Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2023 minn Firearms United Network, Tomasz Walter Stępień, Michał Budzyński, Andrzej Marcjanik mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2022 fil-Kawża T-187/21, Firearms United Network et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-105/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellanti: Firearms United Network, Tomasz Walter Stępnia, Michał Budzyński, Andrzej Marcjanik (rappreżentant: E. Woźniak, adwokat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Reubblika Franċiża, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u tilqa’ t-talbiet li l-appellanti ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tar-rikorsi tagħhom;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha mill-ġdid;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura ta’ appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

- ksur tal-Artikolu 88(1) u (2) flimkien mal-Artikolu 91(e) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali flimkien mal-Artikolu 19(1) u (3)(a) TUE kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-talba tal-appellanti fir-rigward tal-ammissibbiltà u l-amministrazzjoni tal-prova ta’ perizja, kif ukoll numru ta’ irregolaritajiet ta’ natura proċedurali dwar evalwazzjoni tal-provi u żbalji fil-konstatazzjonijiet magħmula minnha fis-sentenza;

- evalwazzjoni żbaljata tal-provi prodotti fir-rikors li wasslu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata b’mod żbaljat li l-appellanti naqsu milli jqiegħdu inkwistjoni l-analiżi u l-affermazzjonijiet li servew bħala bażi għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/57 tal-25 ta’ Jannar 2021 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) rigward iċ-ċomb fil-pritkuni sparati fl-artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom 1 ;

- konstatazzjoni żbaljata fis-sentenza appellata li l-preżunzjoni stabbilita fir-Regolament (UE) 2021/57 hija preżunzjoni konfutabbli. L-appellanti jenfasizzaw li f’kull sistema legali bbażata fuq l-Istat tad-dritt, preżunzjoni li tista’ twassal għal konsegwenzi negattivi għaċ-ċittadin għandha tkun konfutabbli. Konsegwentement, is-sempliċi fatt li tkun konfutabbli ma jneħħix in-natura ta’ illegalità minn din il-preżunzjoni. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni għandha dejjem tkun iġġustifikata minn raġunijiet ċari. Issa, is-sentenza appellata teskludi l-fatt li r-Regolament (UE) 2021/57 ma japplikax dan il-prinċipju u ma jindika ebda argument li jkun jista’ jikkostitwixxi raġunijiet iġġustifikati għall-preżunzjoni li timponi obbligi proċedurali supplimentari fuq iċ-ċittadin. Applikazzjoni ta’ preżunzjoni b’mod li ma jiġix iggarantit ir-rispett tad-drittijiet proċedurali taċ-ċittadin tista’ min-naħa tagħha toħloq ksur tal-prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza u tad-drittijiet tad-difiża;

- fid-dawl taċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tar-rikors ippreżentat kontra r-Regolament 2021/57, li wassal sabiex dan ir-regolament inżamm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, ksur mill-Qorti Ġenerali tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Artikoli 16, 17(1), 21(1), 45(1), 48(1), 52(1) kif ukoll ksur tad-dispożizzjonijet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Artikoli 2, 3(2) u (3) u 5(2), (3) u (4);

- użu ħażin ta’ poter permezz taċ-ċaħda tar-rikors u b’hekk iż-żamma fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament li effettivament iwassal għal limitazzjoni kunsiderevoli tal-isparar ċivili fit-territorju tal-Unjoni minħabba l-inkapaċità preċedenti tal-Kummissjoni li tipprojbixxi l-possibbiltà ta’ pussess ta’ armi tan-nar minn suġġetti privati. Madankollu fil-fehma tal-appellanti, ir-Regolament 2021/57 ma jillimitax l-użu ta’ munizzjon magħmul biċ-ċomb f’sens ġenerali u għalhekk ma jwettaqx l-għanijiet li għalihom ġie adottat, iżda jikkostitwixxi biss restrizzjoni għall-isparar ċivili mhux proporzjonali meta mqabbel mal-vantaġġi reali.

____________

1 ĠU 2021, L 24, p. 19.