Language of document : ECLI:EU:T:2016:527

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

22 ta’ Settembru 2016 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea SUN CALI – Trade mark figurattiva nazzjonali preċedenti CaLi co – Raġuni relattiva għal rifjut –Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) u Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Rappreżentanza quddiem il-Bord tal-Appell – Stabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv fl-Unjoni – Persuni ġuridiċi b’konnessjonijiet ekonomiċi – Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑512/15,

Sun Cali, Inc., stabbilita f’Denver, Colorado (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn C. Thomas, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Zaera Cuadrado, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Abercrombie & Fitch Europe SA, stabbilita f’Mendrisio (l-Isvizzera),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO, tat‑3 ta’ Ġunju 2015 (każijiet magħquda R 1260/2014‑5 u R 1281/2014‑5), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Abercrombie & Fitch Europe u Sun Cali,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn, matul id-deliberazzjonijiet, S. Frimodt Nielsen, President, A. M. Collins u V. Valančius (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Settembru 2015,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Novembru 2015,

wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet prinċipali fit-terminu ta’ tliet ġimgħat b’effett min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑20 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti, Sun Cali, Inc., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 18, 25, 35 u 45 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 18: “basktijiet tal-id”;

–        Klassi 25: “ilbies għan-nisa, jiġifieri lbies ta’ taħt għan-nisa, riċipetti, qliezet użati għall-irkib taż-żwiemel, kurpett, biċċiet tad-drapp biex jgħattu xi partijiet mill-ġisem, lbiesi ta’ bil-lejl, ilbies biex titgeżwer fih wara l-banju, flokkijiet ta’ taħt biċ-ċingi għan-nisa, ilbiesi twal tan-nisa, flokkijiet forma ta’ T, qomos tan-nisa, ġersijiet, ġins, libsa intiera, ġkieket, dbielet, malji tal-għawm, ilbiesi bla kmiem u skullati, protezzjoni solari u kapep; ilbies tal-irġiel; ilbies tat-tfal, xedd is-saqajn”;

–        Klassi 35: “servizzi ta’ ħanut tal-bejgħ bl-imnut li jbiegħ ilbies, xedd is-saqajn u basktijiet tal-id”;

–        Klassi 45: “servizzi ta’ assistenza fil-qasam tal-kummerċ; servizzi ta’ ġestjoni ta’ ħwejjeġ; servizzi ta’ assistenza għan-negozji dwar l-identità; u servizzi ta’ xiri personali għal terzi”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 20/2007, tal‑21 ta’ Mejju 2007.

5        Fil‑21 ta’ Novembru 2007, is-sinjal figurattiv ġie rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, bin-numru 5482369.

6        Fis‑16 ta’ Ottubru 2012, Abercrombie & Fitch Europe SA ppreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark figurattiva tar-rikorrenti, għall-prodotti u għas-servizzi kollha li ġiet irreġistrata għalihom.

7        Ir-raġunijiet ta’ invalidità invokati insostenn tal-imsemmija applikazzjoni kienu bbażati fuq ir-raġunijiet relattivi ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament.

8        L-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq it-trade mark figurattiva Taljana preċedenti li ġejja, irreġistrata fis‑7 ta’ April 2008, li tagħmel riferiment għall-prodotti kollha li jaqgħu fil-klassi 25:

Image not found

9        B’deċiżjoni tas‑17 ta’ Marzu 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet parzjalment it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u ddeċidiet favur l-invalidità tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti inklużi fil-klassijiet 18 u 25, peress li qieset li, fid-dawl tal-koinċidenza tal-element “cali”, element dominanti tat-trade mark preċedenti, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata għall-prodotti li jaqgħu taħt l-imsemmija klassijiet. Min-naħa l-oħra, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tas-servizzi inklużi fil-klassijiet 35 u 45, peress li qieset li ma kien jeżisti ebda xebh bejn l-imsemmija servizzi u l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25.

10      Ir-rikorrenti u Abercrombie & Fitch Europe appellaw, fl‑14 ta’ Mejju 2014 u fis‑16 ta’ Mejju 2014 rispettivament, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni mal-EUIPO, taħt l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009.

11      B’deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO, minn naħa, ċaħad l-appell mir-rikorrenti bħala inammissibbli, peress li qies li ma kinitx irrappreżentata debitament, fis-sens tal-Artikolu 92(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, laqa’ parzjalment l-appell minn Abercrombie & Fitch Europe u ddeċieda favur l-invalidità tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 35 ukoll. F’dan ir-rigward, hija qieset li, fid-dawl tax-xebh bejn l-imsemmija servizzi u l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

13      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq id-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

14      Ir-rikorrenti hemżet, bħala anness mar-rikors, numru ta’ dokumenti intiżi li jsaħħu t-talba li hija kienet debitament irrappreżentata fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, u intiżi li jsostnu l-allegazzjoni li t-trade mark preċedenti setgħet titqies bħala varjant tal-kelma Taljana “calcio”. Dawn huma, b’mod partikolari, l-Annessi 3 u 18 sa 22.

15      L-EUIPO jargumenta li dawn id-dokumenti għandhom jitqiesu inammissibbli, peress li ma ġewx ippreżentati matul il-proċedimenti quddiemu.

16      Għandu jitfakkar li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009. Skont l-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO “fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, tar-Regolament Nru 207/2009 jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter”. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma tistax tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors ħlief meta, fil-mument li ttieħdet, hija kienet ivvizzjata minħabba waħda minn dawn ir-raġunijiet ta’ annullament jew ta’ tibdil. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma tistax tannulla jew tbiddel l-imsemmija deċiżjoni għal raġunijiet li jiġu esposti wara li din tkun ittieħdet (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li fatti li ma jkunux invokati mill-partijiet quddiem l-istanzi tal-EUIPO ma jistgħux jiġu invokati fl-istadju tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali hija fil-fatt inkarigata li tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell billi tistħarreġ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li ssir minnu, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatti li jkunu ġew issottomessi lill-imsemmi bord, iżda hija ma tistax, min-naħa l-oħra, tagħmel stħarriġ tali li tqis fatti ġodda prodotti quddiemha (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 54). Għalhekk, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata].

17      F’dan il-każ, peress li d-dokumenti msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, huma ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u għandhom, għalhekk, jiġu esklużi.

2.     Fuq il-mertu

18      Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 207/2009

19      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta, minn naħa, li, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 207/2009, hija setgħet tkun irrappreżentata quddiem l-EUIPO minn wieħed mill-impjegati tal-fergħa li hija kellha fil-Ġermanja, peress li din tal-aħħar kienet stabbiliment kummerċjali reali u effettiv fl-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Hija targumenta, min-naħa l-oħra, li, anki jekk din il-fergħa ma tkunx irrikonoxxuta bħala stabbiliment kummerċjali reali u effettiv fl-Unjoni li jappartjeni għaliha, hija setgħet madankollu, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 207/2009, tkun irrappreżentata quddiem l-EUIPO minn wieħed mill-impjegati tal-imsemmi stabbiliment, peress li kien hemm konnessjonijiet ekonomiċi miegħu. Hija tiddeduċi minn dan li l-Bord tal-Appell kellu, fi kwalunkwe każ, jiddikjara r-rikors tagħha ammissibbli.

20      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

21      Skont l-Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 207/2009, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom il-post tad-domiċilju tagħhom jew is-sede tagħhom jew stabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv fl-Unjoni jistgħu jkunu rrappreżentati quddiem l-EUIPO minn impjegat. L-impjegat ta’ tali persuna ġuridika jista’ wkoll jirrappreżenta persuni ġuridiċi oħrajn li għandhom konnessjonijiet ekonomiċi ma’ din il-persuna, anki jekk dawn il-persuni ġuridiċi oħrajn la għandhom domiċilju, la sede, u lanqas stabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv fl-Unjoni.

22      Skont l-Artikolu 93(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rappreżentazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi quddiem l-EUIPO tista’ ssir biss minn kull avukat awtorizzat jidher fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri u li għandu l-post ta’ kummerċ tiegħu fl-Unjoni, sakemm huwa intitolat, fl-Istat imsemmi, li jaġixxi ta’ rappreżentant fi kwistjonijiet ta’ trade marks, jew minn rappreżentanti professjonali li l-ismijiet tagħhom jidhru fil-lista aġġornata għal dan l-iskop mill-EUIPO.

23      L-ewwel nett, huwa stabbilit li r-rikorrenti, proprjetarja tat-trade mark ikkontestata, hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat stabbilita f’Denver, Colorado (l‑Istati Uniti), u li hija kienet irrappreżentata, quddiem il-Bord tal-Appell, minn persuna fiżika li, bħalma jirriżulta mid-dokumenti fil-proċess, ippreżentat ruħha bħala, minn naħa, id-direttur ġenerali tagħha u, min-naħa l-oħra, l-impjegat ta’ stabbiliment kummerċjali, allegatament tar-rikorrenti, f’München (il‑Ġermanja).

24      It-tieni nett, mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li, b’ittra tat‑3 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mill-EUIPO sabiex taħtar, fil-qafas tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, rappreżentant professjonali, fis-sens tal-Artikolu 93(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Permezz ta’ din l-ittra, l-EUIPO informa lir-rikorrenti bid-dubji serji tiegħu dwar il-possibbiltà tagħha li tkun irrappreżentata minn impjegat abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 92(3) tal-istess regolament. Fit-tweġiba tagħha permezz ta’ ittra ddatata t‑23 ta’ April 2015, ir-rikorrenti llimitat ruħha li ssostni li, minħabba li kellha stabbiliment kummerċjali f’München, hija setgħet, skont l-Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 207/2009, tkun irrappreżentata minn wieħed mill-impjegati ta’ dan l-istabbiliment. Ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova mar-risposta tagħha insostenn tal-affermazzjonijiet tagħha, minkejja d-dubji espressi mill-EUIPO, u llimitat ruħha li tagħmel riferiment għal-linji gwida tal-EUIPO.

25      It-tielet nett, mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li l-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, Abercrombie & Fitch Europe, allegat, fl-osservazzjonijiet tagħha bi tweġiba għall-appell ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell, li din ma kinitx debitament irrappreżentata quddiem il-Bord tal-Appell, minħabba b’mod partikolari tal-assenza ta’ stabbiliment kummerċjali reali u effettiv fil-Ġermanja. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, Abercrombie & Fitch Europe argumentat li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tal-Handelsgesetzbuch (Kodiċi Kummerċjali Ġermaniż), ir-rikorrenti, li d-domiċilju u s-sede tagħha kienu stabbiliti ’l barra mill-Ġermanja, kellha tirreġistra mal-qorti tal-ewwel istanza li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha hija xtaqet tmexxi stabbiliment kummerċjali, fatt li hija ma għamlitx. Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, Abercrombie & Fitch Europe ssottomettiet, minn naħa, estratt tal-Gemeinsames Registerportal der Länder (portal ta’ reġistrazzjoni komuni Ġermaniż) li jagħti x’jifhem li ma kien irreġistrat ebda stabbiliment kummerċjali bil-kliem “sun cali” fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, estratt tar-reġistru tal-kummerċ tal-belt ta’ München, li jiċċertifika r-reġistrazzjoni bħala kumpannija b’membru wieħed, f’isem l-impjegat li kien jirrappreżenta r-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell u li kien ukoll id-direttur ġenerali tagħha, ta’ stabbiliment kummerċjali mwaqqaf bl-isem kummerċjali SUN CALI Inc.

26      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti kellhiex stabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv fl-Unjoni, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi rrilevat li din ipproduċiet, quddiem il-Bord tal-Appell, insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, provi li jikkonsistu f’estratti minn sit tal-internet, www.suncali.de, li juru indirizz postali f’München fejn hemm stabbiliment li jikkummerċjalizza fi prodotti mibjugħa taħt it-trade mark ikkontestata, u xi ritratti li allegatament juru l-faċċata tal-imsemmi stabbiliment.

27      Barra minn hekk, ir-rikorrenti pproduċiet ċertifikazzjoni quddiem l-EUIPO, fis‑27 ta’ Mejju 2014, iffirmata mid-direttur ġenerali tagħha, li permezz tagħha dan tal-aħħar kien awtorizzat jirrappreżentaha, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ appell inkwistjoni, fil-kwalità tiegħu ta’ impjegat tal-istabbiliment kummerċjali f’München.

28      Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-provi prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell, jiġifieri, l-ewwel nett, estratti minn sit tal-internet, it-tieni nett, xi ritratti li allegatament juru l-faċċata ta’ stabbiliment kummerċjali f’München u, it-tielet nett, ċertifikazzjoni li tawtorizza impjegat biex jirrappreżentaha, ma humiex indikazzjonijiet u spjegazzjonijiet rilevanti, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ stabbiliment kummerċjali reali u effettiv fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

29      Fil-fatt, minn naħa, tali provi juru, ċertament, li l-attività ekonomika mwettqa mill-imsemmi stabbiliment hija l-bejgħ bl-imnut ta’ ilbies, ta’ żraben u ta’ aċċessorji. Madankollu, sempliċi estratti minn sit tal-internet u xi ritratti ma humiex biżżejjed, bħala tali u fl-assenza ta’ provi oħrajn, sabiex juru l-eżistenza ta’ stabbiliment kummerċjali reali u effettiv fl-Unjoni.

30      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ fergħa jimplika ċentru operattiv li jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern, bħall-estensjoni ta’ sede prinċipali, bi tmexxija u materjalment mgħammar b’mod li jista’ jinnegozja kummerċ ma’ terzi, b’mod illi dawn, filwaqt li jkunu jafu li eventwalment se tiġi stabbilita relazzjoni legali mas-sede prinċipali li huwa barrani, huma eżenti milli jindirizzawh direttament u jistgħu jagħmlu kummerċ fiċ-ċentru operattiv li jikkostitwixxi l-estensjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 1978, Somafer, 33/78, EU:C:1978:205, punt 12). Il-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjoni li hija għandha fergħa Ġermaniża ma humiex manifestament ta’ natura li jistabbilixxu li dan l-istabbiliment, li hija tipprevalixxi ruħha minnu, kien l-estensjoni tagħha u, għalhekk, li jista’ jkun fergħa tar-rikorrenti.

31      Barra minn hekk, il-provi prodotti quddiem il-Bord tal-Appell minn Abercrombie & Fitch Europe, b’mod partikolari l-estratt tar-reġistru tal-kummerċ Ġermaniż, li minnhom ma jirriżultax li r-rikorrenti għandha stabbiliment irreġistrat fil-Ġermanja, jikkorroboraw din il-konklużjoni, ibbażata fuq provi prodotti mir-rikorrenti, li l-allegat stabbiliment f’München ma jistax jitqies bħala stabbiliment kummerċjali reali u effettiv fl-Unjoni li jappartjeni għar-rikorrenti.

32      Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell kellu raġun iqis li l-prova li r-rikorrenti għandha stabbiliment reali u effettiv fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ma kinitx issodisfatta.

33      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-impjegat ta’ persuna ġuridika li għandha s-sede tagħha jew id-domiċilju tagħha jew stabbiliment reali u effettiv fl-Unjoni jistax jirrappreżenta persuna ġuridika oħra stabbilita barra mill-Unjoni, jiġifieri r-rikorrenti, minħabba l-eżistenza ta’ konnessjonijiet ekonomiċi bejn dawn iż-żewġ persuni ġuridiċi, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti llimitat ruħha, quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, li tipproċedi b’sempliċi allegazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ tali konnessjonijiet, mingħajr ma ġġib provi minbarra dawk invokati fil-punti 26 u 27 iktar ’il fuq.

34      Issa, minn naħa, mill-atti fil-proċess jirriżulta, bħalma ġie rrilevat fil-punt 25 iktar ’il fuq, li l-istabbiliment fil-Ġermanja huwa rreġistrat bħala kumpannija b’membru wieħed, fir-reġistru tal-kummerċ tal-belt ta’ München, f’isem il-persuna fiżika li r-rikorrenti tippreżenta bħala impjegat tal-imsemmi stabbiliment. Għandu jiġi kkonstatat li impriża b’membru wieħed, mingħajr personalità ġuridika, ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod illi, skont din id-dispożizzjoni, huwa impossibbli għaliha li tirrappreżenta persuna ġuridika stabbilita barra mill-Unjoni li għandha magħha, jekk ikun il-każ, konnessjonijiet ekonomiċi fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

35      Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jassumi li l-istabbiliment fil-Ġermanja li r-rikorrenti tipprevalixxi ruħha minnu għandu personalità ġuridika, għandu jiġi rrilevat li l-provi prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell ma jiżgurawx, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ konnessjonijiet ekonomiċi bejn dan l-istabbiliment u r-rikorrenti.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li sempliċi estratti minn sit tal-internet u xi ritratti ma humiex biżżejjed, bħala tali u fl-assenza ta’ provi oħrajn, sabiex juru l-eżistenza ta’ konnessjonijiet ekonomiċi bejn l-istabbiliment fil-Ġermanja u r-rikorrenti. Fil-fatt, dawn il-provi ma humiex ta’ natura li jikkaratterizzaw, pereżempju, l-appartenenza ta’ dawn iż-żewġ persuni għall-istess grupp jew anki għall-fatt li l-mod ta’ tmexxija eżistenti huwa tali li waħda minn dawn il-persuni ġuridiċi tikkontrolla lill-oħra.

37      Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell kellu raġun iqis li l-prova tal-eżistenza ta’ konnessjonijiet ekonomiċi bejn ir-rikorrenti u l-istabbiliment fil-Ġermanja, fis-sens tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ma kinitx ġiet issodisfatta.

38      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti ma kienx konformi mal-Artikolu 92 tar-Regolament Nru 207/2009 u li, għalhekk, ma kienx ammissibbli.

39      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma hijiex fondata titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda r-rikors li hija kienet ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell.

40      Fir-rigward tar-rikors ippreżentat minn Abercrombie & Fitch Europe quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rikorrenti, minkejja li ma kinitx irrappreżentata u fi kwalunkwe każ ma ppreżentatx osservazzjonijiet, kienet, fil-liġi, parti mill-imsemmija proċedimenti ta’ appell. Għalhekk hija tibqa’ ammissibbli, skont l-Artikolu 65(4) tar-Regolament Nru 207/2009, sabiex titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din laqgħet parzjalment ir-rikors ippreżentat minn Abercrombie & Fitch Europe u għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat it-tieni motiv imressaq mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

41      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod żbaljat li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali f’kunflitt. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell ikkonstata b’mod żbaljat li kien hemm xebh, minn naħa, bejn is-sinjal f’kunflitt u, min-naħa l-oħra, il-prodotti u s-servizzi msemmija, li wassluh biex jiddeċiedi li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tas-servizzi inklużi fil-klassi 35.

42      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

43      Skont l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament moqrija flimkien, wara applikazzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata hija ddikjarata invalida meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti jew l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

44      Skont ġurisprudenza stabbilita, probabbiltà ta’ konfużjoni tikkostitwixxi l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi b’konnessjonijiet ekonomiċi. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

45      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi indikati minnhom. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi [ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, EU:T:2009:14, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

46      Minkejja li l-motivazzjoni fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata hija fil-qasir ħafna, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni iktar iddettaljata, f’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Fil-fatt, peress li l-Bord tal-Appell approva din id-deċiżjoni f’dak li jirrigwarda l-paragun tas-sinjali, u fid-dawl tal-kontinwità funzjonali fost id-diviżjonijiet tal-oppożizzjoni u l-bordijiet tal-appell li tinsab fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 30, u tal‑10 ta’ Lulju 2006, La Baronia de Turis vs UASI – Baron Philippe de Rothschild (LA BARONNIE), T‑323/03, EU:T:2006:197, punti 57 u 58], din id-deċiżjoni kif ukoll il-motivazzjoni tagħha jagħmlu parti mill-kuntest li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fih, kuntest li huwa magħruf mir-rikorrenti u li jippermetti lill-qorti teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tagħha fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2007, Wesergold Getränkeindustrie vs UASI – LIDL Stiftung (VITAL FIT), T‑111/06, mhux ippubblikata, EU:T:2007:352, punt 64].

 Fuq il-pubbliku rilevanti

47      Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti inkwistjoni, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, EU:T:2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

48      F’dan il-każ, fid-dawl tan-natura tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, u tal-fatt li t-trade mark preċedenti invokata insostenn tat-talba għal annullament hija protetta fl-Italja, għandha tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell fil-punti 43 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata li, essenzjalment, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi analizzata mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti kkostitwit mill-pubbliku b’mod ġenerali, jiġifieri l-konsumatur medju Taljan.

 Fuq il-paragun tal-prodotti u tas-servizzi

49      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura tagħhom bħala prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin. Jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni xi fatturi oħrajn, bħan-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni [ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños). T‑443/05, EU:T:2007:219, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata].

50      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut, li jaqgħu taħt il-klassi 35, jikkostitwixxu wieħed min-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25, b’mod illi l-livell ta’ xebh bejn dawn il-prodotti u dawn is-servizzi kien biżżejjed sabiex iwassal lill-pubbliku rilevanti jemmen li dawn kienu ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi b’konnessjonijiet ekonomiċi.

51      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-analiżi u targumenta, essenzjalment, li l-livell baxx ta’ xebh bejn is-sinjali f’kunflitt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni.

52      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jitfakkar li l-livell ta’ xebh bejn is-sinjali f’kunflitt ma jaffettwax l-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti minn dawn is-sinjali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Hut.com vs UASI – Intersport France (THE HUT), T‑330/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:569, punt 28]. Fil-fatt, huwa biss matul l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li l-interdipendenza bejn dawn iż-żewġ fatturi tista’ tiġi eżaminata. Huwa għalhekk, pereżempju, li livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn is-sinjali, u viċe versa.

53      Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegata interdipendenza bejn, minn naħa, il-livell ta’ xebh bejn is-sinjali f’kunflitt u, min-naħa l-oħra, il-livell ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, għandu jiġi miċħud.

54      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-prodotti jew is-servizzi komplementari huma dawk li teżisti rabta mill-viċin bejniethom, fis-sens li wieħed ikun indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, b’mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà tal-immanifatturar ta’ dawn il-prodotti jew tal-provvista ta’ dawn is-servizzi taqa’ fuq l-istess impriża [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Hut.com vs UASI – Intersport France (THE HUT), T‑330/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:569, punt 24].

55      F’dan il-każ, is-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut [ta’] ilbies, xedd is-saqajn u basktijiet tal-id”, li jaqgħu taħt il-klassi 35, kif indikati fil-punt 3 iktar ’il fuq, li t-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata għalihom, jirrigwardaw prodotti identiċi għal dawk koperti mit-trade mark preċedenti, jiġifieri, b’mod partikolari, l-“ilbies” u x-“xedd is-saqajn”, li jaqgħu taħt il-klassi 25.

56      Għandu jiġi kkonstatat li r-relazzjoni bejn dawn is-servizzi u dawn il-prodotti hija kkaratterizzata b’rabta mill-viċin fis-sens li l-imsemmija prodotti huma indispensabbli jew, għall-inqas, importanti għall-provvista tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata, b’dawn tal-aħħar ikunu pprovduti preċiżament mal-bejgħ tal-imsemmija prodotti. Is-servizzi u l-prodotti koperti mit-trade mark f’kunflitt huma, konsegwentement, marbuta b’relazzjoni ta’ kumplimentarjetà, bħalma ġustament irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż, bħalma qies il-Bord tal-Appell fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks f’kunflitt għandhom ċertu livell ta’ xebh.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

58      Skont il-ġurisprudenza, żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, ikun hemm xebh almenu parzjali bejniethom f’dak li jirrigwarda aspett rilevanti wieħed jew iktar [sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, EU:T:2002:261, punt 30]. L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq l-elementi distintivi

59      Sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta’ element li jagħmel parti minn trade mark, għandha tiġi evalwata l-kapaċità ftit jew wisq kbira ta’ dan l-element li jikkontribwixxi sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li t-trade mark ġiet irreġistrata għalihom bħala li toriġina minn impriża speċifika u għalhekk sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi ta’ dawn iż-żewġ impriżi. F’din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kwalitajiet intrinsiċi tal-element inkwistjoni fid-dawl ta’ jekk dan huwiex nieqes jew le minn kull karattru deskrittiv tal-prodotti jew tas-servizzi li t-trade mark ġiet irreġistrata għalihom [sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2006, Inex vs UASI –Wiseman (Rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra), T‑153/03, EU:T:2006:157, punt 35, u tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Cabrera Sánchez vs UASI – Industrias Cárnicas Valle (el charcutero artesano), T‑242/06, mhux ippubblikata, EU:T:2007:391, punt 51].

60      F’dan il-każ, ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-elementi figurattivi tat-trade mark ikkontestata għandhom karattru distintiv ħafna.

61      Minn naħa, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li, meta trade mark hija komposta minn elementi verbali u figurattivi, dawk tal-ewwel ikunu, bħala prinċipju, iktar distintivi minn dawk tat-tieni, għaliex huwa iktar faċli għall-konsumatur medju li jagħmel riferiment għall-prodott jew għas-servizz inkwistjoni billi jiċċita l-isem milli billi jiddeskrivi l-element figurattiv tat-trade mark [ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2013, AMC‑Representações Têxteis vs UASI – MIP Metro (METRO KIDS COMPANY), T‑50/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:68, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata].

62      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat ukoll li, minħabba d-diversi forom użati fis-settur tal-ħwejjeġ, ir-rappreżentazzjoni grafika ta’ qalb jew ta’ nofs qalb ma tispikkax b’mod li tattira b’mod partikolari l-attenzjoni tal-konsumatur. Fil-fatt, dan tal-aħħar jaraha biss bħala disinn dekorattiv li ma jagħtihx attenzjoni partikolari u li ma joqgħodx janalizzah.

63      Għalhekk, għandu jitqies, kuntrarjament għal dak li tippretendi r-rikorrenti, li l-elementi figurattivi tat-trade mark ikkontestata, mingħajr madankollu ma jkunu rrilevanti, ma għandhomx karattru distintiv ħafna meta mqabbla mal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25 u mas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 35.

–       Fuq ix-xebh viżiv u x-xebh fonetiku

64      Fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell approva l-analiżi tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li s-sinjali f’kunflitt kienu simili. Il-Bord tal-Appell irrileva li, fuq il-livelli viżivi u fonetiċi, is-sinjali f’kunflitt kienu simili, peress li t-tnejn kellhom l-element komuni “cali”.

65      Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li s-sinjali huma differenti, fuq il-livelli viżivi u fonetiċi. Hija targumenta li l-konsumatur medju ġeneralment jagħti iktar attenzjoni lill-elementi li jinsabu fil-bidu ta’ trade mark u li ma jeżisti ebda xebh bejn l-element verbali “sun”, li jinsab fil-bidu tat-trade mark ikkontestata, u l-element verbali “cali”, li jinsab fil-bidu tat-trade mark preċedenti.

66      F’dan ir-rigward, minkejja li ċertament huwa minnu li l-konsumatur medju ġeneralment jagħti iktar attenzjoni lill-elementi li jinsabu fil-bidu ta’ trade mark, xorta jibqa’ l-fatt li ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ ċerti trade marks jistgħu jagħtu lok għal eċċezzjoni għal din ir-regola [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2007, Castellani vs UASI – Markant Handels und Service (CASTELLANI), T‑149/06, EU:T:2007:350, punt 54].

67      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, imfakkra fil-punt 58 iktar ’il fuq, żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, huma jkunu għall-inqas parzjalment identiċi f’dak li jikkonċerna aspett rilevanti wieħed jew iktar.

68      F’dan il-każ, il-fatt biss li l-element verbali “sun” qiegħed fil-bidu tas-sinjal ikkontestat ma huwiex biżżejjed sabiex jagħmlu l-element dominanti fl-impressjoni globali prodotta minn dan is-sinjal, b’mod illi l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali prodotta minnu, u mhux biss fuq l-element verbali li jinsab fil-bidu.

69      Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-elementi verbali tas-sinjali f’kunflitt jikkoinċidu parzjalment, minħabba l-preżenza fiż-żewġ trade marks f’kunflitt tal-element verbali “cali”, li jirrappreżenta erba’ ittri minn sebgħa tat-trade mark ikkontestata u erba’ ittri minn sitta tat-trade mark preċedenti. Għalhekk, l-elementi verbali tat-trade marks f’kunflitt jikkoinċidu b’iktar minn nofs l-ittri li jikkostitwuhom.

70      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, li s-sinjal preċedenti, bħas-sinjal ikkontestat, huwa fil-fatt magħmul minn żewġ elementi verbali u mhux minn wieħed, jiġifieri “cali” u “co”. Fil-fatt, fid-dawl tal-użu ta’ ittri ta’ daqs kbir għall-element verbali “cali”, tal-eżistenza ta’ spazju bejn iż-żewġ elementi verbali, u tal-użu ta’ ittri ta’ daqs żgħir għall-element verbali “co”, ma jistax jitqies li s-sinjal preċedenti huwa magħmul minn element verbali uniku “calico”. Għalhekk, is-sinjali f’kunflitt jikkoinċidu bil-preżenza f’kull wieħed minnhom tal-element verbali “cali” u għalhekk huma identiċi parzjalment sa fejn jirrigwarda l-elementi verbali tagħhom.

71      Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġġib ebda argument li jista’ jxejjen il-konstatazzjoni li, fid-dawl tal-preżenza fis-sinjali f’kunflitt tal-element verbali komuni “cali”, dawn għandhom ċertu livell ta’ xebh fuq il-livelli viżivi u fonetiċi. Fid-dawl tal-identità tal-elementi verbali “cali” fis-sinjali f’kunflitt, għandu jitqies li l-elementi li ma hemmx xebh bejniethom, li jikkonsistu b’mod partikolari fl-elementi figurattivi tagħhom u l-elementi verbali “co” u “sun”, ma humiex ta’ natura li jneħħu mill-pubbliku rilevanti l-impressjoni li dawn is-sinjali, meħuda globalment, għandhom ċertu xebh fuq il-livelli viżwali u fonetiċi.

–       Fuq ix-xebh kunċettwali

72      Il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fuq il-livell kunċettwali, is-sinjali f’kunflitt kienu jixxiebhu għall-parti tal-pubbliku rilevanti li jassoċja l-element komuni “cali” ma’ “California”, stat fl-Istati Uniti.

73      L-allegazzjoni li, għall-pubbliku rilevanti, it-trade mark preċedenti setgħet titqies bħala varjant tal-kelma Taljana “calcio” ma hija sostnuta minn ebda prova ammissibbli (ara l-punti 14 sa 17 iktar ’il fuq) u għalhekk ma tistax titqies bħala pprovata.

74      Għalhekk, għandu jitqies li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta ddeċieda li, fuq il-livell kunċettwali, is-sinjali f’kunflitt kienu jixxiebhu għall-parti tal-pubbliku rilevanti li jassoċja l-element komuni “cali” ma’ “California”.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies li, skont impressjoni globali, is-sinjali f’kunflitt kienu jixxiebhu.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

76      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, tax-xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Għalhekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċe versa [sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 17, u tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, EU:T:2006:397, punt 74].

77      Il-Bord tal-Appell qies li, fid-dawl tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tas-servizzi inklużi fil-klassi 35, sa fejn dawn kellhom ċertu xebh mal-prodotti inklużi fil-klassi 25.

78      Ir-rikorrenti targumenta li, peress li s-sinjali f’kunflitt huma differenti, ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni.

79      F’dan il-każ, mill-eżami mwettaq fil-punti 49 sa 75 iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċertu livell ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt fuq il-livelli viżivi u fonetiċi sa fejn dawn jikkoinċidu parzjalment bil-preżenza tal-element verbali komuni “cali”, tax-xebh tagħhom, għal parti mill-pubbliku rilevanti, fuq il-livell kunċettwali, kif ukoll tal-livell ta’ attenzjoni medju tal-imsemmi pubbliku, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

80      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies, fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata li, fid-dawl tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata inklużi fil-klassi 35, sa fejn dawn kellhom ċertu xebh mal-prodotti inklużi fil-klassi 25.

81      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

82      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens.

84      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Sun Cali, Inc., hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Collins

Valančius

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Settembru 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.