Language of document : ECLI:EU:T:2008:55

Kawża T-215/06

American Clothing Associates SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li tirrappreżenta werqa ta’ l-aġġru — Raġuni assoluta għal rifjut — Trade mark għal servizzi — Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 40/94— Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi — Punti ta’ liġi mressqa quddiem id-dipartimenti ta’ l-UASI u quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Legalità tad-deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1)(h) u 63(2))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li għandhom jiġu rrifjutati skond il-Konvenzjoni ta’ Pariġi

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(h))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li għandhom jiġu rrifjutati skond il-Konvenzjoni ta’ Pariġi

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(h))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li għandhom jiġu rrifjutati skond il-Konvenzjoni ta’ Pariġi

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(h))

1.      Il-kwistjoni ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6 ter(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni ta’ Proprjetà Industrijali għat-trade marks għal servizzi hija waħda preliminari, li għandha tiġi solvuta sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(h) ta’ l-imsemmi Regolament. Fil-fatt, sabiex jiġi stabbilit jekk trade mark li saret applikazzjoni għaliha, safejn din tkopri servizzi, tikkostitwixxix trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha eventwalment tmur kontra l-Artikolu 6 ter(1)(a), tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, jeħtieġ jiġi stabbilit jekk din id-dispożizzjoni tapplikax għat-trade marks għal servizzi. Jekk dan ma jkunx il-każ, ir-rifjut ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) li jirreġistra din it-trade mark għal servizzi effettivament jammonta għal ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94, u dan mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tinkludix xi punti msemmijin fl-Artikolu 6 ter(1)(a), tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

Għaldaqstant, l-imsemmija kwistjoni tifforma parti mill-punti ta’ liġi tal-kawża mressqa quddiem il-Bord ta’ l-Appell, anki jekk l-applikant għat-trade mark ma jkunx esprima ruħu fuq din il-kwistjoni u anki jekk il-Bord ta’ l-Appell ma jkunx tax deċiżjoni fuq dan l-aspett. Din il-kwistjoni għaldaqstant tista’ titqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija tifforma wkoll parti mill-punti ta’ liġi tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u għandha tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li dan l-eżami huwa neċessarju sabiex tingħata risposta għall-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, għalkemm għandha tagħti deċiżjoni biss fuq it-talbiet tal-partijiet, li huma responsabbli għad-delimitazzjoni tal-portata tal-kawża, il-qorti ma tistax tkun marbuta biss mill-argumenti mqajma minnhom in sostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, għax kieku jkollha, f’ċerti każijiet, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati.

(ara l-punti 22 sa 25)

2.      Skond l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, it-“trade marks li ma ġewx awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti u li għandhom jiġu miċħuda skond l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi [għall-Protezzjoni ta’ Proprjetà Industrijali]” ma jistgħux jiġu rreġistrati. Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jkopru biss it-“trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju”. Mill-Artikoli 1(2), 6(1) u, fl-aħħar nett, 6 sexies tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, jirriżulta b’mod ċar li din tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, it-“trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju” li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 7 tagħha, huma rreġistrati għal prodotti u, min-naħa l-oħra, it-“trade marks għal servizzi”. Peress li l-Artikolu 6 ter ikopri biss trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju, jiġifieri t-trade marks għal prodotti, għandu jiġi konkluż li l-projbizzjoni fuq ir-reġistrazzjoni u l-użu imposta minn din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax it-trade marks għal servizzi.

L-Artikolu 7(1)(h), tar-Regolament Nru 40/94 jillimita ruħu għal sempliċi riferiment għall-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, billi jippreċiża li “[d]awn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati: [...] trade marks [...] li għandhom jiġu miċħuda skond l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi”. Peress li l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma jikkonċernax it-trade marks għal servizzi, dawn ta’ l-aħħar ma jistgħux jammontaw għal trade marks li “għandhom jiġu miċħuda” skond din id-dispożizzjoni u, b’hekk, ma jistgħux jaqgħu taħt ir-raġunijiet assoluti għal rifjut stabbiliti mill-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94. Il-fatt waħdu li l-Artikolu 7 ta’ l-imsemmi Regolament ma jagħmilx distinzjoni bejn it-trade marks għal prodotti u dawk għal servizzi mhuwiex suffiċjenti sabiex iwassal għall-konklużjoni kuntrarja, peress li din id-distinzjoni ssir mill-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li għalih jirreferi l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, li kieku l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jipprojbixxi, ukoll fir-rigward tas-servizzi, ir-reġistrazzjoni tat-trade marks li jinkludu “armi, bnadar u emblemi oħra ta’ l-Istat”, ma kienx jillimita ruħu sempliċement għal riferiment għall-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, iżda kien idaħħal fit-test stess ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94 projbizzjoni fuq ir-reġistrazzjoni, jew bħala trade mark Komunitarja jew bħala element ta’ tali trade mark, ta’ “armi, bnadar u emblemi oħra ta’ l-Istat […] kif ukoll kull imitazzjoni minn perspettiva araldika”, mingħajr ma jagħmel distinzjoni b’dan il-mod, impliċitament iżda neċessarjament, minħabba li jsir riferiment biss għall-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, bejn trade marks għal prodotti u trade marks għal servizzi.

Fl-aħħar nett, jista’ jiġi preżunt li, meta adotta, relattivament reċentement, ir-Regolament Nru 40/94, il-leġiżlatur Komunitarju kien konxju ta’ l-importanza, fil-kummerċ modern, tat-trade marks għal servizzi u seta’ b’hekk, jestendi wkoll għal din il-kategorija ta’ trade marks il-protezzjoni mogħtija lill-emblemi ta’ l-Istat mill-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Issa, peress li l-leġiżlatur ma kkunsidrax neċessarju li jestendi b’dan il-mod il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, il-qorti Komunitarja m’għandhiex tissostitwixxi ruħha għalih u tagħti interpretazzjoni contra legem ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet, li s-sinjifikat tagħhom bl-ebda mod ma hu ambigwu.

(ara l-punti 26, 28-29, 32)

3.      Skond l-Artikolu 7(1)(h), tar-Regolament 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li ma ġewx awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti u li għandhom jiġu miċħuda skond l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi [għall-Protezzjoni ta’ Proprjetà Industrijali]”. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprojbixxi mhux biss ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jikkonsistu biss f’emblema ta’ l-Istat jew f’imitazzjoni tagħha “minn perspettiva araldika”, iżda wkoll ir-reġistrazzjoni jew l-użu ta’ emblema ta’ l-Istat jew ta’ imitazzjoni “minn perspettiva araldika” ta’ emblema bħal din bħala element ta’ trade mark kumplessa. B’hekk, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ trade mark kumplessa mill-perspettiva ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi analizzat kull wieħed mill-elementi ta’ l-imsemmija trade mark u huwa suffiċjenti li wieħed minnhom jikkostitwixxi emblema ta’ l-Istat jew imitazzjoni tagħha “minn perspettiva araldika”, sabiex tiġi ostakolata r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata, indipendentement mill-perċezzjoni ġenerali tagħha.

(ara l-punti 64-65)

4.      Skond l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li ma ġewx awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti u li għandhom jiġu miċħuda skond l-Artikolu 6 ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi [għall-Protezzjoni ta’ Proprjetà Industrijali]”. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li teskludi r-reġistrazzjoni u l-użu ta’ trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju li jkunu identiċi għall-emblemi ta’ l-Istat jew li jkollhom ċerti similaritajiet magħhom.

Fir-rigward, f’dan il-kuntest, ta’ sinjal figurattiv li jirrappreżenta werqa ta’ l-aġġru mingħajr ebda speċifikazzjoni ta’ kulur partikolari, li r-reġistrazzjoni tiegħu huwa mitlub għal “Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta’ dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta’ l-annimali; bagolli u basktijiet ta’ l-ivvjaggar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta’ żiemel jew ta’ bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ” u “Ħwejjeġ, żraben u xedd ir-ras” li jaqgħu, rispettivament, taħt il-klassijiet 18 u 25 skond il-Ftehim ta’ Nizza, il-konsumaturi medji li lejhom huma diretti l-artikoli ta’ konsum ta’ kuljum u li ma jagħtux attenzjoni partikolari għad-dettalji ta’ l-emblemi u tat-trade marks jipperċepixxuhom essenzjalment bħala imitazzjoni ta’ l-emblema Kanadiża minkejja d-differenza żgħira bejn il-wisa’ taz-zkuk taż-żewġ werqiet. Paragun tal-werqa ta’ l-aġġru nnotifikata bħala emblema ta’ l-Istat tal-Kanada mat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha ċertament jiżvela xi differenzi fid-disinn fir-rigward taz-zokk taż-żewġ weraq, iż-żewġ qatgħat ta’ naħa u ta’ l-oħra tat-terz ċentrali tal-werqa huma iktar fondi fil-każ tal-werqa ta’ l-aġġru ta’ l-emblema Kanadiża. Madankollu, detall bħall-fond eżatt ta’ dawn il-qatgħat qatt ma jkun inkluż fid-deskrizzjoni araldika ta’ l-emblema in kwistjoni iżda, jekk ikun il-każ, f’deskrizzjoni ġeometrika ħafna iktar dettaljata, li, madankollu, hija irrilevanti għall-paragun “minn perspettiva araldika”.

(ara l-punti 59, 74-75)