Language of document : ECLI:EU:T:2020:461

Kawżi magħquda T-479/11 RENV u T-157/12 RENV

Ir-Repubblika Franċiża u IFP Énergies nouvelles

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-5 ta’ Ottubru 2020

“Għajnuna mill-Istat – Tiftix għaż-żejt – Skema ta’ għajnuna implimentata minn Franza ‐ Garanzija impliċita u illimitata tal-Istat mogħtija lill IFPEN permezz tal-għoti tal-istatus ta’ EPIC – Vantaġġ – Preżunzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ – Proporzjonalità”

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Garanzija tal-Istat favur impriża li ma hijiex suġġetta għall-proċeduri ordinarji ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja u ta’ stralċ – Prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha – Preżunzjoni ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-impriżi benefiċjarji tal-imsemmija garanzija u l-fornituri u l-klijenti tagħha – Kundizzjonijiet – Verifika minn qabel tal-eżistenza ta’ kundizzjonijiet tas-suq li jiġġustifikaw l-ipoteżi ta’ vantaġġ analogu għal dak li jeżisti fir-relazzjonijiet tal-impriża benefiċjarja mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji – Assenza


 

(ara l-punti 74, 75, 82, 83, 87 sa 92, 94 sa 104)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Garanzija tal-Istat favur impriża li ma hijiex suġġetta għall-proċeduri ordinarji ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja u ta’ stralċ – Prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ permezz ta’ preżunzjoni ta’ titjib tal-pożizzjoni finanzjarja ta’ din l-impriża – Konfutazzjoni tal-imsemmija preżunzjoni – Kundizzjonijiet – Prova tal-assenza ta’ vantaġġ ekonomiku reali fl-imgħoddi u fil-ġejjieni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 77, 124 sa 132, 140 sa 151)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Evalwazzjoni tal-legalità skont informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 132, 133)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Proċedura amministrattiva – Obbligi tal-Kummissjoni – Eżami diliġenti u imparzjali – Teħid inkunsiderazzjoni tal-iktar elementi konkreti u affidabbli possibbli – Portata tal-obbligu

(Artikoli 107 u 108(2) TFUE)

(ara l-punti 134 sa 143)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 202 sa 207)

Sunt

L-Institut français du pétrole, li llum jismu IFP Énergies nouvelles (iktar ’il quddiem l-“IFPEN”), huwa stabbiliment pubbliku Franċiż inkarigat minn missjonijiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp, ta’ taħriġ kif ukoll ta’ informazzjoni u ta’ dokumentazzjoni. Sal-2006, l-IFPEN kien ikkostitwit fil-forma ta’ persuna ġuridika rregolata mid‑dritt privat imqiegħda taħt il-kontroll ekonomiku u finanzjarju tal-Gvern Franċiż. Fl-2006, l-IFPEN inbidel f’persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, jiġifieri fi stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (EPIC).

Fl-2011 (1), il-Kummissjoni Ewropea qieset li l-effett tal-għoti ta’ dan l-istatus kien li jagħti lill-IFPEN garanzija pubblika illimitata fuq l-attivitajiet kollha tiegħu. Minn dan hija ddeduċiet li l-kopertura, minn din il-garanzija, tal-attivitajiet ekonomiċi tal-IFPEN (bħal dawk tat-trasferiment teknoloġiku u ta’ riċerka kuntrattwali) kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni fil-fatt qieset li l-IFPEN kien jislet vantaġġ ekonomiku mill-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat, mhux biss fil-kuntest tar-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, iżda wkoll fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu. Fl-opinjoni tagħha, dan il-vantaġġ kien selettiva sa fejn il-kompetituri tal-IFPEN, suġġetti għall-proċeduri ta’ insolvenza tad-dritt komuni, ma kinux jibbenefikaw minn garanzija tal-Istat paragunabbli. Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet li, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna mill-Istat hekk mogħtija setgħet titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

Ir-Repubblika Franċiża u l-IFPEN ressqu azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea biex jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tas-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016 (2), il-Qorti Ġenerali kienet laqgħet parzjalment ir-rikorsi u annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet kienet tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat il-garanzija li tirriżulta mill-istatus ta’ EPIC tal-IFPEN. Fis-sentenza inizjali tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet qieset li, biex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku favur l-IFPEN fil-kuntest tar-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ta’ vantaġġ ekonomiku mogħti lil EPIC mill-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat marbuta mal-istatus tiegħu, stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja (3). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet ukoll li, fir-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-istituzzjonijiet finanzjarji u bankarji, din il-preżunzjoni ta’ vantaġġ kienet ġiet ikkonfutata minħabba li, matul il-perijodu eżaminat mid-deċiżjoni kkontestata, ebda vantaġġ ekonomiku reali, fil-forma ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli, ma kien ingħata lill-IFPEN. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kienet qieset ukoll li, ladarba l-preżunzjoni kienet ġiet ikkonfutata għall-perijodu meqjus fid-deċiżjoni, il-preżunzjoni ma setgħetx tiġi invokata għall-ġejjieni mingħajr tibdil sostanzjali tal-kundizzjonijiet li fihom din kienet ġiet ikkonfutata.

Adita mill-Kummissjoni b’talba għall-annullament tas-sentenza inizjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal-appell (4), li l-Qorti Ġenerali kienet interpretat ħażin il-portata tal-preżunzjoni ta’ vantaġġ ekonomiku. Qabel kollox, is-sempliċi fatt li l-benefiċjarju ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat ma silet, fl-imgħoddi, ebda vantaġġ ekonomiku reali mill-istatus tiegħu ta’ EPIC ma huwiex biżżejjed, waħdu, biex jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ vantaġġ. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-preżunzjoni konfutabbli tista’ tiġi kkonfutata biss sa fejn jintwera li l-EPIC ma kisibx fl-imgħoddi u, b’kull probabbiltà, li ma huwiex ser jikseb fil-ġejjieni xi vantaġġ ekonomiku reali minn din il-garanzija. Wara dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt meta qieset li l-preżunzjoni ta’ vantaġġ hija limitata għar-relazzjonijiet li jinvolvu tranżazzjoni ta’ finanzjament, b’mod partikolari għar-relazzjonijiet bejn l-EPIC u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Dan espost, hija speċifikat li din il-preżunzjoni ma tistax tiġi estiża awtomatikament għar-relazzjonijiet ta’ EPIC mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu mingħajr ma jiġi eżaminat minn qabel jekk, meqjus l-aġir ta’ dawn l-atturi fis-suq, il-vantaġġ li l-istabbiliment jista’ jislet huwa simili għal dak li huwa jislet mir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-Kummissjoni.

Permezz tas-sentenza tagħha tal-5 ta’ Ottubru 2020, mogħtija fuq rinviju tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata għaliex din ma wrietx l-eżistenza ta’ vantaġġ li l-IFPEN seta’ silet mill-garanzija tal-Istat fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu, b’tali mod li ġie deċiż li l-obbligi imposti sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tagħhom huma sproporzjonati.

Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, sabiex tkun tista’ tiġi applikata l-preżunzjoni ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet ta’ EPIC mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu, konformement mas-sentenza tal-appell, il-Kummissjoni hija obbligata li tivverifika jekk l-aġir tal-fornituri u tal-klijenti fis-suq jiġġustifikax ipoteżi ta’ vantaġġ analoga għal dik li tinsab fir-relazzjonijiet tal-EPIC mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni ma wettqitx din il-verifika minn qabel. Minn naħa, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri tiegħu, il-Kummissjoni tammetti li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix dimostrazzjoni tal-ipotieżi ta’ vantaġġ analoga għal dik li teżisti bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Kummissjoni użat raġunament ipotetiku u li hija ma wettqitx eżami minn qabel tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jippermetti li tiġi aċċettata l-plawżibbiltà ta’ ipoteżi ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu, analoga għal dik li tinstab fir-relazzjonijiet bejn dan l-EPIC u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu li tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri u l-klijenti tiegħu. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, l-obbligu impost fuq l-IFPEN, sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna li l-eżistenza tagħha ma hijiex ipprovata, li kull sena jitrażmetti lill-Kummissjoni data dwar l-ammonti ta’ beni miksuba mingħand il-fornituri tiegħu u dwar l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa mal-klijenti tiegħu huwa meqjus bħala li la huwa xieraq u lanqas neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet mfittxija mil-leġiżlazzjoni swar l-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tilqa’ parzjalment l-aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta qieset li l-garanzija li minnha jibbenefika l-IFPEN minħabba l-istatus tiegħu ta’ EPIC kienet tagħti vantaġġ ekonomiku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva li, minkejja li l-preżunzjoni ta’ vantaġġ ġiet ikkonfutata fir-rigward tal-imgħoddi, Franza u l-IFPEN ma rnexxielhomx jikkonfutaw din il-preżunzjoni fir-rigward tal-ġejjieni hekk kif meħtieġ fis-sentenza tal-appell, minħabba l-inammissibbiltà tal-argumenti mressqa minnhom. Fil-fatt, dawn l-argumenti kienu relatati ma informazzjoni li kellha tiġi mgħarrfa lill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kif ukoll ma informazzjoni sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/26/UE tad-29 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 35/08 (eks‑NN 11/08) mogħtija minn Franza lill-istabbiliment pubbliku “Institut Français du Pétrole” (ĠU 2012, L 14, p. 1, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”).


2      Sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Franza u IFP Énergies nouvelles vs Il-Kummissjoni T-479/11 u T-157/12, EU:T:2016:320.


3      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C-559/12 P, EU:C:2014:217.


4      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2018, Il-Kummissjoni vs Franza u IFP Énergies nouvelles, C-438/16 P, EU:C:2018:737.