Language of document : ECLI:EU:T:2011:669





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Novembru 2011 – Low & Bonar u Bonar Technical Fabrics vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-59/06)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tal-boroż industrijali tal-plastik – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Ksur uniku u kontinwat – Multi – Ċirkustanzi attenwanti – Rwol passiv – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni sħiħa”

1.                     Rikors għal annullament - Ammissibbiltà - Deċiżjoni li timponi multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni - Rikors intiż sabiex jinkiseb ir-rimbors tal-interessi moratorji sostnuti minn impriża minħabba l-ħlas tal-multa - Inammissibbiltà (Artikolu 230 KE) (ara l-punti 23-26)

2.                     Kompetizzjoni - Akkordji - Ftehim u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku - Impriżi li jistgħu jinstabu fi ksur li jikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’akkordju globali - Kriterji - Oneru tal-prova (Artikolu 81(1) KE) (ara l-punti 61, 62, 64)

3.                     Kompetizzjoni - Multi - Ammont - Determinazzjoni - Kriterji - Gravità tal-ksur - Ċirkustanzi attenwanti - Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża - Kriterji ta’ evalwazzjoni (Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, l-ewwel inċiż tal-punt 3) (ara l-punti 73, 74, 79)

Suġġett

Talba għall-annullament parzjali tad-Deċizjoni tal-Kummissjoni C (2005) 4634 finali, tat-30 ta’ Novembru 2005, rigward proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali), li tikkonċerna akkordju fis-suq tal-boroż industrijali tal-plastik, kif ukoll, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għar-riduzzjoni tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

Dispożittiv

1)

L-ammont tal-multa imposta permezz tal-Artikolu 2(l) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 4634 finali, tat-30 ta’ Novembru 2005, rigward proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali), huwa ffissat għal EUR 9.18 miljuni.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Il-Kummissjoni Ewropea, Low & Bonar plc u Bonar Technical Fabrics NV għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.