta’ użu ġenwin

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 43(2))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Nuqqas ta’ kontestazzjoni espliċita ta’ wieħed jew ieħor minn dawn l-aspetti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

1.      Il‑kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it‑trade mark Komunitarja, hija kwistjoni preliminari li, meta titqajjem mill-applikant għat-trade mark, trid tiġi ddeterminata qabel ma tiġi deċiża l‑oppożizzjoni vera u proprja. It-talba għall-prova tal-użu ġenwin iżżid għalhekk mal-proċedura tal‑oppożizzjoni din il-kwistjoni preliminari u, f’dan is-sens, tbiddel il‑kontenut tagħha, sa fejn timplika l-eżami ta’ talba ġdida u speċifika marbuta ma’ kunsiderazzjonijiet fattwali u ġuridiċi distinti minn dawk li wasslu għall-introduzzjoni ta’ oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

Isegwi li l-kwistjoni tal-użu ġenwin tippreżenta natura speċifika u preliminari, billi twassal sabiex jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal-eżami ta’ oppożizzjoni, it-trade mark preċedenti tistax titqies li hija rreġistrata għall-prodotti jew għas-servizzi inkwistjoni, peress li l-imsemmija kwistjoni għaldaqstant ma taqax taħt il‑kuntest tal-eżami tal-oppożizzjoni fil-veru sens tal-kelma, ibbażat fuq il‑probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ din it-trade mark.

(ara l-punti 31-33)

2.      Meta l-motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti skont l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it‑trade mark Komunitarja ma jitqajjimx speċifikament quddiem il-Bord tal-Appell u ma jikkostitwixxix element rilevanti għall-finijiet tal-eżami tar-rikors, peress li dan huwa limitat għal eżami tal-oppożizzjoni fil-veru sens tal-kelma, ibbażata fuq l‑eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, dan il-motiv ma huwiex parti mis-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell.

(ara l-punti 39, 40)

3.      Oppożizzjoni bbażata fuq l‑eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it‑trade mark Komunitarja għandha bħala effett li titqajjem quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) il-kwistjoni dwar l‑identiċità jew ix-xebh bejn il‑prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks inkwistjoni kif ukoll l-identiċità jew ix-xebh bejn dawn tal-aħħar. Il-fatt li wieħed jew iktar minn dawn l-aspetti ma jkunux espliċitament ikkontestati quddiem il-Bord tal-Appell ma jkollux bħala effett li jneħħi s-setgħa tal-UASI sabiex jiddeċiedi dwar din il-kwistjoni. Dawn il‑kunsiderazzjonijiet huma sostnuti mill-prinċipju ta’ interdipendenza bejn il‑fatturi meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari x-xebh bejn it-trade marks u x-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti.

Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell, huwa u jiddeċiedi dwar l-appell mill-oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar Regolament Nru 40/94, jintalab jiddeċiedi l-kwistjoni tax-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni, minkejja li din il-kwistjoni ma tkunx tqajmet espliċitament quddiemu.

(ara l-punti 41-44)

4.      Teżisti, għall-pubbliku rilevanti kompost mill-konsumaturi medji Spanjoli, minkejja li jkollhom grad ta’ attenzjoni ogħla mill-grad ta’ attenzjoni normali, probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it‑trade mark Komunitarja, bejn it-trade mark verbali OFTEN, li r‑reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark Komunitarja qed tintalab b’mod partikolari għal “Prodotti tal-[metall prezzjuż u l-ligi tagħhom] jew miksija b’dan mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġojjelli, ħaġar prezzjuż; strumenti li juru l-ħin u kronometriċi; labar dekorattivi; labar tal-ingravati; katini għall‑imfietaħ dekorati; medalji; insinji magħmula tal-metall prezzjuż; ornamenti għaż-żraben u ornamenti għall-kpiepel tal-metall prezzjuż; buttuni tal-qomos” li jaqgħu taħt il-klassi 14 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u t-trade mark verbali OLTEN, irreġistrata preċedentement fi Spanja, b’mod partikolari għall-“arloġġi” li jaqgħu taħt l-istess klassi.

(ara l-punti 73, 74, 104)